|
26.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 305/1 |
DIRETTIVA (UE) 2019/1936 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ Ottubru 2019
li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),
Billi:
|
(1) |
Il-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2010 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020” iddikjarat l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni li jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta’ mwiet fit-toroq sal-2020 meta mqabbel mal-2010, u biex nersqu eqreb lejn żero fatalitajiet sal-2050. Madankollu, il-progress lejn il-kisba ta’ dawk l-objettivi waqaf f’dawn l-aħħar snin. Mira interim ġdida ta’ tnaqqis bin-nofs tal-għadd ta’ korrimenti serji sal-2030 meta mqabbel mal-2020 ġiet approvata mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2017 dwar is-sikurezza tat-toroq, billi approva d-Dikjarazzjoni tal-Belt Valletta ta’ Marzu 2017. Għalhekk, huma meħtieġa sforzi akbar biex dawk iż-żewġ livelli jintlaħqu. |
|
(2) |
Skont l-approċċ tas-Sistema Sikura, l-imwiet u l-korrimenti serji fl-aċċidenti tat-traffiku, fil-biċċa l-kbira tagħhom, jistgħu jiġu evitati. Din jenħtieġ li tkun responsabbiltà kondiviża fil-livelli kollha biex jiġi żgurat li l-aċċidenti tat-triq ma jwasslux għal korrimenti serji jew fatali. B’mod partikolari, toroq imfassla tajjeb, miżmuma b’mod xieraq u li jkollhom marki u sinjali ċari għandhom inaqqsu l-probabbiltà tal-aċċidenti tat-traffiku, filwaqt li toroq “li jaħfru” (forgiving roads) (toroq imfassla b’mod intelliġenti biex jiġi żgurat li l-iżbalji fis-sewqan mhux bilfors ikollhom konsegwenzi serji jew fatali) għandhom inaqqsu l-gravità tal-aċċidenti. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprovdi gwida għall-forniment u ż-żamma ta’ “ġnub tat-triq li jaħfru” (forgiving roadsides) billi tibni fuq l-esperjenza tal-Istati Membri kollha. |
|
(3) |
It-toroq tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (in-netwerk TEN-T) definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) huma ta’ importanza kbira fl-appoġġ għall-integrazzjoni Ewropea. Jenħtieġ għalhekk li jiġi ggarantit livell għoli ta’ sikurezza f’dawk it-toroq. |
|
(4) |
Il-proċeduri ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq ("RISM" - road infrastructure safety management) implimentati fin-netwerk TEN-T għenu biex jitnaqqsu l-fatalitajiet u l-korrimenti serji fl-Unjoni. Huwa ċar mill-evalwazzjoni tal-effetti tad-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) li l-Istati Membri li applikaw il-prinċipji RISM fuq bażi volontarja fit-toroq nazzjonali tagħhom, lil hinn min-netwerk TEN-T, laħqu prestazzjoni tas-sikurezza tat-toroq ferm aħjar mill-Istati Membri li ma jagħmlux dan. Huwa għalhekk ukoll mixtieq li dawk il-prinċipji tal-RISM jiġu applikati għal partijiet oħra tan-netwerk tat-toroq Ewropew. |
|
(5) |
Huwa importanti li s-sezzjonijiet tat-toroq mibnija fuq pontijiet u s-sezzjonijiet tat-toroq li jgħaddu mill-mini li huma parti min-netwerk fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jkunu koperti wkoll b’din id-Direttiva f’dak li għandu x’jaqsam mas-sikurezza tat-toroq, bl-eċċezzjoni tal-mini koperti bid-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
|
(6) |
Għal raġunijiet ta’ sikurezza tat-toroq, huwa importanti li d-dħul u l-ħruġ għal żoni ta’ parkeġġ tul in-netwerk fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l-awtostradi u t-toroq primarji, ikunu koperti wkoll b’din id-Direttiva. |
|
(7) |
Il-kundizzjonijiet staġjonali jvarjaw sostanzjalment bejn l-Istati Membri u r-reġjuni. Għalhekk, huwa importanti li dawk il-kundizzjonijiet jitqiesu b’mod xieraq fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. |
|
(8) |
Proporzjon kbir ta’ aċċidenti tat-traffiku jseħħu fuq proporzjon żgħir ta’ toroq fejn il-volumi tat-traffiku u l-veloċitajiet huma għoljin u fejn ikun hemm firxa kbira ta’ traffiku li jivvjaġġa b’veloċitajiet differenti. Għalhekk, l-estensjoni limitata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/96/KE għall-awtostradi u toroq primarji oħra lil hinn min-netwerk TEN-T għandha tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq madwar l-Unjoni. |
|
(9) |
Sabiex jiġi żgurat li tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni jkollha l-effett maħsub, huwa loġiku li t-toroq primarji għajr l-awtostradi jinkludu t-toroq kollha li jappartjenu lill-ogħla kategorija ta’ toroq taħt il-kategorija ‘awtostrada’ fil-klassifikazzjoni tat-toroq nazzjonali. Għall-istess raġuni, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jiżguraw li tal-inqas it-toroq kollha li għalihom kienet tapplika d-Direttiva 2008/96/KE qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, inkluż fuq bażi volontarja, jibqgħu jkunu koperti b’din id-Direttiva. |
