16.5.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 127/4 |
DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/782
tal-15 ta' Mejju 2019
li temenda d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-istabbiliment ta' indikaturi tar-riskju armonizzati
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2009/128/KE timmira li tnaqqas ir-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li tippromwovi l-użu ta' ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara u ta' approċċi jew tekniki alternattivi sabiex tnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi. |
(2) |
Fir-rapport tagħha ta' Ottubru 2017 dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (2), il-Kummissjoni impenjat ruħha biex taħdem mal-Istati Membri biex tilħaq kunsens magħhom dwar l-iżvilupp ta' indikaturi tar-riskju armonizzati. |
(3) |
F'Diċembru 2017, fir-risposta tagħha għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi” (3), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tistabbilixxi indikaturi tar-riskju armonizzati sabiex jiġu mmonitorjati x-xejriet fit-tnaqqis tar-riskju mill-użu tal-pestiċidi fil-livell tal-Unjoni. |
(4) |
Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti indikaturi tar-riskju armonizzati sabiex jitkejjel il-progress miksub fl-ilħiq ta' dawn l-objettivi fil-livell tal-Unjoni, u b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jimmaniġġjaw u jirrapportaw dwar ir-riskju fil-livell nazzjonali. |
(5) |
Skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/128/KE il-Kummissjoni trid tikkalkula l-indikaturi tar-riskju fil-livell tal-Unjoni billi tuża data statistika miġbura b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rigward l-istatistika dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u data rilevanti oħra, sabiex tagħmel stima tax-xejriet fir-riskji mill-użu tal-pestiċidi. |
(6) |
Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) l-istatistika prodotta skont dak ir-Regolament, flimkien ma' data rilevanti oħra, isservi l-iskop tal-Artikoli 4 u 15 tad-Direttiva 2009/128/KE, jiġifieri l-istabbiliment ta' Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali u l-kalkolu tal-indikaturi. Sal-lum, ma nkiseb l-ebda approċċ armonizzat fil-livell tal-Unjoni għall-ġbir tal-istatistika dwar l-użu tal-prodotti gћall-protezzjoni tal-pjanti skont ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 u għalhekk tali data mhijiex disponibbli. |
(7) |
Skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) l-Istati Membri jistgħu, f'ċirkostanzi speċjali, jawtorizzaw għal perjodu li ma jaqbiżx il-120 jum, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, għal użu limitat u kkontrollat, fejn miżura bħal din tidher li tkun meħtieġa minħabba periklu li ma jistax jiġi kkontrollat b'ebda mezz raġonevoli ieħor. F'dawn il-każijiet, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi approvati jew mhux approvati. |
(8) |
L-indikatur tar-riskju armonizzat jista' jkun ibbażat biss fuq data statistika miġbura b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-istatistika ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u data rilevanti oħra, u, fin-nuqqas ta' statistika dwar l-użu tal-prodotti gћall-protezzjoni tal-pjanti, l-unika data rilevanti u attwalment disponibbli hija l-istatistika dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u n-numru ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri f'ċirkostanzi speċjali skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Tali indikaturi jenħtieġ li jiġu ssupplimentati b'indikaturi oħra b'tali mod li jistgħu jiġu inklużi elementi oħra ta' riskju. |
(9) |
Huwa xieraq li l-kategorizzazzjoni tas-sustanzi attivi użata f'din id-Direttiva tirrifletti l-kategorizzazzjoni prevista fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jew bħala sustanzi attivi b'riskju baxx, bħala kandidati għas-sostituzzjoni jew bħala sustanzi attivi oħra, abbażi, fost l-oħrajn, tal-klassifikazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). |
(10) |
