6.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/366

tal-5 ta' Marzu 2019

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 fir-rigward tal-lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet tagħhom li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' kunsinni ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-frażi ta' introduzzjoni tal-Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu tal-punt (1) u l-punt (4) tal-Artikolu 8 u l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 (3) jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll ir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru u l-lista ta' pajjiżi terzi li minnhom hija awtorizzata l-introduzzjoni fl-Unjoni ta' dawn il-kunsinni.

(2)

L-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010 jistabbilixxi lista ta' pajjiżi terzi jew partijiet minnhom li huma awtorizzati jintroduċu fl-Unjoni kunsinni ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru u jindika t-tip ta' trattament meħtieġ għal dawn il-komoditajiet.

(3)

Il-Ġappun għamel talba lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni biex tesporta ħalib, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru lejn l-Unjoni, li jkunu għaddew minn trattament nonspeċifiku. Mill-perspettiva tas-saħħa tal-annimali, il-Ġappun huwa pajjiż terz elenkat mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali fost il-pajjiżi li huma ħielsa mill-marda tal-ilsien u d-dwiefer fejn it-tilqim mhuwiex ipprattikat u għalhekk jissodisfa r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali tal-Unjoni applikabbli għall-importazzjoni.

(4)

Il-Kummissjoni reċentement wettqet kontrolli veterinarji fil-Ġappun. Dawn il-kontrolli juru li l-awtorità kompetenti tal-Ġappun tipprovdi garanziji xierqa fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-importazzjoni previsti fid-Direttiva 2002/99/KE.

(5)

Fid-dawl tal-garanziji xierqa pprovduti mill-awtorità kompetenti tal-Ġappun u mis-sitwazzjoni favorevoli tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fil-Ġappun, huwa xieraq li l-Ġappun jiġi inkluż fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010. Jenħtieġ li din iż-żieda mal-lista tal-Anness I tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni u t-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta' prodotti mill-annimali b'mod partikolari dawk li huma relatati mal-elenkar tal-istabbilimenti skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 605/2010 jiġi emendat skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fit-tabella stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010, l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata tal-Iżlanda:

“JP

il-Ġappun

+

+

+”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Marzu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 605/2010 tat-2 ta' Lulju 2010 li jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' ħalib mhux ipproċessat, prodotti tal-ħalib, kolostru u prodotti li fihom il-kolostru maħsuba għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 175, 10.7.2010, p. 1).