13.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2135

tal-21 ta’ Novembru 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tielet laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-amalgama dentali u li temenda l-Anness A għal dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (1) ("il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (2) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017.

(2)

Skont id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura adottati mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni waqt l-ewwel laqgħa tagħha, il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim b’kunsens dwar il-materji kollha ta’ sustanza.

(3)

Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, matul it-tielet laqgħa tagħha tal-25-29 ta’ Novembru 2019 (COP 3), hija mistennija tadotta Deċiżjoni ("id-Deċiżjoni proposta”) dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-amalgama dentali u li temenda l-Anness A għall-Konvenzjoni.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fil-COP3, minħabba li d-Deċiżjoni proposta, jekk tiġi adottata, ser ikollha effetti legali peress li l-Partijiet għall-Konvenzjoni ser ikollhom jieħdu miżuri biex jimplimentawha fil-livelli nazzjonali jew reġjonali, jew it-tnejn.

(5)

Id-Deċiżjoni proposta tipprevedi projbizzjoni, sa mill-2022, fuq il-manifattura, l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ amalgama dentali meta tintuża għall-kura ta’ snien tal-ħalib, u tas-snien ta’ tfal taħt il-15-il sena u ta’ nisa tqal jew ta’ nisa li qed ireddgħu. Id-Deċiżjoni proposta tipprevedi l-estensjoni ta’ tali projbizzjoni, sa mill-2025, għall-manifattura, għall-importazzjoni u għall-esportazzjoni tal-amalgama dentali għall-użi l-oħra kollha, ħlief fejn ma hemmx disponibbli alternattivi mingħajr merkurju. Id-Deċiżjoni proposta tipprevedi l-emendar tal-Anness A għall-Konvenzjoni bħala mezz biex jiġu implimentati dawk il-projbizzjonijiet fil-Konvenzjoni.

(6)

L-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-merkurju jipprojbixxi, mill-1 ta’ Lulju 2018, l-użu tal-amalgama dentali fl-Unjoni għat-trattament tas-snien tal-ħalib, u tas-snien tat-tfal taħt il-15-il sena ta’ nisa tqal jew ta’ nisa li qed ireddgħu, filwaqt li l-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni ser tivvaluta u tibgħat rapport sat-30 ta’ Ġunju 2020 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-fattibbiltà ta’ eliminazzjoni gradwali fl-Unjoni tal-użu tal-amalgama dentali fuq terminu twil, u preferibbilment sal-2030.

(7)

Barra minn hekk, l-Artikolu 10(1), (4) u (6) tar-Regolament (UE) 2017/852 jirrikjedi li l-amalgama dentali tintuża fl-Unjoni biss f’forma inkapsulata ddożata minn qabel, li l-faċilitajiet dentali fejn tintuża l-amalgama dentali jew fejn jitneħħa l-mili tal-amalgama dentali, jew fejn jitneħħew snien li jkun fihom dan it-tip ta’ mili, ikunu mgħammrin b’separaturi tal-amalgama, u li l-prattikanti fil-qasam dentali jiżguraw li l-iskart tal-amalgama tagħhom, inklużi r-residwi tal-amalgama, il-partikuli u l-mili, u s-snien, jew partijiet minnhom, ikkontaminati mill-amalgama dentali, jiġu ttrattati u miġbura minn stabbiliment jew impriża tal-ġestjoni tal-iskart awtorizzat/a.

(8)

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa biss l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni fil-COP3 li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni proposta tiġi appoġġata biss safejn id-dispożizzjonijiet tagħha dwar it-tneħħija gradwali tal-użu ta’ amalgama dentali jikkonċerna t-trattament ta’ snien tal-ħalib, u tas-snien ta’ tfal taħt il-15-il sena u ta’ nisa tqal jew ta’ nisa li qed ireddgħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fit-tielet laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (COP3) għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni dwar l-eliminazzjoni gradwali tal-użu ta’ amalgama dentali li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni.

Artikolu 2

Jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, safejn dan ikun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni, fid-dawl tal-iżviluppi fil-COP3, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri waqt il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

H. KOSONEN


(1)   ĠU L 142, 2.6.2017, p. 6.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-merkurju, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 (ĠU L 137, 24.5.2017, p. 1).