21.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 210/4 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-14 ta’ Ġunju 2019
bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju fl-Ungerija
(2019/C 210/02)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Skont l-Artikolu 121 tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jippromwovu finanzi pubbliċi sodi fuq terminu medju permezz tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u s-sorveljanza multilaterali sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ defiċits pubbliċi eċċessivi. |
(2) |
Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz tat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi. |
(3) |
Fit-22 ta’ Ġunju 2018 il-Kunsill sab f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat li fl-2017 kienet seħħet devjazzjoni sinifikanti osservata mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Fid-dawl ta’ dik id-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fit-22 ta’ Ġunju 2018 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni (2), li fiha jirrakkomanda li l-Ungerija tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern (3) ma qabżidx it-2,8 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1 % tal- prodott domestiku gross (PDG). Huwa rrakkomanda wkoll li l-Ungerija tuża kwalunkwe qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit, biex b’hekk il-pajjiż jitqiegħed fuq perkors ta’ aġġustament xieraq lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Fl-4 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill ikkonkluda li l-Ungerija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva b’reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ġunju 2018. Fuq din il-bażi, fl-4 ta’ Diċembru 2018 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni riveduta (4) biex l-Ungerija tieħu l-miżuri neċessarji biex ikun żgurat li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern ma tkunx ogħla minn 3,3 % fl-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1 % tal-PDG. |
(4) |
Fl-2018, fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni u tad-data dwar l-eżitu tal-2018 ivvalidata mill-Eurostat, it-tkabbir tan-nefqa primarja netta tal-gvern kien ħafna ogħla mill-valur referenzjarju tan-nefqa, li jindika devjazzjoni sinifikanti (devjazzjoni ta’ 1,3 % tal-PDG). Il-bilanċ strutturali ddeterjora għal -3,7 % tal-PDG minn -3,4 % tal-PDG fl-2017, li jindika wkoll devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament strutturali rakkomandat (devjazzjoni ta’ 1,3 % tal-PDG). Id-daqs tad-devjazzjoni indikat mill-bilanċ strutturali huwa affettwat b’mod negattiv minn nuqqasijiet fid-dħul sostanzjali kif ukoll minn nfiq ogħla fl-investiment f’kuntest ta’ ekonomija fi żminijiwet tajbin, filwaqt li huwa stmat li dan ibbenefika b’mod marġinali mit-tnaqqis fin-nefqa fuq l-imgħax. Il-valur referenzjarju tan-nefqa huwa affettwat b’mod negattiv ħafna mit-tkabbir potenzjali tal-PDG fuq perjodu medju applikat fil-kalkolu tiegħu, li jinkludi tkabbir potenzjali baxx ħafna tal-PDG fil-perjodu ta’ wara l-kriżi. Barra minn hekk, id-deflatur tal-PDG li fuqu huwa bbażat il-valur referenzjarju tan-nefqa ma jidhirx li jqis sew il-pressjonijiet miżjuda tal-kost li jaffettwaw l-infiq pubbliku. Wara aġġustament għal dawk il-fatturi kollha, il-parametru referenzjarju tan-nefqa jidher li jirrifletti b’mod adegwat l-isforz fiskali u għadu jindika devjazzjoni sinifikanti. B’kont meħud ta’ dawk il-fatturi, iż-żewġ indikaturi jikkonfermaw devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżiti tal-fergħa preventiva tal-PST fl-2018. |
(5) |
Fil-5 Ġunju 2019, wara valutazzjoni ġenerali, il-Kummissjoni sabet li fl-Ungerija teżisti devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju u ħarġet twissija lill-Ungerija skont l-Artikolu 121(4) tat-Trattat u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. |
(6) |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tat-twissija, il-Kunsill għandu jindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat biex jieħu l-miżuri ta’ politika neċessarji. Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jipprevedi li r-rakkomandazzjoni tistabbilixxi skadenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur sa meta l-Istat Membru għandu jindirizza d-devjazzjoni. Fuq din il-bażi skadenza tal-15 ta’ Ottubru 2019 għall-Ungerija biex tindirizza d-devjazzjoni tidher xierqa. Sa din l-iskadenza, jenħtieġ li l-Ungerija tirrapporta l-azzjoni li tkun ittieħdet b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni. |
(7) |