|
(10) |
Barra minn hekk, l-applikazzjoni obbligatorja tal-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 2008/96/KE għal kwalunkwe proġett ta’ infrastruttura tat-toroq barra ż-żoni urbani li jiġi esegwit permezz ta’ finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li tiżgura li l-fondi tal-Unjoni ma jintużawx biex jinbnew toroq mhux sikuri. |
|
(11) |
Id-Direttiva 2008/96/KE tkopri b’mod esklużiv l-infrastruttura tat-toroq. Il-liġi dwar it-traffiku fit-toroq għaldaqstant mhijiex affettwata minn din id-Direttiva, u lanqas mhi l-kompetenza tal-Istati Membri biex jieħdu deċiżjonijiet bl-awtorità tagħhom stess fir-rigward tal-liġi dwar it-traffiku fit-toroq. Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Traffiku fit-Toroq tad-19 ta’ Settembru 1949 u l-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar it-Traffiku fit-Toroq tat-8 ta’ Novembru 1968, kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar is-Sinjali tat-Toroq tat-8 ta’ Novembru 1968 jenħtieġ li jiġu rrispettati mill-Partijiet Kontraenti. |
|
(12) |
Il-valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq abbażi tar-riskju fin-netwerk kollu rriżultat li hija strument effiċjenti u effikaċi biex jiġu identifikati sezzjonijiet tan-netwerk li jenħtieġ li jiġu indirizzati, permezz ta’ spezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq aktar bir-reqqa, u biex l-investiment jingħata prijorità skont il-potenzjal tiegħu biex iwassal għal titjib tas-sikurezza fin-netwerk kollu. In-netwerk kollu tat-toroq kopert b’din id-Direttiva, għalhekk, jenħtieġ li jiġi vvalutat, b’mod sistematiku, inkluż permezz ta’ data miġbura b’mezzi elettroniċi u diġitali, biex tiżdied is-sikurezza tat-toroq madwar l-Unjoni. |
|
(13) |
L-integrazzjoni tal-elementi bl-aħjar prestazzjoni mill-proċedura preċedenti “tal-klassifikazzjoni u tal-ġestjoni tas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq” fi proċedura ġdida għall-valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu hija maħsuba biex tippermetti identifikazzjoni aħjar ta’ sezzjonijiet tat-toroq fejn l-opportunitajiet għat-titjib tas-sikurezza huma l-ikbar u fejn interventi mmirati għandhom iwasslu għall-aqwa titjib. |
|
(14) |
Sabiex titjieb il-kwalità, l-oġġettività, u l-effiċjenza tal-proċeduri tal-RISM, huwa ta’ benefiċċju li l-Istati Membri jitħallew jieħdu vantaġġ, fejn xieraq, mit-teknoloġiji li qed jiżviluppaw kontinwament għall-ispezzjoni ta’ sezzjonijiet tat-toroq, id-dokumentazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq u l-ġbir ta’ data oħra relatata mas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq. |
|
(15) |
Segwitu sistematiku dwar ir-riżultati tal-proċeduri tal-RISM huwa kruċjali biex jinkiseb it-titjib fis-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq, li hu meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-objettivi tas-sikurezza tat-toroq tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-pjanijiet ta’ azzjoni bi prijorità jenħtieġ li jiżguraw li l-interventi meħtieġa jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli. B’mod partikolari, ir-riżultati tal-valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu jenħtieġ li jiġu segwiti jew permezz ta’ spezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq immirati jew, jekk ikun possibbli u effiċjenti mil-lat tal-ispejjeż magħmula, b’azzjoni diretta ta’ rimedju maħsuba biex telimina jew tnaqqas ir-riskji tas-sikurezza tat-toroq mingħajr ma jiġi impost piż amministrattiv żejjed. |
|
(16) |
Il-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ toroq eżistenti jenħtieġ li tittejjeb permezz ta’ investiment immirat fis-sezzjonijiet tat-toroq li jkollhom l-ogħla konċentrazzjoni ta’ aċċidenti kif ukoll l-ogħla potenzjal ta’ tnaqqis ta’ aċċidenti. |
|
(17) |
Il-finanzjament u l-inċentivi finanzjarji fil-livell tal-Unjoni jistgħu, f’konformità mal-kundizzjonijiet applikabbli, jintużaw biex jipprovdu appoġġ għal investiment bħal dan, u dan jikkomplementa l-investimenti u l-inċentivi nazzjonali korrispondenti. |
|
(18) |
