31.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/31


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1831

tal-24 ta’ Ottubru 2019

li tistabbilixxi l-ħames lista tal-valuri ta’ limitu indikattiv ta’ esponiment okkupazzjonali skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE u li temenda d-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2) tagħha,

Billi:

(1)

Il-Prinċipju 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (2), ipproklamat f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, jiddikjara li kull ħaddiem għandu dritt għal ambjent tax-xogħol li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa, sikur u adattat kif suppost. Id-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, u għal ambjent tax-xogħol li huwa adattat għall-ħtiġijiet professjonali tal-ħaddiema u li jgħinhom jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol għal perjodu estiż jinkludi wkoll il-protezzjoni mill-esponiment għall-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol.

(2)

Il-Kummissjoni enfasizzat b’mod ċar il-ħtieġa li tkompli titjieb il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-esponiment għas-sustanzi kimiċi perikolużi fuq il-post tax-xogħol fil-Komunikazzjoni tagħha msejħa “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd” (3).

(3)

Skont id-Direttiva 98/24/KE, il-Kummissjoni għandha tipproponi l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea (l-UE) fil-forma ta’ valuri ta’ limitu indikattiv ta’ esponiment okkupazzjonali (IOELVs) li jridu jiġu stabbiliti fil-livell tal-UE biex il-ħaddiema jiġu protetti mir-riskji li jirriżultaw mill-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi.

(4)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/24/KE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tistabbilixxi jew tirrevedi l-IOELVs, filwaqt li tqis id-disponibbiltà tal-metodi tat-teknika tal-kejl abbazi ta’ miżuri adottati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (4).

(5)

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/24/KE jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tevalwa, permezz ta’ valutazzjoni xjentifika indipendenti tal-aħħar data xjentifika disponibbli, ir-relazzjoni bejn l-effetti tal-aġenti kimiċi perikolużi fuq is-saħħa u l-livell tal-esponiment okkupazzjonali.

(6)

Il-Kummissjoni hija megħjuna f’dan il-kompitu mill-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol (is-SCOEL), stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE (5).

(7)

Skont id-Direttiva 98/24/KE, “valur ta’ limitu ta’ esponiment okkupazzjonali” tfisser, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-limitu tal-medja ta’ ponderazzjoni tal-ħin tal-konċentrazzjoni ta’ aġent kimiku fl-arja fiż-żona tat-teħid tan-nifs ta’ ħaddiem, b’rabta ma’ perjodu referenzjarju speċifikat.

(8)

L-IOELVs huma valuri ta’ limitu ta’ esponiment okkupazzjonali bbażati fuq is-saħħa, miksuba mill-iktar data xjentifika riċenti disponibbli u adottati mill-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni tad-disponibbiltà tat-tekniki tal-kejl. Dawn huma livelli ta’ limitu tal-esponiment li taħthom, b’mod ġenerali, aġent kimiku partikolari ma jkunx mistenni jħalli effetti negattivi wara esponiment għalih għal żmien qasir jew ta’ kuljum tul il-ħajja professjonali. Dawn jikkostitwixxu l-għanijiet tal-UE u huma mfassla biex jgħinu lil min jimpjega jiddetermina r-riskji u jivvalutahom u jimplimenta miżuri preventivi u protettivi, b’konformità mad-Direttiva 98/24/KE.

(9)

B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tas-SCOEL, l-IOELVs huma stabbiliti b’rabta ma’ perjodu referenzjarju ta’ medja ta’ ponderazzjoni tal-ħin ta’ tmien sigħat (il-valuri ta’ limitu ta’ esponiment fit-tul) u, għal ċerti aġenti kimiċi, għal perjodi referenzjarji iqsar, b’mod ġenerali ta’ medja ta’ ponderazzjoni tal-ħin ta’ 15-il minuta (il-valuri ta’ limitu ta’ esponiment fil-qosor), biex jitqiesu l-effetti li jirriżultaw minn esponiment għal żmien qasir.

(10)

Għal kull aġent kimiku li għalih ġie stabbilit IOELV fil-livell tal-UE, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu valur ta’ limitu nazzjonali ta’ esponiment okkupazzjonali. Huma u jagħmlu dan, għandhom iqisu l-valur ta’ limitu tal-UE, filwaqt li jiddeterminaw in-natura tal-valur ta’ limitu nazzjonali b’konformità mal-leġiżlazzjoni u mal-prattika nazzjonali.

