|
10.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 318/147 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/2111
tad-9 ta’ Diċembru 2019
b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa li jnaqqsu t-theddida ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fid-19 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom intitolata ’’Aktar Sigurtà fuq l-Armi biex Nipproteġu liċ-Ċittadini’’ (l-“Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”). |
|
(2) |
L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tfakkar li minkejja li fis-snin reċenti sar progress sinifikanti, speċjalment fl-Ewropa tax-Xlokk, l-iskala tal-akkumulazzjoni tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u munizzjon, il-kundizzjonijiet ta’ ħażna inadegwati, il-pussess illeċitu mifrux u n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni jkomplu jillimitaw l-effettività ta’ sforzi ta’ kontroll ta’ armi tan-nar u SALW f’partijiet tal-Balkani tal-Punent, u b’hekk għandhom impatt fuq is-sigurtà f’dak ir-reġjun kif ukoll fl-UE. |
|
(3) |
Fl-10 ta’ Lulju 2018, il-“Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024” (il-“Pjan Direzzjonali”) ġie adottat fis-Summit tal-Balkani tal-Punent f’Londra. |
|
(4) |
L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tinnota li l-Unjoni ser tkompli tappoġġa liċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC) b’rabta ma’ attivitajiet ta’ kontroll tas-SALW u tieħu kont ta’ inizjattivi reġjonali, bħall-Pjan Direzzjonali. |
|
(5) |
L-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali maqbula mis-sħab tal-Balkani tal-Punent huma konsistenti mal-isforzi fl-Unjoni u n-Nazzjonijiet Uniti (NU) biex jiġi miġġieled it-traffikar tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Fl-Aġenda tiegħu tal-2018 għad-Diżarm intitolata “Securing our Common Future” (“Niżguraw il-Ġejjieni Komuni Tagħna”), is-Segretarju Ġenerali tan-NU appella speċifikament biex tiġi indirizzata l-akkumulazzjoni eċċessiva u l-kummerċ illeċitu f’armi konvenzjonali u biex jingħata appoġġ lill-approċċi fil-livell ta’ pajjiżi għall-armi żgħar. |
|
(6) |
L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU (l-“Aġenda 2030”) tafferma li huwa meħtieġ li jiġi miġġieled il-kummerċ illeċitu ta’ SALW għall-kisba ta’ ħafna għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli, fosthom dawk relatati mal-paċi, il-ġustizzja u l-istituzzjonijiet b’saħħithom, it-tnaqqis tal-faqar, it-tkabbir ekonomiku, is-saħħa, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bliet sikuri. Għalhekk, fil-mira 16.4. tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030, l-Istati Membri kollha tan-NU impenjaw ruħhom li jnaqqsu b’mod sinifikanti l-flussi illeċiti finanzjarji u tal-armi. |
|
(7) |
Fit-30 ta’ Ġunju 2018, it-tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rieżami tal-Progress li sar fl-Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti kollha tiegħu adottat dokument ta’ eżitu li fih l-Istati Membri tan-NU ġeddew l-impenn tagħhom għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-devjazzjoni ta’ SALW. L-Istati Membri tan-NU affermaw mill-ġdid ir-rieda tagħhom li jaħdmu għal kooperazzjoni internazzjonali u li jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali, permezz ta’ koordinazzjoni, konsultazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operazzjonali mtejba, bl-involviment ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali rilevanti, kif ukoll awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-kontroll tal-fruntieri u tal-ħruġ ta’ liċenzji ta’ esportazzjoni u importazzjoni. |
|
(8) |
Il-proġett appoġġ minn din id-Deċiżjoni għandu l-għan li japprofondixxi u jikkomplementa l-assistenza mill-Unjoni għall-kontroll tas-SALW. Sal-lum, dik l-assistenza ngħatat mill-Unjoni permezz ta’ Deċiżjonijiet tal-Kunsill b’appoġġ għall-ħidma tas-SEESAC fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, jiġifieri d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/791/PESK (1), 2010/179/PESK (2), 2013/730/PESK (3) u (PESK) 2016/2356 (4) u tikkontribwixxi għat-twettiq tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir u l-miri tal-Pjan Direzzjonali appoġġati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 (5), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra armi tan-nar, armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjoni tagħhom intitolata “Aktar Sigurtà fuq l-Armi Biex Nipproteġu liċ-Ċittadini”, l-objettiv ġenerali tal-proġett appoġġat b’din id-Deċiżjoni u deskritt fl-Anness tagħha għandu jkun li jikkontribwixxi aktar għal sigurtà mtejba fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa u fl-Unjoni billi tiġi miġġielda t-theddida ppreżentata minn armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti (SALW) u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa, il-Belarussja u l-Ukrajna u minnhom.
2. Il-proġett, li għandu jieħu kont ta’ inizjattivi reġjonali oħra, b’mod partikolari l-Pjan Direzzjonali tal-Balkani tal-Punent, il-ħidma tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u attivitajiet rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea fir-reġjun tal-Ewropa tax-Xlokk relatati mal-kontroll tal-armi u t-traffikar illeċitu tal-armi, għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin:
|
— |
li jikkontribwixxi għal kooperazzjoni reġjonali, skambju ta’ għarfien u kondiviżjoni ta’ informazzjoni msaħħa dwar il-kontroll tas-SALW; |
|
— |
li jkompli jappoġġa l-iżvilupp ta’ qafas leġislattiv u regolatorju dwar is-SALW, armi tan-nar u splussivi, u l-armonizzazzjoni tiegħu mal-qafas tal-Unjoni u l-istandardizzazzjoni tiegħu fix-Xlokk tal-Ewropa; |
|
— |
li jitkompla l-appoġġ għat-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza dwar il-kontroll tas-SALW li jindirizza l-ħtiġijiet kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa; |
|
— |
li jibni l-kapaċitajiet tal-pulizija tal-fruntieri u tas-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-pussess ta’ armi tan-nar; |
|
— |
li jtejjeb il-kapaċità għal sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (PSSM) permezz ta’ titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, tnaqqis ta’ kwantitajiet żejda, u taħriġ; |
|
— |
li jibni fuq il-ħidma attwali fuq l-istabbiliment ta’ Punti Fokali dwar l-Armi tan-Nar fix-Xlokk tal-Ewropa. |
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1 għandha titwettaq mis-SEESAC, fejn meħtieġ f’koordinazzjoni mal-Mexxej tal-prijorità tal-Armi tan-Nar tal-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT).
3. Is-SEESAC għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan l-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), li għandu jaġixxi f’isem is-SEESAC.
Artikolu 3
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett iffinanzjat mill-Unjoni li jissemma fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 11 819 605,20.
2. L-infiq iffinanzjat mill-ammont ta’ referenza li jinsab fil-paragrafu 1 għandu jiġi amministrat f’konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 2.
4. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni hi għandha tikkonkludi l-ftehim meħtieġ mal-UNDP, li għandu jaġixxi f’isem is-SEESAC. Dak il-ftehim għandu jistipula li s-SEESAC għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-UE, xierqa skont id-daqs tagħha.
5. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim imsemmi fil-paragrafu 4 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni ta’ dak il-ftehim.
6. Fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni tinsab deskrizzjoni tal-proġett.
Artikolu 4
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari kull tliet xhur imħejjija mis-SEESAC.
2. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 48 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu 3(4). Madankollu, għandha tiskadi sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda tali ftehim f’dak il-perijodu.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/791/PESK tat-22 ta’ Novembru 2004 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta’ kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta’ armi żgħar u armamenti ħfief fl-Ewropa tax-Xlokk (ĠU L 348, 24.11.2004, p. 46).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK tal-11 ta’ Marzu 2010 b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC fil-kontroll ta’ armi fil-Balkani tal-Punent, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 48).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK tad-9 ta’ Diċembru 2013 b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ SEESAC ta’ diżarm u ta’ kontroll ta’ armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta’ SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 19).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 tad-19 ta’ Diċembru 2016 b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ SALW u l-munizzjon tagħhom (ĠU L 348, 21.12.2016, p. 60).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 tad-19 ta’ Novembru 2018 b’appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi fil-Balkani tal-Punent (ĠU L 293, 20.11.2018, p. 11).
ANNESS
Proġett b’appoġġ għat-tnaqqis tat-theddida ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir illeċiti u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa
1. Introduzzjoni u objettivi
F’dawn l-aħħar snin sar progress sinifikanti fix-Xlokk tal-Ewropa fir-rigward tat-titjib tal‐kontroll tal-armi u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi, mhux l-inqas minħabba l-appoġġ sostnut tal-Unjoni. Madankollu, ir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa għadu sors ta’ tħassib u ġie identifikat bħala żona ta’ prijorità fl-Istrateġija tal-UE tad-19 ta’ Novembru 2018 kontra l-armi tan-nar, l-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) illeċiti u l-munizzjon tagħhom bit-titolu “Aktar sigurtà fuq l-armi biex nipproteġu liċ-ċittadini” (“l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW”). L-armi tan-nar illeċiti għandhom impatt ċar fuq is-sigurtà interna u esterna, billi jikkontribwixxu għall-kriminalità organizzata u l-atti terroristiċi fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa u fl-UE. Għalhekk, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll b’saħħithom u effiċjenti relattivament għat-trasferimenti, l-użu, il-pussess u l-ħżin tal-armi jikkostitwixxi kontribut sinifikanti għall-paċi u s-sigurtà reġjonali, Ewropej u globali.
Biex jiġu indirizzati l-isfidi li fadal relattivament għall-kontroll tas-SALW, jiġu appoġġati aktar l-awtoritajiet fl-indirizzar ta’ dawn l-isfidi u jissaħħaħ l-impenn fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-użu ħażin tas-SALW u armi tan-nar, ġie adottat, fis-Summit tal-Balkani tal-Punent tal-10 ta’ Lulju 2018 f’Londra, Pjan Direzzjonali għal soluzzjoni sostenibbli għall-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar ta’ SALW u l-munizzjon tagħhom fil-Balkani tal-Punent sal-2024 (il-“Pjan Direzzjonali”). Il-Pjan Direzzjonali għandu seba’ għanijiet li jkopru l-oqsma funzjonali kollha tal-kontroll tal-armi u jipprevedi li l-Balkani tal-Punent isir reġjun aktar sikur u esportatur ta’ sigurtà, fejn ikunu fis-seħħ mekkaniżmi komprensivi u sostenibbli, armonizzati b’mod sħiħ mal-istandards tal-UE u standards internazzjonali oħra, għall-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kontroll tal-pussess illegali, l-użu ħażin u t-traffikar tal-armi tan-nar, il-munizzjon u l-isplussivi. Fl-2018, l-Unjoni adottat Deċiżjoni tal-Kunsill b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali (Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 (1)).
Iċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-Kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC), bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (il-“Pjan ta’ Implimentazzjoni Reġjonali”), appoġġa l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali. Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/1788 tat il-mandat lis-SEESAC biex jikkoordina u jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Il-koordinazzjoni fost l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u d-donaturi taħt il-qafas tal-Pjan Direzzjonali hija prinċipalment żgurata permezz ta’ laqgħat reġjonali formali ta’ koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali li jiffokaw fuq l-evalwazzjoni tal-progress u l-iskambju ta’ informazzjoni, u permezz tal-għoti ta’ appoġġ espert u tekniku għal-laqgħat lokali ta’ koordinazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali huwa żgurat permezz tal-iżvilupp ta’ rapporti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni biannwali li jiddokumentaw il-progress, l-isfidi u l-ħtiġijiet f’dik l-implimentazzjoni abbażi tal-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni maqbula b’mod komuni. Barra minn hekk, is-SEESAC għandu r-rwol ta’ segretarjat tal-Fond Fiduċjarju b’Diversi Msieħba (MPTF) tal-Pjan Direzzjonali għall-Kontroll tas-SALW fil-Balkani tal-Punent li ġie stabbilit biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Is-SEESAC qed jaħdem mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), il-Kummissjoni Ewropea (DĠ HOME, DĠ NEAR), il-Europol, il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT), l-Aġenzija tal-UE għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-INTERPOL, in-NATO, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u donaturi rilevanti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li jappoġġaw id-diżarm u l-attivitajiet ta’ kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa.
L-objettiv ġenerali ta’ din l-azzjoni huwa li tikkontribwixxi aktar għal sigurtà mtejba fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa u fl-UE billi tiġi miġġielda t-theddida kkawżata mis-SALW illeċiti u l-munizzjon tagħhom fix-Xlokk tal-Ewropa, il-Belarussja u l-Ukrajna u minnhom. L-implimentazzjoni tagħha ser tapprofondixxi u tikkomplementa l-għajnuna tal-Unjoni b’rabta mal-kontroll tas-SALW ipprovduta permezz tad-Deċiżjonijiet reċenti tal-Kunsill 2010/179/PESK (2), 2013/730/PESK (3), u (PESK) 2016/2356 (4) (li tiskadi fid-29 ta’ Diċembru 2019). Ser tikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Reġjonali u l-miri tal-Pjan Direzzjonali appoġġati mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788.
L-azzjoni ser: tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju ta’ għarfien u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW; ser tkompli tappoġġa l-iżvilupp ta’ qafas leġislattiv u regolatorju għas-SALW, l-armi tan-nar u l-isplussivi, u l-armonizzazzjoni tiegħu mal-qafas tal-Unjoni u l-istandardizzazzjoni tiegħu fix-Xlokk tal-Ewropa; tkompli tappoġġa t-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza dwar il-kontroll tas-SALW li jindirizza l-ħtiġijiet kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa; tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-pulizija tal-fruntieri u s-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar u l-pussess illeċiti ta’ armi tan-nar; ittejjeb il-kapaċità għal sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (PSSM) permezz ta’ titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta’ ħażniet żejda, u t-taħriġ; u ser tibni fuq il-ħidma attwali fuq l-istabbiliment ta’ Punti Fokali dwar l-Armi tan-Nar fix-Xlokk tal-Ewropa.
