22.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/22


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/357

tat-13 ta' Diċembru 2018

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-aċċess għal dettalji ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT) miżmuma f'repożitorji tat-tranżazzjonijiet

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar it-trasparenza ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari l-punti (c) u (d) tal-Artikolu 12(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jitlob li l-entitajiet elenkati f'dak l-Artikolu jkollhom aċċess għad-dettalji tal-SFT sabiex dawn ikunu jistgħu jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom. Għalhekk huwa essenzjali li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikunu jistgħu jidentifikaw b'mod preċiż il-kontropartijiet u t-tranżazzjonijiet ikkonċernati. L-aċċess provdut mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jinkludi aċċess għad-dettalji tal-SFT konklużi minn kontroparti, irrispettivament minn jekk dik il-kontroparti hix impriża prinċipali jew sussidjarja ta' impriża oħra, jew jekk din l-informazzjoni tikkonċernax tranżazzjonijiet konklużi permezz ta' fergħa partikolari ta' kontroparti, diment li l-aċċess mitlub jikkonċerna l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-entità.

(2)

Ħafna mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandhom mandati u ħtiġijiet diversi u differenti. Biex jiġi evitat li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet ikollhom jivverifikaw kontinwament taħt liema mandat u għal liema ħtieġa speċifika entità titlob aċċess, u b'hekk ikunu evitati piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa għal dawk ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, huwa adatt li r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet jipprovdu aċċess uniku għal kull entità, li jenħtieġ li jkopri l-mandati u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull entità.

(3)

Il-mandati u r-responsabbiltajiet tal-Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq (ESMA) fir-rigward tar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet huma stabbiliti fl-Artikoli 5 sa 11 tar-Regolament (UE) 2015/2365 u jkopru, fost oħrajn, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta' repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Superviżjoni effettiva teħtieġ li l-ESMA jkollha aċċess sħiħ għad-dettalji kollha tal-SFT kollha miżmuma mir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet kollha.

(4)

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) huma parti mis-Sistema Ewropea għas-Superviżjoni Finanzjarja u għandhom, fir-rigward tal-istabilità finanzjarja u tar-riskju sistemiku, mandati u responsabbiltajiet li huma simili ħafna għal dawk tal-ESMA. Huwa għalhekk importanti li dawn l-awtoritajiet ikollhom aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT kollha, bħall-ESMA.

(5)

Minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn l-SFT u l-politika monetarja, membru tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ), kif imsemmi fl-Artikolu 12(2)(f) tar-Regolament (UE) 2015/2365, għandu jkollu aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT li għandhom x'jaqsmu mal-munita maħruġa minn dak il-membru tas-SEBĊ, u b'mod iktar speċifiku, id-dettalji kollha tal-SFT li s-self tagħhom jew il-kollateral huwa espress fil-munita maħruġa minn dak il-membru tas-SEBĊ.

(6)

Ċerti entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 huma responsabbli għall-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja. It-twettiq xieraq tal-kompiti tagħhom relatati mal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, jeħtieġ li dawn l-entitajiet ikollhom aċċess għal spettru wiesa' ta' poperaturi tas-suq, għal ċentri tan-negozjar u għad-dettalji l-iktar komprensivi u granulari tal-SFT disponibbli fil-qasam tar-responsabbiltà tagħhom, li jista' jkun, skont l-entità kkonċernata, Stat Membru, iż-żona tal-euro, jew l-Unjoni.

(7)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (2) stabbilixxa Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jiżgura li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ikollu aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT konklużi minn xi kontroparti li, fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku, huwa soġġett għas-superviżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(8)

Il-mandat u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-awtoritajiet tat-titoli u s-swieq tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 12(2)(i) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jirrikjedu li dawn l-awtoritajiet jingħataw aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha li jirrappreżentaw tranżazzjonijiet, jew li huma relatati ma' swieq, it-titoli mislufa jew mogħtija bħala kollateral, il-parametri referenzjarji użati bħala referenza, u l-kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità

(9)

Skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni għandhom jingħataw mezzi effettivi ta' azzjoni fir-rigward ta' dawk l-entitajiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1(1) ta' dik id-Direttiva biex jipprevjenu l-kontaġju. Kull awtorità ta' riżoluzzjoni jenħtieġ għalhekk li jkollha aċċess għad-dettalji tal-SFT irrapportati minn dawk l-entitajiet.

