10.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 8/1 |
REGOLAMENT (UE) 2019/26 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-8 ta' Jannar 2019
li jikkomplementa l-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),
Billi:
(1) |
Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu. |
(2) |
Il-ftehim dwar il-ħruġ kif miftiehem bejn in-negozjaturi jinkludi, arranġamenti li jippermettu l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih, lil hinn mid-data li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih. Jekk dak il-ftehim jidħol fis-seħħ, il-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni se tkun tapplika għar-Renju Unit u fih matul il-perjodu ta' tranżizzjoni skont dak il-ftehim u ma tibqax tapplika fi tmiem dak il-perjodu. |
(3) |
Ġie stabbilit qafas leġislattiv komprensiv dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni bid-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), bir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), bir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u bir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
(4) |
Dawk l-atti jħallu lill-manifatturi l-għażla tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip li mingħandha jiksbu approvazzjoni tat-tip li tippermettilhom li jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati. |
(5) |
Fin-nuqqas ta' kwalunkwe dispożizzjoni speċjali, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ser ikollu l-effett li l-approvazzjonijiet tat-tip tal-KE u tal-UE li ngħataw qabel mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit (“l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit”), f'konformità mal-atti regolatorji tal-Unjoni, ma jistgħux jiżguraw aktar aċċess għas-suq tal-Unjoni. Manifatturi stabbiliti fi Stati Membri għajr ir-Renju Unit, ukoll għandhom f'idejhom tali approvazzjonijiet tat-tip. Filwaqt li vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati b'approvazzjoni tat-tip mir-Renju Unit, skont l-atti regolatorji tal-Unjoni, jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni sal-mument meta l-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni tieqaf tapplika għar-Renju Unit u fih, hemm bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta' dawk il-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati wara dik id-data. |
(6) |
Bħalissa, il-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni ma tipprevedix il-possibbiltà ta' approvazzjoni mill-ġdid ta' tipi li diġà kienu approvati xi mkien ieħor fl-Unjoni. Madankollu, il-manifatturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jkomplu l-produzzjoni ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li qabel kienu bbażati fuq approvazzjoni tat-tip mogħtija mill-Awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-RU, u li jkomplu jqiegħdu tali vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-produtturi jitħallew jiksbu approvazzjonijiet tat-tip ġodda minn awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-Istati Membri għajr ir-Renju Unit. |
(7) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura wkoll li l-manifatturi jibqa' jkollhom l-akbar libertà possibbli li jagħżlu l-awtorità l-ġdida tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni. B'mod partikolari, jenħtieġ li dik l-għażla mill-manifattur ma tiddependix fuq il-kunsens tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit jew l-eżistenza ta' kwalunkwe arranġament bejn l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit u l-awtorità l-ġdida tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni. |
(8) |
Biex tiġi pprovduta ċ-ċertezza tad-dritt meħtieġa għall-partijiet ikkonċernati kollha u biex jiġu assigurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-manifatturi, hemm bżonn li jiġu stabbiliti, b'mod trasparenti, l-istess kundizzjonijiet applikabbli fl-Istati Membri kollha. |
(9) |
Biex il-produzzjoni u l-introduzzjoni fis-suq ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati jkunu jistgħu jibqgħu jsiru, ir-rekwiżiti li magħhom it-tipi tagħhom iridu jikkonformaw sabiex jiġu approvati mill-awtorità tal-approvazzjonijiet tat-tip ta' Stat Membru għajr ir-Renju Unit jenħtieġ li jkunu dawk applikabbli għall-introduzzjoni fis-suq ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati ġodda u mhux dawk applikabbli għal tipi ġodda. |
(10) |
Ir-rekwiżiti għall-vetturi, is-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati ġodda jkunu applikabbli bl-istess mod għall-manifatturi li jkollhom approvazzjonijiet tat-tip mogħtija mill-Istati Membri għajr ir-Renju Unit. Għalhekk, l-istabbiliment tal-istess rekwiżiti kemm għall-approvazzjoni tat-tipi skont dan ir-Regolament kif ukoll għall-introduzzjoni fis-suq ta' vetturi ġodda, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati għandu l-għan li jiżgura t-trattament ugwali tal-manifatturi affettwati mill-ħruġ tar-Renju Unit u ta' dawk li għandhom approvazzjonijiet tat-tip mogħtija minn Stati Membri oħra għajr ir-Renju Unit. |