Is-sustanzi attivi skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jistgħu jkunu sustanzi attivi kimiċi jew mikroorganiżmi. Skont id-Direttiva 2009/128/KE l-Istati Membri jridu jagħtu prijorità, meta jkun possibbli, lill-metodi mhux kimiċi tal-ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara. Għalhekk, huwa xieraq, meta jiġu stabbiliti l-indikaturi tar-riskju armonizzati, li s-sustanzi attivi kimiċi u l-mikroorganiżmi jiġu kategorizzati separatament. |
(11) |
F'każijiet fejn l-Istati Membri jagħtu awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar is-sustanzi attivi mhux approvati, il-kwantitajiet ta' sustanzi attivi mhux approvati li jinsabu fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti mqiegħda fis-suq sussegwentement, jiġu kkomunikati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009. Sal-lum, ma hemmx approċċ armonizzat fil-livell tal-Unjoni għall-ġbir ta' data dwar il-kwantitajiet speċifiċi ta' sustanzi attivi approvati li jinsabu fi prodotti gћall-protezzjoni tal-pjanti li jitqiegħdu fis-suq marbuta mal-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
(12) |
Jekk l-istatistika prodotta b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tiġi kkombinata mal-informazzjoni dwar is-sustanzi attivi b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, inkluż jekk ikunu sustanzi attivi b'riskju baxx, kandidati għas-sostituzzjoni, jew sustanzi attivi oħra, ikun jista' jiġi stabbilit metodu ta' kalkolu biex jiġi prodott indikatur tar-riskju armonizzat ibbażat fuq il-periklu li jistma r-riskji potenzjali mill-użu tal-pestiċidi. |
(13) |
Sakemm tinħoloq sistema ta' ġbir ta' data armonizzata fl-Unjoni kollha dwar il-kwantitajiet ta' sustanzi attivi li jitqiegħdu fis-suq skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, huwa ġġustifikat li jiġi stabbilit indikatur tar-riskju armonizzat ibbażat fuq in-numru ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija skont dak l-Artikolu. |
(14) |
Sabiex jiġu kkalkolati l-indikaturi tar-riskju armonizzati biex jirriflettu r-riskju relattiv fl-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom kategoriji differenti ta' sustanzi attivi approvati u ta' sustanzi attivi mhux approvati, jenħtieġ li jiġu stabbiliti fatturi ta' ponderazzjoni għal dan il-għan. |
(15) |
Sabiex jitkejjel il-progress fis-settur bi frekwenza raġonevoli, u billi l-Istati Membri huma meħtieġa jipproduċu data skont ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 fuq bażi annwali u jibagħtuha lill-Eurostat fi żmien 12-il xahar mit-tmiem tas-sena ta' referenza, jenħtieġ li l-indikaturi tar-riskju armonizzati jiġu kkalkolati kull sena u ppubblikati sa mhux aktar tard minn 20 xahar wara tmiem is-sena ta' referenza in kwistjoni. |
(16) |
Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendar tal-Anness IV tad-Direttiva 2009/128/KE
L-Anness IV tad-Direttiva 2009/128/KE huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva.
Artikolu 2
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-5 ta' Settembru 2019.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif trid issir it-tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
(2) Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta' Ottubru 2017 dwar il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri u dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/128/KE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi — COM(2017) 587 final.
(3) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi” — C(2017)8414 final.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi (ĠU L 324, 10.12.2009, p. 1).
(5) Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
ANNESS
“ANNESS IV
TAQSIMA 1
Indikaturi tar-Riskju Armonizzati
L-indikaturi tar-riskju armonizzati huma elenkati fit-Taqsimiet 2 u 3 ta' dan l-Anness.
TAQSIMA 2
Indikatur tar-Riskju Armonizzat 1: Indikatur tar-Riskju Armonizzat ibbażat fuq il-Periklu, abbażi tal-kwantitajiet ta' sustanzi attivi mqiegħda fis-suq fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009
1. Dan l-indikatur għandu jkun ibbażat fuq l-istatistika dwar il-kwantitajiet ta' sustanzi attivi mqiegħda fis-suq fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, mogħtija lill-Kummissjoni (il-Eurostat) skont l-Anness I (Statistika dwar it-tqegħid fis-suq ta' pestiċidi) tar-Regolament (KE) Nru 1185/2009. Dik id-data hija kategorizzata f'erba' Gruppi, li huma maqsuma f'seba' Kategoriji.