Sezzjonijiet tan-netwerk tat-toroq li jmissu ma’ mini tat-triq tan-netwerk tat-toroq trans-Ewropew koperti bid-Direttiva 2004/54/KE jippreżentaw riskju partikolarment għoli ta’ aċċidenti. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu introdotti spezzjonijiet konġunti tas-sikurezza tat-toroq ta’ dawn is-sezzjonijiet tat-toroq, li jinvolvu rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti, kemm tat-toroq kif ukoll tal-mini, sabiex tittejjeb is-sikurezza tan-netwerk tat-toroq kopert b’din id-Direttiva. |
|
(19) |
L-utenti vulnerabbli tat-toroq ammontaw għal 47 % tal-fatalitajiet fit-toroq tal-Unjoni fl-2017. Jekk jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli tat-toroq jiġu kkunsidrati fil-proċeduri kollha tal-RISM u fl-iżvilupp ta’ rekwiżiti ta’ kwalità għall-infrastruttura għal tali utenti tat-toroq, is-sikurezza tagħhom fit-triq, għalhekk, għandha titjieb. |
|
(20) |
Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jtejbu l-proċeduri tagħhom li jkollhom l-għan li jiżguraw l-użu operattiv tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku tagħhom, jenħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet komuni sabiex titjieb l-leġġibbiltà u d-detezzjoni effettivi tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku għas-sewwieqa umani u għas-sistemi awtomatizzati ta’ assistenza għas-sewwieqa. |
|
(21) |
It-titjib tas-sikurezza huwa prijorità wkoll għall-intersezzjonijiet fl-istess livell triq/binarji (jiġifieri titjib fis-senjalar, l-infrastruttura). Skont ir-Rapport dwar is-Sikurezza Ferrovjarja u l-Interoperabbiltà fl-UE 2018 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, fl-2016 kien hemm 433 aċċident sinifikanti fuq il-108 000 intersezzjoni fl-istess livell triq/binarji fl-Unjoni, li rriżultaw f’255 fatalità u 217 ruħ korruti serjament. Konsegwentement, l-intersezzjonijiet fl-istess livell triq/binarji li joħolqu riskju għoli għas-sikurezza jenħtieġ li jiġu identifikati, bil-għan li jittejbu. |
|
(22) |
Il-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku ta’ kwalità għolja huma kruċjali biex jgħinu lis-sewwieqa u lill-vetturi konnessi u awtomatizzati. Speċifikazzjonijiet komuni għall-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku jenħtieġ li jiffurmaw il-bażi li twitti t-triq lejn l-applikazzjoni ta’ sistemi avvanzati tal-mobbiltà konnessi u awtomatizzati. Ikun preferibbli approċċ armonizzat madwar l-Ewropa kollha f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar is-Sinjali tat-Toroq tal-1968. |
|
(23) |
Sabiex jissaħħu r-riżultati mistennija mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ sikurezza f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn is-servizzi tagħhom tal-protezzjoni ċivili, tar-rispons ta’ emerġenza u tal-pulizija tat-traffiku, fejn xieraq u speċjalment f’sezzjonijiet ta’ toroq transfruntiera. Fejn tkun meħtieġa kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dawk l-attivitajiet, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili skont id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) joffri qafas għal dak l-għan. |
|
(24) |
Mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku, b’mod partikolari d-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi relatati mas-sikurezza jenħtieġ li jkunu aċċessibbli għall-pubbliku meta l-akkwisti pubbliċi jitwettqu fis-settur tal-infrastruttura tat-toroq. |
|
(25) |
Sabiex tinkiseb it-trasparenza u tittejjeb ir-responsabbiltà, jenħtieġ li jiġu rappurtati klassifikazzjonijiet dwar is-sikurezza tat-toroq sabiex l-utenti tat-toroq ikunu jistgħu jiġu infurmati dwar l-istat tal-infrastruttura u tiżdied b’mod ġenerali s-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar dan. |
|
(26) |
L-iskambju ta’ esperjenzi dwar il-metodoloġiji tas-Sistema Sikura bejn il-prattikanti u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awdituri tas-sikurezza tat-toroq jenħtieġ li jiġu mħeġġa. |
|
(27) |
Il-pubblikazzjoni tar-riżultati ta’ valutazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu jenħtieġ li tippermetti l-paragun tal-livelli tas-sikurezza tal-infrastruttura madwar l-Unjoni. |
|
(28) |
Minħabba li l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ proċeduri li jiżguraw livell għoli u konsistenti ta’ sikurezza tat-toroq fin-netwerk TEN-T kollu u fin-netwerk tal-awtostradi u t-toroq primarji madwar l-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’, minħabba li huwa meħtieġ titjib fl-Unjoni kollha biex tiġi żgurata l-konverġenza lejn standards ogħla tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan. B’riżultat ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-ivvjaġġar madwar l-Unjoni mistenni jsir iktar sikur, u dan imbagħad mistenni jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern u jappoġġa l-objettiv tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. |
