30.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/312


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2252

tas-17 ta’ Diċembru 2019

dwar il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar — Inwaqqfu l-kummerċ”

(notifikata bid-dokument C(2019) 9203)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-kummerċ” jirreferi għal dan li ġej: “Għalkemm it-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar abbord bastimenti tal-UE u fl-ibħra tal-UE hija pprojbita u l-klieb il-baħar iridu jinħattu bil-pinen imwaħħla ma’ ġisimhom b’mod naturali, l-UE hija waħda fost l-akbar esportaturi ta’ pinen u ċentru tat-tranżitu għall-kummerċ globali tal-pinen.”

(2)

L-għanijiet tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini jirreferu għal dan li ġej: “L-UE hija attur ewlieni fl-isfruttament tal-klieb il-baħar u billi l-ispezzjonijiet fuq il-baħar ma jseħħux spiss il-pinen qegħdin jinżammu, jiġu trasbordati, jew jitħattew fl-UE. Għandna l-għan li ntemmu l-kummerċ tal-pinen fl-UE fosthom l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ pinen ħlief jekk ikunu mwaħħla b’mod naturali ma’ ġisem l-annimal. Billi t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar tostakola l-miżuri ta’ konservazzjoni, qegħdin nitolbu li r-Regolament (UE) Nru 605/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jiġi estiż ukoll għall-kummerċ tal-pinen u għaldaqstant qegħdin nappellaw lill-Kummissjoni biex tfassal regolament ġdid li jestendi “l-pinen imwaħħla b’mod naturali” għall-kummerċ kollu ta’ klieb il-baħar u raj fl-UE.”

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jqawwi aktar il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi jipprevedi, fost l-oħrajn, li kull ċittadin ikollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta’inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir iktar aċċessibbli.

(5)

B’rabta mas-suġġett tal-inizjattiva proposta, jistgħu jiġu adottati atti ġuridiċi tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati:

għat-tfassil tad-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd, abbażi tal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

għad-definizzjoni tal-qafas għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni, abbażi tal-Artikolu 207(2) tat-TFUE.

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-proposta ta’ inizjattiva taċ-ċittadini ma taqax b’mod ċar barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, b’konformità mal-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(7)

Barra minn hekk, il-kumitat taċ-ċittadini ġie ffurmat u l-persuni ta’ kuntatt inħatru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija manifestament abbużiva, fiergħa jew vessatorja, u lanqas ma tidher li tmur biċ-ċar kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulati fl-Artikolu 2 tat-TUE.

(8)

Għaldaqstant il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-kummerċ” ġiet irreġistrata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-kummerċ” qiegħda tiġi rreġistrata b’dan.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mit-2 ta’ Jannar 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-proposta għal inizjattiva taċ-ċittadini bl-isem “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-kummerċ”, irrappreżentata mis-Sur Nils KLUGER u s-Sur Alexander Hendrik CORNELISSEN, bħala persuni ta’ kuntatt.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Věra JOUROVÁ

Viċi President


(1)   ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 605/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003 dwar it-tneħħija tal-pinen ta’ klieb il-baħar abbord bastimenti (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 1).