2. Ir-regoli ġenerali li ġejjin għandhom japplikaw għall-kalkolu tal-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 1:
(a) |
l-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 1 għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-kategorizzazzjoni ta' sustanzi attivi fl-erba' Gruppi u fis-seba' Kategoriji stabbiliti fit-Tabella 1; |
(b) |
is-sustanzi attivi fil-Grupp 1 (il-kategoriji A u B) għandhom ikunu dawk elenkati fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (1); |
(c) |
is-sustanzi attivi fil-Grupp 2 (il-kategoriji C u D) għandhom ikunu dawk elenkati fil-Partijiet A u B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011; |
(d) |
is-sustanzi attivi fil-Grupp 3 (il-kategoriji E u F) għandhom ikunu dawk elenkati fil-Parti E tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011; |
(e) |
is-sustanzi attivi fil-Grupp 4 (il-kategorija G) għandhom ikunu dawk li ma jkunux ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u għalhekk mhumiex elenkati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011; |
(f) |
il-ponderazzjonijiet fir-ringiela (vi) fit-Tabella 1 għandhom japplikaw. |
3. L-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 1 għandu jiġi kkalkulat permezz tal-multiplikazzjoni tal-kwantitajiet annwali ta' sustanzi attivi li jitqiegħdu fis-suq għal kull Grupp fit-Tabella 1 bil-ponderazzjoni ta' periklu rilevanti stabbilit fir-Ringiela vi, segwita bl-aggregazzjoni tar-riżultati ta' dawn il-kalkoli.
4. Il-kwantitajiet ta' sustanzi attivi li jitqiegħdu fis-suq għal kull Grupp u Kategorija fit-Tabella 1 jistgħu jiġu kkalkulati.
Tabella 1
Il-kategorizzazzjoni tas-sustanzi attivi u l-ponderazzjonijiet tal-periklu bl-għan li jiġi kkalkulat l-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 1
Ringiela |
Gruppi |
||||||
1 |
2 |
3 |
4 |
||||
(i) |
Is-sustanzi attivi b'riskju baxx li huma approvati jew meqjusa bħala approvati skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u li huma elenkati fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 |
Is-sustanzi attivi approvati jew meqjusa bħala approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u li mhumiex f'kategoriji oħra, u li huma elenkati fil-Partijiet A u B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 |
Is-sustanzi attivi approvati jew meqjusa bħala approvati skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u li huma kandidati għas-sostituzzjoni, u li huma elenkati fil-Parti E tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 |
Is-sustanzi attivi li mhumiex approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u għalhekk li mhumiex elenkati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 |
|||
(ii) |
Kategoriji |
||||||
(iii) |
A |
B |
C |
D |
E |
F |
G |
(iv) |
Mikroorganiżmi |
Sustanzi attivi kimiċi |
Mikroorganiżmi |
Sustanzi attivi kimiċi |
Li ma jkunux ikklassifikati bħala: Karċinoġeni tal-Kategorija 1 A jew 1B u/jew Sustanzi Tossiċi għar-Riproduzzjoni tal-Kategorija 1 A jew 1B u/jew Sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali |
Li jkunu kklassifikati bħala: Karċinoġeni tal-Kategorija 1 A jew 1B u/jew Sustanzi Tossiċi għar-Riproduzzjoni tal-Kategorija 1 A jew 1B u/jew Sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, fejn l-espożizzjoni tal-bnedmin tkun negliġibbli |
|
(v) |
Ponderazzjonijiet tal-Periklu applikabbli għall-kwantitajiet ta' sustanzi attivi mqiegħda fis-suq fi prodotti awtorizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 |
||||||
(vi) |
1 |
8 |
16 |
64 |
5. Il-linja bażi għall-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 1 għandha tiġi stabbilita għal 100, u hija ugwali għar-riżultat medju tal-kalkolu ta' hawn fuq għall-perjodu mill-2011 sal-2013.
6. Ir-riżultat tal-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 1 għandu jkun espress b'referenza għal-linja bażi.
7. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkalkulaw u jippubblikaw l-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 1 b'konformità mal-Artikolu 15(2) u 15(4) tad-Direttiva 2009/128/KE għal kull sena kalendarja u sa mhux aktar tard minn 20 xahar wara tmiem is-sena li għaliha qed jiġi kkalkulat l-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 1.
TAQSIMA 3
Indikatur tar-Riskju Armonizzat 2: L-Indikatur tar-Riskju Armonizzat ibbażat fuq in-numru ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009
1. Dan l-indikatur għandu jkun ibbażat fuq in-numru ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 kif ikkomunikat lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 53(1) ta' dak ir-Regolament. Dik id-data hija kategorizzata f'erba' Gruppi, li huma maqsuma f'seba' Kategoriji.
