15.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 73/84 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/411
tad-29 ta' Novembru 2018
li jissupplementa d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu rekwiżiti tekniċi dwar l-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni tar-reġistru elettroniku ċentrali fil-qasam tas-servizzi ta' pagament u dwar l-aċċess għall-informazzjoni li tinsab fih
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tagħha,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) hija meħtieġa tiżviluppa, topera u tmantni reġistru elettroniku ċentrali li jkun fih informazzjoni kif notifikata mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu. |
(2) |
Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni li tinsab fir-reġistru ċentrali elettroniku tiġi ppreżentata b'mod preċiż, jenħtieġ li l-EBA tiżgura li d-dħul jew il-modifika tal-informazzjoni jsiru b'mod sigur. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-EBA tagħti aċċess personali għall-applikazzjoni tar-reġistru lill-membri tal-persunal tal-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li l-EBA u l-awtoritajiet kompetenti li ddeċidew li jittrażmettu l-informazzjoni lill-EBA awtomatikament jiżguraw li jintużaw tekniki ta' kriptaġġ siguri u proporzjonali f'kull tarf u tul it-trażmissjoni tal-informazzjoni. |
(3) |
Meta jitqies li huwa neċessarju li r-reġistru ċentrali elettroniku jkun fih informazzjoni standardizzata u konsistenti għall-istituzzjonijiet ta' pagament u l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi kollha stabbiliti fl-Unjoni, ippreżentati fl-istess format, jenħtieġ li l-applikazzjoni tar-reġistru tivvalida d-data qabel ma l-informazzjoni li tiddaħħal jew li tiġi mmodifikata mill-awtoritajiet kompetenti ssir pubblikament disponibbli. |
(4) |
Hemm bżonn li jiġu żgurati l-awtentiċità, l-integrità u n-nonripudju tal-informazzjoni li tinstab fir-reġistru ċentrali elettroniku. Għaldaqstant jenħtieġ li l-EBA tiggarantixxi li l-informazzjoni tiġi maħżuna b'mod sigur u li kwalunkwe informazzjoni inserita jew modifikata tkun reġistrata kif xieraq. |
(5) |
Sabiex l-utenti tas-servizzi ta' pagament u partijiet interessati oħrajn ikunu jistgħu jużaw ir-reġistru ċentrali elettroniku b'mod effiċjenti, huwa meħtieġ li l-applikazzjoni tar-reġistru tiġi rreġistrata b'tali mod li jiggarantixxi li taħdem b'mod affidabbli u li tkun aċċessibbli mingħajr interruzzjonijiet. |
(6) |
Huwa mixtieq li l-utenti tar-reġistru ċentrali elettroniku jkunu jistgħu ifittxu l-informazzjoni effiċjentement fir-reġistru. Għaldaqstant, għandu jkun possibbli li ssir tiftixa fl-informazzjoni abbażi ta' għadd ta' kriterji tat-tiftix differenti. |
(7) |
Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-industrija tal-pagamenti, jenħtieġ li l-EBA tagħmel il-kontenut tar-reġistru disponibbli għat-tniżżil permezz ta' fajl standardizzat. Dan jippermetti lill-partijiet interessati kollha li jfittxu l-informazzjoni f'dak il-fajl b'mod awtomatiku. |
(8) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-EBA lill-Kummissjoni. |
(9) |
L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Utenti interni tar-reġistru
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, membru tal-persunal ta' awtorità kompetenti li jkun inkarigat li jdaħħal u jimmodifika l-informazzjoni manwalment fir-reġistru ċentrali elettroniku tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) (“ir-reġistru ċentrali elettroniku”) għandu jkun utent intern.
2. Kull awtorità kompetenti għandha taħtar tal-anqas żewġ membri tal-persunal tagħha bħala utenti interni.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-EBA dwar l-identità tal-persuni msemmija fil-paragrafu 2.
Artikolu 2
Ġestjoni tar-reġistru
L-EBA għandha timmaniġġja l-lista tal-utenti interni, tipprovdi lill-utenti interni bid-dettalji tal-awtentikazzjoni, u tipprovdi l-appoġġ tekniku lill-awtoritajiet kompetenti.
Artikolu 3
Aċċess mill-utenti interni
1. L-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku għandha tkun aċċessibbli mill-utenti interni biss bl-użu tal-awtentikazzjoni b'żewġ fatturi.
