16.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/165


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2150

tad-9 ta’ Diċembru 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri (“il-Konvenzjoni”) ġiet approvata permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1262/84 (1).

(2)

Skont l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni, il-Kumitat Amministrattiv imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu ("il-Kumitat Amministrattiv”) jista’ jadotta emendi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw.

(3)

Il-Kumitat Amministrattiv, fit-tnax-il sessjoni tiegħu, għandu jadotta emenda għall-Artikolu 7 tal-Anness 8 għall-Konvenzjoni.

(4)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi għall-Konvenzjoni ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

(5)

L-Unjoni tappoġġa l-Artikolu 7 l-ġdid tal-Anness 8 għall-Konvenzjoni, peress li, bis-saħħa tat-tnaqqis tal-frekwenza tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar dwar il-progress li jkun sar biex jittejbu l-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri għat-trasport internazzjonali bit-triq, l-Istati Membri jkollhom inqas formalitajiet amministrattivi.

(6)

Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv tal-Konvenzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ emenda mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fit-tnax-il sessjoni jew f’sessjoni sussegwenti tal-Kumitat Amministrattiv għandha tkun ta’ appoġġ għall-abbozz ta’ emenda mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Bidliet tekniċi żgħar fl-abbozz ta’ emenda msemmi fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentant tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1262/84 tal-10 ta’ April 1984 li jikkonċerna l-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri (ĠU L 126, 12.5.1984, p. 1).


ANNESS

Emenda għall-Konvenzjoni Internazzjonali fuq l-Armonizzazzjoni ta’ Kontrolli tal-Merkanzija fuq il-Fruntieri

L-Artikolu 7 tal-Anness 8

Minflok sentejn issostitwixxi bi ħames snin