13.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 42/25


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/251

tat-12 ta' Frar 2019

li jirrigwarda d-dazji definittivi antidumping imposti fuq importazzjonijiet minn Hubei Xinyegang Steel Co., Ltd u li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2272 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 266 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2),

Billi:

SFOND U SENTENZI TAL-QORTI

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009 (2), impona dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar (seamless pipes and tubes — “SPT”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”).

(2)

F'Diċembru 2009, Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd (“Hubei”), wieħed mill-produtturi esportaturi tal-SPT fir-RPĊ, ippreżenta rikors għall-annullament tar-Regolament (KE) Nru 926/2009, quddiem il-Qorti Ġenerali. Bis-sentenza tad-29 ta' Jannar 2014 fil-Kawża T-528/09 (3), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament (KE) Nru 926/2009 sa fejn dan jimponi dazji antidumping fuq l-esportazzjonijiet ta' SPT prodotti minn Hubei u jiġbor dazji provviżorji imposti fuq dawn l-esportazzjonijiet.

(3)

F'April 2014, għadd ta' produtturi tal-Unjoni tal-SPT appellaw din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawżi C-186/14 P u C-193/14 P (4).

(4)

Sadanittant, fis-7 ta' Diċembru 2015, wara talba għal rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (5), il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2272 (6), estendiet id-dazji fuq l-importazzjonijiet tal-SPT mir-RPĊ, inklużi dawk applikabbli għall-SPT prodotti minn Hubei.

(5)

Fis-7 ta' April 2016, fis-sentenza tagħha fil-Kawżi Magħquda C-186/14 P u C-193/14 P, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċaħdet l-appelli kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-528/09, u b'hekk ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

(6)

Fit-3 ta' Ġunju 2016, sabiex jagħtu effett lis-sentenzi msemmija hawn fuq, is-servizzi tal-Kummissjoni neħħew isem Hubei mill-grupp ta' kumpaniji elenkati taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A 950 u elenkaw lil Hubei separatament taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C 129 (l-hekk imsejħa “deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2016”). Dik il-modifika tal-kodiċi TARIC tirrifletti l-annullament tal-Qorti tad-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-SPT prodotti minn Hubei.

PROĊEDIMENTI QUDDIEM IL-QORTI ĠENERALI FIL-KAWŻA T-364/16

(7)

Fis-7 ta' Ġunju 2016, għadd ta' produtturi tal-Unjoni tal-SPT ippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament tal-bidliet fil-bażi tad-data tat-TARIC. Permezz tas-sentenza tat-18 ta' Ottubru 2018, fil-Kawża T-364/16 (7), il-Qorti Ġenerali annullat l-hekk imsejħa deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ġunju 2016 li tneħħi lil Hubei mil-lista ta' kumpaniji elenkati taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC A 950 u li telenkaha taħt il-kodiċi addizzjonali TARIC C 129.

(8)

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża T-364/16, il-Qorti Ġenerali kkonfermat li l-Kummissjoni kienet korretta li tikkunsidra li l-konformità, mas-sentenzi preċedenti tas-7 ta' April 2016 u tad-29 ta' Jannar 2014, f'konformità mal-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kienet timplika li d-dazji antidumping stabbiliti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2272 ma kellhomx jibqgħu jinġabru fuq l-oġġetti prodotti minn Hubei (8).

(9)

Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset li l-annullament tar-Regolament (KE) Nru 926/2009, sa fejn jikkonċerna lil Hubei, ma jistax awtomatikament jimplika l-eliminazzjoni mill-ordni ġuridiku tal-UE tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2272, li ma ġewx annullati mill-Qrati tal-Unjoni Ewropea (9). Għalhekk, peress li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2272 irid jiġi preżunt li huwa legali, il-Kummissjoni kien imissha emendatu jew ħassritu permezz ta' regolament (10).

EMENDA TAL-MIŻURI ANTIDUMPING

(10)

Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-364/16 u f'konformità mar-regola tal-ekwivalenza tal-forma, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2272 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex ineħħi lil Hubei mill-ambitu tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-SPT mir-RPĊ b'effett retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

(11)

Ir-rimborż jew ir-remissjoni jenħtieġ li jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(12)

Fid-dawl tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (11), huwa xieraq li tiġi prevista r-rata tal-imgħax ta' inadempjenza li trid titħallas f'każ ta' rimborż ta' dazji definittivi. Dan għaliex id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali ma jipprevedux din ir-rata ta' interess u l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali twassal għal distorsjonijiet mhux dovuti bejn l-operaturi ekonomiċi skont liema Stat Membru jintgħażel għall-iżdoganar tal-merkanzija.