2. L-EBA għandha tipprovdi isem tal-utent, password u l-kredenzjali ta' sigurtà oħrajn tal-bidu lill-utenti interni biex jaċċessaw l-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku.
3. L-utenti interni għandhom ikunu obbligati jibdlu l-isem tal-utent u l-password tal-bidu tagħhom l-ewwel darba li jidħlu fl-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku.
4. L-EBA għandha tiżgura li l-metodu ta' awtentikazzjoni applikat jippermetti li kull utent intern jiġi identifikat.
5. L-EBA għandha tiżgura li l-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku ma tkunx tippermetti li l-informazzjoni tiddaħħal jew tiġi modifikata fir-reġistru ċentrali elettroniku minn persuni li ma jkollhomx aċċess għall-applikazzjoni tar-reġistru jew li ma jkollhomx il-permessi xierqa biex jagħmlu dan.
Artikolu 4
Utenti pubbliċi
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-utenti mill-pubbliku tar-reġistru ċentrali elettroniku għandhom ikunu utenti ta' servizzi ta' pagamenti u partijiet interessati oħrajn, li jaċċessaw ir-reġistru ċentrali elettroniku permezz tas-sit web tal-EBA.
2. L-utenti mill-pubbliku għandhom ikunu jistgħu jaċċessaw ir-reġistru ċentrali elettroniku mingħajr ma jużaw il-kredenzjali għall-aċċess.
3. L-aċċess għar-reġistru ċentrali elettroniku mill-utenti mill-pubbliku għandu jħallihom biss jaqraw, ifittxu u jniżżlu l-informazzjoni li jkun hemm fir-reġistru. L-utenti mill-pubbliku ma għandu jkollhom l-ebda dritt li jimmodifikaw il-kontenut tar-reġistru.
4. Meta l-utenti mill-pubbliku jaċċessaw ir-reġistru ċentrali elettroniku, is-sit web tal-EBA għandu juri l-kriterji tat-tiftix speċifikati fl-Artikolu 15(1).
KAPITOLU 2
TRAŻMISSJONI TA' INFORMAZZJONI MILL-AWTORITAJIET KOMPETENTI LILL-EBA
Artikolu 5
Trażmissjoni ta' informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti lill-EBA
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrażmettu lill-EBA l-informazzjoni li għandu jkun hemm fir-reġistru ċentrali elettroniku manwalment permezz ta' interfaċċa web għall-utenti jew awtomatikament permezz ta' interfaċċa minn applikazzjoni għall-oħra.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-EBA dwar liema approċċ għat-trażmissjoni tal-informazzjoni jippreferu skont il-paragrafu 1.
3. L-awtoritajiet kompetenti li jkunu nnotifikaw lill-EBA li l-approċċ preferut tagħhom huwa li jittrażmettu l-informazzjoni awtomatikament għandhom jitħallew jittrażmettu l-informazzjoni manwalment wara li jkunu nnotifikaw lill-EBA minn qabel.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu link għar-reġistru pubbliku nazzjonali tagħhom lill-EBA. L-EBA għandha tagħmel tali links disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru ċentrali elettroniku.
Artikolu 6
Dħul u modifika tal-informazzjoni manwali
1. L-awtoritajiet kompetenti li jkunu ddeċidew li jittrażmettu l-informazzjoni lill-EBA manwalment għandhom idaħħlu jew jimmodifikaw l-informazzjoni għall-Istat Membru tagħhom fl-applikazzjoni web tar-reġistru ċentrali elettroniku. L-informazzjoni għandha tiddaħħal fil-format speċifikat fil-paragrafi minn 2 sa 9 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/410. (3)
2. L-informazzjoni li tkun iddaħħlet jew ġiet immodifikata manwalment għandha ssir disponibbli għall-pubbliku fir-reġistru ċentrali elettroniku wara li tkun ġiet ivvalidata mill-applikazzjoni tar-reġistru f'konformità mal-Artikolu 8.
3. Meta l-informazzjoni li tkun iddaħħlet jew ġiet immodifikata manwalment ma tkunx ġiet ivvalidata mill-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku, l-informazzjoni għandha tiġi rifjutata u ma ssirx disponibbli għall-pubbliku. L-utent intern għandu jerġa' jagħmel id-dħul jew il-modifika darba oħra bl-użu tal-informazzjoni kkoreġuta.
