|
23.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 332/157 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2211
tad-19 ta’ Diċembru 2019
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 li tiddetermina, għal perjodu ta’ żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 (2) se tapplika mid-data wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fit-territorju tiegħu sakemm ma jidħolx fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ sa dik id-data. Din tipprevedi li se tiskadi fit-30 ta’ Marzu 2020. |
|
(2) |
Fid-29 ta’ Ottubru 2019, bi ftehim mar-Renju Unit, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1810 (3) li testendi l-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sal-31 ta’ Jannar 2020. Minħabba dik l-estensjoni oħra, il-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 ma jkunx twil biżżejjed biex il-membri u l-klijenti tal-ikklerjar stabbiliti fl-Unjoni jkollhom iċ-ċertezza tad-dritt u l-prevedibbiltà meħtieġa fil-każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim. |
|
(3) |
Mill-31 ta’ Diċembru 2018, l-ammont nozzjonali pendenti ta’ derivattivi OTC huwa aktar minn EUR 500 triljun mad-dinja kollha, li minnhom 75 % huma derivattivi tar-rati tal-imgħax u kważi 20 % oħra huma derivattivi f’munita barranija. Madwar 30 % tad-derivattivi OTC kollha huma denominati f’euro u f’muniti oħra tal-Unjoni. Is-suq tal-ikklerjar ċentrali tad-derivattivi OTC huwa kkonċentrat ħafna, partikolarment is-suq tal-ikklerjar ċentrali ta’ derivattivi OTC tar-rata tal-imgħax denominati f’euro, li aktar minn 90% minnhom huma kklerjati f’CCP waħda stabbilita fir-Renju Unit. Fl-2017, 97 % tad-derivattivi OTC tar-rata tal-imgħax denominati f’euro ġew ikklerjati f’dak is-CCP, li jenfasizza li l-parteċipanti fis-suq qegħdin jieħdu passi biex iħejju ruħhom għall-ħruġ tar-Renju Unit. |
|
(4) |
Madankollu, ir-raġunijiet sottostanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 għadhom japplikaw. B’mod partikolari, għad hemm riskji potenzjali fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-każ tal-ħruġ mingħajr ftehim , u x’aktarx li dawn se jippersistu wara t-30 ta’ Marzu 2020. Barra minn hekk, il-membri u l-klijenti tal-ikklerjar stabbiliti fl-Unjoni għandhom bżonn ċertezza tad-dritt u prevedibbiltà għal perjodu suffiċjenti ta’ żmien wara l-ħruġ potenzjali tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim. Minkejja dan, ir-raġunijiet tad-durata limitata ta’ dik id-Deċiżjoni għadhom jippersistu wkoll, partikolarment b’rabta mal-inċertezzi li jiċċirkondaw ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, kif ukoll l-impatt potenzjali fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u dwar l-integrità tas-Suq Uniku. Għaldaqstant, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 għandha tibqa’ b’durata limitata. |
|
(5) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 tiġi emendata biex tipprevedi l-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ sena waħda. |
|
(6) |
Il-Kummissjoni se tissokta l-monitoraġġ dwar jekk il-kundizzjonijiet sottostanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031 ikunux għadhom qed jiġu ssodisfati matul l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
(7) |
Barra minn hekk, meta jitqiesu l-emendi għar-Regolament (UE) Nru 648/2012 adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, li se jkunu daħlu fis-seħħ qabel ma d-Deċiżjoni tieqaf tapplika, kwalunkwe deċiżjoni potenzjali ulterjuri se tqis il-kundizzjonijiet u l-iżviluppi tas-suq finanzjarju, kif ukoll l-iskopertura tal-membri u klijenti tal-ikklerjar li jkunu stabbiliti fl-Unjoni għar-riskju ta’ konċentrazzjoni li jinħoloq mis-CCPs stabbiliti fir-Renju Unit. Fil-każ li tali skopertura titqies ta’ ħsara għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, kwalunkwe Deċiżjoni potenzjali ulterjuri tista’ tipprova ttaffi r-riskju sistemiku fil-konfront tal-Unjoni billi jiġi llimitat l-aċċess ta’ dawk il-membri u l-klijenti tal-ikklerjar għal ċerti prodotti, attivitajiet jew servizzi li jingħataw mis-CCPs stabbiliti fir-Renju Unit. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel l-intenzjoni tagħha magħrufa sa mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-iskadenza. |
|
(8) |
Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ b’urġenza biex tiġi żgurata ċ-ċertezza ġuridika għall-membri u l-klijenti tal-ikklerjar stabbiliti fl-Unjoni. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2031, ir-raba’ paragrafu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:
‘Għandu jiskadi sena wara d-data msemmija fit-tieni paragrafu.’.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 tad-19 ta’ Diċembru 2018 li tiddetermina, għal perjodu ta’ żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 50).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perjodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278I, 30.10.2019, p. 1).