Il-proġett ser jikkontribwixxi b’mod usa’ għall-paċi u s-sigurtà Ewropea u globali u fl-istess ħin, ser isaħħaħ l-istabbiltà reġjonali billi jaħdem fi ħdan il-qafas tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali (KKR) u fi sħubija ma’ sħab u inizjattivi internazzjonali rilevanti oħra.
L-azzjoni ser tagħti kontribut dirett għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar is-Sigurtà, l-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW, iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja (’EMPACT Firearms’), it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, il-Programm ta’ Azzjoni tan-NU sabiex Jipprevjeni, Jikkumbatti, u Jeqred il-Kummerċ Illeċitu fis-SALW fl-Aspetti Kollha Tiegħu, l-Istrument Internazzjonali ta’ Traċċar, il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar, ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa u l-paċi u s-sigurtà, u l-Aġenda dwar id-Diżarm tan-NU, u ser ittejjeb b’mod speċifiku l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-firxa tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Ir-riżultati tal-proġett ser jikkontribwixxu wkoll b’mod dirett għall-implimentazzjoni tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli numru 16 tal-Aġenda tal-2030 dwar soċjetajiet paċifiċi u ġusti, b’mod partikolari l-miri 16.1 (titnaqqas b’mod sinifikanti kull forma ta’ vjolenza u r-rata ta’ mwiet kullimkien) u 16.4 (jitnaqqsu b’mod sinifikanti l-flussi ta’ armi illegali), u l-Għan 5 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi. Barra minn hekk, il-proġett ser jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi indirizzat it-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar u ta’ splussivi fl-UE.
B’mod speċifiku, il-proġett ser:
|
— |
jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju ta’ għarfien u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW; |
|
— |
isaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pulizija tal-fruntieri u s-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent għall-ġlieda kontra t-traffikar u l-pussess illeċiti tal-armi tan-nar; |
|
— |
jappoġġa aktar titjib tal-kapaċitajiet għall-PSSM. |
2. Għażla tal-aġenzija ta’ implimentazzjoni u koordinazzjoni ma’ inizjattivi ta’ finanzjament oħra rilevanti
Is-SEESAC huwa inizjattiva konġunta tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-KKR, u bħala tali huwa l-punt fokali għall-attivitajiet relatati mas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. Bħala l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Reġjonali, is-SEESAC ilu jaħdem mill-2002 mal-partijiet ikkonċernati fix-Xlokk tal-Ewropa dwar l-implimentazzjoni ta’ approċċ olistiku għall-kontroll tas-SALW permezz tat-twettiq ta’ firxa wiesgħa ta’ attivitajiet inklużi: l-iffaċilitar ta’ kooperazzjoni reġjonali strateġika u operazzjonali; l-appoġġ għall-iżvilupp tal-politika u t-tisħiħ tal-kapaċità għall-istituzzjonijiet; kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ ġbir tas-SALW; il-ġestjoni tal-ħażniet, it-tnaqqis ta’ ħażniet żejda, it-titjib tal-kapaċitajiet ta’ mmarkar u traċċar; u l-kontroll imtejjeb tal-esportazzjoni tal-armi. Konsegwentement, is-SEESAC kiseb kapaċità u esperjenza unika fl-implimentazzjoni ta’ interventi reġjonali b’diversi partijiet ikkonċernati fl-isfond politiku u ekonomiku kondiviż tas-sħab fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, waqt li jiżgura sjieda nazzjonali u reġjonali u s-sostenibbiltà fit-tul tal-azzjonijiet tiegħu u jistabbilixxi lilu nnifsu bħala l-awtorità reġjonali ewlenija fil-qasam tal-kontroll tas-SALW.
Is-SEESAC iżomm kanali ta’ komunikazzjoni bilaterali u multilaterali mal-atturi u l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha. F’dak ir-rigward, qed ikompli jservi bħala s-Segretarjat tal-Grupp Reġjonali ta’ Tmexxija għas-SALW (RSG). Barra minn hekk, is-SEESAC iżomm is-Segretarjat tal-inizjattiva għall-Approċċ Reġjonali għat-Tnaqqis ta’ Ħażniet (RASR) u nħatar ukoll bħala s-Segretarjat tal-MPTF. Is-SEESAC huwa wkoll parti mil-Laqgħat ta’ Koordinazzjoni dwar is-SALW/l-azzjoni kontra l-mini (MA), mekkaniżmu informali ta’ koordinazzjoni għal attivitajiet ta’ kontroll tas-SALW li jopera bejn in-NATO, l-Unjoni, l-OSKE, l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UNODA) u s-SEESAC. Is-SEESAC jikkontribwixxi b’mod regolari f’fora reġjonali rilevanti bħal-laqgħat tal-ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent, il-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni strutturali tan-NATO dwar is-SALW u l-proċess ministerjali tad-difiża tax-Xlokk tal-Ewropa (“SEDM”). Barra minn hekk, is-SEESAC ikompli jżomm netwerk wiesa’ ta’ sħubijiet formali u informali ma’ organizzazzjonijiet bħal RACVIAC (iċ-Ċentru Reġjonali ta’ Assistenza għall-Implimentazzjoni u l-Verifika tal-Kontroll tal-Armi) - iċ-Ċentru għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà u l-Forum tal-OSKE għall-Kooperazzjoni fis-Sigurtà. Isiru laqgħat regolari ta’ koordinazzjoni kif ukoll skambju ta’ informazzjoni ma’ aġenziji oħra tan-NU bħall-UNODC (l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità) u l-UNODA, permezz tal-Azzjoni ta’ Koordinazzjoni tan-NU dwar Armi Ħfief (CASA) kif ukoll formati oħra. Is-SEESAC b’hekk iservi bħala ċentru reġjonali u punt fokali għal firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet relatati mar-riforma tas-settur tas-sigurtà, b’attenzjoni partikolari lejn il-kontroll tas-SALW u l-ġestjoni tal-ħażniet. Is-SEESAC iżomm kuntatt mill-qrib ma’, u jipprovdi appoġġ lil, atturi rilevanti tal-Unjoni, primarjament id-DĠ NEAR, id-DĠ HOME, il-Europol, l-INTERPOL u l-Frontex, kif ukoll inizjattivi mmexxija mill-UE bħall-’EMPACT Firearms’, u l-Grupp ta’ Esperti Ewropej tal-Armi tan-Nar (EFE). Dan jiffaċilita involviment aktar effettiv mal-kontropartijiet fix-Xlokk tal-Ewropea.
Ibbażat f’Belgrad, is-SEESAC fil-preżent jopera fix-Xlokk tal-Ewropa kollu, b’attivitajiet fl-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina (BiH), il-Kosovo (*1), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja kif ukoll jagħti appoġġ limitat lill-Belarussja u lill-Ukrajna. Fil-passat, is-SEESAC opera wkoll fil-Bulgarija, fil-Kroazja u fir-Rumanija. Is-sjieda reġjonali hija żgurata permezz tal-KKR kif ukoll permezz tal-RSG, fejn ir-rappreżentanti tal-pajjiżi kollha fix-Xlokk tal-Ewropa jipprovdu gwida strateġika, inizjattivi u talbiet għall-appoġġ.
