|
3.9.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 297/84 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-18 ta' Ġunju 2019
dwar l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima tal-Portugall li jkopri l-perjodu 2021–2030
(2019/C 297/22)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, kull Stat Membru huwa meħtieġ jippreżenta lill-Kummissjoni abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu li jkopri l-perjodu mill-2021 sal-2030 skont l-Artikolu 3(1) u l-Anness I ta' dak ir-Regolament. L-ewwel abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima kellhom jiġu ppreżentati sal-31 ta' Diċembru 2018. |
|
(2) |
Il-Portugall ippreżenta l-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu fil-31 ta' Diċembru 2018. Il-preżentazzjoni ta' dan l-abbozz tal-pjan tirrappreżenta l-bażi u l-ewwel pass tal-proċess iterattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-finalizzazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom. |
|
(3) |
Skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima. Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tal-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tal-Portugall, filwaqt li qieset l-elementi rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1999. Din il-valutazzjoni (2) hija ppubblikata flimkien ma' din ir-rakkomandazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq dik il-valutazzjoni. |
|
(4) |
B'mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jindirizzaw (i) il-livell ta' ambizzjoni tal-objettivi, tal-miri u tal-kontributi bil-ħsieb li jinkisbu b'mod kollettiv l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u, b'mod partikolari, il-miri tal-Unjoni għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll il-livell tal-interkonnettività tal-elettriku li l-Istat Membru qed jimmira li jlaħħaq sal-2030; (ii) il-politiki u l-miżuri b'rabta mal-objettivi fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni u politiki u miżuri oħrajn ta' rilevanza transfruntiera potenzjali; (iii) kwalunkwe politiki u miżuri addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima; (iv) l-interazzjonijiet bejn il-politiki eżistenti u ppjanati u l-konsistenza tagħhom u l-miżuri inklużi fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima f'dimensjoni waħda u fost dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija. |
|
(5) |
Waqt li kienet qed tiżviluppa r-rakkomandazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, il-ħtieġa li jingħaddu flimkien ċerti kontributi ppjanati kkwantifikati tal-Istati Membri kollha sabiex tiġi vvalutata l-ambizzjoni fil-livell tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi pprovdut ħin xieraq għall-Istat Membru kkonċernat biex iqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni qabel ma jiffinalizza l-pjan nazzjonali tiegħu. |
|
(6) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ambizzjonijiet rinnovabbli tal-Istati Membri huma bbażati fuq formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999 li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi. |
|
(7) |
Fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-valutazzjoni tal-livell ta' ambizzjoni nazzjonali ppreżentat fl-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima, imqabbel mal-livell kollettiv tal-isforzi meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni, filwaqt li titqies l-informazzjoni pprovduta dwar iċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi, fejn ikun rilevanti. Il-kontributi nazzjonali finali fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija jenħtieġ li jirriflettu l-potenzjal kosteffettiv għall-iffrankar tal-enerġija u li jiġu appoġġati bi strateġija soda ta' rinnovazzjoni tal-bini fit-tul u miżuri għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ li l-Istati Membri juru wkoll li jkunu qiesu kif xieraq il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, billi b'mod partikolari jispjegaw kif l-effiċjenza fl-enerġija tikkontribwixxi għall-ilħuq kosteffettiv tal-għanijiet nazzjonali ta' ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għall-indirizzar tal-prekarjetà enerġetika. |
|
(8) |
Ir-Regolament dwar il-Governanza jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu stampa ġenerali tal-investiment meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi, il-miri u l-kontributi stabbiliti fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima, kif ukoll valutazzjoni ġenerali dwar is-sorsi ta' dak l-investiment. Il-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima jenħtieġ li jiżguraw it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-politiki u tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tal-investiment. |
|
(9) |
