3.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 297/44


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta' Ġunju 2019

dwar l-abbozz tal-Pjan Nazzjonali Integrat għall-Enerġija u l-Klima tal-Italja li jkopri l-perjodu 2021–2030

(2019/C 297/12)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, kull Stat Membru huwa meħtieġ jippreżenta lill-Kummissjoni abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu li jkopri l-perjodu mill-2021 sal-2030 skont l-Artikolu 3(1) u l-Anness I ta' dak ir-Regolament. L-ewwel abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima kellhom jiġu ppreżentati sal-31 ta' Diċembru 2018.

(2)

L-Italja ppreżentat l-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tagħha fit-8 ta' Jannar 2019. Il-preżentazzjoni ta' dan l-abbozz tal-pjan tirrappreżenta l-bażi u l-ewwel pass tal-proċess iterattiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-finalizzazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom.

(3)

Skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima. Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tal-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tal-Italja, filwaqt li qieset l-elementi rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1999. Din il-valutazzjoni (2) hija ppubblikata flimkien ma' din ir-rakkomandazzjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin huma bbażati fuq dik il-valutazzjoni.

(4)

B'mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni jistgħu jindirizzaw (i) il-livell ta' ambizzjoni tal-objettivi, tal-miri u tal-kontributi bil-ħsieb li jinkisbu b'mod kollettiv l-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u, b'mod partikolari, il-miri tal-Unjoni għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll il-livell tal-interkonnettività tal-elettriku li l-Istat Membru qed jimmira li jlaħħaq sal-2030; (ii) il-politiki u l-miżuri b'rabta mal-objettivi fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni u politiki u miżuri oħrajn ta' rilevanza transfruntiera potenzjali; (iii) kwalunkwe politiki u miżuri addizzjonali li jistgħu jkunu meħtieġa fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima; (iv) l-interazzjonijiet bejn il-politiki eżistenti u ppjanati u l-konsistenza tagħhom u l-miżuri inklużi fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima f'dimensjoni waħda u fost dimensjonijiet differenti tal-Unjoni tal-Enerġija.

(5)

Waqt li kienet qed tiżviluppa r-rakkomandazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, il-ħtieġa li jingħaddu flimkien ċerti kontributi ppjanati kkwantifikati tal-Istati Membri kollha sabiex tiġi vvalutata l-ambizzjoni fil-livell tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġi pprovdut ħin xieraq għall-Istat Membru kkonċernat biex iqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni qabel ma jiffinalizza l-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu.

(6)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-ambizzjonijiet rinnovabbli tal-Istati Membri huma bbażati fuq formula stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1999 li hija bbażata fuq kriterji oġġettivi.

(7)

Fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma bbażati fuq il-valutazzjoni tal-livell ta' ambizzjoni nazzjonali ppreżentat fl-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima, imqabbel mal-livell kollettiv tal-isforzi meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-Unjoni, filwaqt li titqies l-informazzjoni pprovduta dwar iċ-ċirkustanzi nazzjonali speċifiċi, fejn ikun rilevanti. Il-kontributi nazzjonali finali fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija jenħtieġ li jirriflettu l-potenzjal kosteffettiv għall-iffrankar tal-enerġija u li jiġu appoġġati bi strateġija soda ta' rinnovazzjoni tal-bini fit-tul u miżuri għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Jenħtieġ li l-Istati Membri juru wkoll li jkunu qiesu kif xieraq il-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel”, billi b'mod partikolari jispjegaw kif l-effiċjenza fl-enerġija tikkontribwixxi għall-ilħuq kosteffettiv tal-għanijiet nazzjonali ta' ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u għall-indirizzar tal-prekarjetà enerġetika.

(8)

Ir-Regolament dwar il-Governanza jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu stampa ġenerali tal-investiment meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi, il-miri u l-kontributi stabbiliti fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima, kif ukoll valutazzjoni ġenerali dwar is-sorsi ta' dak l-investiment. Il-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima jenħtieġ li jiżguraw it-trasparenza u l-prevedibbiltà tal-politiki u tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tal-investiment.

(9)

B'mod parallel, bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2018-2019, il-Kummissjoni ffukat ħafna fuq il-ħtiġijiet ta' investiment tal-Istati Membri b'rabta mal-enerġija u mal-klima. Dan huwa rifless fir-Rapport tal-Pajjiż tal-2019 għall-Italja (4) u fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill lill-Italja (5), bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni qieset l-aktar sejbiet u rakkomandazzjonijiet reċenti tas-Semestru Ewropew fil-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni huma komplementari għall-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għal kull pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima jqisu l-aktar rakkomandazzjonijiet reċenti speċifiċi għal kull pajjiż maħruġa fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(10)

Barra minn hekk, ir-Regolament dwar il-Governanza jeħtieġ li kull Stat Membru iqis kif xieraq kull rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni għall-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tiegħu li jrid jiġi ppreżentat fil-31 ta' Diċembru 2019 u, jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jindirizzax rakkomandazzjoni jew parti sostanzjali tagħha, dak l-Istat Membru jenħtieġ li jipprovdi r-raġunijiet tiegħu u jippubblikahom.