(11)

L-IOELVs huma parti importanti mill-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji tas-saħħa li jirriżultaw mill-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi.

(12)

B’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/24/KE, is-SCOEL ivvaluta r-rabta bejn l-effetti tal-aġenti kimiċi elenkati fl-għaxar (10) entrati fl-Anness ta’ din id-Direttiva fuq is-saħħa u l-livell tal-esponiment okkupazzjonali. B’mod simili, huwa rrakkomanda li jiġu stabbiliti l-IOELVs għal dawn l-aġenti kimiċi kollha għar-rotta tat-teħid tan-nifs tal-esponiment b’rabta mal-perjodu referenzjarju ta’ medja ta’ ponderazzjoni tal-ħin ta’ tmien sigħat. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-valuri ta’ limitu ta’ esponiment fit-tul għall-aġenti kollha msemmija fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

(13)

Għal uħud minn dawn l-aġenti kimiċi, jiġifieri għall-anilina, għat-trimetilammina, għat-2-fenilpropan (il-kumen), għall-aċetat tas-sek-butil, għall-4-amminotoluwen, għall-aċetat tal-isobutil, għall-alkoħol tal-isoamil, għall-aċetat tan-n-butil u għat-triklorur tal-fosforil, is-SCOEL irrakkomanda wkoll li jiġu stabbiliti l-valuri ta’ limitu ta’ esponiment fil-qosor.

(14)

Għal ċertu sustanzi, hemm bżonn li titqies il-possibbiltà ta’ penetrazzjoni mill-ġilda sabiex jiġi żgurat l-aqwa livell ta’ protezzjoni possibbli. Fost l-aġenti kimiċi elenkati fl-entrati fl-Anness ta’ din id-Direttiva, is-SCOEL identifika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda fil-każ tal-anilina, tat-2-fenilpropan (il-kumen) u tal-4-amminotoluwen. Għalhekk huwa xieraq li fl-Anness ta’ din id-Direttiva, minbarra li jingħataw l-IOELVs għal dawn l-aġenti kimiċi, jiġu inklużi notazzjonijiet li jindikaw il-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti tagħhom mill-ġilda.

(15)

Wieħed minn dawk l-aġenti kimiċi, jiġifieri t-2-fenilpropan (il-kumen), bħalissa huwa elenkat fl-Anness tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE (6). Is-SCOEL irrakkomanda li jiġi stabbilit IOELVġdid għal din is-sustanza. Jixraq għalhekk li jiġi inkluż valur ta’ limitu rivedut għat-2-fenilpropan (il-kumen) fl-Anness ta’ din id-Direttiva u li titħassar l-entrata korrispondenti mill-Anness tad-Direttiva 2000/39/KE.

(16)

B’konformità mad-Dikjarazzjoni politika konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni (7), l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali.

(17)

Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni tqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti f’forma ta’ tabella li turi l-korrelazzjoni bejn il-miżuri nazzjonali u din id-Direttiva hija ġustifikata, minħabba li għal ċerti aġenti diġà jeżistu valuri ta’ limitu nazzjonali ta’ esponiment okkupazzjonali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u minħabba d-diversità u n-natura teknika tal-istrumenti legali fil-livell nazzjonali biex jiġu stabbiliti l-valuri ta’ limitu ta’ esponiment okkupazzjonali.

(18)

Il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol ġie kkonsultat b’konformità mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/24/KE u dan ta l-opinjonijiet tiegħu fis-6 ta’ Diċembru 2017 u fil-31 ta’ Mejju 2018. Il-Kumitat irrikonoxxa li bħalissa jeżistu sfidi fir-rigward tad-disponibbiltà tal-metodoloġiji tal-kejl li jistgħu jintużaw biex juru l-konformità mal-valuri ta’ limitu proposti għat-triklorur tal-fosforil u għall-alkoħol tal-isoamil, u li jenħtieġ li jsiru sforzi biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ tekniki adattati għal dan sal-aħħar tal-perjodu tat-traspożizzjoni.

(19)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Progress Tekniku stabbilit skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/391/KEE.

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-ħames lista tal-valuri ta’ limitu indikattiv ta’ esponiment okkupazzjonali tal-UE b’dan hija stabbilita għall-aġenti kimiċi elenkati fl-Anness.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri ta’ limitu nazzjonali ta’ esponiment okkupazzjonali għall-aġenti kimiċi elenkati fl-Anness, filwaqt li jqisu l-valuri ta’ limitu tal-UE.

Artikolu 3

Fl-Anness tad-Direttiva 2000/39/KE, ir-referenza għall-kumen titħassar b’effett mill-20 ta’ Mejju 2021.

Artikolu 4

1.   Sal-20 ta’ Mejju 2021 l-iktar tard, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

Huma għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet minnufih u għandhom jakkumpanjaw in-notifika tagħhom b’dokument ta’ spjegazzjoni wieħed jew aktar fil-forma ta’ tabelli li juru l-korrelazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-att tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali ewlenin li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.

(2)  Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, Novembru tal-2017, https://ec.europa.eu/commission/priorities/deeper-and-fairer-economic-and-monetary-union/european-pillar-social-rights_mt.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msejħa “Iktar Saħħa u Sikurezza fuq ix-Xogħol għal Kulħadd – Modernizzazzjoni tal-Politika u tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali”, COM/2017/012 final. http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=89&newsId=2709

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/113/UE tat-3 ta’ Marzu 2014 li tistabbilixxi Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol u li tħassar id-Deċiżjoni 95/320/KE (ĠU L 62, 4.3.2014, p. 18).

(6)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/39/KE tat-8 ta’ Ġunju 2000 li tistabbilixxi l-ewwel lista ta’ valuri ta’ limiti ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol biex timplimenta d-Direttiva 98/24/KE dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minn riskji relatati ma’ aġenti kimiċi fuq ix-xogħol (ĠU L 142, 16.6.2000, p. 47).

(7)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

Nru tal-KE  (1)

Nru tal-CAS  (2)

Isem l-aġent kimiku

Valuri ta’ limitu

Notazzjoni  (3)

8 sigħat  (4)

Perjodu ta’ żmien qasir  (5)

mg/m3  (6)

ppm  (7)

mg/m3  (6)

ppm (7)

200-539-3

62-53-3

Anilina (8)

7,74

2

19,35

5

Il-ġilda

200-817-4

74-87-3

Klorometan

42

20

-

-

-

200-875-0

75-50-3

Trimetilammina

4,9

2

12,5

5

-

202-704-5

98-82-8

2-fenilpropan

(kumen)  (8)

50

10

250

50

Il-ġilda

203-300-1

105-46-4

Aċetat tas-sek-butil

241

50

723

150

-

203-403-1

106-49-0

4-amminotoluwen

4,46

1

8,92

2

Il-ġilda

203-745-1

110-19-0

Aċetat tal-isobutil

241

50

723

150

-

204-633-5

123-51-3

Alkoħol tal-isoamil

18

5

37

10

-

204-658-1

123-86-4

Aċetat tan-n-butil

241

50

723

150

-

233-046-7

10025-87-3

Triklorur tal-fosforil

0,064

0,01

0,12

0,02

-


(1)  Nru tal-KE: in-numru tal-Komunità Ewropea (il-KE), li huwa l-identifikatur numeriku tas-sustanzi fl-Unjoni Ewropea.

(2)  Nru tal-CAS: in-numru tar-reġistru tal-“Chemical Abstracts Service”.

(3)  Notazzjoni dwar il-ġilda assenjata lill-valur ta’ limitu ta’ esponiment okkupazzjonali tindika l-possibbiltà ta’ assorbiment sinifikanti mill-ġilda.

(4)  Imkejla jew ikkalkulati b’rabta ma’ perjodu referenzjarju ta’ medja ta’ ponderazzjoni tal-ħin (TWA) ta’ tmien sigħat.

(5)  Limitu ta’ esponiment fil-qosor (STEL). Valur ta’ limitu li ma jridx jinqabeż. Dan huwa marbut ma’ perjodu ta’ 15-il minuta, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(6)  Mg/m3: milligrammi għal kull metru kubu ta’ arja. Għas-sustanzi kimiċi f’fażi gassuża jew f’fażi ta’ tifwir, il-valur ta’ limitu huwa mogħti f’20 °C u f’101,3 kPa.

(7)  Ppm: partijiet għal kull miljun skont il-volum fl-arja (f’ml/m3).

(8)  Matul il-monitoraġġ tal-esponiment, jenħtieġ li jitqiesu l-valuri tal-monitoraġġ bijoloġiku rilevanti kif issuġġeriti mill-Kumitat Xjentifiku għal-Limiti tal-Espożizzjoni għal Aġenti Kimiċi fuq il-Post tax-Xogħol (is-SCOEL).