4. L-EBA għandha ddaħħal kronogramma tad-data u l-ħin fl-informazzjoni li tkun iddaħħlet jew ġiet immodifikata manwalment fir-reġistru ċentrali elettroniku. Din il-kronogramma tad-data u l-ħin għandha turi l-mument li fih tkun saret l-aħħar bidla fir-reġistru.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-emendi kollha fil-kontenut tar-reġistri pubbliċi nazzjonali tagħhom relatati mal-għoti jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni jiddaħħlu fir-reġistru ċentrali elettroniku tal-EBA fl-istess jum.
Artikolu 7
Trażmissjoni awtomatizzata tal-informazzjoni
1. L-awtoritajiet kompetenti li jkunu ddeċidew li jittrażmettu l-informazzjoni lill-EBA awtomatikament għandhom jittrażmettu l-informazzjoni direttament mill-applikazzjonijiet tar-reġistri pubbliċi nazzjonali tagħhom lill-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku.
2. L-EBA u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li ssir trażmissjoni sigura tal-informazzjoni bejn l-applikazzjonijiet tar-reġistri rispettivi tagħhom biex jissalvagwardjaw l-awtentiċità, l-integrità u n-nonripudju tal-informazzjoni trażmessa, bl-użu ta' tekniki ta' kriptaġġ b'saħħithom u ġeneralment rikonoxxuti.
3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrażmettu lill-EBA f'batch file wieħed bi standard komuni u format strutturat (“il-batch file”) is-sett sħiħ ta' informazzjoni stipulata fil-paragrafi minn 2 sa 9 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/410 li tinsab fir-reġistri pubbliċi nazzjonali tagħhom.
4. It-trażmissjoni tal-batch file għandha ssir tal-anqas darba f'kull ġurnata li fih il-kontenut tar-reġistru pubbliku nazzjonali jkun ġie emendat.
5. Meta l-awtoritajiet kompetenti jemendaw il-kontenut tar-reġistri pubbliċi nazzjonali tagħhom b'rabta mal-għoti jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew tar-reġistrazzjoni u ma jkunux jistgħu jittrażmettu dan it-tibdil awtomatikament, dawn għandhom idaħħluh manwalment dakinhar stess.
6. L-EBA għandha tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jittrażmettu batch file darba kuljum irrispettivament minn jekk il-kontenut tar-reġistri pubbliċi nazzjonali tagħhom ikunx ġie mibdul.
7. L-informazzjoni trażmessa awtomatikament lir-reġistru ċentrali elettroniku għandha ssir pubblikament disponibbli fir-reġistru malajr kemm jista' jkun wara li l-batch file ikun ġie pproċessat u vvalidat mill-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku f'konformità mal-Artikolu 8 u mhux iktar tard minn tmiem il-jum li fih il-batch file ikun ġie pproċessat u vvalidat. L-informazzjoni kollha li tkun ġiet trażmessa jew imdaħħla manwalment minn awtorità kompetenti preċedentement, li tkun disponibbli pubblikament fir-reġistru ċentrali elettroniku għandha tiġi sostitwita bl-informazzjoni trażmessa sussegwentement minn dik l-awtorità kompetenti.
8. L-EBA ma għandhiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jittrażmettu batch file ġdid qabel ma jkunu rċevew l-eżitu tal-validazzjoni tal-batch file li jkun ġie trażmess preċedentement.
9. Meta l-informazzjoni trażmessa awtomatikament tonqos milli tiġi vvalidata mill-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku, is-sett sħiħ ta' informazzjoni li tkun fil-batch file għandha tiġi miċħuda u ma tkunx disponibbli pubblikament f'dak ir-reġistru.
10. L-EBA għandha ddaħħal kronogramma tad-data u l-ħin fl-informazzjoni li tkun ġiet trażmessa awtomatikament għall-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku. Din il-kronogramma tad-data u l-ħin għandha turi l-ħin tal-aħħar sinkronizzazzjoni bejn ir-reġistru ċentrali elettroniku u reġistri pubbliċi nazzjonali.
Artikolu 8
Validazzjoni tal-informazzjoni
1. L-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku għandha tivvalida l-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet kompetenti lill-EBA sabiex jiġi evitat li jkun hemm xi informazzjoni nieqsa jew li xi informazzjoni tiġi dduplikata.
