22.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 51/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/316

tal-21 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (1),

Wara li ppubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament (2),

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Il-finanzjament mill-Istat li jilħaq il-kriterji fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u jeħtieġ li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bih skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madanakollu, skont l-Artikolu 109 tiegħu, il-Kunsill jista' jiddetermina kategoriji ta' għajnuna eżentati minn dan ir-rekwiżit ta' notifika. F'konformità mal-Artikolu 108(4) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista' tadotta regolamenti rigward dawk il-kategoriji ta' għajnuna mill-Istat. Skont ir-Regolament (UE) 2015/1588 u f'konformità mal-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda li għajnuna de minimis tista' tikkostitwixxi kategorija bħal din. Fuq dik il-bażi, għajnuna de minimis, li hija għajnuna mogħtija għal impriża waħda matul perjodu partikolari ta' żmien li ma taqbiżx ċertu ammont fiss, titqies li ma tkunx tissodisfa l-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk mhix soġġetta għall-proċedura ta' notifika. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mfakkra li anki jekk l-għajnuna de minimis ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat, jenħtieġ li din l-għajnuna ma' tinvolvix ksur tad-dritt tal-UE.

(2)

Il-Kummissjoni adottat għadd ta' regolamenti li jistabbilixxu regoli dwar l-għajnuna de minimis mogħtija fis-settur tal-agrikoltura, li l-aħħar wieħed minnhom kien ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 (3).

(3)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013, u meta titqies il-varjetà tal-użu tal-għajnuna de minimis fl-Istati Membri, jixraq li jiġu aġġustati xi wħud mill-kundizzjonijiet stabbiliti fih. L-ammont massimu ta' għajnuna li tingħata lil impriża waħda fuq perjodu ta' tliet snin jenħtieġ li jiżdied għal EUR 20 000 u l-limitu nazzjonali jenħtieġ li jiżdied għal 1,25 % tal-output annwali.

(4)

Meta wieħed iqis il-ħtieġa ikbar li tintuża l-għajnuna de minimis f'xi Stati Membri, jixraq li tiġi permessa żieda ulterjuri kemm għall-ammont massimu ta' għajnuna għal kull impriża waħda għal EUR 25 000, kif ukoll għal-limitu nazzjonali għal 1,5 % tal-output annwali, skont il-kundizzjonijiet addizzjonali neċessarji biex jitħares il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. L-esperjenza miksuba matul l-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 uriet li l-konċentrazzjoni ta' għajnuna de minimis f'ċertu settur ta' prodotti tista' twassal għal distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. Għalhekk, jenħtieġ li l-prerekwiżit biex jintużaw l-ogħla limitu massimu individwali u dak nazzjonali, ikun li jiġi applikat limitu settorjali li jipprevjeni lill-Istati Membri milli jagħtu iktar minn 50 % tal-ammont totali kumulattiv ta' għajnuna de minimis fuq kwalunke perjodu ta' tliet snin fiskali għal miżuri li jibbenefika minnhom settur ta' prodott speċifiku wieħed biss. Il-limitu settorjali jenħtieġ li jiżgura li kwalunkwe miżura li taqa' taħt ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 tkun tista' titqies li ma jkollha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma tfixkilx jew ma tkunx ta' theddida li tfixkel il-kompetizzjoni.

(5)

Bħalissa, hija għażla tal-Istati Membri jużawx reġistru nazzjonali ċentrali biex jivverifikaw li ma jinqabżux la l-limitu massimu individwali de minimis, u lanqas il-limitu nazzjonali. Madankollu, l-użu ta' reġistru ċentrali jsir neċessarju f'dawk l-Istati Membri li jagħżlu limitu massimu individwali u limitu nazzjonali ogħla, ladarba l-limitu settorjali li huwa kundizzjoni għal dik l-għażla jitlob monitoraġġ iktar mill-qrib tal-għajnuna mogħtija. Għalhekk, jenħtieġ li għal dawn l-Istati Membri jkun obbligatorju l-użu ta' reġistru ċentrali, sabiex jinżamm rekord tal-għajnuna de minimis kollha mogħtija, sabiex ikun jista' jiġi vverifikat li ma jinqabżu la l-limitu massimu individwali u lanqas il-limitu settorjali jew nazzjonali.