2. Ir-regoli ġenerali li ġejjin għandhom japplikaw għall-kalkolu tal-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 2:
(a) |
l-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 2 għandu jkun ibbażat fuq in-numru ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Dan għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-kategorizzazzjoni ta' sustanzi attivi fl-erba' Gruppi u fis-seba' Kategoriji stabbiliti fit-Tabella 2 ta' din it-Taqsima; |
(b) |
is-sustanzi attivi fil-Grupp 1 (il-kategoriji A u B) huma elenkati fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011; |
(c) |
is-sustanzi attivi fil-Grupp 2 (il-kategoriji C u D) huma dawk elenkati fil-Partijiet A u B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011; |
(d) |
is-sustanzi attivi fil-Grupp 3 (il-kategoriji E u F) għandhom ikunu dawk elenkati fil-Parti E tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011; |
(e) |
is-sustanzi attivi fil-Grupp 4 (il-kategorija G) għandhom ikunu dawk li ma jkunux ġew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u għalhekk mhumiex elenkati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011; |
(f) |
Il-ponderazzjonijiet fir-ringiela (vi) fit-Tabella 2 ta' din it-Taqsima għandhom japplikaw. |
3. L-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 2 għandu jiġi kkalkulat billi n-numru ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għal kull Grupp fit-Tabella 2 jiġi mmultiplikat bil-ponderazzjoni tal-periklu rilevanti stabbilita fir-Ringiela (vi), segwit bl-aggregazzjoni tar-riżultati ta' dawn il-kalkoli.
Tabella 2
Il-kategorizzazzjoni tas-sustanzi attivi u l-ponderazzjonijiet tal-periklu bl-għan li jiġi kkalkulat l-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 2
Ringiela |
Gruppi |
||||||
1 |
2 |
3 |
4 |
||||
(i) |
Is-sustanzi attivi b'riskju baxx li huma approvati jew meqjusa bħala approvati skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u li huma elenkati fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 |
Is-sustanzi attivi approvati jew meqjusa bħala approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u li mhumiex f'kategoriji oħra, u li huma elenkati fil-Partijiet A u B tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 |
Is-sustanzi attivi approvati jew meqjusa bħala approvati skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u li huma kandidati għas-sostituzzjoni, u li huma elenkati fil-Parti E tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 |
Is-sustanzi attivi li mhumiex approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009, u għalhekk li mhumiex elenkati fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 |
|||
(ii) |
Kategoriji |
||||||
(iii) |
A |
B |
C |
D |
E |
F |
G |
(iv) |
Mikroorganiżmi |
Sustanzi attivi kimiċi |
Mikroorganiżmi |
Sustanzi attivi kimiċi |
Li ma jkunux ikklassifikati bħala: Karċinoġeni tal-Kategorija 1 A jew 1B u/jew Sustanzi Tossiċi għar-Riproduzzjoni tal-Kategorija 1 A jew 1B u/jew Sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali |
Li jkunu kklassifikati bħala: Karċinoġeni tal-Kategorija 1 A jew 1B u/jew Sustanzi Tossiċi għar-Riproduzzjoni tal-Kategorija 1 A jew 1B u/jew Sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali fejn l-espożizzjoni tal-bnedmin tkun negliġibbli |
|
(v) |
Ponderazzjonijiet tal-Periklu applikabbli għan-numru ta' awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 |
||||||
(vi) |
1 |
8 |
16 |
64 |
4. Il-linja bażi għall-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 2 għandha tiġi stabbilita għal 100, u hija ugwali għar-riżultat medju tal-kalkolu ta' hawn fuq għall-perjodu mill-2011 sal-2013.
5. Ir-riżultat tal-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 2 għandu jkun espress b'referenza għal-linja bażi.
6. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkalkulaw u jippubblikaw l-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 2 b'konformità mal-Artikolu 15(2) u 15(4) tad-Direttiva 2009/128/KE għal kull sena kalendarja u sa mhux aktar tard minn 20 xahar wara tmiem is-sena li għaliha qed jiġi kkalkulat l-Indikatur tar-Riskju Armonizzat 2.
(1) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).