15.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 73/98


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/413

tal-14 ta' Marzu 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 fir-rigward ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 (2) jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

(2)

Dak l-istess Regolament (KE) Nru 272/2009 iqabbad lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-istandards tas-sigurtà ta' pajjiżi terzi, f'konformità mal-kriterji stabbiliti fil-Parti E tal-Anness ta' dak ir-Regolament.

(3)

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 (3) jelenka l-pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni.

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet konferma mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li se jżomm ir-regolamenti u l-istandards tiegħu dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ekwivalenti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni lil hinn mid-data tal-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2019.

(5)

Il-Kummissjoni vverifikat li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-Parti E tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 272/2009.

(6)

Il-Kummissjoni stabbiliet proċess xieraq biex tattribwixxi mill-ġdid ir-responsabbiltà għad-deżinjazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru, tal-aġenti rregolati tal-pajjiżi terzi u tal-konsenjaturi magħrufa tal-pajjiżi terzi lill-Istati Membri l-oħra. Attwalment, din id-deżinjazzjoni ssir mir-Renju Unit – ACC3, RA3 u KC3 rispettivament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet li jenħtieġ li dan il-proċess jiġi rregolat permezz ta' dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni tranżizzjonali.

(7)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu l-kontribut siewi tal-ACC3, tal-RA3 u tal-KC3 għall-funzjonament ta' katina tal-provvista sigura tal-UE, li jiġi pprovdut mill-validaturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE approvati mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, u l-opportunità biex jiġi previst li l-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà għall-approvazzjoni tagħhom mit-30 ta' Marzu 2019.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 300/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 huwa emendat f'konformità mal-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-għada li ma jibqgħux japplikaw it-Trattati għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, soġġett għal kwalunkwe ftehim dwar il-ħruġ eventwali konkluż f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 tat-2 ta' April 2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 300/2008 (ĠU L 91, 3.4.2009, p. 7).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta' Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, p. 1).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fil-Kapitolu 3, id-Dokument Mehmuż 3-B huwa sostitwit b'dan li ġej:

ID-DOKUMENT MEHMUŻ 3-B

SIGURTÀ TAL-INĠENJI TAL-AJRU

PAJJIŻI TERZI, KIF UKOLL PAJJIŻI U TERRITORJI OĦRA LI FIHOM, F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 355 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA, MA JAPPLIKAX IT-TITOLU VI TAL-PARTI TLIETA TA' DAK IT-TRATTAT, LI HUMA RIKONOXXUTI BĦALA PAJJIŻI U TERRITORJI LI JAPPLIKAW STANDARDS TAS-SIGURTÀ LI HUMA EKWIVALENTI GĦALL-ISTANDARDS BAŻIĊI KOMUNI DWAR IS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI

Fir-rigward tas-sigurtà tal-inġenji tal-ajru, il-pajjiżi terzi li ġejjin, kif ukoll pajjiżi u territorji oħra li fihom, f'konformità mal-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ma japplikax it-Titolu VI tal-Parti Tlieta ta' dak it-Trattat, ġew rikonoxxuti bħala pajjiżi u territorji li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili:

 

Il-Kanada

 

Il-Gżejjer Faeroe, fir-rigward tal-ajruport Vagar

 

Greenland, fir-rigward tal-ajruport Kangerlussuaq

 

Guernsey

 

Isle of Man

 

Jersey

 

Il-Montenegro

 

Ir-Repubblika ta' Singapore, fir-rigward tal-ajruport Singapore Changi

 

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

 

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika minnufih lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri jekk ikollha xi tagħrif li jindika li l-istandards tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livelli ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni mhumiex iktar ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni tal-Unjoni.

L-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif dwar azzjonijiet, inkluż miżuri ta' kumpens, li jikkonfermaw li ġiet stabbilita mill-ġdid l-ekwivalenza tal-istandards rilevanti tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat.”;

(2)

Fil-Kapitolu 4, id-Dokument Mehmuż 4-B huwa sostitwit b'dan li ġej:

ID-DOKUMENT MEHMUŻ 4-B

PASSIĠĠIERI U BAGALJI TAL-KABINA

PAJJIŻI TERZI, KIF UKOLL PAJJIŻI U TERRITORJI OĦRA LI FIHOM, F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 355 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA, MA JAPPLIKAX IT-TITOLU VI TAL-PARTI TLIETA TA' DAK IT-TRATTAT, LI HUMA RIKONOXXUTI BĦALA PAJJIŻI U TERRITORJI LI JAPPLIKAW STANDARDS TAS-SIGURTÀ LI HUMA EKWIVALENTI GĦALL-ISTANDARDS BAŻIĊI KOMUNI DWAR IS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI

Fir-rigward tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina, il-pajjiżi terzi li ġejjin, kif ukoll pajjiżi u territorji oħra li fihom, f'konformità mal-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ma japplikax it-Titolu VI tal-Parti Tlieta ta' dak it-Trattat, ġew rikonoxxuti bħala pajjiżi u territorji li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili:

 

Il-Kanada

 

Il-Gżejjer Faeroe, fir-rigward tal-ajruport Vagar

 

Greenland, fir-rigward tal-ajruport Kangerlussuaq

 

Guernsey

 

Isle of Man

 

Jersey

 

Il-Montenegro

 

Ir-Repubblika ta' Singapore, fir-rigward tal-ajruport Singapore Changi

 

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

 

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika minnufih lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri jekk ikollha xi tagħrif li jindika li l-istandards tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livelli ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni mhumiex iktar ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni tal-Unjoni.

L-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif dwar azzjonijiet, inkluż miżuri ta' kumpens, li jikkonfermaw li ġiet stabbilita mill-ġdid l-ekwivalenza tal-istandards rilevanti tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat.”;

(3)

Fil-Kapitolu 5, id-Dokument Mehmuż 5-A huwa sostitwit b'dan li ġej:

ID-DOKUMENT MEHMUŻ 5-A

BAGALJI TAL-ISTIVA

PAJJIŻI TERZI, KIF UKOLL PAJJIŻI U TERRITORJI OĦRA LI FIHOM, F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 355 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA, MA JAPPLIKAX IT-TITOLU VI TAL-PARTI TLIETA TA' DAK IT-TRATTAT, LI HUMA RIKONOXXUTI BĦALA PAJJIŻI U TERRITORJI LI JAPPLIKAW STANDARDS TAS-SIGURTÀ LI HUMA EKWIVALENTI GĦALL-ISTANDARDS BAŻIĊI KOMUNI DWAR IS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI

Fir-rigward tal-bagalji tal-istiva, il-pajjiżi terzi li ġejjin, kif ukoll pajjiżi u territorji oħra li fihom, f'konformità mal-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ma japplikax it-Titolu VI tal-Parti Tlieta ta' dak it-Trattat, ġew rikonoxxuti bħala pajjiżi u territorji li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili:

 

Il-Kanada

 

Il-Gżejjer Faeroe, fir-rigward tal-ajruport Vagar

 

Greenland, fir-rigward tal-ajruport Kangerlussuaq

 

Guernsey

 

Isle of Man

 

Jersey

 

Il-Montenegro

 

Ir-Repubblika ta' Singapore, fir-rigward tal-ajruport Singapore Changi

 

L-Istat ta' Iżrael, fir-rigward tal-Ajruport Internazzjonali Ben Gurion

 

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

 

L-Istati Uniti tal-Amerka

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri jekk ikollha xi tagħrif li jindika li l-istandards tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livelli ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni mhumiex iktar ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni tal-Unjoni.

L-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif dwar azzjonijiet, inkluż miżuri ta' kumpens, li jikkonfermaw li ġiet stabbilita mill-ġdid l-ekwivalenza tal-istandards rilevanti tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat.”;

(4)

Fil-Kapitolu 6, jiżdied il-punt 6.8.1.6 li ġej:

“6.8.1.6

Wara n-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 50 tat-TUE, id-deżinjazzjonijiet tal-ACC3 maħruġa minn dan l-Istat Membru huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Ir-responsabbiltà għad-deżinjazzjonijiet attwali tiġi ttrasferita lill-awtorità xierqa tal-Istat Membru elenkat fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009, kif emendat għall-finijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(b)

Ir-responsabbiltà għad-deżinjazzjonijiet tal-ACC3 tat-trasportaturi tal-ajru li mhumiex elenkati fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 748/2009, kif emendat, tiġi ttrasferita lill-awtorità xierqa kif identifikat fil-punt 6.8.1.1(c).

(c)

L-awtorità xierqa tal-Istat Membru kif deskritt fil-punti (a) u (b) tista' taqbel mal-kontroparti tagħha fi Stat Membru ieħor, sabiex din tal-aħħar taċċetta r-responsabbiltà għad-deżinjazzjoni tal-ACC3 ta' trasportatur tal-ajru partikolari. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni.

(d)

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tinforma lill-awtorità xierqa tar-Renju Unit dwar l-Istati Membri li jkunu qed jieħdu r-responsabbiltà għad-deżinjazzjonijiet tal-ACC3.

