|
25.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 83/42 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2019/475
tat-18 ta' Frar 2019
li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE rigward l-inklużjoni tal-muniċipalità Taljana ta' Campione d'Italia u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta' Lugano fit-territorju doganali tal-Unjoni u fl-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2008/118/KE
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
|
(1) |
Permezz tal-ittra tagħha tat-18 ta' Lulju 2017, l-Italja talbet li l-muniċipalità Taljana ta' Campione d'Italia u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta' Lugano jiġu inklużi fit-territorju doganali tal-Unjoni kif definit fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) kif ukoll fil-kamp ta' applikazzjoni territorjali tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE (4) għall-finijiet tad-dazju tas-sisa, filwaqt li dawk it-territorji jitħallew barra mill-kamp ta' applikazzjoni territorjali tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (5) għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud. |
|
(2) |
Il-muniċipalità Taljana ta' Campione d'Italia, esklava Taljana fit-territorju tal-Iżvizzera, u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta' Lugano jenħtieġ li jiġu inklużi fit-territorju doganali tal-Unjoni għax ma għadhomx japplikaw ir-raġunijiet storiċi li jiġġustifikaw l-esklużjoni ta' dawk it-territorji, bħall-iżolament u l-iżvantaġġi ekonomiċi tagħhom. Għall-istess raġunijiet, dawk it-territorji jenħtieġ li jiġu inklużi fl-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2008/118/KE. |
|
(3) |
Madankollu, l-Italja trid tkompli bl-esklużjoni ta' dawk it-territorji mill-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2006/112/KE, għax dan huwa essenzjali biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Iżvizzera u fil-muniċipalità Taljana ta' Campione d'Italia bl-applikazzjoni ta' sistema ta' tassazzjoni indiretta lokali b'konformità mas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud Żvizzera. |
|
(4) |
Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun strettament marbuta mar-Regolament (UE) 2019/474 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni neċessarji għall-konformità ma' din id-Direttiva japplikaw mid-data ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Għaldaqstant, id-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fid-Direttiva 2006/112/KE, l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
fil-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
|
|
(2) |
fil-paragrafu 2, jitħassru l-punti (f) u (g). |
Artikolu 2
Fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/118/KE, jitħassru l-punti (f) u (g).
Artikolu 3
1. Sal-31 ta' Diċembru 2019, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.
Dawn għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Jannar 2020.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif għandha issir din ir-referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 4
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 5
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
N. BĂDĂLĂU
(1) Opinjoni tat-2 ta' Ottubru 2018 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tal-11 ta' Lulju 2018 (ĠU C 367, 10.10.2018, p. 117).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(6) Ir-Regolament (UE) 2019/474 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-19 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ara l-paġna 38 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).