(6)

Il-kriterji għall-kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti għal self u garanziji jenħtieġ li jiġu aġġustati skont il-limiti massimi de minimis miżjuda.

(7)

Fid-dawl tal-ħtieġa akbar għall-użu ta' għajnuna de minimis u meta l-limiti massimi attwali huma restrittivi għalxejn, huwa neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 qabel id-data ta' skadenza tiegħu, jiġifieri l-31 ta' Diċembru 2020. Il-perjodu ta' żmien bejn id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u t-tmiem tal-perjodu ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 ikun qasir wisq. Għaldaqstant, għal raġunijiet ta' ekonomija proċedurali u biex jiġu żgurati l-kontinwità u ċ-ċertezza tad-dritt, il-perjodu ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jenħtieġ li jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2027.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1408/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 1408/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-paragrafi 3 u 4 li ġejjin:

“3.   Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, “settur tal-prodott” tfisser settur elenkat fl-Artikolu 1(2)(a) sa (w) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

4.   Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, “limitu settorjali” tfisser ammont kumulattiv massimu ta' għajnuna li japplika għal miżuri ta' għajnuna li jibbenefika minnhom settur tal-prodott uniku wieħed biss, li jikkorrispondu għal 50 % tal-ammont massimu ta' għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru kif stabbilit fl-Anness II.”;

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671)."

(2)

L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.   Il-miżuri ta' għajnuna għandhom jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, u għalhekk għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit ta' notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.

2.   L-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lil impriża waħda ma għandux jaqbeż l-EUR 20 000 fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali.

3.   L-ammont kumulattiv ta' għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali, ma għandux jaqbeż il-limitu nazzjonali stipulat fl-Anness I.

3a.   Permezz ta' deroga mill-paragrafi 2 u 3, Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-ammont totali ta' għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda ma għandux jaqbeż il-EUR 25 000 fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali u li l-ammont kumulattiv totali ta' għajnuna de minimis mogħtija fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali ma għandux jaqbeż il-limitu nazzjonali stabbilit fl-Anness II, skont dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

għal miżuri ta' għajnuna li jibbenefika minnhom settur ta' prodott uniku wieħed biss, l-ammont kumulattiv totali mogħti fuq kwalunkwe perjodu ta' tliet snin fiskali ma għandux jaqbeż il-limitu settorjali definit fl-Artikolu 2(4);

(b)

l-Istat Membru għandu jkollu fis-seħħ reġistru ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 6(2).

4.   L-għajnuna de minimis għandha titqies mogħtija fil-mument li l-impriża tiġi kkonferita d-dritt legali li tirċievi l-għajnuna skont ir-reġim legali nazzjonali applikabbli, irrispettivament mid-data tal-ħlas tal-għajnuna de minimis lill-impriża.

5.   Il-limiti massimi de minimis u l-limiti nazzjonali u settorjali msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 3a għandhom japplikaw irrispettivament mill-forma tal-għajnuna de minimis jew mill-għan segwit u irrispettivament minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex iffinanzjata kompletament jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw fl-Unjoni. Il-perjodu ta' tliet snin fiskali għandu jiġi ddeterminat minn referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.

6.   Għall-iskopijiet tal-limiti massimi de minimis u l-limiti nazzjonali u settorjali msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 3a, l-għajnuna għandha tiġi espressa bħala għotja ta' flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu gross, jiġifieri qabel titnaqqas kwalunkwe taxxa jew imposta oħra. Meta l-għajnuna tingħata f'xi forma oħra apparti għotja, l-ammont tal-għajnuna għandu jkun l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna.

L-għajnuna pagabbli f'diversi pagamenti għandha titraħħas skont il-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-imgħax li trid tintuża għal skopijiet ta' skont għandha tkun ir-rata ta' skont applikabbli fil-mument li tingħata l-għajnuna.

