13.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2019/2139

tal-10 ta’ Diċembru 2019

li taħtar żewġ membri fil-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jistabbilixxi kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti (il-"kumitat").

(2)

L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 jipprevedi li dan il-Kumitat għandu jkun magħmul minn sitt membri, fejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaħtru żewġ membri kull wieħed. Il-kumitat għandu jiġġedded fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Il-mandat tal-membri m’għandux ikun jista’ jiġġedded,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Is-segwenti huma b’dan maħturin membri tal-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti għat-tul tal-mandat ta’ dak il-kumitat:

Is-Sur Algis KRUPAVIČIUS,

Is-Sur Christian WALDHOFF.

2.   Il-ħatra hija soġġetta għall-iffirmar, minn kull membru innominat, tad-dikjarazzjoni ta’ indipendenza u n-nuqqas ta’ konflitt ta’ interessi li hija annessa ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)   ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.


ANNESS

DIKJARAZZJONI TA’ INDIPENDENZA U NUQQAS TA’ KONFLITT TA’ INTERESSI

Jiena, is-sottoskritt, ...................................., niddikjara li ħadt nota tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u ser neżerċita dmirijieti bħala ta’ membru tal-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti b’mod kompletament indipendenti u f’konformità totali mar-regoli ta’ dak ir-Regolament.

La ser nitlob u lanqas ser nieħu struzzjonijiet minn xi istituzzjoni jew gvern, jew minn xi entità, uffiċċju jew aġenzija oħra. Jien ser nastjeni minn kwalunkwe att li huwa inkompatibbli man-natura ta’ dmirijieti.

Niddikjara li, sa fejn naf jien, ma ninsabx f’sitwazzjoni ta’ konflitt ta’ interessi. Jeżisti konflitt ta’ interessi fejn l-eżerċizzju imparzjali u oġġettiv ta’ dmirijieti bħala membru tal-kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti jkun kompromess minħabba raġunijiet li jinvolvu l-familja, il-ħajja personali, l-affinità politika, nazzjonali, filosofika jew reliġjuża, l-interess ekonomiku jew kwalunkwe interess ieħor kondiviż ma’ riċevitur.

B’mod partikolari, niddikjara li m’iniex membru tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni. Ma għandi l-ebda mandat elettorali. M’iniex uffiċjal jew impjegat ieħor tal-Unjoni Ewropea. M’iniex, u qatt ma kont, impjegat ta’ xi partit politiku Ewropew jew ta’ xi fondazzjoni politika Ewropea.

Magħmul fi ...,

[DATA + FIRMA

tal-membru maħtur

tal-kumitat ta’

persuni eminenti indipendenti]