|
22.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 81/128 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/365
tat-13 ta' Diċembru 2018
li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta' informazzjoni dwar sanzjonijiet, miżuri u investigazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' transazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Sabiex jiġi żgurat li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tingħata informazzjoni sħiħa u preċiża dwar il-miżuri amministrattivi u kriminali imposti u l-investigazzjonijiet kriminali imwettqa fir-rigward ta' ksur tar-Regolament (UE) 2015/2365, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri u formoli komuni għat-tressiq ta' dik l-informazzjoni. |
|
(2) |
Sabiex jiġu evitati entrati doppji u kunflitti potenzjali ta' kompetenza bejn awtoritajiet ta' rappurtar multipli fi Stat Membru, jenħtieġ li jiġi nominat punt ta' kuntatt uniku f'kull Stat Membru għall-iskambju ta' informazzjoni mal-ESMA. |
|
(3) |
Bl-għan li tiġi inkluża informazzjoni sinifikanti fir-rapport annwali dwar sanzjonijiet, miżuri u investigazzjonijiet biex tiġi ppubblikata mill-ESMA, l-informazzjoni rrappurtata minn awtoritajiet kompetenti jeħtieġ li tindika b'mod ċar liema dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2015/2365 ġew miksura permezz ta' formoli speċifiċi. |
|
(4) |
L-awtorità kompetenti jeħtieġ li tipprovdi lill-ESMA b'kopja tad-deċiżjoni li timponi s-sanzjoni amministrattiva jew il-miżura u sommarju ċar tal-elementi essenzjali ta' dik id-deċiżjoni. Madankollu, sabiex jiġi limitat il-piż tar-rapportar, meta sanzjoni amministrattiva jew miżura partikolari tkun diġà ġiet rapportata lill-ESMA skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2015/2365, l-awtorità kompetenti tenħtieġ biss li tagħmel referenza ċara għal dik is-sanzjoni jew miżura. |
|
(5) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni ippreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni Ewropea skont il-proċedura tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill (2). |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 l-ESMA ma wettqitx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi ta' implementazzjoni li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, u lanqas ma analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati bl-introduzzjoni tal-formoli u l-proċeduri standard għall-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikun sproporzjonat fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni u l-impatt tagħhom, filwaqt li tqies li d-destinatarji ta' dawk l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni huma l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri u mhux il-parteċipanti fis-suq. |
|
(7) |
L-ESMA talbet l-opinjonijiet tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Punti ta' kuntatt
1. L-awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) għandha taħtar punt ta' kuntatt uniku biex tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2015/2365 u għall-komunikazzjonijiet kollha dwar kull kwistjoni relatata mar-riċeviment ta' din l-informazzjoni. Id-dettalji dwar il-punt ta' kuntatt għandu jkun disponibbli fuq is-sit web tal-ESMA.
2. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jaħtru punt ta' kuntatt uniku għal dak l-Istat Membru għal kull komunikazzjoni marbuta mal-għoti tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2015/2365. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dawn il-punti ta' kuntatt.
Artikolu 2
It-tressiq annwali ta' informazzjoni aggregata
1. Il-punti ta' kuntatt maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal kull Stat Membru skont l-Artikolu 1(2) għandhom jipprovdu lill-ESMA bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 billi jużaw il-formola fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Għandhom jiġu pprovduti kopji ta' deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra u sommarji ta' dawn id-deċiżjonijiet, sakemm is-sanzjoni jew il-miżura tkun diġà ġiet rapportata lill-ESMA skont l-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) 2015/2365. Il-kopji tad-deċiżjonijiet għandhom jiġu ppreżentati f'dokumenti mehmuża ma' ittra elettronika li takkumpanja l-formola.
2. Il-punti ta' kuntatt maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal kull Stat Membru skont l-Artikolu 1(2) għandhom jipprovdu lill-ESMA bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 bl-użu tal-formola fl-Anness II għal dan ir-Regolament.
3. Il-formoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikopru perjodu ta' rapportar ta' sena kalendarja waħda u għandhom, flimkien ma' kwalunkwe dokumenti mehmuża, jimtlew elettronikament u jintbagħtu b'ittra elettronika lill-punt ta' kuntatt tal-ESMA sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena ta' wara.
L-ewwel preżentazzjoni tal-formoli msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha ssir fl-2018 għas-snin kalendarji 2016 u 2017.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).