7.   Meta l-limiti massimi de minimis, il-limiti nazzjonali jew il-limitu settorjali msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 3a jinqabżu bl-għotja ta' għajnuna de minimis ġdida, dik l-għotja l-ġdida ma tkunx tista' tibbenefika minn dan ir-Regolament.

8.   Fil-każ ta' fużjonijiet jew akkwiżizzjonijiet, l-għajnuna de minimis kollha li ngħatat qabel lil kwalunkwe impriża għaddejja mill-fużjoni għandha titqies meta jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe għajnuna de minimis ġdida lill-impriża l-ġdida jew li qed takkwista taqbiżx il-limiti massimi de minimis rilevanti, il-limitu nazzjonali rilevanti jew il-limitu settorjali. L-għajnuna de minimis li ngħatat legalment qabel il-fużjoni jew l-akkwiżizzjoni għandha tibqa' legali.

9.   Jekk impriża tinqasam fi tnejn jew iktar impriżi separati, l-għajnuna de minimis li tingħata qabel issir il-qasma għandha tiġi allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li hija fil-prinċipju l-impriża li qed takkwista l-attivitajiet li għalihom intużat l-għajnuna de minimis. Jekk din l-allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis għandha tiġi allokata b'mod proporzjonat abbażi tal-valur kontabilistiku tal-kapital ta' ekwità tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tas-separazzjoni.”;

(3)

L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 3, il-punt (b) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artiklu 3(2), is-self huwa assikurat b'garanzija li tkopri mill-anqas 50 % tas-self u s-self jammonta jew għal EUR 100 000 fuq ħames snin jew EUR 50 000 fuq għaxar snin, jew, għal miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(3a), jew EUR 125 000 fuq ħames snin jew EUR 62 500 fuq għaxar snin; jekk is-self ikun inqas minn dawk l-ammonti u/jew jingħata għal perjodu iqsar minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta' dak is-self għandha tiġi kkalkulata bħala proporzjon korrispondenti għal-limiti massimi de minimis stabbiliti fl-Artikolu 3(2) jew (3a); jew”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-għajnuna inkluża fl-injezzjonijiet kapitali għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-ammont totali ta' injezzjoni pubblika ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis relevanti.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-għajnuna inkluża f'miżuri ta' finanzjament ta' riskju f'forma ta' investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità għandha titqies biss bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk il-kapital ipprovdut lil impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis rilevanti.”;

(d)

fil-paragrafu 6, il-punt (b) jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(2), il-garanzija ma taqbiżx it-80 % tas-self sottostanti u, jew l-ammont garantit huwa EUR 150 000 u d-durata tal-garanzija hija ħames snin jew l-ammont garantit huwa EUR 75 000 u d-durata tal-garanzija hija għaxar snin, jew, għall-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(3a), il-garanzija ma taqbiżx 80 % tas-self sottostanti u, jew l-ammont garantit huwa EUR 187 500 u d-durata tal-garanzija hija ħames snin jew l-ammont garantit huwa EUR 93 750 u d-durata tal-garanzija hija għaxar snin; jekk l-ammont garantit ikun inqas minn dawn l-ammonti u/jew jekk il-garanzija tkun għal perjodu ta' inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta' dik il-garanzija għandha tiġi kkalkulata bħala proporzjon korrispondenti tal-limiti massimi de minimis stabbiliti fl-Artikolu 3(2) jew (3a); jew”;

(4)

L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Meta Stat Membru jagħti għajnuna skont l-Artikolu 3(3a), għandu jkollu fis-seħħ reġistru ċentrali ta' għajnuna de minimis li jkun fih l-informazzjoni kompleta dwar l-għajnuna de minimis kollha li tingħata minn kwalunkwe awtorità f'dak l-Istat Membru. Il-paragrafu 1 għandu jieqaf japplika fil-mument li r-reġistru jkopri perjodu ta' tliet snin fiskali.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Stat Membru għandu jagħti biss l-għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża kkonċernata għal livell ogħla mil-limiti massimi u l-limiti nazzjonali rilevanti u l-limitu settorjali msemmija fl-Artikolu 3(2), (3) u (3a) u li jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f'dan ir-Regolament.”;

(5)

fl-Artikolu 8, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2027.”;

(6)

l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1.