2. Sabiex ikun evitat li jkun hemm xi informazzjoni nieqsa, l-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku għandha tagħmel validazzjoni tad-data fuq l-oqsma mimlijin jew trażmessi mill-awtoritajiet kompetenti lill-EBA, bl-eċċezzjoni tal-qasam tal-isem kummerċjali tal-persuna fiżika jew ġuridika.
3. Sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni tal-informazzjoni, l-applikazzjoni tar-reġistru għandha tagħmel validazzjoni tad-data għal kull wieħed mill-oqsma li ġejjin:
(a) |
għal istituzzjonijiet ta' pagament, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, fornituri ta' servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet, istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, persuni ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-istituzzjonijiet imsemmija fil-punti minn (4) sa (23) tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u l-persuni li l-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni tagħhom ġiet irtirata:
|
(b) |
għal aġenti ta' istituzzjonijiet ta' pagament, persuna fiżika jew ġuridika li tibbenefika minn eżenzjoni skont l-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, fornituri ta' servizzi ta' informazzjoni dwar il-kontijiet, istituzzjoni tal-flus elettroniċi u persuni ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/110/KE:
|
(c) |
għal fornituri tas-servizzi li jagħtu servizzi taħt il-punti (i) u (ii) tal-punt (k) u l-punt (l) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/2366:
|
4. Meta l-istatus ta' awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni ta' persuna fiżika jew ġuridika, li jkollha aġenti jipprovdu servizzi ta' pagament f'isimha, ikun inbidel minn “awtorizzat” jew “reġistrat” għal “irtirat”, l-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku ma għandhiex tagħmel il-validazzjoni tad-data fuq l-aġenti marbutin ma' dik il-persuna.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirċievu risposta mill-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku dwar ir-riżultat tal-proċess ta' validazzjoni tad-data malajr kemm jista' jkun b'mod ċar u inekwivoku. Ir-riżultat tal-validazzjoni tad-data għandu jinkludi wkoll il-bidla fil-perċentwal fil-kontenut tal-informazzjoni trażmessa preċedentement.
6. Meta l-informazzjoni trażmessa teħel mill-proċess ta' validazzjoni, l-EBA għandha tinkludi fir-risposta tagħha lill-awtoritajiet kompetenti r-raġunijiet kollha għaċ-ċaħda.
7. Fil-każ ta' validazzjoni falluta fejn l-emendi għall-kontenut tar-reġistru pubbliku nazzjonali jkunu relatati mal-għoti jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti li jittrażmettu l-informazzjoni awtomatikament għandhom, sa tmiem il-jum li fih tkun falliet il-validazzjoni, jittrażmettu batch file kkoreġut jew aġġornat bis-sett sħiħ ta' informazzjoni, jew idaħħlu l-emendi l-ġodda manwalment fil-kontenut tar-reġistri pubbliċi nazzjonali tagħhom b'rabta mal-għoti jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew ir-reġistrazzjoni.
8. Għall-finijiet tal-validazzjoni tan-numri ta' identifikazzjoni nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-EBA t-tipi u l-formati tan-numri ta' identifikazzjoni nazzjonali li jużaw fir-reġistri nazzjonali tagħhom.
9. L-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku għandha tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jdaħħlu aġent iktar minn darba fir-reġistru meta l-aġent ikun jipprovdi servizzi ta' pagament f'isem iktar minn persuna fiżika jew ġuridika waħda. Kull inserzjoni għandha tiġi ttrattata bħala rekord separat.
Artikolu 9
Informazzjoni dwar l-aġenti
1. L-EBA u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-aġenti mdaħħlin fir-reġistru elettroniku ċentrali jkunu konnessi mal-persuna fiżika jew ġuridika f'isem min jipprovdu servizzi ta' pagament.
2. Meta persuna fiżika jew ġuridika, li jkollha aġenti jipprovdu servizzi ta' pagament f'isimha, ikollha l-istatus ta' awtorizzazzjoni jew ta' reġistrazzjoni mibdul minn “awtorizzat” jew “reġistrat” għal “irtirat”, l-istatus tal-aġenti konnessi ma' dik il-persuna fiżika jew ġuridika għandu jinbidel minn “attiv” għal “inattiv”.
