23.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/163


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2213

tal-20 ta’ Diċembru 2019

li tistabbilixxi l-arranġamenti prattiċi u operattivi għall-funzjonament tal-bażi ta’ data elettronika stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ ċerti komunikazzjonijiet skont dak ir-Regolament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 35(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 jistabbilixxi dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nnominati mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-Unjoni li jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi. Id-dispożizzjoni stabbilita minn dak ir-Regolament tinkludi dispożizzjoni għal mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka, dispożizzjoni għal azzjonijiet ikkoordinati u dispożizzjoni għall-ħruġ ta’ twissijiet fil-każ ta’ ksur possibbli ta’ dawk il-liġijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma wkoll intitolati li jagħtu setgħa lil entitajiet oħrajn biex joħorġu twissijiet (f’dak il-każ imsejħa “twissijiet esterni”).

(2)

L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2017/2394 jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi u żżomm bażi ta’ data elettronika għall-komunikazzjonijiet kollha bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u l-Kummissjoni skont dak ir-Regolament. Dik il-bażi ta’ data trid tkun aċċessibbli direttament mill-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u l-Kummissjoni. L-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament jeħtieġ ukoll li l-informazzjoni prevista mill-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni jinħażnu u jiġu pproċessati f’dik l-istess bażi ta’ data, iżda dawn l-entitajiet ma jridx ikollhom aċċess għall-bażi ta’ data. Barra minn hekk, jekk l-Awtorità Bankarja Ewropea tiġi mistiedna taġixxi bħala osservatur skont l-Artikolu 23(3) ta’ dak ir-Regolament, ikollha bżonn tkun tista’ taċċessa l-bażi ta’ data elettronika għal dak l-iskop limitat sabiex tkun tista’ tosserva l-komunikazzjonijiet rilevanti.

(3)

Is-Sistema multilingwi ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tista’ tkun għodda effettiva fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fl-Artikoli 11 sa 23 (mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka u azzjonijiet ikkoordinati) u l-Artikoli 26, 27 u 28 (twissijiet, twissijiet esterni u skambju ta’ informazzjoni oħra rilevanti għall-identifikazzjoni ta’ ksur) tar-Regolament (UE) 2017/2394. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2212 (3) ġiet adottata biex tagħmel dawk id-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni amministrattiva soġġetti għal proġett pilota skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012. Huwa għalhekk xieraq li tiġi identifikata l-IMI bħala s-sistema li trid tintuża biex tiġi pprovduta l-bażi ta’ data elettronika għall-komunikazzjonijiet li jsiru skont dawk id-dispożizzjonijiet.

(4)

L-IMI ma għandha tintuża għall-ebda komunikazzjoni oħra bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u l-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2017/2394 (pereżempju, ma għandhiex tintuża għall-komunikazzjonijiet relatati ma’ sweeps skont l-Artikolu 29 ta’ dak ir-Regolament) peress li l-komunikazzjonijiet l-oħra kollha jistgħu jsiru b’mod aktar effikaċi bl-użu ta’ mezzi tekniċi oħrajn.

(5)

Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u tiġi evitata d-duplikazzjoni żejda, jenħtieġ li r-reġistrazzjoni fl-IMI tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni u l-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni jkunu jikkostitwixxu komunikazzjoni tal-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata minn dak l-Istat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8(1)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament. Dan ma jaffettwax l-obbligu tal-Istati Membri li jikkomunikaw l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-korpi nnominati tagħhom jew kull bidla sussegwenti f’dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni.

(6)

L-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2017/2394 jippermetti li l-awtoritajiet kompetenti jużaw bħala prova kull informazzjoni, dokument, riżultanza, dikjarazzjoni, kopja vera ċċertifikata jew intelligence kkomunikata lilhom skont dak ir-Regolament, fuq l-istess bażi ta’ dokumenti simili miksuba fl-Istat Membru tagħhom stess. Għal dak l-għan, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jisiltu awtomatikament, mill-bażi ta’ data elettronika, sommarju ċċertifikat diġitalment tal-komunikazzjonijiet li jikkonċernawhom.