Is-SEESAC kien il-pijunier ta’ approċċ ibbażat fuq l-indirizzar ta’ problemi kondiviżi permezz ta’ inizjattivi reġjonali, li ħalla riżultati impressjonanti fix-Xlokk tal-Ewropa, mhux biss minħabba l-kondiviżjoni kruċjali ta’ informazzjoni u l-promozzjoni ta’ kompetizzjoni reġjonali b’saħħitha li huwa jqanqal, iżda wkoll għax jgħin biex jinkisbu riżultati konsistenti u li jistgħu jitkejlu faċilment fil-livell nazzjonali u reġjonali permezz ta’ modalità ta’ implimentazzjoni olistika.
Is-SEESAC implimenta l-proġetti preċedenti tiegħu ffinanzjati mill-Unjoni b’rata għolja ħafna ta’ rendiment tal-attivitajiet previsti, filwaqt li kiseb riżultati sostenibbli għall-proġett billi żviluppa u rawwem sjieda nazzjonali tal-proġetti u l-attivitajiet tiegħu, u billi ppromwova koordinazzjoni reġjonali, esperjenza u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, kif ukoll riċerka reġjonali. L-għarfien espert tiegħu dwar is-SALW u l-għarfien profond tal-affarijiet reġjonali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jagħmlu s-SEESAC bħala s-sieħeb ta’ implimentazzjoni l-aktar adatt għal din l-azzjoni partikolari.
3. Deskrizzjoni tal-proġett
Il-fażi l-ġdida tal-proġett ser tibni fuq il-bażi tal-kisbiet taħt id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/791/PESK (5), 2010/179/PESK, 2013/730/PESK, (PESK) 2016/2356 u f’komplementarjetà mad-Deċiżjoni kurrenti tal-Kunsill (PESK) 2018/1788. Din ser tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin, filwaqt li żżomm l-approċċ olistiku għall-indirizzar tat-theddida ppreżentata mis-SALW fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa.
It-tliet oqsma jindirizzaw il-livell strateġiku u ta’ politika kif ukoll l-aspetti operazzjonali, u b’hekk huma ta’ assistenza diretta fil-livelli kollha tal-kontroll tas-SALW b’fokus fuq: it-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali, l-iskambju ta’ għarfien u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni; it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-pulizija tal-fruntieri u s-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar u l-pussess illeċiti tal-armi tan-nar; u t-titjib tal-kapaċitajiet għall-PSSM permezz ta’ titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta’ ħażniet żejda, u t-taħriġ.
B’mod partikolari, il-proġett ser jirriżulta:
|
— |
f’kooperazzjoni reġjonali msaħħa, skambju ta’ għarfien u kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-kontroll tas-SALW; |
|
— |
f’kapaċitajiet imtejba tal-pulizija tal-fruntieri u s-servizzi tal-pulizija kriminali tal-Balkani tal-Punent fil-ġlieda kontra t-traffikar u l-pussess illeċiti tal-armi tan-nar; |
|
— |
f’kapaċitajiet imtejba għall-PSSM permezz ta’ titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta’ ħażniet żejda, u t-taħriġ; |
L-istrateġija tal-proġett hija msejsa fuq l-approċċ uniku tas-SEESAC biex jitrawmu l-fiduċja u l-kooperazzjoni fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa bħala prerekwiżit għall-kisba ta’ bidla trasformattiva konkreta u li tista’ titkejjel. B’mod partikolari, fil-livell reġjonali, proċessi differenti ta’ kooperazzjoni ffaċilitati mis-SEESAC, li jinvolvu kemm lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-prattikanti fil-livell operazzjonali, urew li huma element essenzjali biex jiġi żgurat ambjent abilitanti u kompetittiv għat-trasferiment tal-għarfien, l-iskambju ta’ għarfien espert u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni. Dan serva mhux biss biex jiżdiedu l-kapaċitajiet fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, iżda aktar importanti minn hekk biex tinbena l-fiduċja u tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta fost l-istituzzjonijiet u l-esperti individwali, li, fost fatturi oħrajn, ippermettew l-iżvilupp tal-Pjan Direzzjonali. Barra minn hekk, l-approċċ ta’ kooperazzjoni reġjonali għamel lir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa aktar trasparenti u effiċjenti fl-isforzi tiegħu biex jikkontrolla l-kummerċ tal-armi, bir-riżultat li l-pajjiżi tax-Xlokk tal-Ewropa huma fost l-aktar trasparenti fid-dinja fir-rappurtar tagħhom dwar it-trasferimenti tal-armi. Għaldaqstant, il-proġett ser ikompli jrawwem il-kooperazzjoni reġjonali bħala l-element abilitanti essenzjali biex jinkisbu riżultati li jistgħu jitkejlu.
L-ambitu ġeografiku tal-proġett huwa x-Xlokk tal-Ewropa, peress li l-benefiċjarji diretti tal-proġett huma l-awtoritajiet rilevanti fl-Albanija, il-BiH, il-Montenegro, is-Serbja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Kosovo (*2). Barra minn hekk, il-proġett ser ifittex li jkompli l-appoġġ għall-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant li jittrattaw sfidi simili għall-kontroll tas-SALW, b’mod partikolari l-Ukrajna u l-Belarussja permezz tal-involviment tagħhom fit-trasferiment ta’ għarfien u esperjenzi miksuba u l-aħjar prattiki żviluppati fil-Balkani tal-Punent sa mill-2002.
3.1. L-iffaċilitar tal-kooperazzjoni reġjonali u l-appoġġ għal tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza dwar il-kontroll tas-SALW, u b’hekk aktar kontribuzzjoni għat-tnaqqis tat-theddida ta’ proliferazzjoni illeċita tas-SALW
L-għan tal-ewwel komponent huwa li jikkontribwixxi aktar għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet biex jitfasslu u jiġu implimentati politiki bbażati fuq l-evidenza dwar il-kontroll tas-SALW u l-istandardizzazzjoni ta’ approċċi permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali fil-livelli strateġiċi u operazzjonali tal-Kummissjonijiet tas-SALW u n-Netwerk ta’ Esperti tal-Armi tan-Nar tal-Ewropa tax-Xlokk (SEEFEN), l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ prattika tajba, kapaċità akbar għall-ġbir u l-analiżi tad-data, l-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-oqfsa leġislattivi u regolatorji dwar is-SALW, u l-integrazzjoni konsistenti tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki dwar il-kontroll tas-SALW. Dan, min-naħa tiegħu, ser jikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet 1, 2 u 3 tal-Pjan Direzzjonali.