Artikolu 10
Responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu responsabbli għall-akkuratezza tal-informazzjon imdaħħla awtomatikament jew trażmessa awtomatikament lill-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku dwar il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi awtorizzati jew irreġistrati minnhom, kif ukoll l-aġenti u l-fornituri ta' servizzi li jwettqu servizzi taħt il-punti (i) u (ii) tal-punt (k) u l-punt (l) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 imniżżlin fir-reġistri pubbliċi nazzjonali tagħhom.
2. L-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku għandha tippermetti lill-utenti interni u lill-applikazzjonijiet tar-reġistri pubbliċi nazzjonali biex idaħħlu jew jimmodifikaw l-informazzjoni li għalihom tkun responsabbli l-awtorità kompetenti rispettiva tagħhom.
3. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu jistgħu jimmodifikaw l-informazzjoni li għaliha jkunu responsabbli awtoritajiet kompetenti oħrajn.
4. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx ikunu jistgħu idaħħlu informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta' pagament, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibbenefikaw minn xi eżenzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 32 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 u l-aġenti tagħhom, il-fornituri ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet, l-istituzzjonijiet imsemmija fil-punti (4) sa (23) tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/36/UE, istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi, persuni ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/110/KE u l-aġenti tagħhom, u fornituri ta' servizzi li jwettqu servizzi taħt il-punti (i) u (ii) tal-punt (k) u l-punt (l) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/2366, stabbiliti fi Stat Membru ospitanti ieħor.
KAPITOLU 3
REKWIŻITI MHUX FUNZJONALI
Artikolu 11
Rekwiżiti tas-sikurezza
1. Id-data tal-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku għandha tiġi bbekjata u l-kopji ta' backup għandhom jinħażnu għall-finijiet ta' rkupru minn diżastru.
2. Fil-każ li jiġu identifikati xi kwistjonijiet ta' sigurtà, l-EBA għandha tkun tista' tagħlaq l-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku minnufih u tipprevjeni kwalunkwe aċċess għas-server.
3. L-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku għandha tkun tista' tirkupra minn crashes mingħajr dewmien żejjed u tkompli bl-operat normali tagħha.
4. Fil-każ li l-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku ma tkunx qed taħdem u ma tkunx tista' tipproċessa l-batch files trażmessi mill-awtoritajiet kompetenti, l-applikazzjoni għandha tipproċessa l-iktar fajls riċenti li jkunu ġew trażmessi minn kull awtorità kompetenti wara li tkun reġgħet lura għall-operat normali tagħha.
5. L-EBA għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar kull falliment jew ħin wieqaf tal-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku.
6. Meta falliment tal-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku jkun affettwa l-ipproċessar ta' batch file trażmess minn awtorità kompetenti, l-EBA għandha titlob lill-awtorità kompetenti tissottometti batch file ġdid. Meta l-awtorità kompetenti ma tkunx tista' tagħmel dan, din għandha titlob lill-EBA biex tagħmel roll back tad-data għall-verżjoni li ġiet sottomessa bl-aħħar batch file validat qabel il-falliment.
7. L-EBA għandha tiżviluppa r-reġistru tagħha f'konformità mal-istandards internazzjonali għaċ-ċibersigurtà.
Artikolu 12
Rekwiżiti tal-prestazzjoni u disponibbiltà
1. Ir-reġistru ċentrali elettroniku għandu jkun jista' jakkomoda s-sett inizjali tad-data li jeżisti bħalissa fir-reġistri pubbliċi miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti.
2. L-applikazzjoni tar-reġistru ċentrali elettroniku għandha tkun tista' takkomoda żieda fil-volum tal-informazzjoni rċevuta mill-awtoritajiet kompetenti. Tali żieda ma għandhiex taffettwa d-disponibbiltà tar-reġistru.
3. L-EBA għandha tiżgura li r-reġistru ċentrali elettroniku jsir disponibbli immedjatament wara li jkun treġġa' lura l-operat normali wara li jkun seħħ xi falliment fl-applikazzjoni tar-reġistru.
4. It-trażmissjoni awtomatizzata tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 ma għandhiex taffettwa d-disponibbiltà tar-reġistru ċentrali elettroniku.