(11) |
Jenħtieġ li xejn f'dan ir-Regolament ma jipprekludi lill-manifattur ta' vettura milli japplika fuq bażi volontarja għal approvazzjoni ta' tip ta' vettura tal-Unjoni approvat qabel fir-Renju Unit, abbażi ta' ċerti rekwiżiti applikabbli għal tipi ta' sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda fejn it-tip tal-vettura jibqa' identiku għal dak approvat fir-Renju Unit. |
(12) |
Jenħtieġ li approvazzjonijiet imfittxija għal tipi kompletament ġodda ta' vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. |
(13) |
Jenħtieġ li jkun possibbli li l-approvazzjonijiet tat-tip mogħtija abbażi ta' dan ir-Regolament ikunu bbażati fuq rapporti ta' testijiet li jkunu diġà ġew ippreżentati sabiex jinkisbu l-approvazzjonijiet tat-tip fir-Renju Unit, fejn ir-rekwiżiti, li jiffurmaw il-bażi ta' dawn ir-rapporti, ma jkunux inbidlu. Sabiex jippermetti tali użu kontinwu ta' rapporti ta' testijiet maħruġin mis-servizz tekniku nnotifikat mir-Renju Unit, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi eżenzjoni mir-rekwiżit li tali servizz tekniku jrid ikun ġie maħtur u nnotifikat mill-Istat Membru lill-Kummissjoni mill-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip. Sabiex ikopri wkoll iż-żmien meta l-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni ma tkunx għadha tapplika għar-Renju Unit u fih, dan ir-Regolament jenħtieġ ukoll li jipprevedi eżenzjoni mir-rekwiżiti speċifiċi li jikkonċernaw il-ħatra u n-notifika tas-servizzi tekniċi ta' pajjiżi terzi. |
(14) |
Fl-istess ħin, peress li l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni iridu jkunu kompletament responsabbli għall-approvazzjonijiet tat-tip tal-Unjoni l-ġodda li jagħtu, dawn jenħtieġ li jkollhom id-diskrezzjoni li jirrikjedu li jitwettqu testijiet ġodda għal kull element tal-approvazzjoni tat-tip kif jidhrilhom xieraq. |
(15) |
Sakemm dan ir-Regolament ma jipprevedix mod ieħor, ir-regoli ġenerali dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-KE u l-approvazzjoni tat-tip tal-UE jenħtieġ li jkomplu japplikaw. |
(16) |
Jenħtieġ li jiġi kkunsidrat il-fatt li r-rwol attribwit lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip ma jispiċċax mal-produzzjoni jew mal-introduzzjoni fis-suq ta' vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata, iżda jestendi għal diversi snin wara l-introduzzjoni fis-suq ta' dawk il-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati. Dan japplika b'mod partikolari fir-rigward tal-obbligi ta' konformità waqt is-servizz għall-vetturi li jaqgħu taħt id-Direttiva 2007/46/KE u fir-rigward tal-obbligi ta' informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni u l-possibbiltà li jissejħu lura vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jaqgħu taħt id-Direttiva 2007/46/KE, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013, ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew ir-Regolament (UE) 2016/1628. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-awtorità li tagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni tassumi dawk l-obbligi anki fir-rigward ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati abbażi tal-istess tip u li diġà jkunu tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni abbażi tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit biex jiġi żgurat li jkun hemm awtorità tal-approvazzjoni tat-tip responsabbli. |
(17) |
Meta l-manifatturi jagħmlu użu mill-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament, l-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit tagħhom tista' ssir invalida qabel ma l-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni tieqaf tapplika għar-Renju Unit u fih minħabba l-għoti tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni għall-istess tip. Minħabba li l-manifatturi jenħtieġ li ma jkunux żvantaġġati għaliex ikunu għamlu użu minn dan ir-Regolament, l-istokk ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati konformi mad-dritt tal-Unjoni manifatturati abbażi ta' approvazzjoni tat-tip valida tar-Renju Unit jenħtieġ li jkunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq, jiġu rreġistrati u jiddaħħlu fis-servizz, ladarba l-manifatturi jkunu kisbu approvazzjoni tat-tip ġdida tal-Unjoni, u sakemm il-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni tibqa' tapplika għar-Renju Unit u fih, sakemm dawk il-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati jkomplu jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali tal-atti elenkati fl-Artikolu 1. Peress li l-mumenti tal-introduzzjoni fis-suq, tar-reġistrazzjoni, u tad-dħul fis-servizz jistgħu jvarjaw, jenħtieġ li l-mument meta jkun sar l-ewwel wieħed minn dawk il-passi jintuża biex jiġu determinati l-limiti taż-żmien stabbiliti f'dan ir-Regolament. |
