31.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 30/90


REGOLAMENT (UE) 2019/128 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta' Jannar 2019

li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 166(4) u l-Artikolu 165(4),

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (3)biex jassisti lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi, fil-livell tal-Unjoni, il-promozzjoni u l-iżvilupp ta' taħriġ vokazzjonali u ta' taħriġ ta' waqt is-servizz.

(2)

Sa mit-twaqqif tiegħu fl-1975, is-Cedefop kellu rwol importanti fl-appoġġ għall-iżvilupp ta' politika komuni għall-edukazzjoni u għat-taħriġ vokazzjonali. Fl-istess ħin, il-kunċett u l-importanza tat-taħriġ vokazzjonali evolvew taħt l-influwenza tat-tibdil fis-swieq tax-xogħol, l-iżviluppi teknoloġiċi, partikolarment fil-qasam diġitali, u ż-żieda fil-mobbiltà tal-ħaddiema. Dawk il-fatturi jżidu mal-isfida ta' tlaqqigħ aħjar ta' kompetenzi u kwalifiki fil-kuntest ta' domanda li qed tevolvi kontinwament. Il-politiki tat-taħriġ vokazzjonali evolvew skont dan kollu u jinkludu varjetà ta' strumenti u inizjattivi, inklużi dawk relatati mal-ħiliet u l-kwalifiki u l-validazzjoni tat-tagħlim, li neċessarjament imorru lil hinn mill-konfini tradizzjonali tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. In-natura tal-attivitajiet tas-Cedefop jenħtieġ għalhekk li tiġi definita b'mod ċar sabiex tirrifletti aħjar l-attivitajiet attwali tiegħu, li jmorru lil hinn mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u jinkludu xogħol fuq il-ħiliet u l-kwalifiki, u jenħtieġ li tiġi adattata t-terminoloġija użata biex jiġu definiti l-objettivi u l-kompiti tas-Cedefop biex jiġu riflessi dawk l-iżviluppi.

(3)

Ir-rapport ta' evalwazzjoni tas-Cedefop tal-2013 ikkonkluda li r-Regolament (KEE) Nru 337/75 jenħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi l-ħidma tas-Cedefop fuq il-ħiliet bħala wieħed mill-kompiti tiegħu u biex jintegra b'mod aktar ċar il-ħidma tiegħu dwar ir-rapportar ta' politika u għodod u inizjattivi komuni Ewropej.

(4)

L-appoġġ għall-implimentazzjoni ta' politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali se jeħtieġ fokus fuq l-interfaċċja bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u d-dinja tax-xogħol, sabiex ikun żgurat li l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba jappoġġjaw it-tagħlim tul il-ħajja, l-integrazzjoni u l-impjegabbiltà fis-swieq tax-xogħol li qed jinbidlu u li jkunu rilevanti għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u s-soċjetà.

(5)

Ir-Regolament (KEE) Nru 337/75 ġie emendat bosta drabi. Billi għandhom isiru aktar emendi, dak ir-Regolament jenħtieġ li jitħassar u jkun sostitwit fl-interess taċ-ċarezza.

(6)

Ir-regoli li jirregolaw is-Cedefop, sa fejn hu possibbli u b'kunsiderazzjoni tan-natura tripartitika tiegħu, jenħtieġ li jiġu stabbiliti f'konformità mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aġenziji deċentralizzati tad-19 ta' Lulju 2012.

(7)

Peress li t-tliet aġenziji tripartitiċi, jiġifieri s-Cedefop, il-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol (Eurofound) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) jindirizzaw kwistjonijiet relatati mas-suq tax-xogħol, l-ambjent tax-xogħol, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet, il-koordinazzjoni mill-qrib bejniethom hija meħtieġa. Hija meħtieġa wkoll koordinazzjoni mill-qrib mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF). Fil-ħidma tiegħu, is-Cedefop jenħtieġ li għalhekk jikkumplimenta l-ħidma tal-ETF, il-Eurofound u l-EU-OSHA fejn huma għandhom oqsma simili ta' interess, filwaqt li jiffavorixxu għodod li jiffunzjonaw tajjeb, bħal memoranda ta' qbil. Is-Cedefop jenħtieġ li jisfrutta modi biex itejjeb l-effiċjenza u s-sinerġiji u, fl-attivitajiet tiegħu, jevita d-duplikazzjoni ma' dawk tal-ETF, il-Eurofound u l-EU-OSHA u tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, fejn rilevanti, is-Cedefop jenħtieġ li jikkoopera b'mod effiċjenti mal-kapaċitajiet ta' riċerka interni tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni u tal-korpi esterni speċjalizzati.

(8)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati inklużi l-membri tal-Bord tat-Tmexxija u l-membri tal-Parlament Ewropew matul l-evalwazzjoni tas-Cedefop.

(9)

In-natura tripartitika tas-Cedefop, il-Eurofound u l-EU-OSHA hija espressjoni siewja ħafna ta' approċċ komprensiv ibbażat fuq id-djalogu soċjali bejn is-sħab soċjali u l-awtoritajiet nazzjonali u tal-Unjoni, li huwa estremament importanti sabiex jinstabu soluzzjonijiet soċjali u ekonomiċi b'mod konġunt u sostenibbli.

(10)

Sabiex jiġi simplifikat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tas-Cedefop u sabiex ikun hemm kontribut għat-titjib tal-effiċjenza u l-effettività, jenħtieġ li tiġi introdotta struttura ta' governanza fuq żewġ livelli. Għal dak il-għan, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-impjegaturi u tal-impjegati u l-Kummissjoni jenħtieġ li jkunu rappreżentati fuq Bord tat-Tmexxija bis-setgħat meħtieġa, inkluż is-setgħa li jadottaw il-baġit u japprovaw id-dokument ta' programmazzjoni. Fid-dokument ta' programmazzjoni, li jkun fih il-programm ta' ħidma pluriennali tas-Cedefop u l-programm ta' ħidma annwali tiegħu, fuq Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jistabbilixxi l-prijoritajiet strateġiċi tal-attivitajiet tas-Cedefop. Barra minn hekk, ir-regoli adottati mill-Bord ta' Tmexxija għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess jenħtieġ li jinkludu miżuri biex jiġu identifikati riskji potenzjali fi stadju bikri.

(11)

Sabiex is-Cedefop ikun jista' jiffunzjona tajjeb, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet Ewropej tal-impjegaturi u tal-impjegati u l-Kummissjoni jenħtieġ li jiżguraw li l-persuni li jinħatru fil-Bord tat-Tmexxija jkollhom għarfien xieraq fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-ħiliet u l-kwalifiki bil-ħsieb li jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi, u li jissorveljaw l-attivitajiet tas-Cedefop.