(11)

Fejn applikabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw l-istess data fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima u fl-aġġornamenti fis-snin sussegwenti bħalma jirrapportaw lill-Eurostat jew lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. L-użu tal-istess sors, u meta tkun disponibbli, tal-istatistika Ewropea, huwa wkoll essenzjali għall-kalkolu tal-linja bażi għall-immudellar u għall-projezzjonijiet. L-użu tal-istatistika Ewropea jippermetti komparabbiltà aħjar tad-data u tal-projezzjonijiet użati fil-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima.

(12)

L-elementi kollha tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999 iridu jiġu inklużi fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġu vvalutati l-impatti makroekonomiċi u, sa fejn ikun possibbli, l-impatti fuq is-saħħa, l-ambjent, l-impjieg u l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-impatti soċjali tal-politiki u tal-miżuri ppjanati. Il-pubbliku u partijiet ikkonċernati oħra jridu jkunu involuti fit-tħejjija tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali. Dawn l-elementi u elementi oħrajn huma deskritti fid-dettall fid-dokument ta' ħidma tal-persunal ippubblikat flimkien ma' din ir-Rakkomandazzjoni (6).

(13)

Fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali tagħha, jenħtieġ li l-Italja tibni fuq l-interkonnessjonijiet pożittivi bejn il-politiki u l-miżuri ppjanati indikati fl-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima, u tesplora aktar l-interkonnessjonijiet tal-politiki aktar diffiċli, b'mod partikolari bejn id-dimensjonijiet tad-dekarbonizzazzjoni, tas-sigurtà tal-enerġija u tas-suq intern. Huma mistennija aktar dettalji b'mod partikolari dwar: (i) il-konsegwenzi tal-eliminazzjoni ftit ftit tal-impjanti ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam u l-evoluzzjoni mistennija tar-rwol tal-gass fit-taħlita enerġetika; (ii) kif tista' tinkiseb il-penetrazzjoni għolja ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; (iii) l-impatti tal-Mekkaniżmu ta' Remunerazzjoni tal-Kapaċità (CRM) tal-Italja f'termini ta' prezzijiet għall-konsumaturi tal-enerġija; (iv) l-evoluzzjoni mistennija tas-sussidji tal-karburanti fossili. B'mod simili, l-objettivi fid-dimensjoni tar-riċerka, tal-innovazzjoni u tal-kompetittività jridu jappoġġaw l-isforzi ppjanati għad-dimensjonijiet l-oħra tal-Unjoni tal-Enerġija.

(14)

Il-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali jista' jibbenefika jekk jiġu enfasizzati l-oqsma ta' vantaġġ kompetittiv u ta' sfidi potenzjali fil-livell globali għas-settur tat-teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, inkluż għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi industrijali intensivi fl-użu tal-enerġija u tal-karbonju. Objettivi miżurabbli għall-ġejjieni definiti abbażi ta' dan jistgħu jkunu ta' benefiċċju, flimkien ma' politiki u miżuri biex dawn jinkisbu, filwaqt li jsiru konnessjonijiet xierqa mal-politika dwar l-intrapriżi u l-industrija. Il-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali jista' jibbenefika wkoll minn elaborazzjoni ulterjuri dwar l-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li jirriżulta mill-azzjonijiet relatati mal-ekonomija ċirkolari.

(15)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Italja huma appoġġati mill-valutazzjoni tal-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima tal-Italja li huwa ppubblikat flimkien ma' din ir-Rakkomandazzjoni (7).

B'DIN TIRRAKKOMANDA LILL-ITALJA TIEĦU AZZJONI BIEX:

1.

Tirfed il-livell ta' ambizzjoni apprezzat tas-sehem ta' enerġija rinnovabbli tal-Italja ta' 30 % għall-2030 bħala l-kontribut tal-Italja għall-mira tal-Unjoni għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli permezz ta' politiki u miżuri dettaljati u kwantifikati li huma konformi mal-obbligi rikjesti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), sabiex tippermetti kisba fil-ħin u kosteffettiva ta' dan il-kontribut. Iżżid il-livell ta' ambizzjoni tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ sabiex tilħaq il-mira indikattiva inkluża fl-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Tipproponi miżuri sabiex tilħaq il-mira tat-trasport fl-Artikolu 25 tad-Direttiva 2018/2001. Tnaqqas il-kumplessità u l-inċertezza regolatorja u tipprovdi aktar dettalji dwar l-oqfsa ta' abilitazzjoni għall-awtokonsum rinnovabbli u għall-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli, f'konformità mal-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

2.

Fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija, tiżgura li l-istrumenti ewlenin tal-politika deskritti fl-abbozz tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima jibqgħu jirriżultaw f'iffrankar xieraq fil-perjodu 2021-2030. Tirrifletti b'mod xieraq l-aġġornamenti u t-titjib ippjanati tal-iskemi ta' appoġġ eżistenti fil-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima finali u fir-rapporti ta' progress sussegwenti. Ittejjibhom b'mod sinifikanti sabiex tippermetti l-ksib tal-miri ta' ffrankar enerġetiku indikati. Meta jitqies il-potenzjal sinifikanti mhux sfruttat, tkompli taħdem fuq it-tisħiħ tal-miżuri dwar l-iffrakar enerġetiku għall-binjiet (għall-binjiet pubbliċi u privati ġodda u eżistenti) u fit-trasport.

3.

Tispeċifika l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi tas-sigurtà tal-enerġija dwar id-diversifikazzjoni u t-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika, inkluż il-miżuri li jiżguraw il-flessibbiltà. Tqis il-kuntest reġjonali u l-potenzjal reali tal-interkonnetturi u tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni fil-pajjiżi ġirien meta tkun qed tivvaluta l-adegwatezza tar-riżorsi fis-settur tal-elettriku. Tiċċara sa liema punt l-iżvilupp mistenni fis-settur tal-gass huwa kompatibbli mal-miri ddikjarati għad-dekarbonizzazzjoni u l-eliminazzjoni ftit ftit ippjanata tal-impjanti termoelettriċi ta' produzzjoni tal-enerġija bil-faħam.

4.

Tistabbilixxi objettivi, stadji importanti u skedi ta' żmien ċari biex jitwettqu r-riformi ppjanati fis-swieq tal-enerġija, b'mod partikolari fis-swieq tal-gass naturali tal-operaturi u fl-operazzjoni tas-swieq tal-konsumaturi tal-elettriku u tal-gass naturali.

5.

Tikkjarifika l-objettivi nazzjonali u l-miri ta' finanzjament fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fil-kompetittività, speċifikament relatati mal-Unjoni tal-Enerġija, li jridu jinkisbu bejn l-2021 u l-2030, sabiex ikunu miżurabbli faċilment u jkunu adattati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-miri fid-dimensjonijiet l-oħra tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima. Tappoġġa t-tali objettivi b'politiki u miżuri speċifiċi u xierqa, inkluż dawk li jridu jiġu żviluppati b'kooperazzjoni ma' Stati Membri oħra, bħal pereżempju l-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija.

6.

Twettaq konsultazzjonijiet mal-Pajjiżi ġirien u fi ħdan il-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC) fid-dawl tal-finalizzazzjoni tal-pjan nazzjonali integrat għall-enerġija u l-klima. Tesplora l-potenzjal transfruntier u l-aspetti makroreġjonali ta' politika koordinata għall-enerġija u l-klima b'mod partikolari fir-reġjun Adrijatiku bl-għan li titnaqqas il-marka tal-karbonju tar-reġjun u jiġi implimentat approċċ ta' ekosistema u jiġi sfruttat aktar il-potenzjal ta' kooperazzjoni Mediterranja aktar profonda.

7.

Telenka l-azzjonijiet u l-pjanijiet imwettqa biex telimina ftit ftit is-sussidji tal-enerġija, b'mod partikolari għall-karburanti fossili.

8.

Tikkomplementa l-analiżi tal-interazzjonijiet mal-politika dwar il-kwalità tal-arja u l-emissjonijiet fl-arja, inkluż minn perspettiva kwantitattiva.

9.

Tintegra aħjar l-aspetti ta' tranżizzjoni ġusta u ekwa, b'mod partikolari billi tipprovdi aktar dettalji dwar l-impatti soċjali, l-impatti fuq l-impjieg, fuq il-ħiliet u fuq id-distribuzzjoni tal-introjtu tal-objettivi, il-politiki u l-miżuri ppjanati, inkluż għar-reġjuni b'użu intensiv tal-karbonju u għar-reġjuni industrijali. Tlesti l-approċċ għall-indirizzar tal-kwistjonijiet tal-prekarjetà enerġetika billi tinkludi miri miżurabbli speċifiċi, u dettalji dwar ir-riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-politiki deskritti kif meħtieġ mir-Regolament (UE) 2018/1999.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Miguel ARIAS CAÑETE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.

(2)  SWD(2019) 264.

(3)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).

(4)  SWD (2019) 1011 final.

(5)  COM (2019) 512 final tal-5 ta' Ġunju 2019.

(6)  SWD(2019) 264.

(7)  SWD(2019) 264.

(8)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).