(10)

Skont ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni, b'mod partikolari permezz tat-tfassil ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta' dak ir-Regolament. Sabiex il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni jkun jista' jfassal dawk il-pjanijiet ta' riżoluzzjoni, repożitorju tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li jipprovdi lill-Bord b'aċċess għad-dettalji tal-SFT konklużi minn kull kontroparti li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

(11)

L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2)(m) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jinkludu, fost l-oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u għas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, ditti tal-investiment, kumpaniji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, UCITS, AIFMs, fondi tal-pensjonijiet okkupazzjonali, depożitorji ċentrali tat-titoli u kontropartijiet mhux finanzjarji. Biex tippermetti lil dawn l-awtoritajiet biex jeżerċitaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom b'mod effikaċi, huma għandu jkollhom aċċess għad-dettalji tal-SFT irrapportati minn kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

(12)

L-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2)(m) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jinkludu, fost l-oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-kontropartijiet ċentrali. Biex jippermettu lil dawn l-awtoritajiet li jwettqu l-kompitu tagħhom b'mod effikaċi, huma għandu jkollhom aċċess għad-dettalji tal-SFT dwar kontropartijiet ċentrali taħt is-superviżjoni tagħhom.

(13)

Sabiex tiġi żgurata standardizzazzjoni u konsistenza ta' aċċess għad-dettalji tal-SFT u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv kemm għall-awtoritajiet li għandhom aċċess għal dawk id-dettalji u għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet li jkollhom dawk id-dettalji, ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom isegwu proċedura speċifika biex jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet li skonthom jingħata l-aċċess, b'mod partikolari t-twaqqif ta' dak l-aċċess u l-arranġamenti operazzjonali kurrenti.

(14)

Sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tad-dettalji tal-SFT, jenħtieġ li kwalunkwe tip ta' skambju ta' dejta bejn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u l-awtoritajiet ikkonċernati jitwettaq permezz ta' konnessjoni sigura minn magna għal magna u bl-użu ta' protokolli ta' kriptaġġ tad-dejta.

(15)

Biex tippermetti t-tqabbil u l-aggregazzjoni effiċjenti u effettiva ta' dettalji tal-SFT bejn ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet, jenħtieġ li jintużaw mudelli f'format XML u messaġġi XML żviluppati skont il-metodoloġija tal-ISO 20022 biex jipprovdu aċċess għal dawk id-dettalji u għall-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet.

(16)

Sabiex l-awtoritajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 ikunu jistgħu jwettqu investigazzjonijiet immirati, huwa essenzjali li jiġi ffaċilitat aċċess dirett u immedjat għal settijiet ta' dejta speċifiċi u b'hekk jiġi stabbilit sett ta' mistoqsijiet ad hoc li jirreferu għall-kontropartijiet għall-SFT, it-tip tal-SFT, l-orizzont ta' żmien għall-eżekuzzjoni, il-maturità u t-tmiem tal-SFT, kif ukoll l-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-SFT.

(17)

Biex jippermettu aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tal-SFT u jkun iffaċilitat l-iskedar tal-proċessi interni għall-awtoritajiet konċernati u għar-repożitorji tad-dejta, l-iskadenzi sa meta r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jagħtu aċċess lill-awtoritajiet għal dawk id-dettalji tal-SFT għandhom jiġu armonizzati.

(18)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ippreżentat mill-ESMA lill-Kummissjoni skont il-proċedura tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 (5).

(19)

L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Ikkonċernati tat-Titoli u s-Swieq tal-ESMA stabbilit f'konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dettalji tal-SFT li għandhom isiru aċċessibbli

Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jiżgura li d-dettalji tal-SFT aċċessibbli għal kull entità elenkata fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 skont l-Artikolu 3 jinkludu d-dejta li ġejja:

(a)

ir-rapporti tal-SFT irrapportati skont it-Tabelli 1 sa 4 tal-Anness għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/356 (6), inklużi l-aħħar stati ta' kummerċ tal-SFT li ma jkunux immaturaw jew li ma kinux is-suġġett ta' rapporti b'tipi ta' azzjoni “Errur”, “Terminazzjoni/Terminazzjoni bikrija”, jew “Komponent ta' pożizzjoni” kif imsemmi fil-Kaxxa 98 tat-Tabella 2 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/363 (7);

(b)

id-dettalji rilevanti ta' rapporti SFT irrifjutati permezz tar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet, inkluż kwalunkwe rapporti SFT irrifjutati matul il-jum tax-xogħol ta' qabel u r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom, kif speċifikat skont it-Tabella 2 tal-Anness I għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/358 (8);

(c)

l-istatus tar-rikonċiljazzjoni tal-SFT irrappurtati kollha li għalihom ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet ikun wettaq rikonċiljazzjoni skont ir-Regolament Delegat (UE) 2019/358, ħlief dawk l-SFT li skadew jew li għalihom l-SFT jirrapporta b'tipi ta' azzjoni “Errur”, “Terminazzjoni/Terminazzjoni bikrija”, jew “Komponent ta' pożizzjoni” kienu rċevuti iktar minn xahar qabel id-data li fiha jseħħ il-proċess ta' rikonċiljazzjoni.