Filwaqt li jibni fuq l-approċċ ta’ suċċess li jiffaċilita n-netwerking fil-livell reġjonali, dan il-komponent ser ikompli jiffaċilita l-kooperazzjoni reġjonali bejn il-Kummissjonijiet tas-SALW permezz ta’ laqgħat reġjonali regolari, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-ħidma fuq il-ġbir ta’ data u ż-żieda fil-kapaċità għal tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza. It-trasparenza tat-trasferimenti tal-armi ser tiżdied ukoll bl-integrazzjoni parzjali tal-proċess tal-iskambju ta’ informazzjoni reġjonali dwar it-trasferimenti tal-armi fil-proċess ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjonijiet tas-SALW, kif ukoll bl-appoġġ biex titkompla t-trasparenza tat-trasferimenti tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa. Barra minn hekk, dan il-komponent jipprevedi t-trasferiment tal-għarfien espert miksub fix-Xlokk tal-Ewropa lejn reġjuni oħra sabiex jiġu appoġġati l-interventi tal-Unjoni f’oqsma oħra. Fl-aħħar nett, dan il-komponent ser jipprovdi appoġġ tekniku permezz ta’ riċerka u għoti ta’ informazzjoni mmirati u fuq talba li jkunu rilevanti għall-politika għal dawk li jfasslu l-politika.
Barra minn hekk, fid-dawl tar-riskju tat-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar lejn l-Unjoni, kif ukoll iż-żieda fl-użu tal-armi tan-nar fil-kriminalità organizzata u l-inċidenti terroristiċi, l-iżvilupp ta’ sistemi u mekkaniżmi robusti ta’ ġbir u skambju ta’ informazzjoni huwa element essenzjali fl-isforzi tal-ġlieda kontra din it-theddida. Permezz tal-ħidma twila tiegħu fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, u b’mod speċjali permezz tal-implimentazzjoni b’suċċess tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/730/PESK u (PESK) 2016/2356, inklużi l-istabbiliment u l-faċilitazzjoni tas-SEEFEN, is-SEESAC ilu fuq quddiem nett f’dawn l-isforzi, waqt li aġixxa bħala aġent ta’ tlaqqigħ tal-proċessi ta’ kooperazzjoni u waqt li ħadem biex iżid il-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi għall-immarkar, it-traċċar u ż-żamma ta’ rekords, inkluż permezz ta’ assistenza teknika u appoġġ għall-istabbiliment u t-titjib tas-sistemi taż-żamma ta’ rekords. Bħala tali, dan il-komponent ser jibni fuq il-bażi stabbilita fil-perijodu preċedenti billi jsaħħaħ aktar lis-SEEFEN, filwaqt li fl-istess ħin jużah bħala pjattaforma għal kooperazzjoni akbar bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fix-Xlokk tal-Ewropa u lil hinn minnu, fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. L-attivitajiet kollha tas-SEEFEN ser jiġu kkoordinati mill-qrib mal-Europol, l-EMPACT, l-EFE, id-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni, l-INTERPOL, l-Eurojust u l-Frontex, kif ukoll atturi rilevanti oħra, u ser jikkontribwixxu għall-isforzi tagħhom.
Fl-aħħar nett, il-komponent ser ikollu l-għan li jindirizza l-ħtieġa evidenti u urġenti għal qafas leġislattiv u regolatorju aktar strett dwar il-kontroll tas-SALW u l-armi tan-nar fil-Balkani tal-Punent biex jirregola b’mod effettiv il-kontroll tal-armi u jiffaċilita r-rispons għal theddid rilevanti. Konsegwentement dan ser jiffaċilita l-kompatibbiltà tal-liġijiet u l-proċeduri dwar il-kontroll tal-armi fil-Balkani tal-Punent u l-istandardizzazzjoni tal-proċeduri u l-prattiki tal-kontroll tas-SALW u l-armi tan-nar. Tali standardizzazzjoni tippermetti t-tneħħija tal-ostakli li jimpedixxu lill-ażenziji tal-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura milli jikkooperaw direttament, jiskambjaw informazzjoni u jwettqu investigazzjonijiet konġunti jew paralleli. Barra minn hekk, minħabba li l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi ta’ spiss la hija rikonoxxuta bis-sħiħ u lanqas mhi indirizzata b’mod adegwat minn oqfsa leġislattivi u ta’ politika li jirregolaw il-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa, bir-riżultat li l-isforzi għall-kontroll tal-armi jsiru inqas effiċjenti biex jipprovdu s-sigurtà għaċ-ċittadini kollha, kemm jekk huma nisa, irġiel, bniet jew subien, il-proġett ser ukoll jikkontribwixxi biex tiġi integrata aktar il-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sess fil-leġislazzjoni dwar il-kontroll tal-armi ta’ kalibru żgħir. Filwaqt li jibni fuq l-appoġġ ipprovdut permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788, ser jagħmel dan billi jiżviluppa workshops tematiċi nazzjonali u reġjonali mfassla apposta, jaġġorna l-kompendju tal-liġi reġjonali dwar l-armi u jwettaq skrinjar tal-aspett tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali tal-benefiċjarji tal-proġett sabiex jiġi żgurat li l-politiki li jirregolaw il-kontroll tal-armi ma jinjorawx ir-rabtiet bejn is-SALW u l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi.
B’mod speċifiku, il-proġett jipprevedi l-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali u jappoġġa t-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza fir-rigward tal-kontroll tas-SALW permezz ta’:
|
— |
laqgħat reġjonali tal-Kummissjonijiet tas-SALW (darbtejn fis-sena) fix-Xlokk tal-Ewropa li jiffukaw fuq l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ għarfien dwar l-istandardizzazzjoni ta’ politiki dwar il-kontroll tal-armi; |
|
— |
laqgħat reġjonali tas-SEEFEN (darbtejn fis-sena) li jiffukaw fuq l-iskambju ta’ informazzjoni operazzjonali u l-kooperazzjoni transfruntiera fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar; |
|
— |
l-għoti fuq talba ta’ pariri tekniċi u għarfien espert lill-Kummissjonijiet tas-SALW u lis-SEEFEN sabiex jissaħħu l-iżvilupp, it-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki; |
|
— |
appoġġ fuq talba għall-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kontroll tal-armi għal emendi rilevanti li jikkonċernaw il-leġislazzjoni tal-UE dwar il-kontroll tal-armi u l-istandardizzazzjoni fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa kollu (2022-2023); |
|
— |
appoġġ għall-ġbir u l-analiżi tad-data dwar is-SALW abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-Istħarriġ reġjonali dwar is-SALW; |
|
— |
iż-żamma tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ ta’ Vjolenza bl-Armi u d-disseminazzjoni regolari ta’ Monitoraġġ tal-Vjolenza bl-Armi fix-Xlokk tal-Ewropa (SEE) li jippermetti li jittieħed kont tax-xejriet; |
|
— |
l-integrazzjoni ulterjuri tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-tfassil tal-politika dwar il-kontroll tas-SALW; |
|
— |
it-trasferiment tal-għarfien espert lejn il-Belarussja u l-Ukrajna permezz tal-faċilitazzjoni tal-parteċipazzjoni f’laqgħat formali magħżula u l-għodod ta’ kontroll tas-SALW; |
|
— |
iż-żamma tal-pjattaforma online għall-iskambju ta’ informazzjoni u t-titjib tagħha permezz tal-iżvilupp ta’ prodotti ta’ għarfien fuq talba u li huma rilevanti għall-politika. |
Indikaturi tar-riżultati/tal-implimentazzjoni tal-proġett:
|
— |
l-organizzazzjoni ta’ massimu ta’ tmien laqgħat tal-Kummissjonijiet tas-SALW; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta’ massimu ta’ tmien laqgħat reġjonali tas-SEEFEN (darbtejn fis-sena) li jiffukaw fuq in-netwerking u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-esperti tal-armi tan-nar mill-qasam tal-infurzar tal-liġi; |
|
— |
it-titjib tal-kapaċitajiet tal-Kummissjonijiet tas-SALW u tal-membri tas-SEEFEN permezz ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ immirati u l-għoti ta’ appoġġ tekniku u konsultattiv; |
|
— |
l-abilitazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni, it-trasferiment ta’ għarfien u l-istandardizzazzjoni tal-approċċi; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta’ massimu ta’ għaxar workshops tematiċi għall-benefiċjarji li jappoġġaw l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni mal-Acquis u l-istandardizzazzjoni fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa; |
|
— |
l-għoti ta’ għarfien espert dwar aġġornamenti leġislattivi u ta’ politika bil-għan li jkun hemm armonizzazzjoni mal-qafas u l-istandards regolatorji tal-UE; |
|
— |
il-pubblikazzjoni ta’ monitoraġġ ta’ kull xahar dwar ix-xejriet tal-vjolenza bl-armi fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa kollu; |
|
— |
l-iżgurar tal-ġbir, l-analiżi u d-disseminazzjoni tad-data mill-awtoritajiet abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Istħarriġ dwar is-SALW; |
|
— |
l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fit-tfassil tal-politika dwar is-SALW; |
|
— |
l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema tar-reġistru tal-armi fir-Repubblika tal-Moldova; |
|
— |
l-iffaċilitar tal-iskambju tal-għarfien u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni mal-awtoritajiet tal-Belarussja u l-Ukrajna. |
3.2. Aktar appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntieri fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi u splussivi.
