16.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/41


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2145

tal-5 ta’ Diċembru 2019

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-preferenzi kummerċjali għal-laħam tat-tjur u preparati tal-laħam tat-tjur previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (2) (il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)

Tip ġdid ta’ qatgħa tat-tjur jikkonsisti minn sidra tradizzjonali bl-umeru tal-ġwienaħ imqabbad u jista’, wara trasformazzjoni minima fl-Unjoni, jiġi kkummerċjalizzat fl-Unjoni bħala sidra tat-tjur. Għaldaqstant, hemm ir-riskju li importazzjonijiet mingħajr limitu ta’ dawk il-qatgħat, li l-importazzjonijiet tagħhom mill-Ukrajna laħqu l-55 500 tunnellata fl-2018, jimminaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-qatgħat tradizzjonali tas-sidra tat-tjur jistgħu jiġu importati fl-Unjoni taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet kwantitattivi fil-forma ta’ kwota tariffarja.

(3)

Fl-20 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ukrajna bil-għan li tinstab soluzzjoni billi jiġu emendati l-preferenzi kummerċjali għal-laħam tat-tjur u l-preparati tal-laħam tat-tjur previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Dawk in-negozjati ġew konklużi b’suċċess fid-19 ta’ Marzu 2019.

(4)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1320 (3), il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-preferenzi kummerċjali għal-laħam tat-tjur u preparati tal-laħam tat-tjur previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (il-“Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri”) ġie ffirmat fit-30 ta’ Lulju 2019, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri.

(5)

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa d-depożitarju tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri.

(6)

Jenħtieġ li l-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-preferenzi kummerċjali għal-laħam tat-tjur u preparati tal-laħam tat-tjur previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa jipproċedu, f’isem l-Unjoni, biex jagħtu n-notifika prevista fil-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri (5).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  Approvazzjoni tas-26 ta’ Novembru 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1320 tat-18 ta’ Lulju 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-preferenzi kummerċjali għal-laħam tat-tjur u preparati tal-laħam tat-tjur previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 206, 6.8.2019, p. 1).

(4)  It-test tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri ġie ppubblikat fil-ĠU L 206, 6.8.2019, p. 3, flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.

(5)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.