15.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 44/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/260

tal-14 ta' Frar 2019

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014 fir-rigward tal-volumi tal-flussi kummerċjali tradizzjonali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u r-Renju Unit

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit issottometta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

(2)

Il-ftehim dwar il-ħruġ kif maqbul bejn in-negozjaturi fih arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih, lil hinn mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih. Jekk dak il-ftehim jidħol is-seħħ, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 (2) se japplika għar-Renju Unit u fih matul il-perjodu ta' tranżizzjoni skont dak il-ftehim, u se jieqaf japplika fi tmiem dak il-perjodu.

(3)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 jipprevedi lill-operaturi l-possibbiltà li jesportaw, fil-kuntest tal-flussi tal-kummerċ tradizzjonali jew tal-kummerċ reġjonali, u li jikkonsenjaw, fil-kuntest tal-flussi tradizzjonali tal-kummerċ, prodotti pproċessati li fihom materja prima li tkun ibbenefikat mill-arranġamenti speċifiċi ta' provvista kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 228/2013. Il-proċessuri li beħsiebhom jesportaw jew jikkonsenjaw tali prodotti f'dak il-kuntest jistgħu jagħmlu dan fil-limiti tal-kwantitajiet annwali stabbiliti fl-Annessi II sa V tar-Regolament (UE) Nru 180/2014. Il-lista tal-pajjiżi terzi li tali prodotti jistgħu jiġu esportati lejhom hija stabbilita fl-Anness VI ta' dak ir-Regolament.

(4)

Sabiex jiġi evitat tfixkil potenzjali tal-flussi tradizzjonali tal-kummerċ bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi kkonċernati u r-Renju Unit, il-volumi tal-proċessi pproċessati rilevanti li attwalment jintbagħtu minn Madeira u l-Gżejjer Kanarji lejn ir-Renju Unit bħala Stat Membru jenħtieġ li jiġu espressi bħala esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi fl-Annessi III u IV tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014. Barra minn hekk, għandha ssir referenza għar-Renju Unit bħala pajjiż terz fl-Anness VI ta' dan ir-Regolament.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(6)

Skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (3) il-waqfien tal-applikazzjoni ta' atti ffissat f'data partikulari jseħħ meta tiskadi l-aħħar siegħa tal-jum li jaqa' f'dik id-data. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-jum ta' wara dak li fih ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014 ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih.

(7)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi III, IV u VI tar-Regolament (UE) Nru 180/2014 huma emendati skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-jum ta' wara dak li fih ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014 ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fih.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 tal-20 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 63, 4.3.2014, p. 13).

(3)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta' żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).


ANNESS

L-Annessi III, IV u VI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness III, it-tabella għal Madeira hija emendata kif ġej:

(a)

ir-ringieli marbutin mal-intestaturi 1905 u 2009 u mas-subintestaturi 2202 10 u 2202 90 huma sostitwiti b'dawn li ġejjin:

“1905

116 100

400

2009

*13 480

*20

2202 10

2202 90

752 100

42 900 ”

(b)

ir-ringiela marbuta mal-intestatura 2208 hija sostitwita b'din li ġejja:

“2208

*24 800

*31 200 ”

(2)

fit-tabella tal-Anness IV, ir-ringiela marbuta mas-subintestatura 1704 90 hija sostitwita b'din li ġejja:

“1704 90

417 500

229 000 ”

(3)

fl-Anness VI, it-test dwar l-Azores u Madeira huwa sostitwit b'dan li ġej:

Pajjiżi terzi li lejhom jiġu esportati prodotti pproċessati mill-Azores u Madeira fil-kuntest tal-kummerċ reġjonali

l-Angola, il-Kanada, Cape Verde, il-Guinea-Bissau, il-Marokk, il-Mozambique, l-Afrika t'Isfel, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Venezwela”.