B'mod parallel, bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2018-2019, il-Kummissjoni ffukat ħafna fuq il-ħtiġijiet ta' investiment tal-Istati Membri b'rabta mal-enerġija u mal-klima. Dan huwa rifless fir-Rapport tal-Pajjiż tal-2019 għall-Portugall (4) u fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lill-Portugall (5), bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni qieset l-aktar sejbiet u rakkomandazzjonijiet reċenti tas-Semestru Ewropew fil-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma komplementari għall-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għal kull pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima jqisu l-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għal kull pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. |
|
(10) |
Barra minn hekk, ir-Regolament dwar il-Governanza jeħtieġ li kull Stat Membru iqis kif xieraq kull rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għall-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu li jrid jiġi ppreżentat fil-31 ta' Diċembru 2019 u, jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jindirizzax rakkomandazzjoni jew parti sostanzjali tagħha, dak l-Istat Membru jenħtieġ li jipprovdi r-raġunijiet tiegħu u jippubblikahom. |
|
(11) |
Fejn applikabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw l-istess data fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima u fl-aġġornamenti fis-snin sussegwenti bħalma jirrapportaw lill-Eurostat jew lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-użu tal-istess sors, u meta tkun disponibbli, tal-istatistika Ewropea, huwa wkoll essenzjali għall-kalkolu tal-linja bażi għall-immudellar u għall-projezzjonijiet. L-użu tal-istatistika Ewropea jippermetti komparabbiltà aħjar tad-data u tal-projezzjonijiet użati fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima. |
|
(12) |
L-elementi kollha tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 iridu jiġu inklużi fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġu vvalutati l-impatti makroekonomiċi u, sa fejn ikun possibbli, l-impatti fuq is-saħħa, l-ambjent, l-impjieg u l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impatti soċjali tal-politiki u tal-miżuri ppjanati. Il-pubbliku u partijiet ikkonċernati oħra jridu jkunu involuti fit-tħejjija tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali. Dawn l-elementi u elementi oħrajn huma deskritti fid-dettall fid-dokument ta' ħidma tal-persunal ippubblikat flimkien ma' din ir-Rakkomandazzjoni (6). |
|
(13) |
Il-Portugall għandu sett koerenti ta' miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f'terminu medju u twil. Biex jikseb l-ambizzjoni ta' dekarbonizzazzjoni tiegħu qed jippjana li jelettrifika l-ekonomija. Is-settur tal-elettriku jrid jiġi żviluppat aktar permezz ta' kapaċità tal-elettriku rinnovabbli ġdida, b'mod partikolari l-ġenerazzjoni tal-enerġija mix-xemx, mir-riħ u mill-ilma. Dawn l-iżviluppi għandhom implikazzjonijiet qawwijin għal dimensjonijiet oħra tal-Unjoni tal-Enerġija, b'mod partikolari d-dimensjoni tas-suq intern u r-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Il-pjan finali jrid jikkjarifika s-sinerġiji bejn id-dimensjonijiet tad-dekarbonizzazzjoni, tas-sigurtà tal-enerġija u tas-suq intern mal-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, billi jispjega kif l-effiċjenza fl-enerġija tikkontribwixxi għall-ilħuq kosteffettiv tal-għanijiet nazzjonali ta' ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, u tiġi indirizzata r-rabta tagħha mal-prekarjetà enerġetika. L-objettivi fid-dimensjoni tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-kompetittività jridu jappoġġaw l-isforzi ppjanati għad-dimensjonijiet l-oħra tal-Unjoni tal-Enerġija. |
|
(14) |
Il-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali jista' jibbenefika mill-preżentazzjoni ta' stampa ġenerali komprensiva dwar il-kompetittività, mhux biss tal-industriji intensivi fl-enerġija, iżda wkoll is-settur tat-teknoloġija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li tiġi pprovduta analiżi konkreta dwar il-pożizzjoni fis-suq globali, jiġu enfasizzati l-oqsma ta' qawwiet kompetittivi u sfidi potenzjali u jiġu indikati objettivi miżurabbli għall-ġejjieni u l-politiki u l-miżuri biex dawn jinkisbu, filwaqt li jsiru konnessjonijiet xierqa mal-politika tal-intrapriżi u tal-industrija. Jista' jibbenefika wkoll minn aktar elaborazzjoni dwar l-interazzjoni mal-ekonomija ċirkolari. |
|
(15) |
Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Portugall huma appoġġati mill-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tal-Portugall li huwa ppubblikat flimkien ma' din ir-Rakkomandazzjoni (7). |
B'DIN TIRRAKKOMANDA LILL-PORTUGALL JIEĦU AZZJONI BIEX:
|
1. |