|
(29) |
Saiex jiġi żgurat li l-kontenut tal-proċeduri tal-RISM ikompli jirrifletti l-aħjar għarfien tekniku disponibbli, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li tadatta l-Annessi ta’ din id-Direttiva għall-progress tekniku. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u li l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’atti delegati. |
|
(30) |
Miżuri speċifiċi huma meħtieġa għat-titjib kontinwu tal-prattiki ta’ ġestjoni tas-sikurezza tat-toroq, kif ukoll biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku minn vetturi mgħammra b’sistemi ta’ assistenza għas-sewwieq jew livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni. Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). |
|
(31) |
Għalhekk, id-Direttiva 2008/96/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2008/96/KE
Id-Direttiva 2008/96/KE hija emendata kif ġej:
|
(1) |
l-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 1 Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni 1. Din id-Direttiva tesiġi l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri marbutin ma’ valutazzjonijiet tal-impatt tas-sikurezza tat-toroq, awditi tas-sikurezza tat-toroq, spezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq u valutazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu mill-Istati Membri. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għal toroq li huma parti min-netwerk tat-toroq trans-Ewropew, għall-awtostradi u għal toroq primarji oħra, kemm jekk ikunu fl-istadju tad-disinn, kif ukoll jekk qed jinbnew inkella jkunu qed joperaw. 3. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal toroq u proġetti ta’ infrastruttura tat-toroq li mhumiex koperti mill-paragrafu 2, li jinsabu ’l barra miż-żoni urbani, li ma jwasslu għal proprjetajiet li jmissu magħhom u li jitlestew bl-użu ta’ finanzjament tal-Unjoni bl-eċċezzjoni ta’ toroq li mhumiex miftuħa għal traffiku ta’ vetturi ġenerali bil-mutur, bħall-passaġġi għar-roti, jew toroq li mhumiex iddisinjati għal traffiku ġenerali, bħat-toroq ta’ aċċess għal siti industrijali, agrikoli jew forestali. 4. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva toroq primarji li għandhom riskju baxx għas-sikurezza, abbażi ta’ raġunijiet debitament ġustifikati marbuta mal-volumi tat-traffiku u l-istatistika tal-aċċidenti. L-Istati Membri jistgħu jinkludu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva toroq mhux imsemmija fil-paragrafi 2 u 3. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, sas-17 ta' Diċembru 2021, il-lista ta’ awtostradi u ta’ toroq primarji fit-territorju tiegħu u, wara dan, kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-lista tat-toroq eżentati f’konformità ma’ dan il-paragrafu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jew inklużi fiha, u, minn hemm ’il quddiem, kwalunkwe bidla sussegwenti fihom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tat-toroq notifikati skont dan l-Artikolu. 5. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal toroq f’mini koperti mid-Direttiva 2004/54/KE.”; |
|
(2) |
l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej:
|
|
(4) |
l-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 5 Valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu li joperaw u li huma koperti b’din id-Direttiva. 2. Il-valutazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu għandhom jeżaminaw ir-riskju tal-gravità tal-aċċidenti u tal-gravità tal-impatt, abbażi ta’:
3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ewwel valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu ssir sa mhux aktar tard mill-2024. Valutazzjonijiet sussegwenti tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu għandhom ikunu frekwenti biżżejjed biex jiġu żgurati livelli adegwati ta’ sikurezza, iżda fi kwalunkwe każ għandhom isiru mill-inqas kull ħames snin. 4. Fit-twettiq tal-valutazzjoni tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-elementi indikattivi stabbiliti fl-Anness III. 5. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar il-metodoloġija għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet sistematiċi tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu u l-klassifikazzjonijiet tas-sikurezza. 6. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u għall-fini ta’ prijoritizzazzjoni tal-ħtiġijiet għal azzjoni ulterjuri, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw is-sezzjonijiet kollha tan-netwerk tat-toroq f’mhux inqas minn tliet kategoriji skont il-livell ta’ sikurezza tagħhom.”; |