(e)

L-awtorità xierqa tar-Renju Unit għandha tara li l-awtorità xierqa tal-Istat Membru riċeventi, ikollha kopja tad-dokumentazzjoni meħtieġa li abbażi tagħha kienet iddeżinjat it-trasportaturi tal-ajru elenkati fil-punt (a) bħala ACC3. Din għandha tinkludi, minn tal-inqas, ir-rapport komplut ta' validazzjoni, il-programm tas-sigurtà u, jekk applikabbli, il-pjan direzzjonali li ġie miftiehem mat-trasportatur tal-ajru rilevanti.

(f)

Diment li jiġu ssodisfati l-obbligi fil-punt (e), it-trasferiment tar-responsabbiltà għad-deżinjazzjonijiet tal-ACC3 għandu jseħħ fil-jum tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

(g)

Id-deżinjazzjonijiet tal-ACC3 tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw esklużivament lejn ir-Renju Unit ma għandhomx jissoktaw.

(h)

Id-deżinjazzjonijiet ittrasferiti tal-ACC3 għandhom jibqgħu validi sal-iskadenza tagħhom u sakemm l-Istat Membru riċeventi jerfa' r-responsabbiltajiet u l-obbligi deskritti f'dan ir-Regolament.

(i)

Il-Kummissjoni se tiffaċilita t-tranżizzjoni amministrattiva inkluż l-elenkar tad-dettalji tal-ACC3 fil-bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista.”.

(5)

Fil-Kapitolu 6, jiżdied il-punt 6.8.4.10 li ġej:

“6.8.4.10

Wara n-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 50 tat-TUE, id-deżinjazzjonijiet tal-RA3 u tal-KC3 maħruġa minn dan l-Istat Membru huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Ir-responsabbiltà għad-deżinjazzjoni tal-RA3 jew tal-KC3 ta' entità li tikkonsisti minn fergħa jew kumpanija sussidjarja ta' operatur ta' linja tal-ajru, jew ta' trasportatur tal-ajru stess, tiġi ttrasferita lill-awtorità xierqa tal-Istat Membru identifikata fil-punt 6.8.1.1 ta' dan ir-Regolament;

(b)

Ir-responsabbiltà għad-deżinjazzjoni tal-RA3 jew tal-KC3 ta' entità mhux marbuta direttament ma' trasportatur tal-ajru tiġi ttrasferita lill-awtorità xierqa tal-Istat Membru identifikata fil-punt 6.8.1.1 bħala dik li terfa' r-responsabbiltà għat-trasportatur tal-ajru nazzjonali jew maġġuri tal-pajjiż terz fejn joperaw l-RA3 jew il-KC3.

(c)

Ir-responsabbiltà għad-deżinjazzjoni tal-RA3 jew tal-KC3 ta' entità li ma taqax mad-deskrizzjoni tal-punti (a) jew (b) tiġi ttrasferita lill-awtorità xierqa tal-Istat Membru identifikata fil-punt 6.8.1.1 bħala dik li terfa' r-responsabbiltà għal wieħed mit-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni li jopera minn ajruport fejn jopera l-RA3 jew il-KC3, jew l-eqreb ajruport tas-sit ta' din l-entità.

(d)

L-awtorità xierqa tal-Istat Membru kif deskritt fil-punti (a) sa (c) tista' taqbel mal-kontroparti tagħha fi Stat Membru ieħor, sabiex din tal-aħħar taċċetta r-responsabbiltà għad-deżinjazzjoni tal-RA3 jew tal-KC3 ta' entità jew trasportatur tal-ajru partikolari. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni.

(e)

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tinforma lill-awtorità xierqa tar-Renju Unit dwar l-Istati Membri li jkunu qed jieħdu r-responsabbiltà għad-deżinjazzjonijiet tal-RA3 u tal-KC3.

(f)

L-awtorità xierqa tar-Renju Unit għandha tara li l-awtorità xierqa tal-Istat Membru riċeventi, ikollha kopja tad-dokumentazzjoni meħtieġa li abbażi tagħha kienet iddeżinjat lil entità jew lil operatur ta' linja tal-ajru bħala RA3 jew KC3. Dan għandu jinkludi, minn tal-inqas, ir-rapport komplut ta' validazzjoni u l-programm tas-sigurtà tal-entità jew tal-operatur tal-linja tal-ajru rilevanti.

(g)

Diment li jiġu ssodisfati l-obbligi fil-punt (f), it-trasferiment tar-responsabbiltà għad-deżinjazzjonijiet tal-RA3 u tal-KC3 għandu jseħħ fil-jum tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

(h)

Id-deżinjazzjonijiet ittrasferiti tal-RA3 u tal-KC3 għandhom jibqgħu validi sal-iskadenza tagħhom u sakemm l-Istat Membru riċeventi jerfa' r-responsabbiltajiet u l-obbligi deskritti f'dan ir-Regolament.

(i)

Il-Kummissjoni se tiffaċilita t-tranżizzjoni amministrattiva inkluż l-elenkar tad-dettalji tal-RA3 u tal-KC3 fil-bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista.”.

