|
10.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 318/141 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/2110
tad-9 ta’ Diċembru 2019
dwar il-Missjoni Konsultattiva tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Ottubru 2018, fil-konklużjonijiet dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tkompli taħdem, permezz tad-diversi strumenti tagħha, biex tgħin lil dan il-pajjiż jerġa’ lura fit-triq tal-istabbiltà, il-paċi u l-iżvilupp u biex tintlaħaq l-aspirazzjoni ta’ paċi u rikonċiljazzjoni dejjiema tal-poplu Ċentru-Afrikan kollu kemm hu. |
|
(2) |
Fis-6 ta’ Frar 2019, ġie ffirmat Ftehim ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni inklużiv bejn il-gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-gruppi armati. |
|
(3) |
Fit-12 ta’ Lulju 2019, il-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, f’ittra lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, talab għall-iskjerament ta’ Missjoni ċivili fir-Repubblika Ċentru-Afrikana biex jappoġġa l-progress fir-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà li għaddejja bħalissa u biex tikkontribwixxi għar-riorganizzazzjoni u l-iskjerament tal-Forzi tas-Sigurtà Interna tal-pajjiż. |
|
(4) |
Fil-21 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill approva Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi għal Missjoni Konsultattiva ċivili possibbli fir-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK). |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-Missjoni tiġi stabbilita skont il-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi approvat. Tim ewlieni jenħtieġ li jagħmel it-tħejjijiet neċessarji biex il-Missjoni tkun tista’ tilħaq il-kapaċità operattiva inizjali tagħha. Jenħtieġ li l-Missjoni titnieda mill-Kunsill mhux aktar tard mir-rebbiegħa tal-2020, jekk jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet. |
|
(6) |
Il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) jenħtieġ li jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-Rappreżentant Għoli, kontroll politiku fuq il-Missjoni, jagħtiha direzzjoni strateġika u jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). |
|
(7) |
Il-Kapaċità ta’ Sorveljanza jenħtieġ li tiġi attivata għal din il-Missjoni. |
|
(8) |
Din il-Missjoni ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Missjoni
L-Unjoni b’dan tistabbilixxi Missjoni Konsultattiva ċivili tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUAM RCA).
Artikolu 2
Mandat
1. L-objettivi strateġiċi tal-EUAM RCA għandhom ikunu:
|
(a) |
L-appoġġ għall-bini ta’ kapaċitajiet ta’ governanza u ġestjoni bbażati fuq ir-regoli fi ħdan il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Pubblika tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, fit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-bini u l-monitoraġġ tal-kategoriji ta’ ppjanar rilevanti kollha; |
|
(b) |
L-appoġġ għat-trasformazzjoni sostenibbli tal-Forzi tas-Sigurtà Interna tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-funzjonament u l-iskjerament operazzjonali effikaċi tagħhom; |
|
(c) |
L-assistenza fl-iżvilupp ta’ appoġġ integrat għall-Forzi tas-Sigurtà Interna tar-Repubblika Ċentru-Afrikana permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib, filwaqt li tiġi żgurata l-unità fl-azzjoni u l-komplementarjetà tal-isforzi mal-atturi rilevanti; |
|
(d) |
Li tiġi stabbilita stampa tas-sitwazzjoni komprensiva permezz ta’ Kapaċità Analitika ddedikata, inkluż f’oqsma bħall-komunikazzjonijiet strateġiċi u l-iżviluppi fis-sigurtà u politiċi. |
2. Biex tilħaq dawk l-objettivi, l-EUAM RCA għandha topera f’konformità mal-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżi (CMC) approvat mill-Kunsill fil-21 ta’ Novembru 2019 u d-dokumenti ta’ ppjanar operazzjonali. B’approċċ modulari, skalabbli u f’fażijiet, l-EUAM RCA għandha tipprovdi konsulenza fil-livell strateġiku lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Pubblika u lill-Forzi tas-Sigurtà Interna tar-Repubblika Ċentru-Afrikana sabiex tappoġġa t-trasformazzjoni sostenibbli tagħhom f’fornitur tas-sigurtà aktar koerenti, taħt sjieda nazzjonali u f’koordinazzjoni mill-qrib mad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-EUTM RCA (1), il-MINUSCA, l-UNPOL, l-Unjoni Afrikana u partijiet ikkonċernati internazzjonali oħra.
