5.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/143


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Lulju 2019

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 tas-Slovenja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019 tas-Slovenja

(2019/C 301/24)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew biex tiġi kkoordinata l-politika ekonomika għall-2019. Qieset kif dovut il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, kif ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fil-21 ta’ Novembru 2018, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lis-Slovenja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha ssir analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-21 ta’ Marzu 2019. Fid-9 ta’ April 2019, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (3) (“Rakkomandazzjoni tal-2019 għaż-żona tal-euro”) li tistabbilixxi ħames rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro (“ir-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro”).

(2)

Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li s-Slovenja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-Rakkomandazzjoni tal-2019 għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) hawn taħt. B’mod partikolari, it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet regolatorji se jgħin biex tiġi indirizzata l-ewwel rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro fir-rigward ta’ swieq ta’ prodotti u servizzi reżiljenti, u l-iffukar tal-politika ekonomika relatata mal-investiment fl-oqsma speċifikati se jgħin biex tiġi indirizzata l-ewwel rakkomandazzjoni.

(3)

Ir-rapport dwar il-pajjiż tal-2019 għas-Slovenja ġie ppubblikat fis-27 ta’ Frar 2019. Dan ir-rapport ivvaluta l-progress tas-Slovenja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fit-13 ta’ Lulju 2018 (4), is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fis-snin preċedenti u l-progress tas-Slovakkja lejn il-miri nazzjonali tagħha ta’ Ewropa 2020.

(4)

Is-Slovenja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2019 fil-15 ta’ April 2019 u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2019 fis-26 ta’ April 2019. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(5)

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi relevanti għall-pajjiż ġew indirizzati waqt l-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (“Fondi SIE”) għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista’ titlob lil Stat Membru li jirrieżamina l-Ftehim ta’ Sħubija u l-programmi rilevanti tiegħu u jipproponi emendi għalihom. Il-Kummissjoni pprovdiet iktar dettalji dwar kif tista’ tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni fil-linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi SIE ma’ governanza ekonomika tajba.

(6)

Bħalissa s-Slovenja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2019, il-gvern qed jistenna li s-surplus nominali se jiżdied għal 0,9 % tal-prodott domestiku gross (PDG) fl-2019 u mbagħad se jilħaq 1,2 % tal-PDG fl-2022. Abbażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat, l-objettiv baġitarju fuq terminu medju – li nbidel minn surplus strutturali ta’ 0,25 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit strutturali ta’ 0,25 % tal-PDG mill-2020 – huwa ppjanat li jintlaħaq sal-2021 (6). Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2019, id-dejn pubbliku ġenerali bħala proporzjon tal-PDG huwa pproġettat li jkompli jonqos għal 65,4 % tal-PDG fl-2019 u għal 54,7 % tal-PDG fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli.

(7)

Fit-13 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill irrakkomanda lis-Slovenja biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa pubblika primarja netta (7) ma taqbiżx 3,1 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,65 % tal-PDG. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2019, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2019.

(8)

Fl-2020, jenħtieġ li s-Slovenja tilħaq l-objettiv baġitarju tat-terminu medju tagħha. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni, dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali massima netta fl-infiq primarju tal-gvern ta’ 4,0 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG. Abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2019 tal-Kummissjoni f’politiki mhux mibdula, is-Slovenja hija mistennija li tkun viċin l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju tagħha fl-2020. Għalhekk, il-valutazzjoni attwali tindika riskju ta’ xi devjazzjoni fl-2020. Filwaqt li r-rata ta’ tkabbir nominali proġettata tal-infiq pubbliku primarju nett attwalment tkun tindika riskju ta’ xi devjazzjoni mir-rekwiżit matul l-2020, tkun tindika riskju ta’ xi devjazzjoni mir-rekwiżit matul l-2019 u l-2020 meħuda flimkien. Jekk il-bilanċ strutturali ma jibqax ipproġettat li jkun viċin l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, f’valutazzjonijiet futuri valutazzjoni ġenerali tkun teħtieġ li tqis il-possibbiltà ta’ devjazzjoni mir-rekwiżit. Skont il-previżjonijiet, is-Slovenja għandha tikkonforma mar-regola tad-dejn fl-2019 u l-2020. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-fehma li jenħtieġ li fl-2019 jittieħdu l-miżuri meħtieġa u li s-Slovenja tkun lesta tieħu miżuri ulterjuri mill-2020 biex tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Il-popolazzjoni li qed tixjieħ se tagħmel pressjoni dejjem akbar fuq il-kura tas-saħħa u s-sistemi tal-kura fit-tul tas-Slovenja. Il-finanzjament għas-sistema tal-kura tas-saħħa mhuwiex adattat biex jiffaċċja ż-żidiet mistennija fil-kostijiet imġarrba mit-tixjiħ tal-popolazzjoni. Sa issa s-Slovenja ma adottatx miżuri komprensivi biex tiżgura l-kwalità, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà fiskali fit-tul tal-kura tas-saħħa fis-Slovenja. Qed jitfassal abbozz ta’ att ta’ kura fit-tul bħala parti mill-istrateġija ta’ tixjiħ attiv tas-Slovenja. Madankollu, għadu mhux ċar kif il-miżuri previsti se jtejbu l-kosteffettività, l-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-kura ħlief li l-akkwist pubbliku fil-kura tas-saħħa huwa mistenni li jsir aktar kosteffiċjenti permezz ta’ koordinazzjoni mtejba. L-investimenti fis-saħħa u l-istrutturi tal-kura fit-tul u t-tagħmir jistgħu jgħinu biex tittaffa l-pressjoni futura fuq is-sistemi tal-kura.

