11.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/117


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/2119

tal-21 ta’ Novembru 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tielet laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, b’rabta mal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart tal-merkurju, kif imsemmi fl-Artikolu 11(2) ta’ dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (1) (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 (2) u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017.

(2)

Skont id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura adottati mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni waqt l-ewwel laqgħa tagħha, il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim b’kunsens dwar il-materji kollha ta’ sustanza.

(3)

Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, matul it-tielet laqgħa tagħha tal-25-29 ta’ Novembru 2019 (COP3), hija mistennija tadotta Deċiżjoni (“id-Deċiżjoni proposta”) dwar limiti minimi għall-iskart tal-merkurju, kif imsemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni, li, bħala riżultat, jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 (Skart tal-merkurju) tal-Konvenzjoni. L-iskart tal-merkurju li jkun jaqa’ taħt l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni għandu jkun soġġett għal immaniġġjar ambjentalment għaqli bis-saħħa tal-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni. Kwalunkwe limitu stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni, inkluż għal skart ikkontaminat bil-merkurju jew b’komposti tal-merkurju, jenħtieġ għalhekk li jiġi stabbilit f’livell li jiżgura li l-iskart kollu tali li juri perikli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent ikun soġġett għal immaniġġjar ambjentalment għaqli.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-COP3, minħabba li d-Deċiżjoni proposta, jekk tiġi adottata, ser ikollha effetti legali peress li l-Partijiet għall-Konvenzjoni ser ikollhom jieħdu miżuri biex jimplimentawha fil-livelli nazzjonali jew reġjonali, jew it-tnejn.

(5)

L-Unjoni kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart tal-Konvenzjoni u għall-ħidma intersessjonali tal-esperti li tnediet bid-Deċiżjoni MC-2/2 adottata mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni waqt it-tieni laqgħa tagħha, li wasslet għad-Deċiżjoni proposta.

(6)

L-acquis tal-Unjoni diġà jesiġi li l-iskart kollu tal-merkurju li hu msemmi fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni jiġi mmaniġġjat mingħajr ma jipperikola s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent irrispettivament mill-kontenut ta’ merkurju ta’ tali skart.

(7)

Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa biss l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni fil-COP3 li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni, fit-tielet laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (COP3) għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni dwar il-limiti għall-iskart tal-merkurju li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni.

Artikolu 2

Jista’ jintlaħaq qbil dwar l-irfinar tal-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1, safejn dan ikun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni, fid-dawl tal-iżviluppi fil-COP3, mir-rappreżentanti tal-Unjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri waqt il-laqgħat ta’ koordinazzjoni fuq il-post, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

H. KOSONEN


(1)  ĠU L 142, 2.6.2017, p. 6.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).