(12)

Il-Bord Eżekuttiv jenħtieġ li jiġi stabbilit bil-kompitu li jħejji l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija b'mod xieraq u jagħti appoġġ lill-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-monitoraġġ tiegħu. Meta jassisti lill-Bord ta' Tmexxija, jenħtieġ li jkun possibbli għall-Bord Eżekuttiv, fejn ikun meħtieġ, għal raġunijiet ta' urġenza, li jieħu ċerti deċiżjonijiet proviżorji f'isem il-Bord tat-Tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija jenħtieġ li jadotta r-regoli ta' proċedura tal-Bord Eżekuttiv.

(13)

Id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali tas-Cedefop skont id-direzzjoni strateġika stabbilita mill-Bord tat-Tmexxija, inkluż l-amministrazzjoni ta' kuljum kif ukoll il-ġestjoni finanzjarja u tar-riżorsi umani. Id-Direttur Eżekuttiv jenħtieġ li jeżerċita s-setgħat fdati lilu. Jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu sospiżi dawk is-setgħat f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal f'kunflitti ta' interess jew nuqqas serju ta' konformità mal-obbligi skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Regolamenti tal-Persunal).

(14)

Il-prinċipju tal-ugwaljanza huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni. L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż fl-impjieg, ix-xogħol u l-paga. Il-partijiet kollha jenħtieġ li jimmiraw biex jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fuq il-Bord tat-Tmexxija u l-Bord Eżekuttiv. Dak l-għan jenħtieġ li jiġi segwit ukoll mill-Bord tat-Tmexxija fir-rigward tal-President u l-Viċi Presidenti tiegħu meħudin flimkien, kif ukoll mill- gruppi li jirrappreżentaw il-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati fuq il-Bord tat-Tmexxija fir-rigward tal-ħatra ta' sostituti biex jattendu l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv.

(15)

Is-Cedefop jopera uffiċċju ta' kollegament fi Brussell. Jenħtieġ li tinżamm il-possibbiltà li jibqa' jintuża dak l-uffiċċju.

(16)

Id-dispożizzjonijiet finanzjarji u d-dispożizzjonijiet għall-pprogrammazzjoni u r-rapportar relatati mas-Cedefop jenħtieġ li jiġu aġġornati. Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (4) jistipula li s-Cedefop għandu jwettaq evalwazzjonijiet ex ante u ex post għall-programmi u l-attivitajiet kollha li jinvolvu nfiq sinifikanti. Dawk l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jiġu kkunsidrati mis-Cedefop fil-programmazzjoni pluriennali u annwali tiegħu.

(17)

Sabiex jiġu żgurati l-awtonomija u l-indipendenza sħaħ tiegħu, u biex ikun jista' jwettaq b'mod xieraq l-objettivi u l-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-Cedefop jingħata baġit adegwat u awtonomu bi dħul li jiġi prinċipalment minn kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-proċedura baġitarja tal-Unjoni jenħtieġ li tkun applikabbli għas-Cedefop f'dak li jirrigwarda l-kontribuzzjoni tal-Unjoni u kwalunkwe sussidju ieħor debitabbli lill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-kontijiet tas-Cedefop jenħtieġ li jkunu awditjati mill-Qorti tal-Awdituri.

(18)

Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-Cedefop jenħtieġ li jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (Ċentru tat-Traduzzjoni). Is-Cedefop jenħtieġ li jaħdem flimkien maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni biex jistabbilixxi indikaturi għall-kwalità, il-puntwalità u l-kunfidenzjalità, biex jidentifika b'mod ċar il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tas-Cedefop, u joħloq proċeduri trasparenti u oġġettivi għall-proċess tat-traduzzjoni.

(19)

Id-dispożizzjonijiet dwar il-persunal tas-Cedefop jenħtieġ li jikkonformaw mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni (il-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra), stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (5).

(20)

Is-Cedefop jenħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-immaniġġar u l-ipproċessar sikur ta' informazzjoni kunfidenzjali. Fejn meħtieġ, is-Cedefop jenħtieġ li jadotta regoli tas-sigurtà li jkunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (6) u (UE, Euratom) 2015/444 (7).

(21)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet tranżitorji baġitarji u dispożizzjonijiet tranżitorji fir-rigward tal-Bord tat-Tmexxija u l-persunal biex jiżguraw il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-Cedefop sakemm jiġi implimentat dan ir-Regolament.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

L-OBJETTIVI U L-KOMPITI

Artikolu 1

L-istabbiliment u l-objettivi

1.   Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali, (Cedefop) huwa b'dan stabbilit bħala Aġenzija tal-Unjoni.

2.   L-objettiv tas-Cedefop għandu jkun li jappoġġja l-promozzjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll tal-ħiliet u l-kwalifiki billi jaħdem flimkien mal-Kummissjoni, mal-Istati Membri u mas-sħab soċjali.

Għal dak il-għan is-Cedefop għandu jsaħħaħ u jxerred l-għarfien, jipprovdi evidenza u servizzi għat-tfassil tal-politika, inklużi konklużjonijiet abbażi tar-riċerka, u għandu jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien fost u bejn l-Unjoni u l-atturi nazzjonali.

Artikolu 2

Il-kompiti

1.   Is-Cedefop għandu jkollu l-kompiti li ġejjin fir-rigward tal-oqsma ta' politika msemmija fl-Artikolu 1(2), filwaqt li jirrispetta b'mod sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri:

(a)

janalizza x-xejriet fil-politiki u s-sistemi dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-ħiliet u l-kwalifiki u tipprovdi analiżi komparattiva tagħhom fost il-pajjiżi;

(b)

janalizza t-tendenzi tas-suq tax-xogħol fir-rigward tal-ħiliet u l-kwalifiki, u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

(c)

janalizza u jikkontribwixxi għal żviluppi relatati mad-disinn u l-għoti ta' kwalifiki, l-organizzazzjoni tagħhom f'oqfsa, u l-funzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, u fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza u r-rikonoxximent tagħhom;

(d)

janalizza u jikkontribwixxi għal żviluppi fil-qasam tal-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali;

(e)

iwettaq u jikkummissjona studji u jwettaq riċerka dwar żviluppi soċjoekonomiċi rilevanti u kwistjonijiet politiċi relatati;

(f)

jipprovdi fora għal skambju ta' esperjenzi u informazzjoni bejn il-gvernijiet, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati l-oħra fil-livell nazzjonali;

(g)

jikkontribwixxi, inkluż permezz ta' informazzjoni u analiżi bbażati fuq l-evidenza, għall-implimentazzjoni ta' riformi, u ta' politiki fil-livell nazzjonali;

(h)

ixerred l-informazzjoni bil-ħsieb li jikkontribwixxi għal politiki u biex iżid l-għarfien u l-fehim tal-potenzjal tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fil-promozzjoni u l-appoġġ tal-impjegabbiltà tal-persuni, il-produttività fil-kumpaniji u t-tagħlim tul il-ħajja;

(i)

jimmaniġġa u jagħmel disponibbli għodod, settijiet ta' data u servizzi għal taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali, ħiliet, impjiegi u kwalifiki għaċ-ċittadini, il-kumpaniji, il-persuni li jfasslu l-politika, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħrajn;

(j)

jistabbilixxi strateġija għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali skont l-Artikolu 29 dwar kwistjonijiet li għalihom is-Cedefop huwa kompetenti.

2.   Meta jkunu meħtieġa studji ġodda, u qabel jittieħdu deċiżjonijiet politiċi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom iqisu l-għarfien espert tas-Cedefop u kwalunkwe studju li jkun wettaq fil-qasam ikkonċernat jew li jkun kapaċi jwettaq, f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

3.   Fl-attivitajiet tiegħu, is-Cedefop għandu jqis ir-rabtiet li jeżistu bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u s-setturi l-oħra tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

4.   Is-Cedefop jista' jikkonkludi ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' aġenziji rilevanti oħra tal-Unjoni biex jiffaċilita u jippromwovi l-kooperazzjoni magħhom.

5.   Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, is-Cedefop għandu jżomm djalogu mill-qrib, b'mod partikolari ma' korpi speċjalizzati li jaħdmu fuq politiki dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-ħiliet u l-kwalifiki, kemm jekk pubbliċi jew privati, nazzjonali jew internazzjonali, mal-awtoritajiet pubbliċi u mal-istituzzjonijiet edukattivi, ma' organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati u, meta jkunu jeżistu, ma' korpi tripartitiċi nazzjonali. Is-Cedefop, mingħajr preġudizzju għall-objettivi u l-finijiet tiegħu, għandu jikkoopera ma' aġenziji oħra tal-Unjoni, b'mod partikolari mal-ETF, il-Eurofound u l-EU-OSHA, billi jippromwovi sinerġiji u komplementarjetà mal-attivitajiet tagħhom, filwaqt li jevita kwalunkwe duplikazzjoni tal-isforzi.

KAPITOLU II

L-ORGANIZZAZZJONI TAS-CEDEFOP

Artikolu 3

L-istruttura amministrattiva u tat-tmexxija

L-istruttura amministrattiva u tat-tmexxija tas-Cedefop għandha tinkludi:

(a)

Bord tat-Tmexxija;

(b)

Bord Eżekuttiv;

(c)

Direttur Eżekuttiv.

TAQSIMA 1

Il-Bord tat-Tmexxija

Artikolu 4

Il-kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul minn:

(a)

membru wieħed, li jirrappreżenta lill-gvern, minn kull Stat Membru;

(b)

membru wieħed, li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, minn kull Stat Membru;

(c)

membru wieħed, li jirrappreżenta l-organizzazzjonijiet tal-impjegati, minn kull Stat Membru;

(d)

tliet membri li jirrappreżentaw lill-Kummissjoni;

(e)

espert indipendenti wieħed maħtur mill-Parlament Ewropew.

Kull wieħed mill-membri msemmija fil-punti (a) sa (d) għandu jkollu d-dritt għal vot.

Il-Kunsill għandu jaħtar il-membri msemmija fil-punti (a), (b) u (c) abbażi tal-kandidati nominati, rispettivament, mill-Istati Membri u mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-impjegaturi u tal-impjegati.

Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri msemmija fil-punt (d).

Il-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew għandu jaħtar l-espert msemmi fil-punt (e).

2.   Kull membru tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu sostitut. Is-sostitut għandu jirrappreżenta lill-membru fl-assenza tiegħu. Is-sostituti għandhom jinħatru f'konformità mal-paragrafu 1.

3.   Il-Membri tal-Bord tat-Tmexxija u s-sostituti tagħhom għandhom jiġu nominati u jinħatru abbażi tal-għarfien tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, il-ħiliet u l-kwalifiki, filwaqt li jitqiesu l-ħiliet rilevanti tagħhom bħal dawk maniġerjali, amministrattivi u baġitarji, u l-għarfien espert fil-qasam tal-kompiti ewlenin tas-Cedefop sabiex jiffunzjonaw b'mod effettiv fi rwol ta' sorveljanza. Il-partijiet kollha rappreżentati fuq il-Bord tat-Tmexxija għandhom jippruvaw jillimitaw il-bdil tar-rappreżentanti tagħhom, sabiex jiżguraw il-kontinwità tal-ħidma tiegħu. Il-partijiet kollha għandhom jimmiraw li jiksbu rappreżentanza bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fil-Bord tat-Tmexxija.

4.   Il-membri u s-sostituti għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni bil-miktub meta jieħdu l-kariga fejn jiddikjaraw li mhumiex f'sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interessi. Il-membri u s-sostituti għandhom jaġġornaw id-dikjarazzjoni tagħhom f'każ ta' bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess. Is-Cedefop għandu jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-interessi u l-aġġornamenti fuq is-sit web tiegħu.

5.   Il-mandat tal-membri u tas-sostituti għandu jkun ta' erba' snin. Dak il-mandat għandu jkun jista' jiġġedded. Mal-iskadenza tal-mandat tagħhom jew fil-każ tar-riżenja tagħhom, il-membri u s-sostituti għandhom jibqgħu fl-uffiċċju sakemm jiġġeddu l-ħatriet tagħhom jew sakemm jiġu sostitwiti.

6.   Fuq il-Bord tat-Tmexxija, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet, tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati għandhom rispettivament jiffurmaw grupp. Kull grupp għandu jinnomina koordinatur sabiex titjieb l-effiċjenza tad-deliberazzjonijiet fi ħdan u bejn il-gruppi. Il-koordinaturi tal-gruppi tal-impjegaturi u tal-impjegati għandhom ikunu rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet Ewropej rispettivi tagħhom u jistgħu jkunu nominati minn fost il-membri tal-Bord tat-Tmexxija maħtura. Il-koordinaturi li mhumiex maħtura membri tal-Bord tat-Tmexxija skont il-paragrafu 1 għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija mingħajr id-dritt għal vot.