(10)

Sfidi li jirrigwardaw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet qed isiru dejjem aktar urġenti peress li l-popolazzjoni Slovena qed tixjieħ b’rata aktar mgħaġġla mill-popolazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Fid-dokument “Il-Punt tat-tluq għall-modernizzazzjoni tas-Sistema tal-Assigurazzjoni tal-Pensjoni u d-Diżabbiltà fir-Repubblika tas-Slovenja”, adottat fl-2017 mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali, kien previst mis-sħab soċjali u mill-gvern preċedenti li tiġi adottata riforma sal-2020 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2019-2020 isemmi l-possibbiltà ta’ reviżjoni ġenerali tas-sistema tal-pensjonijiet biex tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tas-sistema u livelli xierqa ta’ pensjonijiet fuq terminu medju sa twil ta’ żmien. Jistabbilixxi wkoll l-objettiv li jiġu estiżi l-ħajjiet tax-xogħol u li jiġu pprovduti opportunitajiet aħjar għall-isfruttament tar-riżorsi umani ta’ ħaddiema akbar fl-età, iżda ma jispeċifikax kif u meta għandu jintlaħaq dan l-objettiv. L-aġġustament tal-età statutorja tal-pensjoni f’konformità maż-żieda fl-istennija tal-għomor u l-promozzjoni tal-irtirar aktar tard jagħmlu s-sistema aktar sostenibbli. L-iżgurar ta’ pensjonijiet adegwati jibqa’ sfida, minħabba li xi benefiċjarji tal-pensjoni għadhom fil-linja tal-faqar jew taħtha. Kważi 70 % tal-persuni kollha li jaħdmu għal rashom fis-Slovenja jagħżlu li jħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fil-livell minimu li jintitolahom biss għall-pensjoni tax-xjuħija minima. L-adegwatezza tal-pensjonijiet tista’ tittejjeb aktar billi tingħata spinta lill-kopertura tal-iskemi tal-pensjoni supplimentari, billi jiġu indirizzati b’mod xieraq il-mogħdijiet tal-karriera li jinbidlu u billi jitnaqqsu r-riskji tal-faqar fix-xjuħija.

(11)

L-impjiegi komplew jiżdiedu u l-qgħad naqas aktar fl-2019. Fl-istess ħin, il-qgħad fit-tul għadu ogħla mil-livelli ta’ qabel il-kriżi u għadu jirrappreżenta kważi nofs il-qgħad kollu. L-isfidi qed jippersistu, b’mod partikolari għall-ħaddiema b’ħiliet baxxi u akbar fl-età, li r-rati ta’ attività u impjiegi tagħhom għadhom fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. Il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tagħlim għall-adulti hija baxxa ħafna. L-evalwazzjoni tal-politiki biex iħeġġu n-nies jidħlu fix-xogħol jew fit-taħriġ turi li l-biċċa l-kbira tal-programmi eżistenti sejrin tajjeb. Madankollu, l-infiq f’dan il-qasam, u r-rata ta’ parteċipazzjoni ta’ persuni b’ħiliet baxxi u persuni qiegħda li huma akbar fl-età fil-programmi għadhom limitati. Għaldaqstant, l-investimenti f’miżuri effiċjenti biex tiżdied l-impjegabbiltà tal-ħaddiema b’ħiliet baxxi u akbar fl-età, inkluż fil-ħiliet diġitali, huma ta’ importanza partikolari. Iż-żieda fir-rata tal-impjieg ta’ ħaddiema akbar fl-età se tgħin ukoll biex jittaffew il-pressjonijiet fuq is-sistema tal-pensjonijiet. Filwaqt li r-riforma tas-suq tax-xogħol tal-2013 għenet biċ-ċar ċerti gruppi vulnerabbli biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, l-impjiegi abbażi temporanja għadu problema. Ir-rata ta’ nies fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali naqas iżda għadu ogħla mill-medja tal-Unjoni għal persuni anzjani.

