5.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/32


DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/178

tas-16 ta' Novembru 2018

li temenda, għall-finijiet ta' adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' eżenzjoni għaċ-ċomb fil-berings u l-bushes li jintużaw f'ċertu tagħmir mhux tat-triq ta' użu professjonali

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1)(a) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2011/65/UE teżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li t-tagħmir elettriku u elettroniku mqiegħed fis-suq ma jkunx fih ċerti sustanzi perikolużi elenkati fl-Anness II ta' dik id-Direttiva. Dak ir-rekwiżit ma japplikax għall-applikazzjonijiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE.

(2)

Il-kategoriji differenti tat-tagħmir elettriku u elettroniku li għalihom tapplika d-Direttiva 2011/65/UE huma elenkati fl-Anness I ta' dik id-Direttiva.

(3)

Iċ-ċomb hu sustanza ristretta elenkata fl-Anness II tad-Direttiva 2011/65/UE. F'Lulju 2015, il-Kummissjoni rċeviet, skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2011/65/UE, applikazzjoni għall-għoti ta' eżenzjoni għall-kategorija 11, li għandha tiġi elenkata fl-Anness III, għall-użu taċ-ċomb fil-berings u fil-bushes ta' magni bil-kombustjoni interna li jaħdmu bid-diżil jew bil-fjuwil gassuż f'tagħmir mhux tat-triq ta' użu professjonali.

(4)

Il-berings u l-bushes li fihom iċ-ċomb huma meħtieġa biex tintlaħaq affidabbiltà sodisfaċenti f'termini ta' reżistenza kontra l-issijżjar, tal-adattabilità, tal-kapaċità ta' inkrustazzjoni u tar-reżistenza għar-residwu f'magni ta' daqs kbir u f'dawk li joperaw f'ambjenti ħarxa jew eżiġenti li jintużaw f'tagħmir mhux tat-triq ta' użu professjonali, bħal kompressuri tal-arja mobbli, tagħmir tal-iwweldjar mobbli u krejnijiet mobbli.

(5)

Bħalissa, ma hemm ebda alternattiva bla ċomb disponibbli fis-suq li tipprovdi livell suffiċjenti ta' affidabbiltà għas-setturi ta' applikazzjoni ta' magni mhux tat-triq ta' użu professjonali.

(6)

Minħabba n-nuqqas ta' sostituti affidabbli, is-sostituzzjoni jew l-eliminazzjoni taċ-ċomb huma xjentifikament u teknikament imprattikabbli għal ċerti magni mhux tat-triq ta' użu professjonali. L-eżenzjoni hija konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għalhekk ma ddgħajjifx il-protezzjoni ambjentali u tas-saħħa mogħtija minnu. Għalhekk jenħtieġ li tingħata l-eżenzjoni għall-użu taċ-ċomb fil-berings u fil-bushes ta' ċerti magni bil-kombustjoni interna li jaħdmu bid-diżil jew bil-fjuwil gassuż f'tagħmir mhux tat-triq ta' użu professjonali billi tiżdied entrata ġdida - 42 - mal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE. Biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kampijiet ta' applikazzjoni tal-eżenzjonijiet fl-Anness III u biex tiġi żgurata ċ-ċarezza legali, jenħtieġ li jinżdied ukoll li l-applikazzjonijiet koperti mill-entrata 6(c) tal-Anness III huma esklużi mill-entrata l-ġdida 42 tal-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE.

(7)

Billi għall-applikazzjonijiet ikkonċernati s'issa m'għadx hemm disponibbli alternattivi affidabbli fis-suq jew alternattivi affidabbli li x'aktarx ikunu disponibbli fis-suq fil-futur qrib, jenħtieġ li tingħata l-eżenzjoni għall-kategorija 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2011/65/UE għal perjodu massimu ta' validità ta' ħames snin li jibda mit-22 ta' Lulju 2019, li hija d-data li fiha l-kategorija 11 tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/65/UE. Fid-dawl tar-riżultati tal-isforzi li għaddejjin biex tinsab sostituzzjoni affidabbli, aktarx li t-tul tal-eżenzjoni mhux se jħalli impatti negattivi fuq l-innovazzjoni.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/65/UE tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   Sa mhux aktar tard mill-21 ta' Lulju 2019, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mit-22 ta' Lulju 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir dik ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness III tiżdied l-entrata 42:

“42

Iċ-ċomb fil-berings u fil-bushes f'magni li jaħdmu bid-diżil jew bil-fjuwil gassuż bil-kombustjoni interna li jintużaw f'tagħmir mhux tat-triq ta' użu professjonali:

b'ċilindrata totali ta' ≥ 15-il litru;

jew

b'ċilindrata totali ta' < 15-il litru u l-magna titfassal biex taħdem f'applikazzjonijiet fejn il-ħin bejn is-sinjal biex tistartja u t-tagħbija massima jeħtieġ li jkun ta' inqas minn 10 sekondi; jew tipikament titwettaq manutenzjoni regolari f'ambjent estern aħrax u maħmuġ, bħal fix-xogħol tal-minjieri, tal-kostruzzjoni u tal-agrikoltura.

Tapplika għall-kategorija 11, ħlief l-applikazzjonijiet koperti mill-entrata 6(c) ta' dan l-Anness.

Tiskadi fil-21 ta' Lulju 2024.”