Artikolu 5

Il-funzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu:

(a)

jagħti orjentazzjonijiet strateġiċi għall-attivitajiet tas-Cedefop;

(b)

jadotta kull sena, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri bid-dritt għal vot u f'konformità mal-Artikolu 6, id-dokument ta' programmazzjoni tas-Cedefop, li jkun fih il-programm pluriennali tas-Cedefop u l-programm ta' ħidma annwali tiegħu għas-sena segwenti;

(c)

jadotta, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu bid-dritt għal vot, il-baġit annwali tas-Cedefop u jeżerċita funzjonijiet oħra fir-rigward ta' dak il-baġit skont il-Kapitolu III;

(d)

jadotta rapport ikkonsolidat dwar l-attività annwali flimkien ma' valutazzjoni dwar l-attivitajiet tas-Cedefop, jibgħathom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-Qorti tal-Awdituri qabel l-1 ta' Lulju ta' kull sena u jagħmel disponibbli għall-pubbliku r-rapport ikkonsolidat dwar l-attività annwali;

(e)

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għas-Cedefop f'konformità mal-Artikolu 16;

(f)

jadotta strateġija kontra l-frodi, li tkun proporzjonata mar-riskji ta' frodi, filwaqt li jqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-miżuri li jridu jiġu implimentati;

(g)

jadotta regoli għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interessi fir-rigward tal-membri u l-esperti indipendenti tiegħu, kif ukoll tal-esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor mhux impjegat mis-Cedefop kif imsemmi fl-Artikolu 19;

(h)

jadotta l-pjanijiet ta' komunikazzjoni u disseminazzjoni bbażati fuq analiżi tal-ħtiġijiet u jirrifletti dan fid-dokument ta' programmazzjoni tas-Cedefop;

(i)

jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu;

(j)

jeżerċita, f'konformità mal-paragrafu 2, fir-rigward tal-persunal tas-Cedefop, is-setgħat tal-Awtorità tal-Ħatra mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal u l-Awtorità Mogħtija s-Setgħa biex Tikkonkludi Kuntratti ta' Impjieg mogħtija mill-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni (is-setgħat tal-awtorità tal-ħatra);

(k)

jadotta regoli ta' implimentazzjoni xierqa sabiex jiġu applikati r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni skont l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal;

(l)

jaħtar u, fejn rilevanti, jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv jew ineħħih mill-kariga, f'konformità mal-Artikolu 18;

(m)

jaħtar Uffiċjal tal-Kontabilità, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, li għandu jkun totalment indipendenti fit-twettiq ta' dmirijietu;

(n)

jadotta r-regoli ta' proċedura tal-Bord Eżekuttiv;

(o)

jissorvelja segwitu xieraq għal sejbiet u rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti interni u esterni tal-awditjar u tal-evalwazzjonijiet, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF);

(p)

jawtorizza l-istabbiliment ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 29.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta, f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 2(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Artikolu 6 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, filwaqt li jiddelega setgħat tal-awtorità tal-ħatra rilevanti lid-Direttur Eżekuttiv u jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li permezz tagħhom din id-delega ta' setgħat tista' tiġi sospiża. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun awtorizzat li jissottodelega dawk is-setgħat.

F'każ ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Bord tat-Tmexxija jista' jissospendi temporanjament id-delega tas-setgħat tal-awtorità tal-ħatra lid-Direttur Eżekuttiv u dawk li jkunu ġew sottodelegati mid-Direttur Eżekuttiv. F'każijiet bħal dawn, il-Bord tat-Tmexxija għandu jiddelegahom, għal perjodu limitat, lil wieħed mir-rappreżentanti li tkun innominat il-Kummissjoni jew lil membru tal-persunal ieħor minbarra d-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 6

Programmi pluriennali u annwali

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu, f'konformità mal-punt (e) tal-Artikolu 11(5) ta' dan ir-Regolament, ifassal dokument ta' programmazzjoni li jkun fih il-programm ta' ħidma annwali u pluriennali f'konformità mal-Artikolu 32 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta l-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 lill-Bord tat-Tmexxija. L-abbozz tad-dokument ta' programmazzjoni, wara l-approvazzjoni mill-Bord tat-Tmexxija, għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta kwalunkwe verżjoni aġġornata ta' dak id-dokument f'konformità mal-istess proċedura. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta d-dokument ta' programmazzjoni filwaqt li jqis l-opinjoni tal-Kummissjoni.

Id-dokument ta' programmazzjoni għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u, jekk ikun neċessarju, għandu jiġi aġġustat skont dan.

3.   Il-programm ta' ħidma pluriennali għandu jistabbilixxi l-programmazzjoni strateġika ġenerali, inklużi l-għanijiet, ir-riżultati mistennija u l-indikaturi tal-prestazzjoni, filwaqt li jevita dupplikazzjoni ma' aġenziji oħra. Għandu jistabbilixxi wkoll il-programmazzjoni tar-riżorsi, inkluż il-baġit pluriennali u tal-persunal. Għandu jinkludi strateġija għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 29, l-azzjonijiet marbuta mal-istrateġija u l-ispeċifikazzjoni ta' riżorsi assoċjati.

4.   Il-programm ta' ħidma annwali għandu jkun konsistenti mal-programm ta' ħidma pluriennali msemmi fil-paragrafu 3 u għandu jinkludi:

(a)

objettivi dettaljati u r-riżultati mistennija inkluż l-indikaturi tal-prestazzjoni;

(b)

deskrizzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati, inklużi miżuri ppjanati li għandhom l-għan li jżidu l-effiċjenza;

(c)

indikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani allokati għal kull azzjoni, skont il-prinċipji ta' bbaġitjar u ġestjoni bbażati fuq l-attività;

(d)

azzjonijiet possibbli għal relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali f'konformità mal-Artikolu 29.

Dan għandu jindika b'mod ċar l-azzjonijiet li jkunu żdiedu, inbidlu jew tħassru meta mqabbel mas-sena finanzjarja preċedenti.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jemenda l-programm ta' ħidma annwali adottat meta attività ġdida tiġi assenjata lis-Cedefop. Il-Bord tat-Tmexxija jista' jiddelega s-setgħa li jsir l-emendar mhux sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali lid-Direttur Eżekuttiv.

Kwalunkwe emendar sostanzjali fil-programm ta' ħidma annwali għandu jiġi adottat skont l-istess proċedura bħal tal-programm ta' ħidma annwali inizjali.

6.   Il-programmazzjoni ta' riżorsi għandha tiġi aġġornata kull sena. Il-programmazzjoni strateġika għandha tiġi aġġornata fejn dan ikun xieraq, u partikolarment b'kunsiderazzjoni tal-eżitu tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 27.

L-assenjazzjoni lis-Cedefop ta' attività ġdida bil-għan li jiġu ssodisfatti l-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 2 għandha titqies fil-programmazzjoni tar-riżorsi u dak finanzjarju tiegħu, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“l-awtorità baġitarja”).

Artikolu 7

Il-President tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi President u tliet Viċi Presidenti kif ġej:

(a)

wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw il-gvernijiet tal-Istati Membri;

(b)

wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi;

(c)

wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-impjegati; u

(d)

wieħed minn fost il-membri li jirrappreżentaw il-Kummissjoni.

Il-President u l-Viċi President għandhom jiġu eletti permezz ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija bid-dritt għal vot.

2.   Il-mandat tal-President u l-Viċi Presidenti għandu jkun ta' sena. Il-mandat tagħhom għandu jkun jista' jiġġedded. Fil-każ li s-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija tispiċċa fi kwalunkwe żmien matul il-mandat tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jiskadi awtomatikament f'dik id-data.

Artikolu 8

Il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr id-dritt għal vot.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiltaqa' darba fis-sena f'laqgħa ordinarja. Barra minn hekk, għandu jiltaqa' fuq inizjattiva tal-President, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta' mill-anqas terz tal-membri tiegħu.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija jista' jistieden lil kwalunkwe persuna li jista' jkollha opinjoni li tkun ta' interess biex tattendi l-laqgħat tiegħu bħala osservatur. Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE) jistgħu jattendu laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija bħala osservaturi meta l-Ftehim ŻEE jipprovdi għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tas-Cedefop.

5.   Is-Cedefop għandu jipprovdi s-segretarjat għall-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 9

Ir-regoli tal-Bord tat-Tmexxija dwar il-votazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-punti (b) u (c), l-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 18(7), il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu d-deċiżjonijiet permezz ta' maġġoranza tal-membri bid-dritt għal vot.

2.   Kull membru bid-dritt għal vot għandu jkollu vot wieħed. Fin-nuqqas ta' membru bid-dritt għal vot, is-sostitut tiegħu għandu jkun intitolat jeżerċita d-dritt għal vot tiegħu.

3.   Il-President għandu jieħu sehem fil-votazzjoni.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fid-deliberazzjonijiet, mingħajr ma jkollu d-dritt għal vot.

5.   Ir-regoli ta' proċedura tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jistabbilixxu arranġamenti ta' votazzjoni aktar dettaljati b'mod partikolari ċ-ċirkostanzi li fihom membru jista' jaġixxi f'isem membru ieħor.

TAQSIMA 2

Il-Bord Eżekuttiv

Artikolu 10

Il-Bord Eżekuttiv

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu:

(a)

iħejji d-deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija;

(b)

jissorvelja, flimkien mal-Bord tat-Tmexxija, segwitu adegwat għas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapporti u l-evalwazzjonijiet ta' awditjar intern jew estern, kif ukoll minn investigazzjonijiet tal-OLAF;

(c)

mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv, kif stabbiliti fl-Artikolu 11, jagħti pariri lid-Direttur, fejn meħtieġ, fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija, bil-ħsieb li tissaħħaħ is-superviżjoni tal-ġestjoni amministrattiva u baġitarja.

3.   Meta jkun meħtieġ, minħabba urġenza, il-Bord Eżekuttiv jista' jieħu ċerti deċiżjonijiet proviżorji f'isem il-Bord tat-Tmexxija, inkluż is-sospensjoni tad-delega tas-setgħat ta' awtorità tal-ħatra, f'konformità mal-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) u fuq kwistjonijiet baġitarji.

4.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President tal-Bord tat-Tmexxija, it-tliet Viċi Presidenti, il-koordinaturi tat-tliet gruppi kif imsemmi fl-Artikolu 4(6) u rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni. Kull grupp imsemmi fl-Artikolu 4(6) jista' jinnomina sa żewġ sostituti biex jattendu l-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv fil-każ li membru maħtur minn grupp rilevanti jkun assenti. Il-President tal-Bord tat-Tmexxija għandu jkun ukoll il-President tal-Bord Eżekuttiv. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv mingħajr id-dritt għal vot.

5.   Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jkun ta' sentejn. Dak il-mandat għandu jkun jista' jiġġedded. Il-mandat tal-membri tal-Bord Eżekuttiv għandu jintemm meta tintemm is-sħubija tagħhom fil-Bord tat-Tmexxija.

6.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jiltaqa' tliet darbiet fis-sena. Barra minn hekk, għandu jiltaqa' fuq l-inizjattiva tal-President jew fuq it-talba tal-membri tiegħu. Wara kull laqgħa, il-koordinaturi tat-tliet gruppi msemmija fl-Artikolu 4(6) għandhom jagħmlu użu mill-aħjar sforzi biex jinfurmaw lill-membri tal-grupp tagħhom dwar il-kontenut tad-diskussjoni b'mod trasparenti u f'waqtu.

TAQSIMA 3

Id-Direttur Eżekuttiv

Artikolu 11

Ir-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali tas-Cedefop skont id-direzzjoni strateġika stabbilita mill-Bord tat-Tmexxija u għandu jagħti rendikont ta' għemilu lill-Bord tat-Tmexxija.

2.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, il-Bord tat-Tmexxija u l-Bord Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern jew minn kwalunkwe korp ieħor.

3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat rapport lill-Parlament Ewropew dwar il-qadi ta' dmirijietu meta jintalab jagħmel dan. Il-Kunsill jista' jistieden lid-Direttur Eżekuttiv jibgħat rapport dwar il-qadi ta' dmirijietu.

4.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tas-Cedefop.

5.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti assenjati lis-Cedefop minn dan ir-Regolament. B'mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għal:

(a)

l-amministrazzjoni ta' kuljum tas-Cedefop, inkluż l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilu rigward kwistjonijiet marbuta mal-persunal, f'konformità mal-Artikolu 5(2);

(b)

l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tat-Tmexxija;

(c)

it-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, f'konformità mad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 5(2);

(d)

b'kont meħud tal-ħtiġijiet relatati mal-attivitajiet tas-Cedefop u l-ġestjoni baġitarja soda tagħha, it-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-istrutturi interni tas-Cedefop inkluż, fejn meħtieġ, mekkaniżmu ta' sostituzzjoni għal funzjonijiet li jistgħu jkopru il-ġestjoni ta' kuljum tas-Cedefop;

(e)

it-tħejjija tad-dokument ta' programmazzjoni u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija wara l-konsultazzjoni mal-Kummissjoni;

(f)

l-implimentazzjoni tad-dokument ta' programmazzjoni u r-rappurtar lill-Bord tat-Tmexxija dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

(g)

it-tħejjija tar-rapport konsolidat annwali dwar l-attivitajiet ta' Cedefop u l-preżentazzjoni tiegħu lill-Bord tat-Tmexxija għall-valutazzjoni u l-adozzjoni;

(h)

it-twaqqif ta' sistema effettiva ta' monitoraġġ sabiex jistgħu jsiru l-evalwazzjonijiet regolari msemmija fl-Artikolu 27 u sistema ta' rapportar biex jinġabru fil-qosor ir-riżultati tagħhom;

(i)

it-tħejjija tal-abbozz tar-regoli finanzjarji applikabbli għas-Cedefop;

(j)

it-tħejjija tal-abbozz tad-dikjarazzjoni tal-estimi tad-dħul u l-infiq tas-Cedefop, bħala parti mid-dokument ta' programmazzjoni tas-Cedefop; u l-implimentazzjoni tal-baġit tas-Cedefop;

(k)

it-tħejjija ta' pjan ta' azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet ta' rapporti tal-awditjar intern jew estern u ta' evalwazzjonijiet, kif ukoll investigazzjonijiet mill-OLAF u jirrapporta dwar il-progress darbtejn fis-sena lill-Kummissjoni u regolarment lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Bord Eżekuttiv;

(l)

l-għan li jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi fi ħdan is-Cedefop;

(m)

il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi japplika miżuri preventivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, billi jwettaq kontrolli effettivi u, jekk jinstabu xi irregolaritajiet, billi jirkupra l-ammonti li tħallsu bi żball u, meta dan ikun xieraq, billi jimponi penali amministrattivi u finanzjarji li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi;

(n)

it-tħejjija ta' strateġija kontra l-frodi għas-Cedefop u għat-tressiq tagħha quddiem il-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

(o)

fejn rilevanti, il-kooperazzjoni ma' aġenziji oħra tal-Unjoni u l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni magħhom.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli wkoll biex jiddeċiedi jekk ikunx neċessarju għall-fini li jitwettqu l-kompiti tas-Cedefop b'mod effiċjenti u effettiv li jiġi stabbilit uffiċċju ta' kollegament fi Brussell biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tas-Cedefop mal-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tirrikjedi l-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni, tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Istat Membru rilevanti. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet li jridu jitwettqu minn dak l-uffiċċju ta' kollegament b'mod li jiġu evitati spejjeż bla bżonn u kwalunkwe duplikazzjoni tal-funzjonijiet amministrattivi tas-Cedefop.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 12

Il-baġit

1.   L-estimi tad-dħul u l-infiq kollu għas-Cedefop għandhom jitħejjew għal kull sena finanzjarja, u għandhom jidhru fil-baġit tas-Cedefop. Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi għas-sena kalendarja.

2.   Il-baġit tas-Cedefop għandu jkun bilanċjat f'termini tad-dħul u tal-infiq.

3.   Mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, id-dħul tas-Cedefop għandu jinkludi:

(a)

kontribuzzjoni mill-Unjoni, imdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni;

(b)

kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri;

(c)

l-ispejjeż għall-pubblikazzjonijiet u kwalunkwe servizz ipprovdut mis-Cedefop;

(d)

kwalunkwe kontribuzzjoni mill-pajjiżi terzi li jipparteċipaw fil-ħidma tas-Cedefop, kif previst mill-Artikolu 29;

4.   L-infiq tas-Cedefop għandu jinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u tal-infrastruttura u n-nefqa operattiva.

Artikolu 13

L-istabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz provviżorju tal-estimi tad-dħul u tal-infiq tas-Cedefop għas-sena finanzjarja ta' wara, inkluż il-pjan ta' stabbiliment, u jibagħtu lill-Bord tat-Tmexxija.

L-abbozz provviżorju tal-estimi għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi u r-riżultati mistennija tad-dokument ta' programmazzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 6(1), u għandu jqis ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi u r-riżultati mistennija, f'konformità mal-prinċipju ta' baġitjar abbażi tal-prestazzjoni.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, abbażi tal-abbozz proviżorju tal-estimi, jadotta abbozz tal-estimi tad-dħul u l-infiq tas-Cedefop għas-sena finanzjarja ta' wara, u għandu jibagħtu lill-Kummissjoni sal-31 ta' Jannar ta' kull sena.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat l-abbozz tal-estimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. L-abbozz tal-estimi għandu jkun disponibbli wkoll għas-Cedefop.

4.   Abbażi tal-abbozz tal-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal l-estimi li hi tikkunsidra neċessarji għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont ta' kontribuzzjoni li għandu joħroġ mill-baġit ġenerali fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, li hi għandha tressaq quddiem l-awtorità baġitarja skont l-Artikoli 313 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

5.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni lis-Cedefop.

6.   L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment tas-Cedefop.

7.   Il-baġit tas-Cedefop għandu jiġi adottat mill-Bord tat-Tmexxija. Il-baġit għandu jsir definittiv wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni u, jekk neċessarju, għandu jiġi aġġustat kif xieraq. Kwalunkwe modifika għall-baġit tas-Cedefop, inkluż il-pjan ta' stabbiliment, għandha tiġi adottata f'konformità mal-istess proċedura.

8.   Għal kwalunkwe proġett ta' bini li x'aktarx ikollu implikazzjonijiet sinifikanti għall-baġit tas-Cedefop, għandu japplika r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013.

Artikolu 14

L-implimentazzjoni tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jimplimenta l-baġit tas-Cedefop.

2.   Kull sena d-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-awtorità baġitarja kwalunkwe informazzjoni rilevanti għas-sejbiet ta' kwalunkwe proċedura ta' evalwazzjoni.

Artikolu 15

Il-preżentazzjoni tal-kontijiet u l-kwittanza

1.   L-uffiċjal tal-kontabilità tas-Cedefop għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji għas-sena finanzjarja (Sena N) lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri sal-1 ta' Marzu tas-sena finanzjarja segwenti (sena N + 1).