|
(5) |
l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
|
|
(6) |
jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin: “Artikolu 6a Segwitu tal-proċeduri għal toroq li qed joperaw 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati ta’ valutazzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerk kollu mwettqa skont l-Artikolu 5 jkunu segwiti jew bi spezzjonijiet immirati tas-sikurezza tat-toroq jew b’azzjoni ta’ rimedju diretta. 2. Meta jwettqu spezzjonijiet immirati tas-sikurezza tat-toroq, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-elementi indikattivi stabbiliti fl-Anness IIa. 3. L-ispezzjonijiet immirati tas-sikurezza tat-toroq għandhom jitwettqu minn timijiet ta’ esperti. Tal-inqas membru wieħed tal-grupp ta’ esperti għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 9(4). 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati tal-ispezzjonijiet immirati tas-sikurezza tat-toroq jiġu segwiti minn deċiżjonijiet motivati li jiddeterminaw jekk hiex meħtieġa azzjoni ta’ rimedju. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw is-sezzjonijiet tat-toroq fejn hemm bżonn ta’ titjib fis-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq u jiddefinixxu azzjonijiet li għandhom jingħataw prijorità biex titjieb is-sikurezza ta’ dawk is-sezzjonijiet tat-toroq. 5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjoni ta’ rimedju tkun immirata primarjament lejn is-sezzjonijiet tat-toroq b’livelli baxxi ta’ sikurezza u li joffru l-opportunità għall-implimentazzjoni ta’ miżuri b’potenzjal għoli għall-iżvilupp tas-sikurezza u l-iffrankar tal-ispejjeż relatati mal-aċċidenti. 6. L-Istati Membri għandhom iħejju u jaġġornaw regolarment il-pjan ta’ azzjoni bi prijoritizzazzjoni bbażat fuq ir-riskji biex isegwu l-implimentazzjoni tal-azzjoni ta’ rimedju identifikata. Artikolu 6b Protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-implimentazzjoni tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 6a jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli tat-triq. Artikolu 6c Il-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku 1. L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni speċifika, fil-proċeduri tagħhom eżistenti u futuri għall-marki tat-toroq u għas-sinjali tat-traffiku, għal-leġġibbiltà u d-detezzjoni għas-sewwieqa umani u għas-sistemi awtomatizzati ta’ assistenza għas-sewwieqa. Proċeduri bħal dawn għandhom iqisu speċifikazzjonijiet komuni fejn speċifikazzjonijiet komuni bħal dawn ikunu ġew stabbiliti skont il-paragrafu 3. 2. Grupp ta’ esperti stabbilit mill-Kummissjoni għandu, sa mhux aktar tard minn Ġunju 2021, jivvaluta l-opportunità li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet komuni li jinkludu elementi differenti li għandhom l-għan li jiżguraw l-użu operattiv tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku sabiex isaħħu l-leġġibbiltà u d-detezzjoni effettivi tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku għas-sewwieqa umani u għas-sistemi awtomatizzati ta’ assistenza għas-sewwieqa. Dak il-grupp għandu jkun iffurmat minn esperti ddeżinjati mill-Istati Membri. Il-valutazzjoni għandha tinkludi konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-valutazzjoni għandha tqis b’mod partikolari l-elementi li ġejjin:
3. Filwaqt li tqis il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi speċifikazzjonijiet komuni, relatati mal-proċeduri tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 li għandhom l-għan li jiżguraw l-użu operattiv tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku tagħhom, fir-rigward tal-leġġibbiltà effettiva u tad-detezzjoni tal-marki tat-toroq u tas-sinjali tat-traffiku għas-sewwieqa umani u għas-sistemi awtomatizzati ta’ assistenza għas-sewwieqa. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 13(2). L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni rigward l-istandards għall-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku. Artikolu 6d Informazzjoni u trasparenza Il-Kummissjoni għandha tippubblika mappa Ewropea tan-netwerk tat-toroq fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, aċċessibbli online, filwaqt li tenfasizza kategoriji differenti kif imsemmi fl-Artikolu 5(6). Artikolu 6e Rappurtar volontarju L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu sistema nazzjonali għall-iskop ta’ rappurtar volontarju, aċċessibbli online għall-utenti kollha tat-toroq, biex jiffaċilitaw il-ġbir ta’ dettalji tal-okkorrenzi trażmessi mill-utenti tat-toroq u l-vetturi, u ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra relatata mas-sikurezza meqjusa minn min jagħmel ir-rapport bħala ta’ periklu reali jew potenzjali għas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq.”; |