3. L-EUAM RCA għandha tippromwovi l-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni mill-Forzi tas-Sigurtà Interna tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, b’mod partikolari d-diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika jew it-twemmin reliġjuż.
Artikolu 3
Linja ta’ kmand u struttura
1. L-EUAM RCA għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.
2. L-EUAM RCA għandu jkollha l-Kwartieri Ġenerali tagħha f’Bangui.
3. L-EUAM RCA għandha tkun strutturata f’konformità mad-dokumenti ta’ ppjanar tagħha.
Artikolu 4
Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili
1. Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC - Civilian Planning and Conduct Capability) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUAM RCA. Is-CPCC għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija ta’ EUAM RCA.
2. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUAM RCA fil-livell strateġiku.
3. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-KPS fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, inkluż bil-ħruġ ta’ struzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġa mill-Kap tal-Missjoni u billi jipprovdilu pariri u appoġġ tekniku.
4. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.
5. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah skont ir-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), rispettivament. Dawk l-awtoritajiet għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operazzjonali (OPCON) tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
6. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.
7. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.
Artikolu 5
Kap tal-Missjoni
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà għall-EUAM RCA u għandu jeżerċita l-kmand u l-kontroll tagħha, fil-livell operattiv. Il-Kap tal-Missjoni għandu jaqa’ direttament taħt il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u jaġixxi f’konformità mal-istruzzjonijiet tiegħu jew tagħha.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun ir-rappreżentant tal-EUAM RCA fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħha.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita r-responsabbiltà amministrattiva u loġistika għall-EUAM RCA, inkluż responsabbiltà għall-assi, ir-riżorsi u t-tagħrif li tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-EUAM RCA. Il-Kap tal-Missjoni jista’ jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta’ persunal u finanzjarji lil membri tal-persunal ta’ EUAM RCA taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu jew tagħha.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal tal-EUAM RCA. Għall-persunal issekondat, l-azzjoni dixxiplinari għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah f’konformità mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata, jew mis-SEAE rispettivament.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-EUAM RCA.
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu, mingħajr preġudizzju għal-linja tal-kmand, jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għar-Repubblika Ċentru-Afrikana.
Artikolu 6
Persunal
1. L-EUAM RCA għandu jikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE. Kull Stat Membru, kull istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inkluż l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances minbarra l-allowances applikabbli ta’ kuljum.
2. L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE rispettivament għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe lment marbut mas-sekondar mingħand il-membri tal-persunal li jkunu ssekondaw jew dwarhom, u biex jieħdu kwalunkwe azzjoni kontra tali persuni.
3. Il-persunal internazzjonali u lokali jistgħu jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-EUAM RCA jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif adatt.
4. Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti bejn l-EUAM RCA u l-membru tal-persunal ikkonċernat.
Artikolu 7
Status tal-EUAM RCA u tal-persunal tagħha
L-istatus tal-EUAM RCA u tal-persunal tagħha, inkluż, fejn xieraq, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel ta’ EUAM RCA, għandhom ikunu s-suġġett ta’ ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 tat-TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE.
Artikolu 8
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUAM RCA. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan f’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat għall-ħatra ta’ Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u biex jiġi emendat il-Pjan Operazzjonali (OPLAN). Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUAM RCA għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill. Id-deċiżjonijiet tal-KPS rigward il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni għandhom jiġu pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom.
Artikolu 9
Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna sabiex jikkontribwixxu għall-EUAM RCA, bil-kondizzjoni li dawn iġarrbu l-ispejjeż tal-persunal issekondat minnhom, inkluż is-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, il-gratifiki għas-sussistenza għal kull jum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mir-Repubblika Ċentru-Afrikana, u bil-kondizzjoni li jikkontribwixxu għall-ispejjeż operazzjonali tal-EUAM RCA, kif meħtieġ.
2. L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUAM RCA għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-EUAM RCA bħall-Istati Membri.
3. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.
4. L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f’konformità mal-Artikolu 37 TUE u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUAM RCA.
Artikolu 10
Sigurtà
1. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar mill-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta’ sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom minn EUAM RCA f’konformità mal-Artikolu 4.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUAM RCA u biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-EUAM RCA, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operazzjonali taħt it-Titolu V TUE, u mal-istrumenti ta’ sostenn tagħha.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi assistit minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni, li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.
4. Il-persunal tal-EUAM RCA għandu jingħata taħriġ mandatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f’konformità mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2).
Artikolu 11
Kapaċità ta’ Sorveljanza
Il-Kapaċità ta’ Sorveljanza għandha tiġi attivata għall-EUAM RCA.
Artikolu 12
Arranġamenti legali
L-EUAM RCA għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tidħol f’kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha, u li tkun parti għal proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.
Artikolu 13
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM RCA għas-sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun EUR 7 100 000. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għal kull perijodu sussegwenti għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f’konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta’ kuntratti ta’ akkwist mill-EUAM RCA għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Barra minn hekk, ma għandha tapplika l-ebda regola ta’ oriġini għall-prodotti mixtrija mill-EUAM RCA. Soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, l-EUAM RCA tista’ tikkonkludi arranġamenti tekniċi ma’ Stati Membri, l-Istat ospitanti, Stati terzi parteċipanti u ma’ atturi internazzjonali oħra, fir-rigward tal-provvista ta’ tagħmir, servizzi u siti lill-EUAM RCA.
3. L-EUAM RCA għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha. Għal dan il-għan, l-EUAM RCA għandha tiffirma ftehim mal-Kummissjoni. L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-linja ta’ kmand prevista fl-Artikoli 3, 4 u 5 u r-rekwiżiti operazzjonali tal-EUAM RCA.
4. L-EUAM RCA għandha tirrapporta b’mod sħiħ lill-Kummissjoni u tkun issorveljata minnha fir-rigward tal-attivitajiet finanzjarji mwettqa fil-qafas tal-ftehim tagħhom.
5. In-nefqa marbuta mal-EUAM RCA għandha tkun eliġibbli mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 14
Konsistenza tar-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni
1. Ir-RGħ għandu jiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni fl-intier tagħha, inkluż il-programmi ta’ żvilupp tal-Unjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Bangui sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-EUTM RCA, il-MINUSCA, l-UNPOL, l-Unjoni Afrikana u, kif adatt, ma’ atturi internazzjonali oħra.
Artikolu 15
Rilaxx ta’ informazzjoni
1. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif adatt u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-EUAM RCA, l-informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” li tiġi ġġenerata għall-finijiet tal-EUAM RCA, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE.
2. Fil-każ ta’ ħtieġa operazzjonali speċifika u immedjata, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat ukoll li jgħaddi lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li hija ġġenerata għall-finijiet tal-EUAM RCA, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Għal dan il-għan għandhom jitfasslu arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.
3. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUAM RCA u li jkun kopert mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (3).
4. Ir-RGħ jista’ jiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 sa 3, kif ukoll il-kapaċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 2, lil persuni taħt l-awtorità tiegħu jew tagħha, lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u lill-Kap tal-Missjoni skont it-Taqsima VII tal-Anness VI tad-Deċiżjoni 2013/488/UE.
Artikolu 16
Tnedija ta’ EUAM RCA
1. Il-Missjoni għandha titnieda permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill fid-data rrakkomandata mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili ta’ EUAM RCA ladarba hija tkun laħqet il-kapaċità operazzjonali inizjali tagħha.
2. It-tim ewlieni tal-EUAM RCA għandu jagħmel it-tħejjijiet neċessarji biex il-EUAM RCA tkun tista’ tilħaq il-kapaċità operattiva inizjali tagħha.
Artikolu 17
Dħul fis-seħħ u durata
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tiskadi sentejn wara t-tnedija tal-EUAM RCA.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Il-missjoni ta’ taħriġ militari tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/610 fid-19 ta’ April 2016 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) (ĠU L 104, 20.04.2016, p. 21).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).