2.   Is-Cedefop għandu jibgħat rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena N + 1.

3.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tas-Cedefop għas-sena N, ikkonsolidati bil-kontijiet tal-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri sal-31 ta' Marzu tas-sena N + 1.

4.   Mal-wasla tal-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tas-Cedefop għas-sena N, f'konformità mal-Artikolu 246 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jfassal il-kontijiet finali tas-Cedefop għal dik is-sena. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżentahom lill-Bord tat-Tmexxija għal opinjoni.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali tas-Cedefop għas-sena N.

6.   L-uffiċjal tal-kontabilità tas-Cedefop għandu jibgħat, sal-1 ta' Lulju tas-sena N + 1, il-kontijiet finali għas-sena N lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mal-opinjoni tal-Bord tat-Tmexxija.

7.   Il-kontijiet finali għas-sena N għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena N + 1.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri, sat-30 ta' Settembru tas-sena N + 1, tweġiba għall-osservazzjonijiet imniżżla fir-rapport annwali tagħha. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat ukoll it-tweġiba lill-Bord tat-Tmexxija wkoll.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla intoppi tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena N, f'konformità mal-Artikolu 109(3) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013.

10.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena N + 2, il-Parlament Ewropew għandu jagħti kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

Artikolu 16

Ir-regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għas-Cedefop għandhom jiġu adottati mill-Bord tat-Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Huma ma għandhomx jitbiegħdu mir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013, sakemm din id-devjazzjoni ma tkunx meħtieġa b'mod speċifiku għall-operat tas-Cedefop u bil-Kummissjoni li tkun tat il-kunsens tagħha minn qabel.

KAPITOLU IV

PERSUNAL

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni u r-regoli adottati permezz ta' ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jidħlu fis-seħħ ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-persunal ta' Cedefop.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni xierqa biex jidħlu fis-seħħ ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Artikolu 18

Id-Direttur Eżekuttiv

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun membru tal-persunal u għandu jiġi ingaġġat bħala aġent temporanju tas-Cedefop skont il-punt (a) tal-Artikolu 2 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjiegi Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija minn lista ta' kandidati proposta mill-Kummissjoni, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti.

Il-kandidat magħżul għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament. Dak l-iskambju ta' fehmiet ma għandux idewwem bla bżonn il-ħatra.

Għall-fini li jiġi konkluż il-kuntratt mad-Direttur Eżekuttiv, is-Cedefop għandu jiġi rappreżentat mill-President tal-Bord tat-Tmexxija.

3.   Il-mandat tad-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ta' ħames snin. Qabel tmiem dak il-perjodu, il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni li tqis evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv u tal-kompiti u tal-isfidi futuri tas-Cedefop.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija, filwaqt li jqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur Eżekuttiv darba u għal mhux aktar minn ħames snin.

5.   Direttur Eżekuttiv li l-mandat tiegħu jkun ġie estiż ma jistax jipparteċipa fi proċedura oħra ta' għażla għall-istess kariga fit-tmiem tal-perjodu ġenerali.

6.   Id-Direttur Eżekuttiv jista' jitneħħa mill-kariga biss b'deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija. Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jqis il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, kif imsemmi fil-paragrafu 3.

7.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu deċiżjonijiet dwar il-ħatra, l-estensjoni tal-mandat jew it-tneħħija mill-kariga tad-Direttur Eżekuttiv abbażi ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri li jkollhom id-dritt għal vot.

Artikolu 19

L-esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor

1.   Is-Cedefop jista' juża esperti nazzjonali sekondati jew persunal ieħor li ma jkunx impjegat mas-Cedefop.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi regoli dwar l-issekondar ta' esperti nazzjonali mas-Cedefop.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 20

L-istatus legali

1.   Is-Cedefop għandu jkun aġenzija tal-Unjoni. Għandu jkollu personalità ġuridika.

2.   F'kull wieħed mill-Istati Membri s-Cedefop għandu jgawdi l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġi nazzjonali. Partikolarment jista' jikseb u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jkun parti fi proċeduri legali.

3.   Is-Cedefop għandu jkollu s-sede tiegħu f'Tessaloniki.

4.   Is-Cedefop jista' jistabbilixxi uffiċċju ta' kollegament fi Brussell biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, f'konformità mal-Artikolu 11(6).

Artikolu 21

Il-privileġġi u l-immunitajiet

Il-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandu japplika għas-Cedefop u għall-persunal tiegħu.

Artikolu 22

L-arranġamenti lingwistiċi

1.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 (9) għandhom japplikaw għas-Cedefop.

2.   Is-servizzi tat-traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament tas-Cedefop għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni.

Artikolu 23

It-trasparenza u l-protezzjoni tad-data

1.   Is-Cedefop għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'livell għoli ta' trasparenza.

2.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mis-Cedefop.

3.   Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

4.   L-ipproċessar tad-data personali mis-Cedefop għandu jkun soġġett għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Fi żmien sitt xhur mid-data tal-ewwel laqgħa tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jistabbilixxi miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 mis-Cedefop, inklużi dawk li jikkonċernaw il-ħatra ta' Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. Dawk il-miżuri għandhom ikunu stabbiliti wara li ssir konsultazzjoni mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 24

Il-ġlieda kontra l-frodi

1.   Sabiex tkun iffaċilitata l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), is-Cedefop għandu sal-21 ta' Awwissu 2019, jaċċedi għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (13) u għandu jadotta dispożizzjonijiet xierqa applikabbli għall-impjegati kollha tiegħu bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Anness ma' dak il-Ftehim.

2.   Il-Qorti tal-Awdituri għandu jkollha s-setgħa tal-awditjar, abbażi ta' dokumenti u ta' spezzjonijiet fuq il-post, fuq il-benefiċjarji tal-għotjiet, il-kuntratturi u s-sottokuntratturi kollha li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni mingħand is-Cedefop.