|
(7) |
fl-Artikolu 7, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
|
|
(8) |
fl-Artikolu 9, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:
|
|
(9) |
l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 10 Skambju tal-aħjar prattiki Sabiex tiżdied is-sikurezza tat-toroq fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, li jkopru, fost l-oħrajn, kurrikula ta’ taħriġ għas-sikurezza tat-toroq, proġetti ta’ sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq eżistenti, u teknoloġija ppruvata ta’ sikurezza tat-toroq.”; |
|
(10) |
fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa mħassar; |
|
(11) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 11a Rappurtar 1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2025 dwar il-klassifikazzjoni tas-sikurezza tan-netwerk kollu vvalutat f’konformità mal-Artikolu 5. Fejn possibbli, ir-rapport għandu jkun ibbażat fuq metodoloġija komuni. Jekk applikabbli, ir-rapport għandu jkopri wkoll il-lista tad-dispożizzjonijiet tal-linji gwida nazzjonali aġġornati, inkluż b’mod partikolari t-titjib f’termini ta’ progress teknoloġiku u ta’ protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq. Mill-31 ta’ Ottubru 2025, tali rapporti għandhom jiġu pprovduti kull ħames snin. 2. Abbażi ta’ analiżi tar-rapporti nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, fl-ewwel stadju sal-31 ta’ Ottubru 2027 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tfassal u tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi msemmija fil-paragrafu 1, u dwar miżuri ulterjuri possibbli, inkluża reviżjoni ta’ din id-Direttiva u adattamenti possibbli għall-progress tekniku.”; |
|
(12) |
l-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 12 Emenda tal-Annessi Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 12a li jemenda l-Annessi sabiex tadattahom għall-progress tekniku.”; |
|
(13) |
jiddaħħal l-Artikolu li ġej: “Artikolu 12a Eżerċitar tad-delega 1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. 2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-16 ta’ Diċembru 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu. 3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ. 4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (*2). 5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. 6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill. |
|
(14) |
l-Artikolu 13 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 13 Proċedura ta’ kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3). 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. (*3) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;" |
|
(15) |
l-Annessi huma emendati kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva. |
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Diċembru 2021. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva, jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, tat-23 ta’ Ottubru 2019.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D.M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
T. TUPPURAINEN
(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 261.
(2) ĠU C 168, 16.5.2019, p. 81
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2019.
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).
(5) Id-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 59).
(6) Id-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġiet minimi tas-sigurtà għall-mini fin-Network Trans-Ewropew tat-Toroq (ĠU L 167, 30.4.2004, p. 39).
(7) Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).
(8) Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
(9) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
ANNESS
L-Annessi għad-Direttiva 2008/96/KE huma emendati kif ġej:
|
(1) |
l-Anness I huwa emendat kif ġej:
|
|
(2) |
l-Anness II huwa emendat kif ġej:
|
|
(3) |
Jiddaħħal l-Anness li ġej: “ ANNESS IIa ELEMENTI INDIKATTIVI TA’ SPEZZJONIJIET IMMIRATI TAS-SIKUREZZA TAT-TOROQ
|
|
(4) |
L-Anness III huwa sostitwit b’dan li ġej: “ ANNESS III ELEMENTI INDIKATTIVI TA’ VALUTAZZJONIJIET TAS-SIKUREZZA TAT-TOROQ FIN-NETWERK KOLLU
|
|
(5) |
l-Anness IV huwa emendat kif ġej:
|