(18) |
Huwa wkoll meħtieġ li l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni tassumi ċerti obbligi fir-rigward ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni abbażi tal-approvazzjonijiet tat-tip tar-Renju Unit li jew ma għadhomx validi skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2007/46/KE, l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1628, jew li għalihom ma tintalab l-ebda approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni. Biex jiġi żgurat li jkun hemm awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni responsabbli, jenħtieġ li l-manifatturi jkunu obbligati jitolbu lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni jiġifieri biex tapprova t-tipi li qabel kienu jiġu approvati fir-Renju Unit tassumi l-obbligi fir-rigward ta' sejħiet lura, informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni, u kontrolli ta' konformità waqt is-servizz fir-rigward ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati tagħhom bbażati fuq tipi oħra u li jkunu diġà tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Biex tiġi limitata l-firxa tal-obbligi meħuda mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni, jenħtieġ li dawk l-obbligi jikkonċernaw biss il-vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati bbażati fuq l-approvazzjonijiet tat-tip tar-Renju Unit li kienu ngħataw wara l-1 ta' Jannar 2008. |
(19) |
Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali meħuda skont l-Artikolu 27(3) tad-Direttiva 2007/46/KE, l-Artikolu 39(3) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013 jew l-Artikolu 44(3) tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 waqt li l-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni tkun għadha tapplika għar-Renju Unit u fih, li jippermettu t-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi tat-tmiem tas-serje li jikkonformaw ma' tip li l-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit tiegħu tkun saret invalida qabel il-jum li fih il-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih, jenħtieġ li jibqgħu applikabbli. |
(20) |
L-eżenzjonijiet u d-dispożizzjonijiet tranżizzjonali applikabbli għal magni jew vetturi u makkinarju mobbli mhux tat-triq li fihom tali magni huma installati stabbilit fl-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 97/68/KE, l-Artikolu 34(7) u (8) jew l-Artikolu 58(5) sa (11) tar-Regolament (UE) 2016/1628, u fl-atti adottati abbażi tal-Artikolu 19(6), l-Artikolu 20(8), l-Artikolu 28(6) u l-Artikolu 53(12) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, li jippermettu l-introduzzjoni fis-suq ta' tali magni, vetturi u makkinarju mobbli mhux tat-triq mingħajr ir-rekwiżit ta' approvazzjoni tat-tip valida, jenħtieġ li jkomplu japplikaw. |
(21) |
Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkomplementa d-Direttiva 2007/46/KE, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013, ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 u r-Regolament (UE) 2016/1628 b'regoli speċjali marbuta mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista' jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(22) |
Sabiex il-manifatturi jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħejju mingħajr dewmien għall-ħruġ tar-Renju Unit fir-rigward tal-leġislazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jikkomplementa d-Direttiva 2007/46/KE, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013, ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 u r-Regolament (UE) 2016/1628 billi jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE u għall-introduzzjoni fis-suq ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jkunu kisbu approvazzjoni tat-tip mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit (“l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit”) filwaqt li l-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan ir-Regolament tkun għadha tapplika għar-Renju Unit u fih.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2007/46/KE, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013, ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew ir-Regolament (UE) 2016/1628 u t-tipi tagħhom li ġew approvati mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit abbażi ta' dawk l-atti jew ta' kwalunkwe att regolatorju tal-Unjoni elenkat fl-Anness IV tad-Direttiva 2007/46/KE jew kwalunkwe att regolatorju mħassar minn dawk l-atti regolatorji tal-Unjoni.