3.   L-OLAF jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' ftehim dwar għotja jew deċiżjoni jew kuntratt iffinanzjat mis-Cedefop, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u mal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) (UE, Euratom) Nru 883/2013 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 (14).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, il-ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-kuntratti, il-ftehimiet ta' għotja u d-deċiżjonijiet ta' għotja tas-Cedefop għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu b'mod espliċitu s-setgħa lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF biex iwettqu tali awditjar u investigazzjonijiet, skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Artikolu 25

Ir-regoli ta' sigurtà dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata u ta' informazzjoni sensittiva mhux klassifikata

Is-Cedefop għandu jadotta regoli ta' sigurtà li jkunu ekwivalenti għar-regoli ta' sigurtà tal-Kummissjoni sabiex jipproteġi l-Informazzjoni Klassifikata tal-Unjoni Ewropea (IKUE) u l-informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, kif stabbilit fid-Deċiżjonijiet (UE, Euratom) 2015/443 u (UE, Euratom) 2015/444, fejn meħtieġ. Ir-regoli ta' sigurtà tas-Cedefop għandhom ikopru, fost l-oħrajn, u fejn xieraq, dispożizzjonijiet għall-iskambju, għall-ipproċessar u għall-ħżin ta' din l-informazzjoni.

Artikolu 26

Ir-responsabbiltà

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali tas-Cedefop għandha tkun regolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni.

2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti tal-Ġustizzja) għandu jkollha l-ġurisdizzjoni li tagħti sentenzi skont kwalunkwe klawżola ta' arbitraġġ li tkun tinsab f'kuntratt konkluż mis-Cedefop.

3.   Fil-każ ta' responsabbiltà mhux kuntrattwali, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, is-Cedefop għandu jagħmel tajjeb għal kull dannu li jikkaġunaw id-dipartimenti tiegħu jew il-persunal tiegħu waqt il-qadi ta' dmirijiethom.

4.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni rigward il-kumpens għad-danni kif imsemmija fil-paragrafu 3.

5.   Ir-responsabbiltà personali tal-persunal tiegħu lejn is-Cedefop għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra.

Artikolu 27

L-evalwazzjoni

1.   F'konformità mal-Artikolu 29(5) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1271/2013, is-Cedefop għandu jwettaq evalwazzjonijiet ex ante u ex post ta' dawk il-programmi u l-attivitajiet li jinvolvu nfiq sinifikanti.

2.   Sal-21 ta' Frar 2024, u mbagħad kull ħames snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tittwettaq evalwazzjoni f'konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tas-Cedefop fir-rigward tal-għanijiet, tal-mandat u tal-kompiti tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-membri tal-Bord tat-Tmexxija u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin oħra matul l-evalwazzjoni tagħha. B'mod partikolari, l-evalwazzjoni għandha tindirizza l-ħtieġa possibbli li jiġi emendat il-mandat tas-Cedefop, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe emenda bħal din.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord tat-Tmexxija dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 28

L-inkjesti amministrattivi

L-attivitajiet tas-Cedefop huma soġġetti għall-inkjesti magħmula mill-Ombudsman Ewropew f'konformità mal-Artikolu 228 tat-TFEU.

Artikolu 29

Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

1.   Sa fejn ikun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, is-Cedefop jista' jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.

Għal dak il-għan, soġġett għall-awtorizzazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija u wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni, is-Cedefop jista' jistabbilixxi arranġamenti ta' ħidma mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi ġuridiċi imposti fuq l-Unjoni jew l-Istati Membri.

2.   Is-Cedefop għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi, li jkunu daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni f'dan ir-rigward.

Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti li jispeċifikaw, b'mod partikolari, in-natura, il-limitu u l-mod kif il-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom jieħdu sehem fil-ħidma tas-Cedefop, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mis-Cedefop, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal. F'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet ta' persunal, dawn l-arranġamenti, fi kwalunkwe każ, għandhom jikkonformaw mar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta strateġija għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali fir-rigward ta' kwistjonijiet li għalihom is-Cedefop ikun kompetenti.

Artikolu 30

Il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali u l-kondizzjonijiet tal-operat

1.   L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tkun ipprovduta lis-Cedefop fl-Istat Membru ospitanti u l-faċilitajiet li għandhom ikunu disponibbli minn dak l-Istat Membru flimkien mar-regoli speċifiċi applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għad-Direttur Eżekuttiv, għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija, għall-persunal u għall-membri tal-familji tagħhom, għandhom ikunu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn is-Cedefop u l-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede.

2.   L-Istat Membru ospitanti tas-Cedefop għandu jipprovdi l-kondizzjonijiet neċessarji sabiex jiżgura l-funzjonament tas-Cedefop, inklużi sistemi edukattivi multilingwi b'dimensjoni Ewropea, u konnessjonijiet xierqa ta' trasport.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

Artikolu 31

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-Bord tat-Tmexxija

Il-membri tal-Bord ta' Governanza stabbilit abbażi tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandhom jibqgħu fil-kariga u jeżerċitaw il-funzjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija kif imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament sal-ħatra tal-membri u tal-espert indipendenti tal-Bord tat-Tmexxija skont l-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 32

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji dwar il-persunal

1.   Id-Direttur tas-Cedefop, maħtur abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 337/75, għall-perjodi li jifdal tal-mandat tiegħu għandu jkun assenjat għar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament. Il-kondizzjonijiet l-oħra tal-kuntratt tiegħu jew tagħha ma għandhomx jinbidlu.

2.   Fil-każ ta' proċedura ta' għażla u ħatra li tkun għaddejja tad-Direttur Eżekuttiv fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandu japplika sal-finalizzazzjoni ta' dik il-proċedura.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ingaġġat skont ir-Regolament (KEE) Nru 337/75. Il-kuntratti ta' impjieg tagħhom jistgħu jiġġeddu skont dan ir-Regolament f'konformità mar-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg għall-Aġenti l-Oħra.

Kwalunkwe uffiċċju ta' kollegament tas-Cedefop li jkun operattiv fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għandu jinżamm.

Artikolu 33

Id-dispożizzjonijiet baġitarji tranżitorji

Il-proċedura ta' kwittanza fir-rigward tal-baġits approvati abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandha ssir skont l-Artikolu 12a ta' dak ir-Regolament.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 337/75 huwa mħassar u r-referenzi kollha għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 35

Iż-żamma fis-seħħ tar-regoli interni adottati mill-Bord ta' Governanza

Ir-regoli interni adottati mill-Bord ta' Governanza abbażi tar-Regolament (KEE) Nru 337/75 għandhom jibqgħu fis-seħħ wara l-20 ta' Frar 2019, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Bord tat-Tmexxija fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 36

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta' Jannar 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 209, 30.6.2017, p. 49.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2018.

(3)  Ir-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 337/75 tal-10 ta' Frar 1975 li jwaqqaf Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali (ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(5)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni kklassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

(8)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(12)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

(13)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(14)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).