L-għan tat-tieni komponent huwa li jiġi żgurat l-appoġġ meħtieġ biex jiġi miġġieled it-traffikar illeċitu tas-SALW permezz ta’ proċessi, tagħmir u taħriġ imtejba tal-istituzzjonijiet mmirati tal-infurzar tal-liġi, f’konformità mal-Għan 3 tal-Pjan Direzzjonali, li jappella għal tnaqqis sinifikanti tal-flussi illeċiti ta’ armi tan-nar, munizzjon u splussivi sal-2024.
Dan il-komponent ser jappoġġa t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet reġjonali biex iwettqu kemm attivitajiet preventivi kif ukoll repressivi neċessarji biex jidentifikaw, ifixklu u jiġġieldu b’suċċess it-traffikar tal-armi tan-nar, munizzjon u splussivi li ġejjin mill-ġurisdizzjoni tagħhom u li jgħaddu minnha. L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà identifikat il-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar bħala waħda mill-azzjonijiet ta’ prijorità tagħha. Hija appellat għal rieżami tal-qafas legali u t-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi tan-nar. Is-sorsi tat-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar u splussivi huma diversi, u l-kontrolli f-il-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni tal-pulizija u tad-dwana jibqgħu ta’ importanza assoluta stipulata fl-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW. Fil-livell reġjonali tax-Xlokk tal-Ewropa, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ser jassistu fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu identifikati, sfrattati u impediti netwerks tat-traffikar, u sabiex l-armi tan-nar jiġu pprevenuti milli jaslu għand terroristi u kriminali permezz tas-suq illeċitu, fost l-oħrajn billi jiġu imblukkati l-finanzjament u t-trasport illeċiti ta’ armi u billi jissaħħaħ ir-rwol tal-pulizija tal-fruntieri u tal-awtoritajiet doganali u tal-portijiet. Minħabba n-natura transfruntiera tat-traffikar tal-armi, huwa partikolarment importanti li l-pajjiżi ġirien jingħataw appoġġ ukoll.
It-tisħiħ tal-kontroll transfruntier huwa wieħed mir-rekwiżiti ċentrali għal approċċ komprensiv għall-ġlieda kontra l-kummerċ u l-flussi illeċiti ta’ armi tan-nar, komponenti essenzjali, munizzjon u splussivi fil-Balkani tal-Punent. Il-kontrolli effettivi tal-fruntieri jservu mhux biss bħala deterrent għall-kriminalità fl-aspetti kollha tagħha, iżda wkoll bħala miżura għat-tisħiħ tal-fiduċja. Il-kontroll strett u effettiv fil-fruntieri huwa pedament għal kwalunkwe programm fit-tul ta’ sigurtà nazzjonali u reġjonali. Twettqet valutazzjoni preliminari tal-kapaċitajiet tas-servizzi tal-fruntieri tal-ġurisdizzjonijiet f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 u l-attenzjoni kienet primarjament iffokata fuq il-kapaċitajiet amministrattivi u tekniċi tal-pulizija tal-fruntieri. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġenerali huwa meħtieġ biex effettivament jitrażżan it-traffikar ta’ armi, munizzjon u splussivi minn naħa għall-oħra tal-fruntieri. Dik il-valutazzjoni preliminari wriet b’mod partikolari n-nuqqas ta’ taħriġ immirat fir-rigward tad-detezzjoni ta’ armi tan-nar fil-fruntieri, għajr fil-BiH, billi s-servizzi tal-pulizija tal-fruntieri għandhom tagħmir limitat biex iwettqu d-detezzjoni fil-punti ta’ kontroll fuq il-fruntiera kif ukoll fuq il-fruntiera l-ħadra. Barra minn hekk, l-armi qed jiġu prodotti dejjem aktar ta’ spiss minn materjali ġodda, u dawn ma jistgħux jiġu individwati minn detetturi tal-metalli jew jiġu individwati minn klieb imħarrġa biex ixommu l-porvli.
L-assistenza fi ħdan dan il-komponent ser tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ Proċeduri Operattivi Standard (SOPs) u l-akkwist ta’ tagħmir għas-servizzi tal-fruntieri u l-pulizija kriminali għat-trażżin tat-traffikar u l-pussess illegali ta’ armi tan-nar. Barra minn hekk, ser isir taħriġ tematiku fil-livell tal-ġurisdizzjonijiet u l-workshops reġjonali. L-attivitajiet proposti ser jikkomplementaw il-ħidma tas-SEEFEN u ser jiġu kkoordinati mill-qrib ma’ azzjonijiet oħra li għaddejja appoġġati mill-Unjoni fix-Xlokk tal-Ewropa, primarjament iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja u b’mod speċifiku l-pjanijiet ta’ azzjoni operazzjonali tal-Armi tan-Nar tal-EMPACT, kif ukoll l-attivitajiet tal-Europol, il-Frontex u l-INTERPOL.