(12)

Sinjali ta’ skarsezzi ta’ ħaddiema qed jitfaċċaw f’aktar u aktar setturi tal-ekonomija. L-ispariġġ li jeżisti bejn il-ħiliet li jiksbu ż-żgħażagħ matul l-edukazzjoni tagħhom u l-ħiliet imfittxija mill-impjegaturi jidher li jikkontribwixxi għal tali skarsezzi. Flimkien man-nuqqasijiet fil-funzjonament tal-ekosistemi għall-innovazzjoni, dawn l-iskarsezzi jtellfu t-trasformazzjoni industrijali fl-oqsma ta’ prijorità tal-istrateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti kif definita f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati. L-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fil-forza tax-xogħol futura huwa kruċjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ekonomija.

(13)

Ġew adottati xi miżuri, jew se jiġu adottati, biex itejbu l-possibilitajiet ta’ finanzjament għal ditti fis-Slovenja u jiġu pprovduti alternattivi għal self mill-banek. Madankollu, in-negozji tas-Slovenja għadhom jiddependu ħafna fuq is-self mill-banek u l-fluss tal-flus biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom. L-aċċess għall-ekwità minn swieq privati għadu baxx. Il-forniment ta’ kapital ta’ riskju qed jikber, iżda minn livell baxx ħafna. Il-kapitalizzazzjoni fis-suq tal-borża f’Ljubljana hija baxxa u qed tkompli tiċkien. Is-suq kapitali limitat u sottożviluppat, flimkien ma’ kundizzjonijiet ta’ qafas mhux favorevoli inkluż il-litteriżmu finanzjarju baxx ta’ impriżi iżgħar, ixekkel id-dħul ta’ ekwità u ta’ kapital ta’ riskju fil-pajjiż. L-aċċess diffiċli għall-ekwità jippreżenta ostaklu għat-tkabbir għal kumpaniji innovattivi iżda wkoll għan-negozji stabbiliti li jistgħu jibbenefikaw minn bidla fil-finanzjament.

(14)

Il-piż amministrattiv u regolatorju tas-Slovenja għadu għoli u qed iżomm in-negozji Sloveni lura. Dan il-piż huwa meqjus bħala problema ewlenija għan-negozju fis-Slovenja. Għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet bħal permessi, rekwiżiti ta’ rappurtar, proċeduri ta’ taxxa u ħafna drabi proċeduri tal-qorti kummerċjali li jkunu twal ħafna. Id-diffikultajiet fil-prosekuzzjoni ta’ kriminalità ekonomika u finanzjarja jħallu impatt ukoll fuq l-ambjent tan-negozju. Is-Slovenja ħolqot għodod biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, inkluż il-portal SPOT (“Slovenska Poslovna točka”) u d-“Dokument Uniku”, li jindirizzaw diversi mill-piżijiet identifikati. Madankollu, ħafna mill-miżuri ta’ tnaqqis tal-piżijiet għadhom pendenti u l-impatt ta’ xi wħud li ġew implimentati kien inqas milli mistenni. Is-Slovenja wettqet ukoll xi riformi biex tilliberalizza r-rekwiżiti professjonali restrittivi. Madankollu, xi partijiet mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni mill-2017 għadhom ma ġewx indirizzati, b’mod partikolari fir-rigward tal-avukati u l-aġenti tal-proprjetà immobbli.