2. Referenzi għal unitajiet tekniċi separati skont dan ir-Regolament għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal magni skont ir-Regolament (UE) 2016/1628.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni” tfisser awtorità tal-approvazzjoni tat-tip ta' Stat Membru għajr ir-Renju Unit; |
(2) |
“approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit” tfisser approvazzjoni tat-tip tal-KE jew approvazzjoni tat-tip tal-UE mogħtija mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit; |
(3) |
“approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni” tfisser approvazzjoni tat-tip tal-UE mogħtija minn awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni f'konformità ma' dan ir-Regolament. |
Artikolu 4
Applikazzjoni għal approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni
1. B'deroga mill-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2007/46/KE, l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 u l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1628, manifattur li jkollu approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit li ma tkunx saret invalida skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2007/46/KE, l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1628 jista', sakemm il-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan ir-Regolament ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih, iressaq applikazzjoni għand awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni għal approvazzjoni tat-tip tal-istess tip tal-Unjoni.
2. Biex jiġi approvat, it-tip irid ikun konformi mar-rekwiżiti għall-introduzzjoni fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda applikabbli fil-mument li l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni ssir effettiva.
3. Meta jippreżenta l-applikazzjoni skont il-paragrafu 1, il-manifattur għandu jkun obbligat li jħallas tariffi adegwati, determinati mill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni, għal xi spejjeż li jirriżultaw mill-eżerċizzju tas-setgħat u t-twettiq tal-obbligi tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni b'rabta mal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni.
4. Meta jippreżenta l-applikazzjoni skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-manifattur għandu, fuq talba tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni, jippreżenta kwalunkwe dokumentazzjoni u informazzjoni li l-awtorità tqis meħtieġa sabiex tiddeċiedi jekk jagħtix approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni skont l-Artikolu 5.
Id-dokumentazzjoni u l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tista' tinkludi l-approvazzjoni tat-tip oriġinali tar-Renju Unit inklużi l-emendi kollha, il-folder tal-informazzjoni u r-rapporti tat-testijiet. Fil-każ ta' vetturi, tali talba tista' tinkludi wkoll kwalunkwe approvazzjoni tat-tip tal-KE, approvazzjoni tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tat-tip tan-NU u l-annessi tagħha, bħala parti mill-approvazzjoni tat-tip tal-vettura kollha.
Artikolu 5
Kundizzjonijiet għall-għoti ta' approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni u l-effetti tagħha
1. B'deroga mill-Artikolu 8(2), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2007/46/KE, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) 2016/1628, l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni li tkun irċeviet applikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament tista' tagħti approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni fir-rigward ta' vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata jekk it-tip inkwistjoni jissodisfa, fil-mument meta ssir effettiva l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni, ir-rekwiżiti applikabbli għall-introduzzjoni fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ġodda.
2. Sakemm l-ebda rekwiżit ġdid ma jkun applikabbli u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni tista' tingħata abbażi tal-istess rapporti tat-test li kienu ntużaw qabel għall-għoti tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli, irrispettivament minn jekk is-servizz tekniku li ħareġ ir-rapport tat-test ġiex maħtur u nnotifikat mill-Istat Membru li jagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni skont id-Direttiva 2007/46/KE, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013, ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew ir-Regolament (UE) 2016/1628, u anki wara li l-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan ir-Regolament ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih.