Dan ser iseħħ permezz ta’:
|
— |
il-forniment ta’ tagħmir u taħriġ għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi b’appoġġ għall-awtoritajiet tal-pulizija tal-fruntieri fl-Albanija, il-Kosovo (*3), il-Montenegro, is-Serbja u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq; |
|
— |
il-forniment ta’ tagħmir u taħriġ għall-pulizija kriminali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta’ armi b’appoġġ għall-awtoritajiet tal-pulizija kriminali fl-Albanija, il-BiH, il-Kosovo (*3), il-Montenegro, is-Serbja u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. |
Indikaturi tar-riżultati/tal-implimentazzjoni tal-proġett:
|
— |
l-iżvilupp ta’ massimu ta’ 6 SOPs għal kull servizz tal-fruntiera; |
|
— |
l-akkwist ta’ tagħmir għat-trażżin tat-traffikar illeċitu ta’ armi, u l-għoti ta’ taħriġ għall-użu tat-tagħmir; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta’ massimu ta’ sitt sessjonijiet ta’ taħriġ tematiku għal kull servizz tal-fruntiera; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta’ massimu ta’ erba’ workshops reġjonali għas-servizzi tal-fruntieri; |
|
— |
l-iżvilupp ta’ massimu ta’ 6 SOPs għall-pulizija kriminali għal kull ġurisdizzjoni; |
|
— |
l-għoti ta’ tagħmir lill-pulizija kriminali, u ta’ taħriġ għall-użu tat-tagħmir; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta’ massimu ta’ sitt sessjonijiet ta’ taħriġ tematiku għall-pulizija kriminali għal kull ġurisdizzjoni; |
|
— |
l-organizzazzjoni ta’ massimu ta’ erba’ workshops reġjonali għall-pulizija kriminali. |
3.3. It-titjib fil-kapaċitajiet għal sigurtà fiżika u ġestjoni tal-ħażniet (PSSM) permezz ta’ titjib fis-sigurtà tal-infrastruttura, it-tnaqqis ta’ ħażniet żejda u t-taħriġ
It-tnaqqis tar-riskju tal-proliferazzjoni permezz tat-titjib tas-sigurtà tal-ħażniet ta’ armi u munizzjon u t-tnaqqis ta’ ħażniet żejda ta’ SALW.
L-għan tat-tielet komponent huwa li jappoġġa lill-awtoritajiet tal-intern u l-awtoritajiet tal-pulizija biex itejbu aktar l-infrastruttura ta’ sigurtà u l-proċeduri operattivi standard għal siti ta’ ħżin ta’ prijorità, li għadhom jippreżentaw riskju sinifikanti ta’ serq u ta’ proliferazzjoni illegali tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. Dan il-komponent jibni fuq id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 u huwa konformi mal-Għan 7 tal-Pjan Direzzjonali li huwa mmirat lejn tnaqqis sinifikanti tar-riskju tal-proliferazzjoni u tad-devjazzjoni tal-armi tan-nar, il-munizzjon u l-isplussivi, u l-Għan 6 li huwa mmirat lejn tnaqqis sistematiku tal-ħażniet żejda u l-qerda ta’ SALW u munizzjon maqbuda. Is-SEESAC ilu juża b’suċċess approċċ fuq żewġ binarji ta’: (1) titjib fis-sigurtà tas-siti tal-ħażniet; u (2) t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-persunal inkarigat bil-ġestjoni ta’ ħażniet, li b’mod sinifikanti żied id-dispożizzjonijiet ta’ sigurtà u naqqas ir-riskju tal-proliferazzjoni mhux mixtieqa ta’ ħażniet tas-SALW u l-munizzjon tagħhom. F’konformità ma’ approċċ komprensiv għall-PSSM tas-SALW u l-munizzjon tagħhom, is-SEESAC espanda dan l-approċċ billi għaqqdu mat-tnaqqis tal-ħażniet żejda, u b’hekk kompla naqqas ir-riskji ta’ proliferazzjoni.
Il-proġett ser ikompli jtejjeb is-sigurtà ta’ ħażniet ta’ armi u munizzjon fix-Xlokk tal-Ewropa billi jipprovdi assistenza teknika u infrastrutturali speċifika ulterjuri f’konformità mal-aħjar prattiki u standards internazzjonali. Filwaqt li s-sigurtà fis-siti ta’ ħżin militari żdiedet b’mod sinifikanti skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK, is-SEESAC identifika ħażniet miżmuma minn pulizija u awtoritajiet tal-intern bħala sors ta’ tħassib minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità għas-salvagwardja, kapaċitajiet inadegwati ta’ żamma ta’ rekords u ta’ ġestjoni tal-ħażniet, u sistemi aktar kumplessi li jinkludu armi ta’ formazzjoni kif ukoll armi tan-nar ikkonfiskati. Ser jingħata appoġġ għal sigurtà msaħħa tal-ħażniet tas-SALW u tal-kmamar ta’ evidenza tal-pulizija/l-awtoritajiet tal-intern permezz ta’ titjib fl-infrastruttura. Il-kmamar ta’ evidenza li jinsabu fl-għases tal-pulizija lokali huma prijorità, peress li jeżisti periklu potenzjali ta’ devjazzjoni iżda wkoll f’termini ta’ sikurezza pubblika fejn diversi materjali perikolużi jinżammu flimkien taħt kundizzjonijiet ta’ ħżin ħżiena. Ser jingħata wkoll appoġġ għat-tnaqqis ta’ ħażniet żejda jew SALW u munizzjon ikkonfiskati biex b’hekk jitnaqqas aktar ir-riskju tal-proliferazzjoni illeċita tagħhom.
Attivitajiet ewlenin previsti:
|
— |
appoġġ għas-sigurtà msaħħa tal-ħażniet tas-SALW u tal-kmamar ta’ evidenza tal-pulizija/l-awtoritajiet tal-Intern permezz ta’ titjib fl-infrastruttura; |
|
— |
appoġġ għall-qerda ta’ ħażniet żejda u/jew SALW ikkonfiskati; |
|
— |
il-forniment ta’ workshops tematiċi reġjonali fil-qasam tal-ġestjoni ta’ ħażniet ta’ armi u munizzjon; |
|
— |
it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-istat biex jiġu stabbiliti sistemi ta’ spezzjoni. |
Indikaturi tar-riżultati/tal-implimentazzjoni tal-proġett:
|
— |
tisħiħ tas-sigurtà ta’ sit wieħed ta’ ħżin f’konformità mal-istandards u l-aħjar prattiki internazzjonali; |
|
— |
żieda fis-sigurtà b’massimu ta’ 18-il kamra ta’ evidenza; |
|
— |
il-qerda ta’ massimu ta’ 12 000 element ta’ arma konvenzjonali; |
|
— |
il-qerda ta’ massimu ta’ 22 000 element ta’ munizzjon; |
|
— |
l-għoti ta’ massimu ta’ tliet workshops tematiċi. |
4. Benefiċjarji
Il-benefiċjarji diretti tal-proġett ser ikunu l-istituzzjonijiet responsabbli għall-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa. L-awtoritajiet tal-intern, is-servizzi tal-pulizija, il-gwardji tal-fruntieri, l-investigaturi kriminali, il-prosekuturi u l-awtoritajiet doganali tar-Repubblika tal-Albanija, il-BiH, il-Kosovo (*4), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq ser jibbenefikaw mill-iskambju ta’ informazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ għarfien li jwasslu għall-istandardizzazzjoni permezz tal-kooperazzjoni reġjonali, l-iżvilupp tal-kapaċità, proċeduri mtejba u l-forniment ta’ tagħmir speċifiku speċjalizzat neċessarju għall-avvanzi tal-politika, u dawk operazzjonali u tekniċi fil-kontroll tas-SALW. Finalment, il-Kummissjonijiet tas-SALW u istituzzjonijiet oħra responsabbli għall-kontroll tas-SALW fix-Xlokk tal-Ewropa ser jibbenefikaw minn taħriġ u kondiviżjoni ta’ informazzjoni kif ukoll kooperazzjoni reġjonali. Barra minn hekk, istituzzjonijiet ewlenin inkarigati bil-kontroll tas-SALW fil-Belarussja u l-Ukrajna ser jibbenefikaw minn fehim aħjar tat-theddida tat-traffikar illeċitu ta’ armi tan-nar u minn trasferiment immirat ta’ għarfien.