(15)

Minkejja li sar xi progress, hemm dgħufijiet fir-rigward tal-kompetizzjoni u t-trasparenza fl-akkwist pubbliku fis-Slovenja, kif indikat b’mod partikolari mill-proporzjon għoli ta’ kuntratti organizzati permezz ta’ proċeduri nnegozjati (mingħajr sejħa). Is-salvagwardji kontra l-korruzzjoni u l-kollużjoni fost l-offerenti, b’mod partikolari fl-akkwist minn amministrazzjonijiet lokali u minn intrapriżi tal-Istat, għadhom dgħajfa. Is-sorveljanza indipendenti tal-akkwist pubbliku hija nieqsa minn biżżejjed salvagwardji legali kontra l-pressjoni jew l-interferenza esterna, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri dixxiplinari u l-proposta għall-ħatra ta’ membri tal-Kummissjoni Nazzjonali għar-Reviżjoni. Ġie implimentat pjan ta’ azzjoni biex tiżdied il-professjonalizzazzjoni ta’ dawk involuti fl-akkwist, iżda l-professjonalizzazzjoni għadha baxxa. Filwaqt li huwa stmat mill-awtoritajiet li l-kriminalità ekonomika u l-korruzzjoni ikkawżaw danni sinifikanti f’dawn l-aħħar snin, xi riformi kontra l-korruzzjoni għadhom pendenti.

(16)

Minkejja l-privatizzazzjoni parzjali ta’ 75 % minbarra sehem wieħed tal-akbar bank tas-Slovenja, Nova Ljubljanska Banka, l-involviment tal-Istat fl-ekonomija għadu għoli, inkluż fis-settur finanzjarju. Il-pjanijiet ppubblikati qabel il-privatizzazzjoni ġew implimentati bil-mod. Il-progress fil-privatizzazzjonijiet iżid il-vijabbiltà tal-kumpaniji fuq medda twila ta’ żmien u jnaqqas ir-riskji għall-finanzi pubbliċi kif ukoll ir-riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-allokazzjoni tar-riżorsi. Aktar bejgħ ta’ ishma f’kumpaniji kkwotati jgħin ukoll fl-iżvilupp tas-suq tal-kapital tas-Slovenja.

(17)

L-ekosistema tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni teħtieġ titjib biex isir kompletament funzjonanti u ħafna drabi l-miżuri ta’ appoġġ ikunu nieqsa mill-koerenza. Appoġġ limitat għall-edukazzjoni tan-negozju u t-trasferiment tat-teknoloġija, u, b’mod aktar ġenerali, kooperazzjoni dgħajfa bejn ix-xjenza u n-negozju, ixekklu l-ħolqien u ż-żieda ta’ kumpaniji innovattivi. Il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju fis-Slovenja għandhom kapaċità ta’ innovazzjoni baxxa u s-sehem ta’ kumpaniji innovattivi fis-Slovenja qed jonqos u jinsab taħt il-medja tal-Unjoni. It-trasformazzjoni diġitali kajmana tas-Slovenja tillimita t-tkabbir tal-produttività. Hemm diskrepanzi fil-prestazzjoni tal-innovazzjoni bejn ir-reġjuni tal-lvant u tal-punent tas-Slovenja, li jxekklu l-kooperazzjoni u n-netwerking. Is-Slovenja qed treġġa’ lura l-progress tagħha lejn il-mira tal-infiq għar-riċerka u l-iżvilupp tal-2020 fl-istess ħin li ż-żieda fl-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tkun ta’ tisħiħ il-potenzjal tat-tkabbir tal-pajjiż. Is-Slovenja tattira sehem baxx ta’ studenti internazzjonali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni postsekondarja, speċjalment fil-livell tad-dottorat filwaqt li l-mobbiltà internazzjonali tar-riċerkaturi u l-mobbiltà bejn l-akkademja u l-industrija għadha limitata.

(18)

Għall-perjodu sal-2030, is-Slovenja stabbilixxiet objettivi f’termini ta’ infrastruttura tal-enerġija, effiċjenza enerġetika u ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-abbozz ta’ pjan nazzjonali tagħha dwar l-enerġija u l-klima, li kollha jeħtieġu investimenti xierqa. B’mod partikolari, l-ekonomija tas-Slovenja hija aktar intensiva fl-użu tal-karbonju mill-medja tal-Unjoni, u s-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-produzzjoni totali tal-enerġija qed jistaġna. L-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli apparti l-injam u l-idroenerġija huwa partikolarment kajman. L-industrija, is-servizzi u s-settur residenzjali tas-Slovenja kollha jirrappreżentaw sehem akbar mit-total tal-konsum finali tal-enerġija meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kapaċità ta’ ħżin tal-enerġija eżistenti hija sottożviluppata u għalhekk tonqos milli tindirizza l-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-produzzjoni lokali mhux integrata ta’ sorsi ta’ enerġija.