Jirfed il-livell ta' ambizzjoni apprezzat ta' sehem ta' enerġija rinnovabbli ta' 47 % għall-2030 bħala l-kontribut tal-Portugall għall-mira tal-Unjoni għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli permezz ta' politiki u miżuri dettaljati u kwantifikati li huma konformi mal-obbligi rikjesti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), b'mod li jippermetti kisba fil-ħin u kosteffettiva ta' dan il-kontribut. Jinkludi fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali, fost oħrajn, trajettorja indikattiva li tilħaq il-punti ta' referenza kollha skont l-Artikolu 4(a)(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999. Iżid il-livell ta' ambizzjoni fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ sabiex jilħaq il-mira indikattiva inkluża fl-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u jipproponi miżuri biex jilħaq il-mira tat-trasport stabbilita fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu u f'konformità mal-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Jipprovdi aktar informazzjoni dwar is-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u jipprovdi aktar dettalji dwar l-oqfsa ta' abilitazzjoni għall-awtokonsum rinnovabbli u għall-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli, f'konformità mal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. |
|
2. |
Iżid b'mod sostanzjali l-ambizzjoni għall-kontribut tal-konsum tal-enerġija finali fid-dawl tal-ħtieġa li jiżdied il-livell tal-isforzi biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni tal-2030 u jidentifika politiki u miżuri addizzjonali li jistgħu jirriżultaw f'aktar iffrankar enerġetiku sal-2030. Jipprovdi kwantifikazzjoni xierqa tal-iffrankar enerġetiku mistenni mill-politiki u l-miżuri ppjanati bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt aktar dettaljata u jindika kif dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-kontributi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija. |
|
3. |
Jiddefinixxi objettivi u miri li jħarsu 'l quddiem fir-rigward tal-integrazzjoni tas-swieq, b'mod partikolari miżuri għall-iżvilupp ta' swieq tal-elettriku u tal-gass aktar kompetittivi, inkluż li jersaq lejn prezzijiet ibbażati bis-sħiħ fuq is-suq. |
|
4. |
Jikkjarifika aktar l-objettivi nazzjonali u l-miri ta' finanzjament fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-kompetittività, speċifikament relatati mal-Unjoni tal-Enerġija, li jridu jinkisbu minn issa sal-2030, sabiex ikunu miżurabbli faċilment u jkunu adattati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-miri fid-dimensjonijiet l-oħra tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima. Jappoġġa t-tali objettivi b'politiki u miżuri speċifiċi u xierqa, inkluż dawk li jridu jiġu żviluppati b'kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra, bħal pereżempju l-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija. |
|
5. |
Jintensifika l-kooperazzjoni reġjonali tajba eżistenti ma' Spanja u ma' Franza. Jenħtieġ li l-fokus tal-iskambji reġjonali jkun fuq is-suq intern tal-enerġija u l-oqsma tas-sigurtà tal-enerġija, b'mod partikolari l-interkonnessjonijiet transfruntiera u transreġjonali. Jikkunsidra li jsaħħaħ il-miżuri relatati mal-kooperazzjoni reġjonali fl-oqsma tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-enerġija. |
|
6. |
Jipprovdi stampa ġenerali tal-investiment li għandu bżonn biex jimmodernizza l-ekonomija tiegħu billi jilħaq l-objettivi tal-enerġija u tal-klima, artikolata mal-pjan nazzjonali ta' investiment tiegħu. Jipprovdi valutazzjoni ġenerali tas-sorsi ta' dak l-investiment, inkluż finanzjament xieraq fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni. Iqis ukoll il-ġenerazzjoni kosteffettiva tat-trasferimenti lejn Stati Membri oħrajn skont ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) bħala sors ta' finanzjament. |
|
7. |
Jelenka s-sussidji tal-enerġija kollha, inkluż b'mod partikolari għall-karburanti fossili, u l-azzjonijiet imwettqa kif ukoll il-pjanijiet biex dawn is-sussidji jibdew jiġu eliminati ftit ftit. |
|
8. |
Jikkomplementa l-analiżi tal-interazzjonijiet bil-politika dwar il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet fl-arja, filwaqt li jippreżenta l-impatti fuq it-tniġġis tal-arja għax-xenarji varji, jipprovdi informazzjoni ta' appoġġ, u jikkunsidra s-sinerġiji u l-effetti ta' kompromess. |
|
9. |
Jintegra aħjar l-aspetti ta' tranżizzjoni ġusta u ekwa, b'mod partikolari billi jipprovdi aktar dettalji dwar l-impatti soċjali, l-impatti fuq l-impjieg u fuq il-ħiliet tal-objettivi, tal-politiki u tal-miżuri ppjanati. Jiżviluppa aktar l-approċċ għall-indirizzar tal-kwistjonijiet tal-prekarjetà enerġetika, inkluż billi jipprovdi valutazzjoni tan-numru u tat-tip ta' unitajiet domestiċi fi prekarjetà enerġetika u objettivi għat-tnaqqis tal-prekarjetà enerġetika kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999. |
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ġunju 2019.
Għall-Kummissjoni
Miguel ARIAS CAÑETE
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.
(2) SWD(2019) 272.
(3) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).
(4) SWD (2019) 1021 final.
(5) COM (2019) 522 final tal-5 ta' Ġunju 2019.
(6) SWD(2019) 272.
(7) SWD(2019) 272.
(8) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta' Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).