L-attivitajiet proposti huma f’konformità sħiħa mal-prijoritajiet nazzjonali dwar il-kontroll tas-SALW u l-Pjan Direzzjonali, u ġew approvati mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għall-kontroll tas-SALW, ħaġa li turi l-adeżjoni u l-impenn tagħhom għall-kisba tar-riżultati tal-proġett.
Il-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiżi fix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa, u fl-Unjoni, fir-riskju tal-proliferazzjoni mifruxa tas-SALW, ser tibbenefika minn dan il-proġett hekk kif jonqos ir-riskju.
5. Viżibbiltà tal-Unjoni
Is-SEESAC għandu jieħu l-miżuri kollha adatti biex jirreklama l-fatt li l-azzjoni tkun ġiet iffinanzjata mill-Unjoni. Tali miżuri ser jitwettqu f’konformità mal-Manwal tal-Kummissjoni Komunikazzjoni u Viżibbiltà għall-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni Ewropea. B’dan il-mod, is-SEESAC ser jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribut tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ mmarkar u pubbliċità adatti, li jenfasizzaw ir-rwol tal-Unjoni, jiżguraw it-trasparenza tal-azzjonijiet tagħha u jissensibilizzaw l-għarfien tar-raġunijiet għall-proġett kif ukoll l-appoġġ tal-Unjoni għall-proġett u r-riżultati ta’ dan l-appoġġ. Il-materjal prodott bil-proġett ser juri b’mod prominenti l-bandiera tal-UE f’konformità mal-linji gwida tal-Unjoni għall-użu u r-riproduzzjoni preċiżi tal-bandiera.
Minħabba li l-attivitajiet ippjanati jvarjaw ħafna fl-ambitu u l-karattru, ser tintuża firxa ta’ għodod promozzjonali, inkluż: media tradizzjonali; siti web; media soċjali; u materjali informattivi u promozzjonali, inkluż infografika, fuljetti, bullettini, stqarrijiet għall-istampa u oħrajn kif adattat. Pubblikazzjonijiet, avvenimenti pubbliċi, kampanji, tagħmir u xogħlijiet ta’ kostruzzjoni akkwistati taħt il-proġett ser jiġu mmarkati kif xieraq. Biex jiġi amplifikat aktar l-impatt permezz tas-sensibilizzazzjoni fost diversi gvernijiet nazzjonali u l-pubbliku, il-komunità internazzjonali u l-media lokali u internazzjonali, kull wieħed mill-gruppi fil-mira tal-proġett ser jiġi indirizzat permezz tal-lingwa adatta. Ser issir enfasi partikolari fuq media ġdida u l-preżenza online.
6. Tul ta’ żmien
Abbażi tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2013/730/PESK, (PESK) 2016/2356 u (PESK) 2018/1788 u b’kont meħud tal-ambitu reġjonali tal-proġett, l-għadd ta’ benefiċjarji u l-għadd u l-kumplessità tal-attivitajiet ippjanati, il-perijodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni huwa 48 xahar.
7. Struttura ġenerali
L-implimentazzjoni teknika ta’ din l-azzjoni ġiet fdata lill-UNDP, li jaġixxi f’isem is-SEESAC, l-inizjattiva reġjonali li taħdem taħt il-mandat tal-UNDP u tal-KKR, is-suċċessur għall-Patt ta’ Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk. Is-SEESAC huwa l-fergħa eżekuttiva tal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Reġjonali u, bħala tali, jaġixxi bħala punt fokali għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-SALW fir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa, inkluż il-faċilitazzjoni tal-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali.
L-UNDP, filwaqt li jaġixxi f’isem is-SEESAC, ser ikollu r-responsabbiltà ġenerali għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-proġett u r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġett. It-tul ta’ żmien tal-proġett huwa erba’ snin (48 xahar).
8. Sħab
Is-SEESAC ser jimplimenta direttament l-azzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjonijiet tas-SALW kif ukoll mal-awtoritajiet tal-intern u s-servizzi tal-pulizija tal-Albanija, il-BiH, il-Kosovo (*5), ir-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, ir-Repubblika tas-Serbja u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, u l-istituzzjonijiet rilevanti fil-Belarussja u l-Ukrajna. Istituzzjonijiet oħra ser jiġu involuti mill-qrib f’konformità mal-approċċ olistiku b’diversi partijiet ikkonċernati stabbilit għall-kontroll tas-SALW.
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1788 tad-19 ta’ Novembru 2018 b’appoġġ għaċ-Ċentru tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa għall-kontroll tal-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (SEESAC) għall-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Reġjonali għall-ġlieda kontra t- traffikar illeċitu ta’ armi fil-Balkani tal-Punent ( ĠU L 293, 20.11.2018, p. 11).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK tal-11 ta’ Marzu 2010 b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC fil-kontroll ta’ armi fil-Balkani tal-Punent, fil-qafas tal- Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal- munizzjon tagħhom ( ĠU L 80, 26.3.2010, p. 48 ).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/730/PESK tad-9 ta’ Diċembru 2013 b’appoġġ għall-attivitajiet ta’ SEESAC ta’ diżarm u ta’ kontroll ta’ armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil- qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Ġlieda kontra l-Akkumulazzjoni u t-Traffikar Illeċiti ta’ SALW u l-Munizzjon tagħhom (ĠU L 332, 11.12.2013, p. 19).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/2356 tad-19 ta’ Diċembru 2016 b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC rigward id-diżarm u l-kontroll tal-armi fix-Xlokk tal-Ewropa fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ SALW u l- munizzjon tagħhom ( ĠU L 348, 21.12.2016, p. 60 ).
(*1) L-użu ta’ dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/791/PESK tat-22 ta’ Novembru 2004 li testendi u temenda d-Deċiżjoni 2002/842/PESK li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta’ kontribut tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabbilizzanti ta’ armi żgħar u armamenti ħfief fl-Ewropa tax-Xlokk ( ĠU L 348, 24.11.2004, p. 46 ).
(*2) L-użu ta’ dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.
(*3) L-użu ta’ dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.
(*4) L-użu ta’ dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.
(*5) L-użu ta’ dan l-isem hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo.