12.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 188/94


DIRETTIVA (UE) 2019/1159 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta' Ġunju 2019

li temenda d-Direttiva 2008/106/KE dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara u li tħassar id-Direttiva 2005/45/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Sabiex jinżamm, u bl-għan li jittejjeb, il-livell għoli ta' sikurezza marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis fil-baħar, huwa essenzjali li jinżamm u possibbilment li jittejjeb il-livell tal-għarfien u tal-ħiliet tal-baħħara tal-Unjoni bl-iżvilupp tat-taħriġ marittimu u taċ-ċertifikazzjoni f'konformità mar-regoli internazzjonali u l-progress teknoloġiku, kif ukoll li tittieħed azzjoni ulterjuri biex tissaħħaħ il-bażi tal-ħiliet marittimi Ewropej.

(2)

It-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara huma regolati fuq livell internazzjonali mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta' Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tal-1978, kif emendata (il-“Konvenzjoni STCW”), li l-aħħar li ġiet suġġetta għal reviżjoni kbira kien fl-2010. Fl-2015 ġew adottati emendi għall-Konvenzjoni STCW dwar ir-rekwiżiti ta' taħriġ u ta' kwalifika għall-baħħara li jaħdmu fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi Internazzjonali ta' Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b'Punt ta' Fjammabilità Baxx (il-“Kodiċi tal-IGF”). Fl-2016, ġew adottati emendi għall-Konvenzjoni STCW fir-rigward tat-taħriġ u tal-kwalifika tal-baħħara li jaħdmu fuq vapuri tal-passiġġieri u fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari.

(3)

Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tinkorpora l-Konvenzjoni STCW fil-liġi tal-Unjoni. L-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-Konvenzjoni STCW u għalhekk trid tinkiseb implimentazzjoni armonizzata tal-impenji internazzjonali tagħhom permezz tal-allinjament mal-Konvenzjoni STCW tar-regoli tal-Unjoni dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara. Għalhekk, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/106/KE jenħtieġ li jiġu emendati biex jirriflettu l-aħħar emendi fil-Konvenzjoni STCW dwar it-taħriġ u l-kwalifika tal-baħħara li jaħdmu fuq il-vapuri li jaqgħu taħt il-Kodiċi tal-IGF, fuq vapuri tal-passiġġieri u fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari.

(4)

Il-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara, kif adattat permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Konferenza tal-Partijiet STCW, fil-verżjoni aġġornata tiegħu (“Il-Kodiċi STCW”) diġà fih gwida dwar il-prevenzjoni tal-għeja (Taqsima B-VIII/1) kif ukoll dwar l-idoneità għax-xogħol (Taqsima A-VIII/1). Fl-interess tas-sikurezza, huwa imperattiv li r-rekwiżiti tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/106/KE jiġu infurzati u segwiti mingħajr eċċezzjoni u li jittieħed kont debitu ta' dik il-gwida.

(5)

Wieħed mill-għanijiet tal-politika komuni tat-trasport fil-qasam tat-trasport marittimu huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment tal-baħħara fi ħdan l-Unjoni. Dan il-moviment jikkontribwixxi, fost affarijiet oħra, sabiex is-settur tat-trasport marittimu tal-Unjoni jsir aktar attraenti għall-ġenerazzjonijiet futuri, biex b'hekk tiġi evitata sitwazzjoni li fiha l-cluster marittimu Ewropew iħabbat wiċċu ma' skarsezza ta' persunal kompetenti bit-taħlita ġusta ta' ħiliet u kompetenzi. Ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri huwa essenzjali biex jiffaċilita l-moviment liberu tal-baħħara. Fid-dawl tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta' ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa lil baħħara minn Stati Membri oħra għall-finijiet tal-ħruġ ta' ċertifikati nazzjonali ta' kompetenza jkunu bbażati fuq raġunijiet li jistgħu jiġu aċċertati mill-baħħara kkonċernati.

(6)

Id-Direttiva 2008/106/KE fiha wkoll sistema ċentralizzata għar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa minn pajjiżi terzi. Il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) wera li nkiseb iffrankar sinifikanti tal-ispejjeż għall-Istati Membri mill-introduzzjoni tas-sistema ċentralizzata. Madankollu, l-evalwazzjoni wriet ukoll li, fir-rigward ta' xi wħud mill-pajjiżi terzi rikonoxxuti, l-Istati Membri ħarġu biss għadd limitat ħafna ta' approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent ta' ċertifikati f'dak li għandu x'jaqsam ma' ċertifikati ta' kompetenza jew ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa minn dawk il-pajjiżi terzi. Għalhekk, sabiex jintużaw ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli b'mod aktar effiċjenti, il-proċedura għar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi jenħtieġ li tkun ibbażata fuq analiżi tal-ħtieġa għal tali rikonoxximent, inkluż iżda mhux limitata biss għal indikazzjoni tal-istima tal-għadd ta' kaptani, uffiċjali u operaturi tar-radju li joriġinaw minn dak il-pajjiż li x'aktarx li jkunu jservu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri. Jenħtieġ li dik l-analiżi tintbagħat għall-eżami lill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS).