Fuq il-bażi tal-projettazzjonijiet tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni tat-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni, fl-2019 u fl-2020 l-Ungerija ser tibqa’ fi żminijiet ekonomiċi tajba. Filwaqt li fl-2019 il-PDG reali huwa stmat li jikber skont il-PDG potenzjali (3,7 %), fl-2020, it-tkabbir tal-PDG reali (2,8 %) huwa mbassar li jkun aktar baxx mill-potenzjal ta’ tkabbir (3,6 %). Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali tal-Ungerija huwa ogħla mil-limitu ta’ 60 % tal-PDG. Għalhekk, l-isforz strutturali minimu meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 1466/97 u mill-matriċi ta’ aġġustamenti miftehma b’mod komuni taħt il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li tikkunsidra ċ-ċirkostanzi ekonomiċi prevalenti u l-problemi possibbli dwar is-sostenibbiltà, jammonta għal mill-anqas 0,75 % tal-PDG kemm għall-2019 kif ukoll għall-2020. |
(8) |
Id-defiċit strutturali tal-Ungerija żdied b’1,46 % tal-PDG fl-2017 u b’0,3 % tal-PDG fl-2018, għal 3,7 % tal-PDG fl-2018. Huwa projettat fit-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni li ser jonqos mill-2019. Biex jikkomplementa r-rekwiżit tal-aġġustament minimu meħtieġ fl-2019, hemm bżonn li jsir sforz addizzjonali biex jagħmel tajjeb għad-devjazzjonijiet kumulati u biex l-Ungerija tinġieb lura fuq il-pjan ta’ konsolidament xieraq wara t-telf mill-2017. Jidher li sforz addizzjonali ta’ 0,25 % tal-PDG fl-2019, meta mqabbel ma’ dak li jirriżulta mill-matriċi ta’ aġġustamenti miftehma b’mod komuni taħt il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, ikun xieraq fid-dawl tal-entità tad-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-pjan ta’ aġġustament rakkomandat lejn l-objettiv ta’ terminu medju u dan jaċċellera l-aġġustament lura lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. L-isforz meħtieġ għall-2019 huwa konformi mal-aġġustament rakkomandat mill-Kunsill fl-4 ta’ Diċembru 2018. Għall-2020, ir-rekwiżit tal-aġġustament minimu ta’ 0,75 % tal-PDG jidher xieraq, li jiddependi fuq il-konformità mal-aġġustament mitlub fl-2019. |
(9) |
It-titjib meħtieġ tal-bilanċ strutturali b’1 % tal-PDG kemm għall-2019 u 0,75 % tal-PDG fl-2020 huwa konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern li ma tkunx ogħla minn 3,3 % fl-2019 u 4,7 % fl-2020. |
(10) |
Il-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni jipproġetta titjib fil-bilanċ strutturali b’0,4 % tal-PDG fl-2019 u b’0,6 % tal-PDG ulterjuri fl-2020. Għalhekk, titjib strutturali ta’ 1 % tal-PDG fl-2019 u ta’ 0,75 % tal-PDG fl-2020 jissarraf fi ħtieġa li jiġu adottati miżuri b’rendiment strutturali totali ta’ 0,6 % tal-PDG fl-2019 u miżuri addizzjonali b’rendiment strutturali ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2020 meta mqabbel mal-linja bażi fit-tbassir tar-rebbiegħa 2019 tal-Kummissjoni. |
(11) |
Jekk l-Ungerija tonqos milli taġixxi fuq rakkomandazzjonijiet preċedenti biex tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti osservata tinħoloq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti sabiex il-politika fiskali tagħha tinġieb lura għal perkors prudenti. |
(12) |
Sabiex jinkisbu l-miri baġitarji rakkomandati, huwa kruċjali li l-Ungerija tadotta u timplimenta b’mod rigoruż il-miżuri meħtieġa u tagħmel monitoraġġ mill-qrib tal-iżvilupp tal-infiq kurrenti. |
(13) |
Jenħtieġ li l-Ungerija tirrapporta dwar l-azzjoni li ttieħdet b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni sal-15 ta’ Ottubru 2019. |
(14) |
Huwa xieraq li din ir-Rakkomandazzjoni tkun pubblikata, |
B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-UNGERIJA:
(1) |
tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern ma tkunx ogħla minn 3,3 % fl-2019 u 4,7 % fl-2020, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1 % tal-PDG fl-2019 u 0,75 % tal-PDG fl-2020, u b’dan il-mod l-Ungerija titqiegħed fuq perkors xieraq ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju; |
(2) |
tuża kwalunkwe qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit; jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi jiżguraw titjib permanenti fil-bilanċ strutturali ġenerali tal-gvern f’manjiera li tiffavorixxi t-tkabbir; |
(3) |
tirrapporta lill-Kunsill sal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni meħuda b’reazzjoni għal din ir-Rakkomandazzjoni; jenħtieġ li r-rapport jinkludi miżuri dettaljati biżżejjed u mħabbra b’mod kredibbli, inkluż l-impatt baġitarju ta’ kull waħda minnhom, bil-għan li jkun hemm konformità mal-perkors ta’ aġġustament, kif ukoll projetazzjonijiet baġitarji aġġornati u dettaljati għall-2019 u l-2020.
Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Ungerija. |
Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta’Ġunju 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
E.O. TEODOROVICI
(2) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-Ungerija (ĠU C 223, 27.6.2018, p. 1).
(3) In-nefqa primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa pubblika totali bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni kompletament korrisposti mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil mhux diskrezzjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.
(4) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018 bil-għan li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-Ungerija (ĠU C 460, 21.12.2018, p. 4).