(13)

Fit-13 ta' Diċembru 2018, il-Kummissjoni wriet, lill-partijiet interessati, l-intenzjoni tagħha li temenda r-Regolament (UE) 2015/2272 biex tneħħi lil Hubei mil-lista ta' kumpaniji li fuq il-prodotti tagħhom jiġu imposti dazji antidumping u r-raġunament sottostanti dik l-emenda.

(14)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku (EU) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazji antidumping definittivi mġarrba fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn Hubei Xinyegang Steel Co., Ltd lejn l-Unjoni skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2272, għandhom jitħallsu lura jew jiġu rimessi. Il-ħlas lura jew ir-remissjoni għandhom jintalbu mingħand l-awtoritajiet doganali nazzjonali f'konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

2.   L-imgħax ta' inadempjenza li għandu jitħallas f'każ ta' rimborż li jwassal għal dritt ta' ħlas ta' mgħax ta' inadempjenza għandu jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikat fis-serje Ċ ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taħbat id-data tal-iskadenza, b'żieda ta' punt perċentwali wieħed.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2272 jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1(2) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Ir-rata tad-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun din li ġejja:

Kumpanija

Rata ta' dazju AD (%)

Il-kodiċi addizzjonali TARIC

Shandong Luxing Steel Pipe Co., Ltd, Qingzhou City, ir-RPĊ

17,7

A949

Kumpaniji oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness

27,2

A950

Il-kumpaniji l-oħra kollha

39,2

A999

Għal prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati minn Hubei Xinyegang Steel Co., Ltd, ma għandu japplika l-ebda dazju antidumping. Il-kodiċi addizzjonali TARIC stabbilit għal Hubei Xinyegang Steel Co. huwa C129.”

(2)

It-tabella fl-Anness għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“Isem il-Kumpanija

Belt

Hebei Hongling Seamless Steel Pipes Manufacturing Co., Ltd

Handan

Hengyang Valin MPM Co., Ltd

Hengyang

Hengyang Valin Steel Tube Co., Ltd

Hengyang

Jiangsu Huacheng Industry Group Co., Ltd

Zhangjiagang

Jiangyin City Seamless Steel Tube Factory

Jiangyin

Jiangyin Metal Tube Making Factory

Jiangyin

Pangang Group Chengdu Iron & Steel Co., Ltd

Chengdu

Shenyang Xinda Co., Ltd

Shenyang

Suzhou Seamless Steel Tube Works

Suzhou

Tianjin Pipe (Group) Corporation (TPCO)

Tianjin

Wuxi Dexin Steel Tube Co., Ltd

Wuxi

Wuxi Dongwu Pipe Industry Co., Ltd

Wuxi

Wuxi Seamless Oil Pipe Co., Ltd

Wuxi

Zhangjiagang City Yiyang Pipe Producing Co., Ltd

Zhangjiagang

Zhangjiagang Yichen Steel Tube Co., Ltd

Zhangjiagang”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikolu 2 għandu jibda japplika mid-9 ta' Diċembru 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 926/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldatura, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, 6.10.2009, p. 19).

(3)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tad-29 ta' Jannar 2014 fil-Kawża T-528/09, Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2014:35.

(4)  Is-Sentenza tal-Qorti (It-Tieni Awla) tas-7 ta' April 2016 fil-Kawżi Magħquda C-186/14 P u C-193/14 P, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s. et vs Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Hubei Xinyegang Steel Co. Ltd, ECLI:EU:C:2016:209.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2272 tas-7 ta' Diċembru 2015 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti pajpijiet u tubi mingħajr saldaturi, tal-ħadid jew tal-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 21).

(7)  Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba' Awla) tat-18 ta' Ottubru 2018 fil-Kawża T-364/16, ArcelorMittal Tubular Products Ostrava a.s. and Others v European Commission, ECLI:EU:T:2018:696.

(8)  Il-Kawża T-364/16, il-paragrafu 67.

(9)  Il-Kawża T-364/16, il-paragrafu 65.

(10)  Il-Kawża T-364/16, il-paragrafu 68.

(11)  Is-Sentenza tal-Qorti (it-Tielet Awla) tat-18 ta' Jannar 2017, C-365/15, Wortmann vs Hauptzollamt Bielefeld, EU:C:2017:19, il-paragrafi 35 sa 39.