5. L-EBA għandha tinforma lill-utenti pubbliċi dwar kwalunkwe nuqqas ta' disponibbiltà tar-reġistru ċentrali elettroniku kif ukoll dwar ir-raġunijiet għal dik l-indisponibbiltà u l-irkupru ta' dak ir-reġistru billi turi din l-informazzjoni fuq is-sit web tagħha.
Artikolu 13
Rekwiżiti tal-manutenzjoni u l-appoġġ
1. L-EBA għandha timmonitorja l-operat tal-applikazzjoni tar-reġistru, tanalizza l-prestazzjoni tiegħu u, fejn meħtieġ, iddaħħal tibdil biex tiżgura li l-applikazzjoni tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament.
2. L-EBA għandha timmonitorja t-trażmissjoni u l-aġġornament regolari tal-informazzjoni fir-reġistru ċentrali elettroniku mill-awtoritajiet kompetenti.
3. L-EBA għandha tistħarreġ l-idoneità tar-rekwiżiti mhux funzjonali speċifikati f'dan il-Kapitolu fuq bażi regolari.
4. L-EBA għandha tagħti appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti b'rabta mal-operat tar-reġistru ċentrali elettroniku. Għal dak il-għan, l-EBA għandha ddaħħal funzjonalità fl-applikazzjoni tar-reġistru li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jdaħħlu domanda. L-EBA għandha tqiegħed id-domandi kollha bħal dawn fi kju.
5. L-EBA għandha tirrispondi għad-domandi msemmija fil-paragrafu 4 mingħajr dewmien żejjed sa tmiem il-jum li fih tkun saret id-domanda. L-EBA għandha twieġeb għad-domandi skont l-ordni li jkunu waslulha.
6. L-EBA għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti ambjent ta' ttestjar u appoġġ tekniku għal tali ambjent.
7. L-EBA għandha tistabbilixxi kanal deżinjat biex jiġu kkomunikati inċidenti relatati mal-operat tar-reġistru ċentrali elettroniku.
Artikolu 14
Rendikont tal-entrati
1. Ir-reġistru ċentrali elettroniku għandu jippermetti l-irrekordjar tal-informazzjoni kollha trażmessa mill-awtoritajiet kompetenti lill-EBA.
2. Ir-reġistru ċentrali elettroniku għandu jippermetti l-irrekordjar tal-azzjonijiet awtomatizzati jew manwali li jsiru mill-applikazzjonijiet tar-reġistri pubbliċi nazzjonali jew minn utenti interni rispettivament, kif ukoll il-ħin li fih ikunu saru tali azzjonijiet.
3. L-EBA għandha tkun tista' taċċessa d-data rrekordjata skont il-paragrafi 1 u 2.
4. L-EBA għandha tkun tista' tislet rapporti mid-data rrekordjata skont il-paragrafi 1 u 2 li jippermettulha timmonitorja u tinterpreta l-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet kompetenti.
KAPITOLU 4
AĊĊESS GĦALL-INFORMAZZJONI
Artikolu 15
Tiftix tal-informazzjoni
1. Ir-reġistru ċentrali elettroniku għandu jippermetti lill-utenti tar-reġistru biex ifittxu informazzjoni fir-reġistru abbażi ta' kriterji tat-tiftix differenti, inkluż kull waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
it-tip rilevanti tal-persuna fiżika jew ġuridika kif imsemmi fil-paragrafi minn 2 sa 9 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/410; |
(b) |
l-isem tal-persuna fiżika jew ġuridika; |
(c) |
in-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali tal-persuna fiżika jew ġuridika; |
(d) |
isem l-awtorità kompetenti responsabbli għall-operat tar-reġistru pubbliku nazzjonali; |
(e) |
il-pajjiż li fih il-persuna fiżika jew ġuridika tkun stabbilita; |
(f) |
il-belt li fiha il-persuna fiżika jew ġuridika tkun stabbilita; |
(g) |
is-servizzi ta' pagament u s-servizzi ta' flus elettroniċi pprovduti; |
(h) |
l-Istat Membru ospitanti li fih l-istituzzjoni ta' pagament, l-istituzzjoni tal-flus elettroniċi jew il-fornitur ta' servizz ta' informazzjoni dwar il-kontijiet, awtorizzat(a) jew reġistrat(a) j/tipprovdi s-servizzi jew innotifika(t) l-intenzjoni tiegħu/tagħha biex j/tipprovdi s-servizzi; |
(i) |
is-servizzi ta' pagament u ta' flus elettroniċi pprovduti fl-Istat Membru ospitanti; |
(j) |
l-istatus ta' awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni; |
(k) |
id-data ta' awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni; |
(l) |
id-data tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni. |
2. Ir-reġistru ċentrali elettroniku għandu jwettaq it-tiftixa tal-informazzjoni meta tal-anqas wieħed mill-kriterji tat-tiftix ikun imtela.