(2)  ĠU C 425, 26.11.2018, p. 2.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 9).


ANNESS

“ANNESS I

Ammonti kumulattivi massimi tal-għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli msemmija fl-Artikolu 3(3)

(f'EUR)

Stat Membru

Ammonti massimi ta' għajnuna de minimis  (1)

Il-Belġju

106 269 708

Il-Bulgarija

53 020 042

Ir-Repubblika Ċeka

61 865 750

Id-Danimarka

141 464 625

Il-Ġermanja

732 848 458

L-Estonja

11 375 375

L-Irlanda

98 460 375

Il-Greċja

134 272 042

Spanja

592 962 542

Franza

932 709 458

Il-Kroazja

28 920 958

L-Italja

700 419 125

Ċipru

8 934 792

Il-Latvja

16 853 708

Il-Litwanja

34 649 958

Il-Lussemburgu

5 474 083

L-Ungerija

99 582 208

Malta

1 603 917

In-Netherlands

352 512 625

L-Awstrija

89 745 208

Il-Polonja

295 932 125

Il-Portugall

87 570 583

Ir-Rumanija

215 447 583

Is-Slovenja

15 523 667

Is-Slovakkja

29 947 167

Il-Finlandja

55 693 958

L-Iżvezja

79 184 750

Ir-Renju Unit

394 587 292

ANNESS II

Ammonti kumulattivi massimi tal-għajnuna de minimis mogħtija għal kull Stat Membru lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta' prodotti agrikoli msemmija fl-Artikolu 3(3)(a)

(f'EUR)

Stat Membru

Ammonti massimi ta' għajnuna de minimis  (2)

Il-Belġju

127 523 650

Il-Bulgarija

63 624 050

Ir-Repubblika Ċeka

74 238 900

Id-Danimarka

169 757 550

Il-Ġermanja

879 418 150

L-Estonja

13 650 450

L-Irlanda

118 152 450

Il-Greċja

161 126 450

Spanja

711 555 050

Franza

1 119 251 350

Il-Kroazja

34 705 150

L-Italja

840 502 950

Ċipru

10 721 750

Il-Latvja

20 224 450

Il-Litwanja

41 579 950

Il-Lussemburgu

6 568 900

L-Ungerija

119 498 650

Malta

1 924 700

In-Netherlands

423 015 150

L-Awstrija

107 694 250

Il-Polonja

355 118 550

Il-Portugall

105 084 700

Ir-Rumanija

258 537 100

Is-Slovenja

18 628 400

Is-Slovakkja

35 936 600

Il-Finlandja

66 832 750

L-Iżvezja

95 021 700

Ir-Renju Unit

473 504 750


(1)  L-ammonti massimi huma kkalkulati abbażi tal-medja tal-ogħla tliet valuri tal-produzzjoni agrikola annwali f'kull Stat Membru fil-perjodu 2012-2017. Il-metodu ta' kalkolu jiżgura li l-Istati Membri kollha huma ttrattati b'mod ugwali u li l-ebda wieħed mill-valuri medji nazzjonali ma jkun inqas mill-ammonti massimi stabbiliti preċedentement għall-perjodu 2014-2020.

(2)  L-ammonti massimi huma kkalkulati abbażi tal-medja tal-ogħla tliet valuri tal-produzzjoni agrikola annwali f'kull Stat Membru fil-perjodu 2012-2017. Il-metodu ta' kalkolu jiżgura li l-Istati Membri kollha huma ttrattati b'mod ugwali u li l-ebda wieħed mill-valuri medji nazzjonali ma jkun inqas mill-ammonti massimi stabbiliti preċedentement għall-perjodu 2014-2020.