27.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/143 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2229
tad-19 ta’ Diċembru 2019
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Belarussja għal ftehim dwar Kooperazzjoni Doganali u Assistenza Amministrattiva Reċiproka
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2017(4), flimkien mal-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi l-Kummissjoni jenħtieġ li tkun awtorizzata tiftaħ negozjati mar-Repubblika tal-Belarussja bil-ħsieb ta’ ftehim dwar Kooperazzjoni Doganali u Assistenza Amministrattiva Reċiproka,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni Ewropea, mar-Repubblika tal-Belarussja għal ftehim dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka.
Artikolu 2
In-negozjati għandhom jitmexxew abbażi tad-direttivi ta’ negozjar tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum għal din id-Deċiżjoni..
Artikolu 3
Il-negozjati għandhom jitmexxew f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Unjoni Doganali.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
K. MIKKONEN
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL LI TAWTORIZZA LILL-KUMMISSJONI EWROPEA TIFTAĦ IN-NEGOZJATI DWAR FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI DOGANALI U ASSISTENZA AMMINISTRATTIVA REĊIPROKA (CCMAA) MAR-REPUBBLIKA TAL-BELARUSSJA
1. Natura tal-Ftehim previst
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim previst ser ikun limitat għal kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni. L-objettiv ġenerali tal-Ftehim previst ser ikun li jiżviluppa u jintensifika l-kooperazzjoni u l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali mar-Repubblika tal-Belarussja; b’mod partikolari, li jistabbilixxi l-bażi ġuridika għal qafas ta’ kooperazzjoni doganali li għandu l-għan li jiżgura l-katina tal-provvista u jiffaċilita l-kummerċ leġittimu, filwaqt li jiżgura kontrolli doganali effettivi, kif ukoll jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea billi jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni biex tiġi żgurata l-applikazzjoni adatta tal-leġislazzjoni doganali. Il-Ftehim previst ser jiġi konkluż għal perijodu ta’ żmien bla limitu.
2. Kontenut tal-Ftehim previst
Il-Ftehim previst ser ikopri d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-Unjoni Ewropea, u mir-Repubblika tal-Belarussja, imsejħa wkoll bħala l-Partijiet Kontraenti, fil-leġislazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ merkanzija u t-tqegħid tagħhom taħt kwalunkwe proċedura doganali oħra. L-ebda qasam li huwa soġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Unjoni u li fih il-kooperazzjoni doganali jew l-assistenza amministrattiva reċiproka tkun adatta mhuwa eskluż fil-prinċipju.
Il-Ftehim previst għandu għalhekk ikopri elementi bħal:
(1) |
Il-kooperazzjoni dwar it-titjib tal-leġislazzjoni doganali, l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri doganali; |
(2) |
L-istabbiliment ta’ sistemi doganali moderni, inkluż teknoloġiji moderni ta’ żdoganar tal-merkanzija, dispożizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi awtorizzati, analiżi u kontrolli awtomatizzati bbażati fuq ir-riskju, proċeduri simplifikati għar-rilaxx tal-merkanzija, awditu ta’ wara r-rilaxx u dispożizzjonijiet għas-sħubijiet bejn id-dwana u n-negozji; |
(3) |
Il-faċilitazzjoni u l-kontroll effettiv ta’ operazzjonijiet ta’ trasbord u movimenti ta’ tranżitu mit-territorji rispettivi; il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-aġenziji kkonċernati kollha fit-territorji rispettivi tagħhom biex jiġi ffaċilitat it-traffiku fi tranżitu; it-twettiq, fejn rilevanti u adatt, ta’ possibiltajiet għal kompatibbiltajiet tas-sistemi ta’ tranżitu doganali rispettivi; |
(4) |
Etika professjonali; |
(5) |
L-iskambju, fejn adatt u skont modalitajiet li għad għandhom jiġu definiti, informazzjoni u data rilevanti filwaqt li jiġu rispettati r-regoli dwar il-kunfidenzjalità ta’ data sensittiva u dwar il-protezzjoni tad-data personali tal-Partijiet Kontraenti; |
(6) |
Il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet doganali bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti. |
(7) |
Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ programmi ta’ operaturi ekonomiċi awtorizzati u kontrolli doganali inkluż miżuri ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti, fejn rilevanti u adatt u skont modalitajiet li għad għandhom jiġu definiti. |
(8) |
Valutazzjoni doganali |
(9) |
Assistenza amministrattiva reċiproka. |
3. Dispożizzjonijiet oħra
Ir-regoli applikabbli għall-kunfidenzjalità, il-protezzjoni tad-data u l-użu ta’ informazzjoni ser jiġu definiti f’konformità mal-leġislazzjoni rilevanti tal-UE.
Il-Ftehim previst ser ikun fih il-klawsoli tas-soltu li jikkonċernaw l-applikazzjoni territorjali, id-dħul fis-seħħ, it-tul ta’ żmien u l-avviż meħtieġ għal denunzja.
4. Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali
Il-Ftehim previst ser jipprevedi Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali, li ser jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-Ftehim previst; huwa jista’ jieħu deċiżjonijiet u miżuri oħra meħtieġa biex jiġu implimentati l-objettivi tal-Ftehim.
F’konformità mal-Artikolu 17 TUE, l-Unjoni ser tkun irrappreżentata fil-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali mill-Kummissjoni, assistita minn rappreżentanti tal-Istati Membri.
Grupp ta’ Ħidma jista’ jiġi stabbilit biex jeżamina u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali dwar kwistjonijiet tekniċi relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim previst.
Il-Grupp ta’ Ħidma ser jikkonsisti minn esperti miż-żewġ Partijiet Kontraenti.
Huwa ser jirrapporta lill-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali, li ser jieħu d-deċiżjonijiet adatti permezz ta’ kunsens reċiproku.
5. Negozjar
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-eżitu tan-negozjati u, fejn adatt, dwar kwalunkwe problema li tista’ tinqala’ matul in-negozjati.