3. Ir-reġistru ċentrali elettroniku għandu jippermetti lill-utenti tar-reġistru biex jużaw kwalunkwe kombinazzjoni tal-kriterji speċifikati fil-paragrafu 1.
4. Ir-reġistru ċentrali elettroniku għandu jippermetti lill-utenti tar-reġistru biex jagħżlu l-informazzjoni fl-entrati (a), (d), (e) u (j) tal-paragrafu 1 minn menù li jinżel.
5. Ir-reġistru ċentrali elettroniku għandu jippermetti lill-utenti tar-reġistru biex jagħżlu l-kriterji tat-tiftix imsemmija fil-punti (g), (h), u (i) tal-paragrafu 1 minn menù b'għażliet multipli.
6. L-EBA għandha tiżgura li t-tiftix li jippermetti l-użu ta' simboli jew sinjali biex jieħdu post karattri individwali u/jew kliem (tiftix wildcard) ikun disponibbli għall-utenti tar-reġistru biex tiżdied il-wisa' ta' tiftixa.
7. L-EBA għandha tinforma lill-utenti tar-reġistru dwar kif jużaw is-simboli msemmija fil-paragrafu 6 billi turi l-informazzjoni fuq is-sit web tagħha.
Artikolu 16
Wiri tar-riżultati tat-tiftix
1. Ir-reġistru ċentrali elettroniku għandu juri bħala riżultati tat-tiftixa l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li jaqblu mal-kriterji tat-tiftixa mdaħħlin mill-utent tar-reġistru.
2. L-informazzjoni murija rigward il-persuni fiżiċi u ġuridiċi għandha tinkludi dan li ġej:
(a) |
isem il-persuna; |
(b) |
in-numru ta' identifikazzjoni nazzjonali tal-persuna; |
(c) |
il-pajjiż li fiha hija stabbilita; |
(d) |
il-belt li fiha hija stabbilita; |
(e) |
it-tip rilevanti tal-persuna fiżika jew ġuridika kif imsemmi fil-paragrafi minn 2 sa 9 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/410; |
(f) |
is-servizzi ta' pagament u s-servizzi ta' flus elettroniċi pprovduti. |
3. Meta jintgħażel l-isem ta' persuna fiżika jew ġuridika mir-riżultati tat-tiftixa, l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafi minn 2 sa 9 tal-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/410 għandha tintwera għall-persuna rispettiva, inkluża l-aħħar kronogramma tad-data u l-ħin imdaħħla mill-EBA.
4. L-aġenti għandhom jintwerew kemm bħala rekord separat kif ukoll bħala parti mir-rekord tal-persuna fiżika jew ġuridika f'isem min ikunu qed jipprovdu servizzi ta' pagament.
5. L-EBA għandha turi akkuratament fir-reġistru ċentrali elettroniku l-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet kompetenti u tiżgura li l-informazzjoni murija tkun kompluta.
Artikolu 17
Tniżżil ta' informazzjoni
1. L-EBA għandha tagħmel il-kontenut tar-reġistru ċentrali elettroniku disponibbli biex jitniżżel manwalment u awtomatikament minn utenti tal-pubbliku tar-reġistru billi tikkopja l-kontenut għal fuq fajl standardizzat.
2. L-EBA għandha taġġorna l-fajl standardizzat imsemmi fil-paragrafu 1 tal-anqas darbtejn kuljum f'intervalli predeterminati. L-EBA għandha tgħid liem huma l-intervalli predeterminati għal tali aġġornamenti.
KAPITOLU 6
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Novembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/410 tad-29 ta' Novembru 2018 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tad-dettalji u l-istruttura tal-informazzjoni li għandha tiġi notifikata, fil-qasam tas-servizzi ta' ħlas, mill-awtoritajiet kompetenti lill-EBA skont id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Ara l-paġna 20 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali)
(4) Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).
(5) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).