(19)

It-trasport sar l-akbar sors ta’ emissjonijiet ta’ CO2: is-sehem tiegħu mill-emissjonijiet totali huwa ogħla mis-sehem medju ta’ dan is-settur fl-Unjoni. Id-dipendenza qawwija tas-Slovenja fuq it-trasport bit-triq toħloq problemi ta’ intensità għolja ta’ enerġija u ta’ karbonju, kif ukoll tat-tniġġis tal-arja u tal-inċidenti fit-toroq. Hemm lok sinifikanti għal titjib fl-infrastruttura ferrovjarja kif ukoll f’enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u trasport sostenibbli b’mod ġenerali, li jista’ jgħin biex jitnaqqsu dawn l-effetti negattivi. Għad hemm diskrepanzi importanti fl-investiment fil-qasam tar-riżorsi naturali, biex jiġi żgurat mudell ta’ żvilupp aktar sostenibbli. L-ekonomija tas-Slovenja tiddependi fuq l-ambjent naturali tagħha, li qiegħed jiddeterjora. Id-dipendenza qawwija fuq il-materja prima importata, flimkien ma’ rati baxxi ta’ riċiklaġġ, jxekklu t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. L-istat tas-sistema tas-settur tal-ilma urban mormi, inkluż l-infrastruttura tal-ġbir u tat-trattament, ma jissodisfax għal kollox ir-rekwiżiti tal-Unjoni. Partijiet sostanzjali tal-ekonomija tas-Slovenja huma vulnerabbli għad-diżastri naturali, b’mod partikolari l-għargħar.

(20)

L-ipprogrammar tal-Fondi tal-Unjoni għall-perijodu 2021-2027 jista’ jgħin biex jiġu indirizzati xi wħud mil-lakuni identifikati fir-rakkomandazzjonijiet, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż tal-2019. Dan ikun jippermetti lis-Slovenja biex tagħmel l-aħjar użu minn dawk il-fondi fir-rigward tas-setturi, filwaqt li tqis id-differenzi reġjonali. It-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tal-pajjiż għall-ġestjoni ta’ dawn il-fondi huwa fattur importanti għas-suċċess ta’ dan l-investiment.

(21)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2019, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tas-Slovenja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2019. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2019 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Slovenja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fis-Slovenja, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni. Dan jirrifletti l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(22)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2019 u l-opinjoni tiegħu (8) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li s-Slovenja tieħu azzjoni fl-2019 u l-2020 biex:

1.   

Tilħaq l-objettiv baġitarju tat-terminu medju fl-2020. Tadotta u timplimenta riformi fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul li jiżguraw il-kwalità, l-aċċessibbiltà u s-sostenibbiltà fiskali fit-tul. Tiżgura s-sostenibbiltà u l-adegwatezza fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet, inkluż billi taġġusta l-età statutorja tal-irtirar, tirrestrinġi l-irtirar kmieni u forom oħrajn ta’ ħruġ kmieni mis-suq tax-xogħol. Iżżid l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi u ħaddiema akbar fl-età billi ttejjeb ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ, it-tagħlim tul il-ħajja u l-miżuri ta’ attivazzjoni, inkluż permezz ta’ litteriżmu diġitali aħjar.

2.   

Tappoġġa l-iżvilupp ta’ swieq tal-ekwità. Ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi tnaqqas ir-restrizzjonijiet regolatorji u l-piż amministrattiv. Ittejjeb il-kompetizzjoni, il-professjonalizzazzjoni u s-sorveljanza indipendenti fl-akkwist pubbliku. Twettaq privatizzazzjonijiet f’konformità mal-pjanijiet eżistenti.

3.   

Tiffoka l-politika ekonomika relatata mal-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, it-tranżizzjoni lejn enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, b’mod partikolari l-ferrovija, u l-infrastruttura ambjentali, filwaqt li jitqiesu d-differenzi reġjonali.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(3)  ĠU C 136, 12.4.2019, p. 1.

(4)  ĠU C 320, 10.9.2018, p. 103.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(6)  Il-bilanċ aġġustat b’mod ċikliku nett għall-miżuri ta’ darba u temporanji, kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni bl-użu tal-metodoloġija miftiehma b’mod komuni.

(7)  In-nefqa primarja nett tal-gvern hi magħmula min-nefqa totali tal-gvern mingħajr in-nefqa marbuta mal-imgħax, in-nefqa marbuta mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fin-nefqa marbuta mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjat nazzjonalment huwa mifrux fuq perjodu ta’ erba’ (4) snin. Il-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew iż-żidiet tad-dħul b’mandat tal-liġi huma fatturati. Il-miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-nefqa huma esklużi.

(8)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.