3. L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni tista' titlob ir-ripetizzjoni ta' testijiet speċifiċi qabel ma tingħata l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni. F'dak il-każ, dawk it-testijiet għandhom jitwettqu minn servizz tekniku li jkun inħatar u ġie nnotifikat mill-Istat Membru tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni skont id-Direttiva 2007/46/KE, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013, ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew ir-Regolament (UE) 2016/1628.
4. It-tip approvat skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandu jirċievi ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE b'numru li jikkonsisti min-numru li jiddistingwi l-Istat Membru li l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tiegħu tkun tat l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni u min-numru tal-att applikabbli msemmi fl-Artikolu 2(1). Huwa għandu jinkludi wkoll in-numru tal-aħħar att emendatorju li jkun fih ir-rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip li skonthom tingħata l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni. Għall-vetturi, iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip u ċ-ċertifikat tal-konformità għandhom, taħt “Rimarki:” ikun fihom l-indikazzjoni “Tip approvat preċedentement bħala” u referenza għan-numru u d-data taċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE li jkun ingħata wara l-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit. Għas-sistemi, il-komponenti jew l-unitajiet tekniċi separati, iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip għandu jkun fih l-indikazzjoni “Tip approvat u mmarkat preċedentement bħala” u referenza għall-immarkar tal-approvazzjoni tat-tip li jkun sarlu wara l-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit.
5. L-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni għandha ssir effettiva fil-jum tal-għoti tagħha jew f'data aktar tard stabbilita fiha. L-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit għandha ssir invalida fil-jum qabel dak meta ssir effettiva l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, għandha ssir invalida sa mhux aktar tard mill-jum li fih il-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih.
6. Approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni għandha titqies li tkun approvazzjoni tat-tip tal-KE jew approvazzjoni tat-tip tal-UE skont it-tifsira tad-Direttiva 2007/46/KE jew kwalunkwe att elenkat fl-Anness IV ta' dik id-Direttiva, ir-Regolament (UE) Nru 167/2013, ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew ir-Regolament (UE) 2016/1628. Id-dispożizzjonijiet kollha ta' dawn l-atti li għalihom m'hemmx deroga f'dan ir-Regolament għandhom ikomplu japplikaw. L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni għandha tieħu responsabbiltà sħiħa għall-obbligi li joħorġu mill-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni.
L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni għandha wkoll, mill-ħin meta ssir effettiva l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni, teżerċita s-setgħat kollha u tissodisfa l-obbligi kollha tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit fir-rigward ta' dawn li ġejjin:
(a) |
vetturi, sistemi, komponenti, jew unitajiet tekniċi separati manifatturati abbażi tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit diġà mqiegħda fis-suq, irreġistrati jew mdaħħla fis-servizz fl-Unjoni; |
(b) |
vetturi, sistemi, komponenti, jew unitajiet tekniċi separati manifatturati abbażi tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit biex jitqiegħdu fis-suq, jiġu rreġistrati jew mdaħħla fis-servizz fl-Unjoni f'konformità mat-tielet subparagrafu. |
Il-vetturi, is-sistemi, il-komponenti jew l-unitajiet tekniċi separati prodotti abbażi tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit li jkunu saru invalidi bħala riżultat tal-għoti ta' approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni jistgħu jitqiegħdu fis-suq, jiġu rreġistrati u mdaħħla fis-servizz fl-Unjoni sad-data li fiha l-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan ir-Regolament ma tibqax tapplika għar-Renju Unit u fih jew, jekk l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni ssir invalida qabel dik id-data skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2007/46/KE, l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1628, sad-data li fiha l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni ssir invalida. Għall-vetturi, il-manifatturi għandhom jindikaw in-numru tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni f'suppliment għaċ-ċertifikat ta' konformità qabel ma dawn il-vetturi jitqiegħdu fis-suq, jiġu rreġistrati jew imdaħħla fis-servizz fl-Unjoni.