(6)

Fil-Kapitolu 6, id-Dokument Mehmuż 6-F huwa sostitwit b'dan li ġej:

ID-DOKUMENT MEHMUŻ 6-F

MERKANZIJA U POSTA

6-Fi

PAJJIŻI TERZI, KIF UKOLL PAJJIŻI U TERRITORJI OĦRA LI FIHOM, F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 355 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA, MA JAPPLIKAX IT-TITOLU VI TAL-PARTI TLIETA TA' DAK IT-TRATTAT, LI HUMA RIKONOXXUTI BĦALA PAJJIŻI U TERRITORJI LI JAPPLIKAW STANDARDS TAS-SIGURTÀ LI HUMA EKWIVALENTI GĦALL-ISTANDARDS BAŻIĊI KOMUNI DWAR IS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI ĊIVILI

Fir-rigward tal-merkanzija u tal-posta, il-pajjiżi terzi li ġejjin ġew rikonoxxuti bħala pajjiżi li japplikaw standards tas-sigurtà li huma ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili:

 

Il-Montenegro

 

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri jekk ikollha xi tagħrif li jindika li l-istandards tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-livelli ġenerali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni mhumiex iktar ekwivalenti għall-istandards bażiċi komuni tal-Unjoni.

L-awtoritajiet xierqa tal-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati mingħajr dewmien meta l-Kummissjoni jkollha tagħrif dwar azzjonijiet, inkluż miżuri ta' kumpens, li jikkonfermaw li ġiet stabbilita mill-ġdid l-ekwivalenza tal-istandards rilevanti tas-sigurtà applikati mill-pajjiż terz jew minn pajjiż jew territorju ieħor ikkonċernat.

6-Fii

PAJJIŻI TERZI, KIF UKOLL PAJJIŻI U TERRITORJI OĦRA LI FIHOM, F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 355 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA, MA JAPPLIKAX IT-TITOLU VI TAL-PARTI TLIETA TA' DAK IT-TRATTAT, LI GĦALIHOM ID-DEŻINJAZZJONI ACC3 MHIX MEĦTIEĠA, HUMA ELENKATI FID-DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI C(2015)8005.

6-Fiii

ATTIVITAJIET TA' VALIDAZZJONI TA' PAJJIŻI TERZI, KIF UKOLL TA' PAJJIŻI U TERRITORJI OĦRA LI FIHOM, F'KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLU 355 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA, MA JAPPLIKAX IT-TITOLU VI TAL-PARTI TLIETA TA' DAK IT-TRATTAT, LI HUMA RIKONOXXUTI BĦALA EKWIVALENTI GĦALL-VALIDAZZJONI TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI TAL-UE.

L-ebda dispożizzjoni ma ġiet adottata sa issa.”;

(7)

Fil-Kapitolu 11 jiżdiedu l-punti 11.6.3.9 u 11.6.3.10 li ġejjin:

“11.6.3.9

Mid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 50 tat-TUE, japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-validaturi tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE approvati minn dan l-Istat Membru biex iwettqu l-validazzjonijiet fir-rigward tal-linji tal-ajru, l-operaturi u l-entitajiet li jippruvaw jiksbu rispettivament id-deżinjazzjoni ACC3, RA3 u KC3:

(a)

ma jibqgħux ikunu rikonoxxuti fl-Unjoni;

(b)

il-validazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE mwettqa qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, inkluż ir-rapporti ta' validazzjoni tal-UE maħruġa qabel dik id-data jibqgħu validi għall-fini tad-deżinjazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru, tal-operaturi u tal-entitajiet li jkunu vvalidaw;

11.6.3.10

L-individwi u l-entitajiet indikati fil-punt preċedenti jistgħu jippruvaw jiksbu l-approvazzjoni bħala validatur tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE mill-awtorità xierqa ta' Stat Membru. L-Istat Membru tal-approvazzjoni għandu:

(a)

Jikseb id-dokumentazzjoni meħtieġa mingħand l-awtorità xierqa tar-Renju Unit, li abbażi tagħha l-entità individwali jew ġuridika kienet ġiet approvata bħala validatur tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE;

(b)

Jivverifika li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti tal-Unjoni f'dan il-Kapitolu. Jekk l-awtorità xierqa tkun sodisfatta, tista' tapprova lill-individwu jew lill-entità bħala validatur tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE għal perjodu li ma jaqbiżx l-approvazzjoni li kienet ingħatat mill-awtorità xierqa tar-Renju Unit;

(c)

Jinforma minnufih lill-Kummissjoni li tiżgura li l-validatur tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE jiġi elenkat fil-bażi tad-data tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista.”.