Artikolu 2

Aċċess uniku

Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lill-entitajiet li għandhom diversi responsabbiltajiet jew mandati skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'mekkaniżmu uniku ta' aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT koperti minn dawk ir-responsabbiltajiet u l-mandati.

Artikolu 3

Aċċess għad-dettalji tal-SFT skont il-mandat u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull awtorità kkonċernata

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-ESMA b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT kollha biex teżerċita l-kompetenzi superviżorji tagħha skont ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħha.

2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdu lill-EBA, lill-EIOPA u lill-BERS b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT kollha.

3.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità li tagħmel is-superviżjoni taċ-ċentri tan-negozjar b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT eżegwiti f'dawk iċ-ċentri tan-negozjar.

4.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil membru tas-SEBĊ li l-munita tal-Istat Membru hi l-euro u lill-BĊE b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT:

(a)

jekk it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral inħarġu minn entità stabbilita fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew f'isimha;

(b)

jekk it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral huma dejn sovran ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(c)

fejn il-munita mislufa jew mogħtija bħala kollateral hija l-euro.

5.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu pprovdi lil membru tas-SEBĊ li l-munita tal-Istat Membru mhijiex il-euro b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT:

(a)

jekk it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral inħarġu minn entità stabbilita fl-Istat Membru ta' dak il-membru tas-SEBĊ jew f'ismu;

(b)

jekk it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral huma dejn sovran tal-Istat Membru ta' dak il-membru tas-SEBĊ;

(c)

fejn il-munita mislufa jew mogħtija bħala kollateral hija l-munita maħruġa minn dak il-membru tas-SEBĊ.

6.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità elenkata fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365, li timmonitorja r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fiż-Żona tal-Euro, b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT konklużi f'ċentri tan-negozjar, jew minn kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità meta tkun qiegħda twettaq monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi wkoll lil dik l-awtorità b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT tal-fergħat kollha tal-kontropartijiet stabbiliti f'pajjiż terz li joperaw fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro.

7.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità elenkata fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365, li timmonitorja r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja u li l-munita tal-Istat Membru tagħha mhux il-euro, b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT konklużi f'ċentri tan-negozjar, jew minn kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità meta tkun qiegħda twettaq monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhux il-euro. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi wkoll lil dik l-awtorità b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha tal-fergħat kollha tal-kontropartijiet stabbiliti f'pajjiż terz li jopera fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità.

8.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-BĊE, fit-twettiq tal-kompiti tiegħu fil-mekkaniżmu superviżorju uniku skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT konklużi minn xi kontroparti li, fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniku, hija soġġetta għas-superviżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

9.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità ta' pajjiż terz li fir-rigward tagħha ġie adottat att ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għad-dettalji kollha tal-SFT skont il-mandat tal-awtorità ta' pajjiż terz u r-responsabbiltajiet tal-awtorità f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att ta' implimentazzjoni.

10.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità maħtura skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha li għalihom it-titoli mislufa jew missellfa jew mogħtija bħala kollateral huma titoli maħruġa minn kumpanija li tissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin, jew iktar:

(a)

il-kumpanija tkun ammessa għall-kummerċ f'suq regolat stabbilit fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità u l-offerti ta' akkwiżizzjoni fuq it-titoli ta' din il-kumpannija jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità;

(b)

il-kumpanija għandha l-uffiċċju reġistrat jew l-uffiċċju prinċipali fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità u l-offerti ta' akkwiżizzjoni fuq it-titoli ta' din il-kumpanija jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità;

(c)

il-kumpanija hija offerent kif definit fl-Artikolu 2(1)(c) tad-Direttiva 2004/25/KE għal kumpaniji msemmija fil-punti (a) jew (b) u l-korrispettiv li toffri jinkludi titoli.

11.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi awtorità kif imsemmi fl-Artikolu 12(2)(i) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha li jirrappreżentaw tranżazzjonijiet, jew li huma relatati ma' swieq, it-titoli mislufa jew mogħtija bħala kollateral, il-parametri referenzjarji użati bħala referenza, u l-kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta' dik l-awtorità. Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi wkoll lil dik l-awtorità b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha tal-fergħat kollha tal-kontropartijiet stabbiliti f'pajjiż terz li jopera fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità.

