13.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/7


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2138

tal-5 ta’ Diċembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta’ persuna taxxabbli għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvisti ta’ merkanzija jew ta’ servizzi li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta’ dik id-Direttiva jittratta l-użu ta’ assi tan-negozju minn persuna taxxabbli jew il-persunal tagħha għal finijiet privati jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra minbarra dawk tan-negozju tagħha bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE (2) tawtorizza lill-Italja biex tillimita d-dritt taħt l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE li tnaqqas il-VAT għal 40 % fil-każ tal-VAT imposta fuq ċerta nefqa fuq ċerti vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx esklużivament għal finijiet ta’ negozju. Għall-vetturi soġġetti għal dak il-limitu ta’ 40 %, l-Italja hija meħtieġa teżenta lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu għall-finijiet privati tagħhom bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE. Id-Deċiżjoni 2007/441/KE, li ġiet estiża diversi drabi, mistennija tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2019.

(3)

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ April 2019, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżuri ta’ deroga awtorizzati mid-Deċiżjoni 2007/441/KE (“il-miżuri ta’ deroga”) għal perijodu ieħor sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(4)

Permezz tal-ittra bid-data tat-13 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni bagħtet lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, it-talba li għamlet l-Italja. Permezz ta’ ittra bid-data tal-14 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha li hi tikkunsidra meħtieġa biex it-talba titqies.

(5)

Flimkien mat-talba, l-Italja ressqet rapport lill-Kummissjoni, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2007/441/KE, li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni perċentwali applikata fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT. Fuq il-bażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, l-Italja ssostni li rata ta’ 40 % għadha ġġustifikata. L-Italja ssostni wkoll li s-sospensjoni tar-rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT fuq l-użu privat ta’ vettura bil-mutur soġġetta għal dak il-limitu ta’ 40 % għadha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-miżura tkun kompluta u konsistenti. Skont l-Italja, dan jipprevjeni t-tassazzjoni doppja. L-Italja ssostni wkoll li dawk il-miżuri ta’ deroga huma ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u li tiġi prevenuta tal-evażjoni tat-taxxa li tirriżulta miż-żamma skorretta tar-rekords u minn dikjarazzjonijiet foloz tat-taxxa.

(6)

Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri ta’ deroga tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività tal-miżuri ta’ deroga u l-adegwatezza tal-perċentwal. Għalhekk, jenħtieġ li l-Italja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(7)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita data ta’ skadenza biex tintalab awtorizzazzjoni għal kwalunkwe estensjoni oħra tal-miżuri ta’ deroga lil hinn mill-2022 li l-Italja tista’ tqis meħtieġa. Barra minnhekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6 tad- Deċiżjoni 2007/441/KE,jenħtieġ li l-Italja tkun meħtieġa tressaq rapport flimkien ma’ kull talba għal estensjoni bħal din, li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikat fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT.

(8)

Il-miżuri ta’ deroga se jkollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2007/441/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/441/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Kwalunkwe talba ta’ awtorizzazzjoni għall-estensjoni tal-miżuri ta’ deroga prevista f’din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2022. It-talba għandu jkollha magħha rapport li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt tat-tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.

(2)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LINTILÄ


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33).