27.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/146


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2230

tad-19 ta’ Diċembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2007/884/KE li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikoli 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt ta’ persuni taxxabbli għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi li jkunu rċevew u li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom jew għal ċerti finijiet oħra. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta’ dik id-Direttiva jittratta dwar l-użu ta’ assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet minbarra dawk tan-negozju tagħhom bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE (2) tawtorizza lir-Renju Unit jirrestrinġi sal-50 % d-dritt tal-kerrej jew tal-lessee ta’ karozza biex inaqqas il-VAT taħt l-Artikolu 168 jew 169 tad-Direttiva 2006/112/KE fuq il-kiri jew il-leasing ta’ karozza f’każ li l-karozza ma tintużax esklussivament għall-finijiet ta’ negozju. Hija tawtorizza wkoll lir-Renju Unit biex ma jittrattax bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas l-użu privat ta’ karozza użata għall-finijiet ta’ negozju mikrija jew leased minn persuna taxxabbli. Dawk il-miżuri (il-“miżuri ta’ deroga”) jneħħu l-ħtieġa li l-kerrej jew il-lessee ta’ karozza użata għall-finijiet ta’ negozju jżomm rekords tal-kilometraġġ privat magħmul f’dik il-karozza jew li jġarrab il-VAT fuq il-kilometraġġ privat fattwalment magħmul f’dik il-karozza. Id-Deċiżjoni 2007/884/KE tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2019.

(3)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-2 ta’ April 2019, ir-Renju Unit talab awtorizzazzjoni biex ikompli japplika l-miżuri ta’ delega awtorizzati bid-Deċiżjoni 2007/884/KE.

(4)

Permezz tal-ittra bid-data tad-29 ta’ April 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE bit-talba li għamel ir-Renju Unit. Permezz tal-ittra bid-data tat-2 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju Unit li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

(5)

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-’’Renju Unit’’) ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Taħt l-Artikolu 50(3) TUE, it-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew, jekk dan ma jintlaħaqx, sentejn wara dik in-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perijodu. Wara li laħaq qbil dwar l-ewwel estensjoni fit-22 ta’ Marzu 2019, u t-tieni estensjoni fil-11 ta’ April 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1810 (3) fid-29 ta’ Ottubru 2019, li fiha qabel, wara talba ulterjuri mir-Renju Unit, li jestendi l-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE sal-31 ta’ Jannar 2020.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 50 TUE, l-Unjoni Ewropea nnegozjat mar-Renju Unit ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, b’kont meħud tal-qafas għar-relazzjoni futura tiegħu mal-Unjoni (’’Ftehim dwar il-Ħruġ’’). Fil-11 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (4). Wara negozjati ulterjuri bejn in-negozjaturi tal-Unjoni u dawk tar-Renju Unit matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru 2019, intlaħaq qbil dwar test rivedut tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew fis-17 ta’ Ottubru 2019. Fil-21 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1750 dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (5). Ir-Raba’ Parti tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (6) tipprevedi perijodu ta’ tranżizzjoni li jibda mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020. Matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, u sakemm il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jipprevedix mod ieħor, il-liġi tal-Unjoni għandha tkompli tapplika għar-Renju Unit, u fir-Renju Unit.

(7)

Din id-Deċiżjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tieqaf milli tapplika għar-Renju Unit, u fir-Renju Unit, mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE, jew, jekk ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 50(2) TUE, mill-jum wara dak li fih jintemm il-perijodu ta’ tranżizzjoni, jew fil-31 ta’ Diċembru 2022, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

(8)

Flimkien mat-talba tiegħu, ir-Renju Unit ippreżenta rapport lill-Kummissjoni f’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/884/KE li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ tar-restrizzjoni applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT. L-informazzjoni pprovduta mir-Renju Unit turi li persentaġġ ta’ restrizzjoni ta’ 50 % tibqa’ riflessjoni ġusta taċ-ċirkostanzi reali fir-rigward tal-proporzjon ta’ użu għall-finijiet ta’ negozju ma’ dak mhux għall-finijiet ta’ negozju tal-vetturi affettwati mill-miżuri ta’ deroga. Madankollu, jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri ta’ deroga tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività tal-miżuri ta’ deroga u l-adegwatezza tal-persentaġġ. Għalhekk jenħtieġ li r-Renju Unit ikun awtorizzat ikompli japplika l-miżuri ta’ deroga għal perijodu ta’ żmien limitat.

(9)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita data ta’ skadenza biex tintalab awtorizzazzjoni għal kwalunkwe estensjoni ulterjuri tal-miżuri ta’ deroga wara l-2022, jekk applikabbli. Jenħtieġ li r-Renju Unit ikun meħtieġ ukoll jippreżenta rapport flimkien ma’ kwalunkwe tali talba għal estensjoni, inkluża reviżjoni tal-persentaġġ tar-restrizzjoni applikata fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT.

(10)

Il-miżuri ta’ deroga mhuma ser ikollhom l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni derivati mill-VAT.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/884/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2007/884/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-jum wara dak li fih it-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE, jew, jekk ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 50(2) TUE, mill-jum wara dak li fih jintemm il-perijodu ta’ tranżizzjoni, jew fil-31 ta’ Diċembru 2022, skont liema jiġi l-ewwel.

Kwalunkwe talba għall-awtorizzazzjoni ta’ estensjoni tal-miżuri ta’ deroga awtorizzati b’din id-Deċiżjoni, jekk applikabbli, għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2022. It-talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ tar-restrizzjoni applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq l-ispejjeż ta’ kiri jew lease ta’ karozzi li ma jintużawx esklussivament għall-finijiet ta’ negozju.’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIKKONEN


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/884/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 li tawtorizza lir-Renju Unit ikompli japplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 21).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278 I, 30.10.2019, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta’ Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill- Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 47 I, 19.2.2019, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1750 tal-21 ta’ Ottubru 2019 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU L 274 I, 28.10.2019, p. 1).

(6)  Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, (ĠU C 384 I, 12.11.2019, p. 1).