(7)

Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tal-proċedura għar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni REFIT żvelat li l-iskeda ta' żmien attwali ta' 18-il xahar ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kumplessità tal-proċess li jinkludi spezzjoni fuq il-post imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima. L-arranġamenti diplomatiċi meħtieġa biex tiġi ppjanata u titwettaq tali spezzjoni jeħtieġu aktar żmien. Barra minn hekk, il-perijodu ta' 18-il xahar mhux biżżejjed meta l-pajjiż terz ikollu jimplimenta azzjonijiet korrettivi u jagħmel tibdil legali fis-sistema tiegħu sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW. Għal dawk il-motivi, l-iskadenza għall-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi estiża minn 18-il xahar għal 24 xahar u, fejn pajjiż terz ikollu jimplimenta azzjonijiet korrettivi konsiderevoli, inklużi emendi fid-dispożizzjonijiet ġuridiċi, jenħtieġ li l-iskadenza tiġi estiża ulterjorment għal 36 xahar. Barra minn hekk, il-possibbiltà għall-Istat Membru li qed jagħmel it-talba li jirrikonoxxi proviżorjament is-sistema ta' standards ta' taħriġ, ċertifikazzjoni u għassa għall-baħħara tal-pajjiż terz, jenħtieġ li tibqa' sabiex tinżamm il-flessibbiltà tal-proċedura ta' rikonoxximent.

(8)

Sabiex jiġi żgurat id-dritt tal-baħħara kollha għal impjieg deċenti u sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, ir-rikonoxximent futur ta' pajjiżi terzi jenħtieġ li jieħu inkonsiderazzjoni jekk dawk il-pajjiżi terzi rratifikawx il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006.

(9)

Sabiex tiżdied iktar l-effiċjenza tas-sistema ċentralizzata għar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi, ir-rivalutazzjoni ta' pajjiżi terzi li jipprovdu għadd baxx ta' baħħara għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri jenħtieġ li titwettaq f'intervalli itwal li jenħtieġ li jitwalu għal għaxar snin. Madankollu, dan il-perijodu itwal ta' rivalutazzjoni tas-sistema ta' dawn il-pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġi kkombinat ma' kriterji ta' prijorità li jieħdu kont tat-tħassib dwar is-sikurezza, filwaqt li tiġi bbilanċjata l-ħtieġa ta' effiċjenza b'mekkaniżmu effikaċi ta' salvagwardja f'każ ta' deterjorazzjoni tal-kwalità tat-taħriġ tal-baħħara pprovdut fil-pajjiżi terzi rilevanti.

(10)

Fil-livell tal-Unjoni, l-informazzjoni dwar il-baħħara impjegati minn pajjiżi terzi saret disponibbli bil-komunikazzjoni mill-Istati Membri tal-informazzjoni rilevanti miżmuma fir-reġistri nazzjonali tagħhom marbuta maċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet maħruġa. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tintuża għal finijiet ta' statistika u t-tfassil tal-politika, b'mod partikolari għall-fini ta' titjib fl-effiċjenza tas-sistema ċentralizzata għar-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi. Abbażi tal-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri, jenħtieġ li r-rikonoxximent ta' pajjiżi terzi li ma pprovdewx baħħara għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri għal perijodu ta' mill-inqas tmien snin jiġi rieżaminat. Jenħtieġ li l-proċess ta' rieżami jkopri l-possibbiltà taż-żamma jew l-irtirar tar-rikonoxximent tal-pajjiż terz rilevanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri tintuża wkoll sabiex tagħti prijorità lir-rivalutazzjoni tal-pajjiżi terzi rikonoxxuti.

(11)

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u biex jiġi żgurat l-adattament f'waqtu ta' regoli tal-Unjoni għal dawn l-iżviluppi, is-setgħa ta' adozzjoni ta'atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-inkorporazzjoni tal-emendi tal-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW bl-aġġornament tar-rekwiżiti tekniċi dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara u bl-allinjament tad-dispożizzjonijiet kollha rilevanti tad-Direttiva 2008/106/KE fir-rigward taċ-ċertifikati diġitali għall-baħħara. B'mod partikolari hu importanti li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell ta' esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (4). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni indaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b'mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(12)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' rikonoxximent ta' pajjiżi terzi, jenħtieġ li setgħat ta' implimentazzjoni jiġu konferiti lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jkunu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (5)

(13)

Id-dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali stipulati fid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) mhumiex applikabbli fir-rigward tar-rikonoxximent taċ-ċertifikati tal-baħħara skont id-Direttiva 2008/106/KE. Id-Direttiva 2005/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) kienet tirregola r-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri. Madankollu, id-definizzjonijiet taċ-ċertifikati tal-baħħara msemmija fid-Direttiva 2005/45/KE saru obsoleti wara l-emendi tal-2010 għall-Konvenzjoni STCW. Għalhekk, l-iskema ta' rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri jenħtieġ li tiġi emendata sabiex tirrifletti emendi internazzjonali u d-definizzjonijiet taċ-ċertifikati tal-baħħara inklużi fid-Direttiva 2008/106/KE. Barra minn hekk, iċ-ċertifikati mediċi tal-baħħara maħruġa taħt l-awtorità tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu inklużi wkoll fl-iskema ta' rikonoxximent reċiproku. Sabiex jitneħħew l-ambigwità u r-riskju ta' inkonsistenzi bejn id-Direttivi 2005/45/KE u 2008/106/KE, ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara jenħtieġ li jiġi regolat bid-Direttiva 2008/106/KE biss. Barra minn hekk, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, jenħtieġ li tiddaħħal sistema elettronika għall-preżentazzjoni tal-kwalifiki tal-baħħara ladarba jkunu ġew adottati l-emendi rilevanti għall-Konvenzjoni STCW.

(14)

Id-diġitalizzazzjoni tad-data hija parti integrali mill-progress teknoloġiku fil-qasam tal-ġbir u l-komunikazzjoni tad-data bil-ħsieb li tgħin biex l-ispejjeż jitnaqqsu u biex ir-riżorsi umani jintużaw b'aktar effikaċja. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkunsidra miżuri sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-kontroll mill-Istat tal-port, inkluż, fost l-oħrajn, evalwazzjoni tal-fattibbiltà u l-valur miżjud tal-istabbiliment u l-ġestjoni ta' bażi tad-data ċentrali taċ-ċertifikati tal-baħħara li tkun kollegata mal-bażi tad-data għall-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u li l-Istati Membri kollha ser ikunu konnessi magħha. Jenħtieġ li dik il-bażi tad-data ċentrali jkun fiha l-informazzjoni kollha stabbilita fl-Anness V għad-Direttiva 2008/106/KE dwar iċ-ċertifikati ta' kompetenza u l-approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa skont ir-Regolamenti V/1-1 u V/1-2 tal-Konvenzjoni STCW.

(15)

L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-baħħara Ewropej biex ikunu kaptani u uffiċjali jenħtieġ li tiġi appoġġata bi skambji ta' studenti bejn l-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ fil-qasam Marittimu madwar l-Unjoni. Sabiex jitrawmu u jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kwalifiki tal-baħħara li jservu taħt bandiera Ewropea, hemm bżonn ta' skambju ta' prattiki tajbin fost l-Istati Membri. L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-baħħara jenħtieġ li jibbenefika b'mod sħiħ mill-opportunitajiet ipprovduti bil-programm Erasmus+.

(16)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi djalogu mas-sħab soċjali u l-Istati Membri biex jiżviluppaw inizjattivi ta' taħriġ addizzjonali għal-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara maqbul fuq livell internazzjonali, u li jistgħu jiġu reċiprokament rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala Diplomi Marittimi ta' Eċċellenza Ewropej. Dawk l-inizjattivi jenħtieġ li jibnu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-proġetti pilota attwali u l-istrateġiji stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għal kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet, u jiġu żviluppati f'konformità magħhom.

(17)

Sabiex tiżdied iċ-ċarezza u l-konsistenza ġuridika, id-Direttiva 2005/45/KE jenħtieġ li titħassar.

(18)

Id-Direttiva 2008/106/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2008/106/KE

Id-Direttiva 2008/106/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“43.

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru li fih il-baħħara jfittxu aċċettazzjoni jew rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' kompetenza, iċ-ċertifikati ta' profiċjenza jew il-prova dokumentata tagħhom;

44.

“Kodiċi tal-IGF” tfisser il-Kodiċi Internazzjoni tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b'Punt ta' Fjammabilità Baxx, kif definit fir-Regolament II-1/2.29 tas-SOLAS 74;

45.

“Kodiċi Polari” tfisser il-Kodiċi Internazzjonali għal Vapuri li Joperaw f'Ibħra Polari, kif definit fir-Regolament XIV/1.1 tas-SOLAS 74;

46.

“Ibħra polari” tfisser l-ibħra Artiċi u/jew iż-żona tal-Antartiku, kif definit fir-Regolamenti XIV/1.2 sa XIV/1.4 ta' SOLAS 74.”

(2)

L-Artikolu 2 jiġi emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu uniku, il-kliem introduttorju huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għall-baħħara msemmija f'din id-Direttiva li jservu fuq vapuri tat-tbaħħir li jtajru bandiera ta' Stat Membru bl-eċċezzjoni ta':”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“2.   L-Artikolu 5b japplika għall-baħħara fil-pussess ta' ċertifikat maħruġ minn Stat Membru, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom.”

(3)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“10.   Soġġett għall-Artikolu 19(7), kwalunkwe ċertifikat meħtieġ b'din id-Direttiva għandu jinżamm disponibbli fil-forma oriġinali tiegħu abbord il-vapur li fuqu id-detentur jagħti s-servizz tiegħu, f'forma stampata jew f'format diġitali, li l-awtentiċità u l-validità tiegħu jistgħu jiġu verifikati skont il-proċedura stipulata fil-punt (b) tal-paragrafu 12 ta' dan l-Artikolu.”;

(b)

Il-paragrafu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“13.   Meta emendi rilevanti għall-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW relatati maċ-ċertifikati diġitali għall-baħħara jidħlu fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 27a biex temenda din id-Direttiva billi tallinja d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tagħha ma' dawk l-emendi għall-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW sabiex iċ-ċertifikati u l-approvazzjonijiet tal-baħħara jiġu diġitalizzati.”

(4)

L-Artikolu 5a jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 5a

Informazzjoni lill-Kummissjoni

Għall-finijiet tal-Artikolu 20(8) u l-Artikolu 21(2) u esklużivament għall-użu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għat-tfassil tal-politika u għal finijiet ta' statistika, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, fuq bażi annwali, l-informazzjoni elenkata fl-Anness V għal din id-Direttiva dwar ċertifikati ta' kompetenza u approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' kompetenza. Jistgħu jipprovdu wkoll, fuq bażi volontarja, informazzjoni dwar ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa lil ratings f'konformità mal-Kapitoli II, III, u VII tal-Anness għall-Konvenzjoni STCW, bħall-informazzjoni indikata fl-Anness V għal din id-Direttiva.”

(5)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 5b

Ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri

1.   Kull Stat Membru għandu jaċċetta ċ-ċertifikati ta' profiċjenza u l-prova dokumentata maħruġa minn Stat Membru ieħor, jew taħt l-awtorità tiegħu, f'forma stampata jew f'format diġitali, bl-iskop li jkun possibbli li l-baħħara jservu fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu.

2.   Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi ċ-ċertifikati ta' kompetenza maħruġa minn Stat Membru ieħor jew ċ-ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa minn Stat Membru ieħor lill-kaptani u lill-uffiċjali skont ir-Regolamenti V/1-1 u V/1-2 tal-Anness I għal din id-Direttiva, billi japprova dawk iċ-ċertifikati biex jaffermaw ir-rikonoxximent tagħhom. L-approvazzjoni li tafferma r-rikonoxximent għandha tkun limitata għall-kapaċitajiet, il-funzjonijiet u l-livelli ta' kompetenza jew profiċjenza preskritti fihom. L-approvazzjoni għandha tinħareġ biss jekk ikunu ssodisfati r-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW, skont ir-Regolament I/2, il-paragrafu 7, tal-Konvenzjoni STCW. Il-forma tal-approvazzjoni użata għandha tkun dik stabbilita fit-Taqsima A-I/2, il-paragrafu 3, tal-Kodiċi STCW.

3.   Kull Stat Membru għandu jaċċetta ċertifikati mediċi maħruġa taħt l-awtorità ta' Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 11 biex ikun possibbli għall-baħħara jservu fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu.

4.   L-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 jinħarġu fi żmien raġonevoli. L-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw ukoll li l-baħħara jkollhom id-dritt għal appell kontra kull ċaħda ta' approvazzjoni jew aċċettazzjoni ta' ċertifikat validu, jew in-nuqqas ta' kwalunkwe risposta, skont il-leġislazzjoni u l-proċeduri nazzjonali u li l-baħħara jiġu pprovduti b'konsulenza u għajnuna adegwati fir-rigward ta' appelli bħal dawn f'konformità mal-leġislazzjoni u l-proċeduri nazzjonali stabbiliti.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ospitanti jistgħu jimponu iktar limitazzjonijiet fuq il-kapaċitajiet, il-funzjonijiet u l-livelli ta' kompetenza jew profiċjenza marbuta ma' vjaġġi qrib ix-xatt, kif imsemmi fl-Artikolu 7, jew fuq ċertifikati alternattivi maħruġa skont ir-Regolament VII/1 tal-Anness I.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, Stat Membru ospitanti jista', fejn ikun hemm bżonn, jippermetti li baħħar iservi għal perijodu ta' mhux aktar minn tliet xhur fuq vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu, filwaqt li jkollu fil-pussess tiegħu ċertifikat xieraq u validu maħruġ u approvat minn Stat Membru ieħor, iżda li jkun għadu mhux approvat għar-rikonoxximent mill-Istat Membru ospitanti konċernat.

Prova dokumentata li applikazzjoni għall-approvazzjoni tressqet lill-awtoritajiet kompetenti għandha tkun faċilment disponibbli.

7.   Stat Membru ospitanti għandu jiżgura li baħħara li jippreżentaw għar-rikonoxximent ċertifikati għal funzjonijiet fil-livell maniġerjali jkollhom għarfien xieraq tal-leġislazzjoni marittima ta' dak l-Istat Membru li tkun rilevanti għall-funzjonijiet li huma jkunu permessi li jwettqu.”.

(6)

L-Artikolu 12 jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Kull kaptan, uffiċjal u operatur tar-radju fil-pussess ta' ċertifikat maħruġ jew rikonoxxut taħt kwalunkwe kapitolu tal-Anness I għajr ir-Regolament V/3 tal-Kapitolu V jew il-Kapitolu VI, li jkun qiegħed iservi fuq il-baħar jew biħsiebu jerġa' lura fuq il-baħar wara perijodu fuq l-art, għandu, sabiex ikompli jikkwalifika għas-servizz fuq il-baħar, ikun meħtieġ f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin li:

(a)

jissodisfa l-istandards ta' saħħa medika preskritti mill-Artikolu 11; u

(b)

jistabbilixxi kompetenza professjonali kontinwa skont it-Taqsima A-I/11 tal-Kodiċi STCW.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2b.   Kull kaptan jew uffiċjal għandu, biex ikompli jagħti servizz tat-tbaħħir fuq il-vapuri li joperaw fl-ibħra polari, jissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u għandu jkun meħtieġ, f'intervalli li ma jaqbżux il-ħames snin, jistabbilixxi kompetenza professjonali kontinwa għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari skont it-Taqsima A-I/11, il- il-paragrafu 4, tal-Kodiċi STCW.”;

(c)

il-paragrafu 3 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Kull Stat Membru għandu jqabbel l-istandards ta' kompetenza li huma meħtieġa mill-kandidati għaċ-ċertifikati ta' kompetenza u/jew ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa sal-1 ta' Jannar 2017 ma' dawk speċifikati għaċ-ċertifikat ta' kompetenza u/jew ċertifikat ta' profiċjenza rilevanti fil-Parti A tal-Kodiċi STCW, u għandu jiddetermina l-ħtieġa li jirrikjedi lid-detenturi ta' dawn iċ-ċertifikati ta' kompetenza u/jew ċertifikati ta' profiċjenza jagħmlu taħriġ jew valutazzjoni xierqa ta' tiġdid u ta' aġġornament.”;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Kull Stat Membru għandu jqabbel l-istandards ta' kompetenza li kienu meħtieġa minn persuni li servew fuq vapuri mħaddma bil-gass qabel l-1 ta' Jannar 2017 mal-istandards ta' kompetenza fit-Taqsima A-V/3 tal-Kodiċi STCW, u għandu jiddetermina l-bżonn, jekk ikun hemm, li jirrikjedi li dawk il-persuni jaġġornaw il-kwalifiki tagħhom.”.

(7)

Fl-Artikolu 19, il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

“2.   Stat Membru li jkun biħsiebu jirrikonoxxi, b'approvazzjoni, iċ-ċertifikati ta' kompetenza jew iċ-ċertifikati ta' profiċjenza msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, maħruġa minn pajjiż terz lil kaptan, uffiċjal jew operatur tar-radju, għal servizz fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu, għandu jippreżenta talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent ta' dak il-pajjiż terz, akkumpanjata minn analiżi preliminari tal-konformità tal-pajjiż terz mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW billi jiġbor l-informazzjoni msemmija fl-Anness II għal din id-Direttiva. F'dik l-analiżi preliminari, l-Istat Membru għandu jipprovdi aktar informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-rikonoxximent tal-pajjiż terz, b'appoġġ għat-talba tiegħu.

Wara l-preżentazzjoni ta' tali talba minn Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tipproċessa mingħajr dewmien dik it-talba u għandha tiddeċiedi, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2), dwar il-bidu tal-valutazzjoni tas-sistema ta' taħriġ u ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz fi żmien raġonevoli b'kunsiderazzjoni xierqa għal-limitu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

Meta tiġi adottata deċiżjoni pożittiva biex tinbeda il-valutazzjoni, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u bl-involviment possibbli tal-Istat Membru li jkun qed iressaq it-talba u kwalunkwe Stat Membru ieħor interessat, għandha tiġbor l-informazzjoni msemmija fl-Anness II għal din id-Direttiva u għandha twettaq valutazzjoni tas-sistemi ta' taħriġ u ċertifikazzjoni fil-pajjiż terz li għalih tkun tressqet it-talba għar-rikonoxximent, sabiex tivverifika li l-pajjiż ikkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Konvenzjoni STCW u li ttieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi evitat il-ħruġ ta' ċertifikati frawdolenti, u biex ikun ikkunsidrat jekk irratifikax il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006.

3.   Meta, b'riżultat tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tikkonkludi li dawk ir-rekwiżiti kollha huma ssodisfati, hija għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikonoxximent ta' pajjiż terz. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2), fi żmien 24 xahar mill-preżentazzjoni tat-talba minn Stat Membru msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

F'każ li l-pajjiż terz ikkonċernat jeħtieġ jimplimenta azzjonijiet korrettivi kbar, inklużi emendi fil-leġislazzjoni tiegħu, is-sistema tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taċ-ċertifikazzjoni tiegħu biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW, l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati fi żmien 36 xahar mill-preżentazzjoni tat-talba minn Stat Membru msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

L-Istat Membru li jippreżenta tali talba jista' jiddeċiedi li jirrikonoxxi l-pajjiż terz b'mod unilaterali sa ma jiġi adottat att ta' implimentazzjoni skont dan il-paragrafu. F'każ ta' tali rikonoxximent unilaterali, l-Istati Membru għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-għadd ta' approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent maħruġa b'rabta maċ-ċertifikati ta' kompetenza u ċ-ċertifikati ta' profiċjenza msemmija fil-paragrafu 1, maħruġa mill-pajjiż terz sakemm l-att ta' implimentazzjoni dwar ir-rikonoxximent ta' dak il-pajjiż terz jiġi adottat.”.

(8)

Fl-Artikolu 20, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Jekk ma jkun hemm ebda approvazzjoni li tafferma r-rikonoxximent maħruġ minn Stat Membru b'rabta ma' ċertifikati ta' kompetenza jew ċertifikati ta' profiċjenza, imsemmija fl-Artikolu 19(1), maħruġa minn pajjiż terz għal perijodu ta' aktar minn tmien snin, ir-rikonoxximent taċ-ċertifikati ta' dak il-pajjiż għandu jiġi rieżaminat. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu d-deċiżjoni tagħha wara dak ir-rieżami. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 28(2), wara notifika mill-inqas sitt xhur minn qabel lill-Istati Membri kif ukoll lill-pajjiż terz konċernat.”.

(9)

Fl-Artikolu 21, il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dan li ġej:

“1.   Il-pajjiżi terzi li ġew rikonoxxuti skont il-proċedura msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(3), inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 19(6), għandhom jiġu rivalutati mill-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, fuq bażi regolari u mill-inqas kull għaxar snin mill-aħħar valutazzjoni, biex jiġi vverifikat li jissoddisfaw il-kriterji rilevanti mniżżla fl-Anness II u jekk ittieħdux il-miżuri xierqa biex jipprevjenu l-ħruġ ta' ċertifikati frawdolenti.

2.   Il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, għandha twettaq rivalutazzjoni tal-pajjiżi terzi abbażi tal-kriterji ta' prijorità. Dawk il-kriterji għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

data tal-prestazzjoni mill-kontroll tal-Istat tal-port skont l-Artikolu 23;

(b)

l-għadd ta' approvazzjonijiet li jaffermaw ir-rikonoxximent fir-rigward taċ-ċertifikati ta' kompetenza, jew taċ-ċertifikati ta' profiċjenza maħruġa skont ir-Regolamenti V/1-1 u V/1-2 tal-Konvenzjoni STCW, maħruġa mill-pajjiż terz;

(c)

l-għadd ta' istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fikl-qasam marittimu akkreditati mill-pajjiż terz;

(d)

l-għadd ta' programmi ta' taħriġ u żvilupp professjonali għall-baħħara approvati mill-pajjiż terz;

(e)

id-data tal-aħħar valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pajjiż terz u l-għadd ta' nuqqasijiet fi proċessi kritiċi identifikati matul dik il-valutazzjoni;

(f)

kwalunkwe bidla sinifikanti fit-taħriġ marittimu u fis-sistema ta' ċertifikazzjoni tal-pajjiż terz;

(g)

l-għadd globali ta' baħħara ċċertifikati mill-pajjiż terz, li jservu fuq vapuri li jtajru l-bnadar taL-Istati Membri u l-livell ta' taħriġ u kwalifiki ta' dawk il-baħħara;

(h)

informazzjoni dwar l-istandards ta' edukazzjoni u taħriġ fil-pajjiż terz, ipprovduta minn kwalunkwe awtorità kkonċernata jew parti ikkonċernata oħra, jekk din tkun disponibbli.

Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ta' pajjiż terz mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni STCW skont l-Artikolu 20 ta' din id-Direttiva, il-valutazzjoni mill-ġdid ta' dak il-pajjiż terz għandu jkollha prijorità fir-rigward ta' pajjiżi terzi oħra.”.

(10)

Fl-Artikolu 25a, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Anness V lill-Kummissjoni għall-finijiet tal-Artikolu 20(8) u l-Artikolu 21(2) u għall-użu mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għat-tfassil tal-politika.”.

(11)

L-Artikolu 26 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 26

Rapport ta' evalwazzjoni

Mhux aktar tard mit-2 ta' Awwissu 2024 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni, inkluż suġġerimenti għal azzjonijiet ta' segwitu li jridu jittieħdu fid-dawl ta' dik l-evalwazzjoni. F' dak ir-rapport ta' evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-implimentazzjoni tal-iskema ta' rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri, u kwalunkwe żvilupp rigward iċ-ċertifikati diġitali għall-baħħara fil-livell internazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll kwalunkwe żvilupp fir-rigward ta' konsiderazzjoni futura ta' Diplomi Marittimi Ewropej ta' Eċċellenza, kif imsejsa mir-rakkomandazzjonijiet mogħtija mis-sħab soċjali.”.

(12)

L-Artikolu 27 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 27

Emenda

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27a li jemendaw l-Anness I għal din id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet relatati ta' din id-Direttiva sabiex tallinjadak l-Anness u dawk id-dispożizzjonijiet mal-emendi tal-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW.

2.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27a li jemendaw l-Anness V għal din id-Direttiva fir-rigward ta' kontenut u dettalji speċifiċi u rilevanti tal-informazzjoni li teħtieġ tiġi rrappurtata mill-Istati Membri kemm-il darba tali atti jkunu limitati għal li jqisu l-emendi fil-Konvenzjoni STCW u l-Parti A tal-Kodiċi STCW u jirrispettaw is-salvagwardji dwar il-protezzjoni tad-data. Tali atti delegati ma għandhomx ibiddlu d-dispożizzjonijiet dwar l-anonimizzazzjoni tad-data stipulati fl-Artikolu 25a(3).”.

(13)

L-Artikolu 27a jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 27a

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 27 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mill-1 ta' Awwissu 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.   Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 27 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma' tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 5(13) u l-Artikolu 27 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.

(14)

L-Anness I għad-Direttiva 2008/106/KE huwa emendat f'konformità mal-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

Tħassir

Id-Direttiva 2005/45/KE titħassar.

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sat-2 ta' Awwissu 2021. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)   ĠU C 110, 22.3.2019, p. 125

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Ġunju 2019.

(3)  Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33).

(4)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(6)  Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).

(7)  Id-Direttiva 2005/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ċertifikati tal-baħħara maħruġa mill-Istati Membri u li temenda d-Direttiva 2001/25/KE (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 160).

(8)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).


ANNESS

Fl-Anness I għad-Direttiva 2008/106/KE, il-Kapitolu V jiġi emendat kif ġej:

(1)

Ir-Regolament V/2 jinbidel b'dan li ġej:

Regolament V/2

Rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta' kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq vapuri tal-passiġġieri

1.

Dan ir-Regolament japplika għal kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor li jservu fuq vapuri tal-passiġġieri impenjati fi vjaġġi internazzjonali. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-applikabilità ta' dawn ir-rekwiżiti għall-persunal li jservi fuq vapuri tal-passiġġieri impenjat fi vjaġġi domestiċi.

2.

Qabel ma jiġu assenjati d-dmirijiet fuq il-vapur, il-persuni kollha li jservu fuq il-vapur tal-passiġġieri għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li hemm fiTaqsima A-VI/1, il-paragrafu 1, tal-Kodiċi STCW.

3.

Kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor li jservu fuq vapuri tal-passiġġieri għandhom ilestu taħriġ u familjarizzazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 5 sa 9 hawn taħt, skont il-kapaċità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

4.

Kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor li jeħtiġilhom ikunu mħarrġin skont il-paragrafi 7 sa 9 hawn taħt għandhom, f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin, jagħmlu taħriġ ta' aġġornament xieraq jew jiġu rikjesti li jipprovdu evidenza li laħqu l-istandard ta' kompetenza meħtieġ matul il-ħames snin preċedenti.

5.

Persunal li jservi fuq vapuri tal-passiġġieri għandu jtemm familjarizzazzjoni xierqa mal-emerġenza tal-vapur tal-passiġġieri skont il-kapaċità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu kif speċifikat fil-paragrafu 1, il-paragrafu 1, tat-Taqsima A-V/2 tal-Kodiċi STCW.

6.

Persunal li jipprovdi servizz dirett lill-passiġġieri fi spazji tal-passiġġieri fuq vapuri tal-passiġġieri għandu jtemm taħriġ ta' sikurezza speċifikat fit-Taqsima A-V/2, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW.

7.

Kaptani, uffiċjali, baħħara kkwalifikati skont il-Kapitoli II, III u VII ta' dan l-Anness u persunal ieħor innominat fuq il-lista tal-persunal biex jassistu passiġġieri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fuq vapuri tal-passiġġieri għandhom itemmu taħriġ ta' maniġġ tal-folla fuq vapur tal-passiġġieri, kif speċifikat fit-Taqsima A-V/2, il-paragrafu 3, tal-Kodiċi STCW.

8.

Kaptani, uffiċjali inġiniera prinċipali, chief mates, uffiċjali inġiniera tat-tieni grad u kwalunkwe persuna nominata fuq lista tal-persunal bir-responsabbiltà għas-sikurezza tal-passiġġieri f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fuq vapuri tal-passiġġieri għandhom itemmu taħriġ approvat fil-maniġġar ta' kriżijiet u l-imġiba tal-bnedmin kif speċifikat fit-Taqsima A-V/2, il-paragrafu 4, tal-Kodiċi STCW.

9.

Kaptani, chief mates, uffiċjali inġiniera prinċipali, uffiċjali inġiniera tat-tieni grad u kull persuna assenjata r-responsabbiltà immedjata għall-imbark u l-iżbark tal-passiġġieri, għat-tagħbija, il-ħatt jew l-irbit tal-merkanzija, jew għall-iżbokk tal-buq fuq vapuri tal-passiġġieri ro-ro, għandhom itemmu taħriġ approvat fis-sikurezza tal-passiġġieri, fis-sikurezza tal-merkanzija u fl-integrità tal-buq kif speċifikat fit-Taqsima A-V/2, il-paragrafu 5, tal-Kodiċi STCW.

10.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prova dokumentata tat-taħriġ li jkun tlesta tinħareġ lil kull persuna li tinsab li hija kwalifikata skont il-paragrafi 6 sa 9 ta' dan ir-Regolament.”

(2)

Jiddaħħlu r-Regolamenti li ġejjin:

Regolament V/3

Rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifika ta' kaptani, uffiċjali, baħħara u persunal ieħor fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF

1.

Dan ir-Regolament japplika għall-kaptani, l-uffiċjali u l-baħħara u persunal ieħor li jservu fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF.

2.

Qabel ma jiġu assenjati dmirijiet fuq vapuri soġġetti għall-kodiċi tal-IGF, il-baħħara għandhom ikunu temmew it-taħriġ meħtieġ mill-paragrafi 4 sa 9 ta' hawn taħt skont il-kapaċità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

3.

Il-baħħara kollha li jservu fuq bastimenti soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandhom, qabel ma jiġu assenjati d-dmirijiet fuq il-vapur, jirċievu familjarizzazzjoni speċifika xierqa tal-vapur u tat-tagħmir kif speċifikat fil-punt (d) tal-Artikolu 14(1) ta' din id-Direttiva.

4.

Il-baħħara responsabbli minn dmirijiet assenjati ta' sikurezza assoċjati mal-kura, l-użu jew l-prekawzjonijiet ta' emerġenza tal-fjuwil fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandhom ikollhom ċertifikat ta' taħriġ bażiku għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għal-Kodiċi tal-IGF.

5.

Kull kandidat għal ċertifikat ta' taħriġ bażiku għas-servizz fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandu jkun temm taħriġ bażiku skont id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima A-V/3, il-paragrafu 1, tal-Kodiċi STCW.

6.

Il-baħħara responsabbli minn dmirijiet assenjati ta' sikurezza assoċjati mal-kura, l-użu jew fir-rispons għal emerġenza tal-fjuwil fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF li ġew ikkwalifikati u ċċertifikati skont ir-Regolament V/1-2, il-paragrafi 2 u 5, jew ir-Regolament V/1-2, il-paragrafi 4 u 5, fuq tankers tal-gass likwifikat, għandhom jitqiesu li ssodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fit-Taqsima A-V/3, il-paragrafu 1, tal-Kodiċi STCW għal taħriġ bażiku għas-servizz fuq vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF.

7.

Il-kaptani, l-uffiċjali inġiniera u l-persunal kollu b'responsabbiltà immedjata għall-kura u l-użu tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandu jkollhom ċertifikat ta' taħriġ avvanzat għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF.

8.

Kull kandidat għal ċertifikat ta' taħriġ avvanzat għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF għandu, filwaqt li jkollu ċertifikat ta' profiċjenza deskritt fil-paragrafu 4, ikun:

8.1.

temm taħriġ avvanzat approvat għas-servizz fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF u jissodisfa l-istandard ta' kompetenza speċifikat fit-Taqsima A-V/3, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW; u

8.2.

temm mill-inqas xahar ta' servizz ta' tbaħħir approvat li jinkludi minimu ta' tliet operazzjonijiet ta' bunkering fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF. Tnejn mit-tliet operazzjonijiet ta' bunkering jistgħu jinbidlu b'taħriġ fuq simulatur dwar operazzjonijiet ta' bunkering approvati bħala parti mit-taħriġ fil-paragrafu 8.1 hawn fuq.

9.