(7)

L-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) 2017/2394 jitlob li t-talbiet għal assistenza reċiproka jintbagħtu lill-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni tal-Istat Membru u li l-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni jkun imbagħad responsabbli li jgħaddi t-talba lill-awtorità kompetenti xierqa f’dak l-Istat Membru. Ma teżisti l-ebda regola ta’ koordinament bħal din għat-twissijiet u informazzjoni oħra mibgħuta skont l-Artikoli 26, 27 u 28 ta’ dak ir-Regolament. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat li t-twissijiet u informazzjoni oħra mibgħuta skont dawk l-Artikoli jkunu aċċessibbli biss mill-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru, li jkunu ikkonċernati jew possibbilment ikkonċernati mill-ksur inkwistjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati jassenjaw il-kompitu li jirċievu l-komunikazzjonijiet deħlin mibgħuta skont dawk l-Artikoli lill-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni tagħhom jew tal-inqas lil waħda mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u li mbagħad tallokahom lill-awtoritajiet kompetenti xierqa f’dak l-Istat Membru. Dan il-kompitu ma hemmx għalfejn jiġi applikat għal komunikazzjonijiet deħlin mibgħuta skont l-Artikoli 15 sa 23 tar-Regolament (UE) 2017/2394 peress li, fi kwalunkwe każ, azzjonijiet ikkoordinati jinbdew biss abbażi ta’ twissijiet maħruġin skont l-Artikolu 26 ta’ dak ir-Regolament.

(8)

L-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) 2017/2394 jistabbilixxi regoli dwar l-użu u d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kkomunikata matul l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament u dwar is-segretezza professjonali u kummerċjali. Jenħtieġ li l-bażi ta’ data elettronika tkun tinkludi funzjonalità li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni, lill-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni u lill-Kummissjoni jindikaw jekk l-informazzjoni pprovduta minnhom tridx tinfetaħ għad-divulgazzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar konsultazzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 38(1) tar-Regolament (UE) 2017/2394,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Bażi ta’ data elettronika

1.   Il-bażi ta’ data elettronika li trid tiġi stabbilita u miżmuma skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2017/2394 (“il-bażi ta’ data elettronika”), fir-rigward tal-komunikazzjonijiet skont l-Artikoli 11 sa 23, 26, 27 u 28 ta’ dak ir-Regolament, għandha tiġi pprovduta permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2212..

2.   Ir-reġistrazzjoni fl-IMI ta’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, ta’ uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni u ta’ entitajiet li joħorġu twissijiet esterni skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2017/2394, u l-aġġornament ta’ dawk ir-reġistrazzjonijiet biex jirriflettu kull bidla rilevanti, għandhom jikkostitwixxu komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament minn dak l-Istat Membru lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawk l-awtoritajiet, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u l-entitajiet.

3.   Il-bażi tad-data elettronika għandha tinkludi l-funzjonalità meħtieġa biex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, lill-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni u lill-Kummissjoni biex jiksbu, għall-finijiet tal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2017/2394, sommarju ċċertifikat diġitalment tal-komunikazzjonijiet koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li jikkonċernawhom.

Artikolu 2

Koordinament ta’ komunikazzjonijiet deħlin mibgħuta skont l-Artikoli 26, 27 u 28

Kull Stat Membru għandu jassenja jew lill-uffiċċju uniku ta’ kooperazzjoni tiegħu jew lil waħda mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu jew aktar, il-kompitu li jirċievu komunikazzjonijiet deħlin mibgħuta skont l-Artikolu 26, 27 jew 28 tar-Regolament (UE) 2017/2394 u mbagħad jallokawhom mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti f’dak l-Istat Membru kkonċernati jew possibbilment ikkonċernati mill-ksur inkwistjoni.

Artikolu 3

Divulgazzjoni

Il-bażi ta’ data elettronika għandha tinkludi funzjonalità li tippermetti li l-awtoritajiet kompetenti, l-uffiċċji uniċi ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni u l-entitajiet li joħorġu twissijiet esterni skont l-Artikolu 27(1) jew (2) tar-Regolament (UE) 2017/2394, jindikaw jekk l-informazzjoni pprovduta minnhom permezz tal-bażi ta’ data elettronika tridx tkun aċċessibbli għal divulgazzjoni għall-finijiet permessi mill-punti (a) u (b) tal-Artikolu 33(3) ta’ dak ir-Regolament mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar konsultazzjoni magħhom skont dak l-Artikolu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mis-17 ta’ Jannar 2020.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 345, 27.12.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2212 tal-20 ta’ Diċembru 2019 dwar proġett pilota biex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2394 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (Ara paġna 159 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).