L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni ma għandha tkun responsabbli għall-ebda att jew ommissjoni min-naħa tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit.
Artikolu 6
L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni responsabbli għal vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati ta' tipi li ma jkunux ġew approvati skont dan ir-Regolament
1. Meta japplika għal approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni skont l-Artikolu 4, il-manifattur għandu jitlob ukoll lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni inkwistjoni tassumi l-obbligi tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit fir-rigward tal-vetturi l-oħra tal-manifattur, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati li jkunu tqiegħdu fis-suq, ġew reġistrati jew ġew mdaħħla fis-servizz fl-Unjoni abbażi tal-approvazzjonijiet tat-tip tar-Renju Unit li jkunu saru jew invalidi skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2007/46/KE, l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 167/2013, l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 jew l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2016/1628, jew li għalihom ma tkun intalbet l-ebda approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.
Tali talba għandha ssir għall-vetturi, is-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati abbażi tal-approvazzjonijiet tat-tip tar-Renju Unit miżmumin mill-manifattur li jkunu ngħataw wara l-1 ta' Jannar 2008 sakemm il-manifattur ma jippreżentax prova lill-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni li għandu ftehim mal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip oħra tal-Unjoni li jkopri dawk il-vetturi, is-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati.
2. L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni tista' tagħti biss approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni skont l-Artikolu 5 wara li tkun aċċettat it-talba magħmula skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u wara li l-manifattur ikun qabel li jkopri l-ispejjeż li l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni ġġarrab b'riżultat tal-eżerċizzju tal-poteri tagħha u t-twettiq tal-obbligi fir-rigward ta' vetturi, sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati kkonċernati.
3. Wara li taċċetta t-talba msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u tagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni skont l-Artikolu 5, l-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni għandha teżerċita l-poteri kollha u taqdi l-obbligi kollha tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit fir-rigward ta' vetturi, sistemi, komponenti jew unitajiet tekniċi separati manifatturati abbażi tal-approvazzjonijiet tat-tip tar-Renju Unit imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu rigward sejħiet lura ta' prodott mis-suq, informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni u kontrolli ta' konformità waqt is-servizz. L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni ma għandha tkun responsabbli għall-ebda att jew ommissjoni min-naħa tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit.
4. L-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni għandha tgħarraf lill-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bit-tipi li għalihom tkun assumiet l-obbligi tal-awtorità tal-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit skont il-paragrafu 1.
Artikolu 7
Dispożizzjonijiet speċifiċi
Dan ir-Regolament ma għandux jipprekludi l-introduzzjoni fis-suq, it-tqegħid fis-suq, ir-reġistrazzjoni jew id-dħul fis-servizz ta' magni, jew ta' vetturi u makkinarju mobbli mhux tat-triq li fihom dawn il-magni jkunu installati, li jikkonformaw ma' tip li l-approvazzjoni tat-tip tar-Renju Unit tiegħu tkun saret invalida filwaqt li l-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan ir-Regolament tkun għadha tapplika għar-Renju Unit u fih, skont l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 97/68/KE, l-Artikolu 34(7) u (8) jew l-Artikolu 58(5) sa (11) tar-Regolament (UE) 2016/1628 u fl-atti adottati abbażi tal-Artikolu 19(6), l-Artikolu 20(8), l-Artikolu 28(6) u l-Artikolu 53(12) tar-Regolament (UE) Nru 167/2013.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Jannar 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
A. TAJANI
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA
(1) ĠU C 440, 6.12.2018, p. 95.
(2) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2018 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2018.
(3) Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta' sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 167/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Frar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi għall-agrikoltura u għall-forestrija (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 1).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta' vetturi b'żewġ jew tliet roti u kwadriċikli (ĠU L 60, 2.3.2013, p. 52).
(6) Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti tal-emissjonijiet ta' inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).