12.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha fejn il-komodità mislufa jew misselfa bħala kollateral hija l-enerġija.

13.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità tar-riżoluzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 12(2)(k) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha konklużi minn:

(a)

kontroparti li taqa' taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità;

(b)

fergħa ta' kontroparti stabbilita f'pajjiż terz li topera fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità ta' riżoluzzjoni u taqa' taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħha.

14.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha konklużi minn xi kontroparti li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

15.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità kompetenti elenkata fl-Artikolu 12(2)(m) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha konklużi minn:

(a)

kontroparti li taqa' taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta' dik l-awtorità;

(b)

fergħa ta' kontroparti stabbilita f'pajjiż terz li topera fl-Istat Membru ta' dik l-awtorità kompetenti u taqa' taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħha.

16.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi lil awtorità ta' superviżjoni ta' kontroparti ċentrali (CCP) u lill-membru tas-SEBĊ li jkun qed jagħmel is-superviżjoni ta' dik is-CCP b'aċċess għad-dettalji tal-SFT kollha kklirjati jew konklużi minn dik is-CCP.

Artikolu 4

It-twaqqif tal-aċċess għad-dettalji tal-SFT

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu:

(a)

jinnomina persuna jew persuni responsabbli biex jikkollaboraw mal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365;

(b)

jippubblika fuq is-sit elettroniku tiegħu l-istruzzjonijiet li l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 għandhom isegwu biex jaċċessaw id-dettalji ta' SFT;

(c)

jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'formola kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(d)

iwaqqaf aċċess għad-dettalji tal-SFT mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 ibbażata biss fuq informazzjoni li tinsab fil-formola pprovduta;

(e)

jistabbilixxi l-arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 biex jaċċessaw id-dettalji ta' SFT skont l-Artikolu 5.

(f)

jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tal-SFT fi żmien tletin jum kalendarju wara li dik l-entità tkun ressqet talba għat-twaqqif ta' tali aċċess;

2.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jħejji formola li għandha tintuża mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 meta jippreżentaw talba għat-twaqqif ta' aċċess għad-dettalji ta' SFT. Din il-formola għandu jkun fiha l-entrati li ġejjin:

(a)

isem l-entità;

(b)

il-persuna ta' kuntatt fl-entità;

(c)

ir-responsabbiltajiet u l-mandati legali tal-entità;

(d)

lista ta' utenti awtorizzati tad-dettalji mitluba tal-SFT;

(e)

kredenzjali għal konnessjoni tal-FTP tal-SSH sigur;

(f)

informazzjoni teknika oħra rilevanti tal-aċċess tal-entità għad-dettalji tal-SFT.

(g)

jekk l-entità tkunx kompetenti għal kontropartijiet fl-Istat Membru tagħha, iż-żona tal-euro jew l-Unjoni;

(h)

it-tipi ta' kontropartijiet li għalihom l-entità tkun kompetenti skont il-klassifikazzjoni fit-Tabella 1 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/363;

(i)

it-tipi ta' SFT li huma taħt superviżjoni mill-entità;

(j)

l-Istati Membri kollha fejn l-emittent ta' titoli li jkunu ġew mislufa jew misselfa jew ipprovduti bħala kollateral hu taħt superviżjoni mill-entità, jekk ikun hemm;

(k)

l-Istati Membri kollha fejn il-komoditajiet li jkunu ġew mislufa jew misselfa jew ipprovduti bħala kollateral huma taħt superviżjoni mill-entità, jekk ikun hemm;

(l)

iċ-ċentri ta' negozjar li jkunu taħt superviżjoni mill-entità, jekk ikun hemm;

(m)

is-CCPs li huma taħt superviżjoni jew issorveljati mill-entità, jekk ikun hemm;

(n)

il-munita li tinħareġ mill-entità, jekk ikun hemm;

(o)

il-punti referenzjarji użati fl-Unjoni, li l-entità hija kompetenti għall-amministratur tagħhom, jekk ikun hemm.

Artikolu 5

Arranġamenti operazzjonali għal aċċess għad-dettalji tal-SFTs

1.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jagħmel manutenzjoni tal-arranġamenti tekniċi neċessarji biex jippermetti li l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jaqbdu mar-repożitorju tat-tranżazzjonijiet permezz ta' interfaċċja sikura bejn magna u oħra.

Għall-fini tal-ewwel subparagrafu, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża protokoll tat-trasferiment tal-fajls tal-SSH u mesaġġi XML standardizzat żviluppat skont il-metodoloġija tal-ISO 20022 biex jikkomunikaw permezz ta' din l-interfaċċja.