Kaptani, uffiċjali inġiniera u kwalunkwe persuna li għandha responsabbiltà immedjata għall-kura u l-użu tal-fjuwils fuq il-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF li ġew ikkwalifikati u ċċertifikati skont l-istandards ta' kompetenza speċifikati fit-Taqsima A-V/1-2, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW għas-servizz fuq tankers tal-gass likwifikat għandhom jitqiesu li ssodisfaw ir-rekwiżiti speċifikati fit-Taqsima A-V/3, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW għal taħriġ avvanzat għall-vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF, bil-kondizzjoni li jkunu wkoll:

9.1.

issodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 6;

9.2.

issodisfaw ir-rekwiżiti ta' bunkering tal-paragrafu 8.2 jew ipparteċipaw fit-twettiq ta' tliet operazzjonijiet ta' tagħbija abbord tanker tal-gass likwifikat; u

9.3.

temmew servizz ta' tbaħħir ta' tliet xhur fil-ħames snin ta' qabel abbord:

9.3.1

vapuri soġġetti għall-Kodiċi tal-IGF;

9.3.2

tankers li jġorru bħala merkanzija, fjuwils koperti mill-Kodiċi tal-IGF; jew

9.3.3

vapuri li jużaw gassijiet jew fjuwil ta' punt baxx ta' infjammabbiltà bħala fjuwil.

10.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħareġ ċertifikat ta' profiċjenza lill-baħħara li huma kkwalifikati skont il-paragrafi 4 jew 7, kif ikun xieraq.

11.

Il-baħħara li jkollhom ċertifikati ta' profiċjenza skont il-paragrafi 4 jew 7 hawn fuq għandhom, f'intervalli ta' mhux aktar minn ħames snin, jieħdu taħriġ ta' aġġornament xieraq jew jiġu rikjesti li jipprovdu evidenza li laħqu l-istandard ta' kompetenza rekwiżit matul il-ħames snin preċedenti.

Regolament V/4

Rekwiżiti minimi obbligatorji għat-taħriġ u l-kwalifiki ta' kaptani u uffiċjali tal-gverta fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari

1.

Kaptani, chief mates, u uffiċjali inkarigati mill-għassa tan-navigazzjoni fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari għandu jkollhom ċertifikat ta' taħriġ bażiku għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari, kif meħtieġ mill-Kodiċi Polari.

2.

Kull kandidat għal ċertifikat ta' taħriġ bażiku għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari għandu jkun temm taħriġ bażiku approvat għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari u jissodisfa l-istandard ta' kompetenza speċifikat fit-Taqsima A-V/4, il-paragrafu 1, tal-Kodiċi STCW.

3.

Kaptani u chief mates fuq vapuri li joperaw f'ibħra polari, għandu jkollhom ċertifikat ta' taħriġ avvanzat għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari, kif meħtieġ mill-Kodiċi Polari.

4.

Kull kandidat għal ċertifikat ta' taħriġ avvanzat għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari għandu:

4.1.

jissodisfa r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni ta' taħriġ bażiku għall-vapuri f'ibħra polari;

4.2.

ikollu tal-inqas xahrejn ta' servizz ta' tbaħħir approvat fid-dipartiment tal-gverta, fil-livell maniġerjali jew waqt li jkun wettaq dmirijiet tal-għassa fil-livell operazzjonali, f'ibħra polari jew servizz ieħor ekwivalenti ta' tbaħħir approvat; u

4.3.

ikun temm taħriġ avvanzat approvat għall-vapuri li joperaw fl-ibħra polari u jissodisfa l-istandard ta' kompetenza speċifikat fit-Taqsima A-V/4, il-paragrafu 2, tal-Kodiċi STCW.

5.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jinħareġ ċertifikat ta' profiċjenza lill-baħħara li huma kkwalifikati skont il-paragrafi 2 jew 4, kif ikun xieraq.

6.

Sal-1 ta' Lulju 2020, il-baħħara li jkunu bdew servizz ta' tbaħħir approvat f'ibħra polari qabel l-1 ta' Lulju 2018 għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 billi:

6.1.

ikunu temmew servizz ta' tbaħħir approvat fuq vapur li jopera f'ibħra polari jew servizz ta' tbaħħir ekwivalenti approvat, li wettqu dmirijiet fid-dipartiment tal-gverta fuq livell operazzjonali jew maniġerjali, għal perijodu ta' mill-inqas tliet xhur b'kollox matul il-ħames snin preċedenti; jew

6.2.

ikunu temmew b'suċċess kors ta' taħriġ organizzat skont il-gwida ta' taħriġ stabbilita mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għal vapuri li joperaw f'ibħra polari.

7.

Sal-1 ta' Lulju 2020, il-baħħara li jkunu bdew servizz ta' tbaħħir approvat f'ibħra polari qabel l-1 ta' Lulju 2018 għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 4 billi:

7.1.

ikunu temmew servizz ta' tbaħħir approvat fuq vapur li jopera f'ibħra polari jew servizz ekwivalenti ta' tbaħħir approvat, li wettqu dmirijiet fid-dipartiment tal-gverta fuq livell maniġerjali, għal perijodu ta' mill-inqas tliet xhur b'kollox matul il-ħames snin preċedenti; jew

7.2.

ikunu temmew b'suċċess kors ta' taħriġ li jissodisfa l-gwida ta' taħriġ stabbilita mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għall-vapuri li joperaw f'ibħra polari u jkunu temmew servizz ta' tbaħħir approvat fuq vapur li jopera f'ibħra polari jew servizz ekwivalenti ta' tbaħħir approvat, li wettqu dmirijiet fid-dipartiment tal-gverta fuq livell maniġerjali, għal perijodu ta' mill-inqas tliet xhur b'kollox matul il-ħames snin preċedenti.”.