2.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-arranġamenti tekniċi biex jippermetti li l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jistabbilixxu talbiet perjodiċi predefiniti għall-aċċess skont l-Artikoli 1, 2 u 3, għal dettalji ta' SFTs, li huma neċessarji għal dawk l-entitajiet biex jissodisfaw ir-reponsabbiltajiet u l-mandati tagħhom.

3.   Fuq talba, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi aċċess għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 b'aċċess għal kwalunkwe SFT li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom skont l-Artikolu 3, abbażi ta' kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn l-entrati li ġejjin kif imsemmi fl-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/363:

(a)

kronogramma tar-rappurtar;

(b)

il-kontroparti li tirrapporta;

(c)

kontroparti oħra;

(d)

fergħa tal-kontroparti li tirrapporta;

(e)

fergħa tal-kontroparti l-oħra;

(f)

settur tal-kontroparti li tirrapporta;

(g)

natura tal-kontroparti li tirrapporta;

(h)

sensar;

(i)

entità li tissottometti r-rapport;

(j)

benefiċjarju;

(k)

tip ta' SFT;

(l)

it-tip ta' komponent kollateral;

(m)

ċentru tan-negozjar;

(n)

kronogramma tal-eżekuzzjoni;

(o)

data tal-maturità;

(p)

data tat-terminazzjoni;

(q)

CCP;

(r)

tip ta' azzjoni.

4.   Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-kapaċità teknika li jipprovdi aċċess dirett u immedjat għad-dettalji ta' SFT li huma neċessarji biex l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 jissodisfaw il-mandati u r-responsabbiltqajiet tagħhom. L-aċċess għal dawk id-dettalji tal-SFTs għandu jkun ipprovdut f'konformità mal-iskadenzi li ġejjin:

(a)

fejn jintalab aċċess għad-dettalji ta' SFTs pendenti, jew ta' SFTs li jew ikunu mmaturaw jew li għalihom hemm rapporti b'tip ta' azzjoni “Errur”, “Terminazzjoni/Terminazzjoni bikrija”, jew “Komponent ta' Pożizzjoni” kif imsemmi fil-Kaxxa 98 tat-Tabella 2 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/363 saru mhux iktar minn sena qabel id-data li fiha tressqet it-talba: sa mhux iktar tard mill-12: 00 il-Ħin Universali Kkordinat fl-ewwel jum kalendarju wara l-jum li fih titressaq it-talba għal aċċess.

(b)

fejn jintalab aċċess għad-dettalji ta' SFT li jew ikunu immaturaw jew li għalihom hemm rapporti b'tip ta' azzjoni “Errur”, “Terminazzjoni/Terminazzjoni bikrija”, jew “Komponent ta' Pożizzjoni” kif imsemmi fil-Kaxxa 98 tat-Tabella 2 tal-Anness I għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/363 saru iktar minn sena qabel id-data li fiha tressqet it-talba: mhux iktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol wara li tressqet it-talba għal aċċess.

(c)

meta jintalab l-aċċess għad-dettalji ta' SFT li jaqgħu taħt il-punti (a) u (b): mhux iktar tard minn tlett ijiem ta' xogħol wara li tressqet it-talba għal aċċess.

5.   Repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jikkonferma l-irċevuta u jivverifika il-korrettezza u l-kompletezza ta' kwalunkwe talba għal aċċess għad-dettalji tal-SFT mressqa mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365 u għandu jinnotifika lil dawk l-entitajiet bir-riżultati tal-verifika sa mhux iktar tard minn sittin minuta wara li tkun tressqet it-talba.

6.   Ir-repożitorju tad-dejta għandu juża firma elettronika u protokolli ta' kriptaġġ tad-dejta biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tad-dejta li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2015/2365.

Artikolu 6

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 337, 23.12.2015, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(3)  Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/356 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFTs) li għandhom jiġu rrapportati lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/363 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jistipula standards tekniċi ta' implimentazzjoni rigward il-format u l-frekwenza tar-rapporti dwar id-dettalji ta' tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli lir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda Regolament (UE) Nru 1247/2012 rigward l-użu ta' kodiċi ta' rapportar fir-rapportar tal-kuntratti tad-derivati (Ara l-paġna 85 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/358 tat-13 ta' Diċembru 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2015/2365 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji dwar il-ġbir, il-verifika, l-aggregazzjoni, il-paragun u l-pubblikazzjoni ta' data dwar tranżazzjonijiet ta' finanzjament tat-titoli (SFT) minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet (Ara l-paġna 30 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(9)  Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 fuq offerti ta' xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).