29.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/107


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1992

tas-27 ta’ Novembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f’ċerti Stati Membri billi testendi l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha

(notifikata bid-dokument C(2019) 8571)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju applikabbli għall-kummerċ intra-Unjoni ta’ ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 19(1)(a) u (3)(a) u l-Artikolu 19(4) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 92/119/KEE tistabbilixxi miżuri ġenerali ta’ kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa ta’ ċertu mard tal-annimali, inkluża l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD). Dawn il-miżuri ta’ kontroll jinkludu l-istabbiliment ta’ żoni ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza madwar il-qasam infettat, filwaqt li jipprevedu wkoll it-tilqim ta’ emerġenza f’każ ta’ tifqigħa tal-LSD flimkien ma’ miżuri ta’ kontroll oħra.

(2)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 (5) tistabbilixxi l-miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali li jridu jittieħdu fir-rigward tat-tifqigħat tal-LSD fl-Istati Membri jew f’partijiet minnhom kif elenkati fl-Anness I tagħha, inklużi r-rekwiżiti minimi għall-programmi tat-tilqim kontra l-LSD ippreżentati mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 tiddefinixxi “żoni infettati” bħala l-parti mit-territorju ta’ Stat Membru kif elenkat fil-Parti II tal-Anness I tagħha, li tinkludi ż-żona fejn l-LSD kienet ikkonfermata u kull żona ta’ protezzjoni u ta’ sorveljanza stabbilita f’konformità mad-Direttiva 92/119/KEE, u fejn it-tilqim kontra l-LSD jista’ jiġi implimentat wara l-approvazzjoni tal-programmi tat-tilqim. Tiddefinixxi wkoll “żoni ħielsa bit-tilqim” bħala l-parti tat-territorju ta’ Stat Membru kif elenkat fil-Parti I ta’ dak l-Anness li tinkludi ż-żoni barra miż-żoni infettati, fejn it-tilqim preventiv kontra l-LSD jiġi implimentat wara l-approvazzjoni tal-programmi tat-tilqim.

(3)

F’Awwissu 2015, ġiet ikkonfermata l-LSD fil-Greċja għall-ewwel darba. Fl-2016, kien hemm każijiet ta’ LSD fil-Bulgarija u każijiet addizzjonali fil-Greċja, kif ukoll f’għadd ta’ pajjiżi terzi ġirien. Fl-2017, l-LSD kienet preżenti f’livell iktar baxx fix-Xlokk tal-Ewropa, b’rikorrenza fuq skala kbira fl-Albanija, u xi ftit tifqigħat sporadiċi fil-Greċja u fil-Maċedonja ta’ fuq.

(4)

B’rispons għal dawk it-tifqigħat tal-LSD, l-Istati Membri affettwati, jiġifieri l-Greċja u l-Bulgarija, kif ukoll il-pajjiżi terzi ġirien affettwati, implimentaw programmi ta’ tilqim tal-massa tal-annimali bovini u tar-ruminanti selvaġġi miżmumin. Fl-2016 u fl-2017, il-Kroazja, fejn s’issa ma kienx hemm okkorrenzi tal-LSD, ukoll implimentat programm ta’ tilqim tal-massa kontra l-LSD, bħala miżura preventiva minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi ġirien. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2009 (6) approvat id-diversi programmi ta’ tilqim kontra l-LSD fl-Istati Membri.

(5)

Fl-2018 u sal-lum fl-2019, kien hemm titjib stabbli tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-LSD u ma ġie rrappurtat ebda każ tal-LSD f’ebda Stat Membru u f’ebda pajjiż terz ġar fix-Xlokk tal-Ewropa, ħlief it-Turkija. Matul l-istess sena, it-tilqim tal-massa annwali kontra l-LSD kompla fl-Istati Membri kollha u fil-pajjiżi terzi ġirien fix-Xlokk tal-Ewropa li kienu ġew affettwati bl-LSD.

(6)

Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika favorevoli, il-Kroazja waqqfet it-tilqim preventiv kontra l-LSD sa mill-bidu tal-2018, u ssostitwietu b’sorveljanza sistematika tal-mard. Din is-sorveljanza kkonfermat in-nuqqas tal-LSD matul l-2018. B’riżultat ta’ dan, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/81 (7), sabiex dak l-Istat Membru jitħassar mil-lista ta’ Stati Membri li għandhom status ta’ “żoni ħielsa bit-tilqim” fl-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2009 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/82 (8), sabiex il-Kroazja titħassar mil-lista tal-Istati Membri li għandhom programm approvat ta’ tilqim kontra l-LSD.

(7)

F’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE), fejn it-tilqim kontra l-LSD ma jitkompliex f’pajjiż jew f’żona tiegħu, hemm bżonn ta’ perjodu minimu ta’ tmien xhur qabel ma jista’ jerġa’ jinkiseb l-istatus ta’ ħieles mil-LSD, fil-każ ta’ tilqim preventiv, jew perjodu minimu ta’ 14-il xahar, fil-każ ta’ tilqim b’reazzjoni għal okkorrenza tal-LSD. Għalhekk, il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 jenħtieġ li jibqgħu fis-seħħ għal perjodu minimu ta’ tmien xhur jew 14-il xahar, skont iż-żona, qabel ma jkun jista’ jerġa’ jiġi stabbilit l-istatus ħieles mil-LSD.

(8)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2019, u għaldaqstant il-miżuri attwali fir-rigward tal-LSD fil-Greċja u fil-Bulgarija stabbiliti f’dak l-att mhux se jibqgħu japplikaw wara dik id-data. Minħabba s-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali u ż-żmien minimu meħtieġ biex jerġa’ jinkiseb l-istatus ħieles mil-LSD, huwa meħtieġ li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri għal perjodu ta’ żmien xieraq.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) stabbilixxa qafas leġiżlattiv ġdid fir-rigward tas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni. B’mod aktar partikolari, jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat, inkluża l-LSD. Billi dak ir-Regolament irid japplika mill-21 ta’ April 2021, il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 jenħtieġ li jiġi estiż sal-20 ta’ April 2021.

(10)

Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 tiġi emendata skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008, id-data “31 ta’ Diċembru 2019” hija sostitwita bid-data “20 ta’ April 2021”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)   ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.

(4)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2008 tal-15 ta’ Novembru 2016 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f’ċerti Stati Membri (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 51).

(6)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2009 tal-15 ta’ Novembru 2016 li tapprova l-programmi tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ppreżentati mill-Istati Membri (ĠU L 310, 17.11.2016, p. 66).

(7)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/81 tas-17 ta’ Jannar 2019 li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2008 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda tal-infafet fil-ġilda f’ċerti Stati Membri (ĠU L 18, 21.1.2019, p. 43).

(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/82 tas-17 ta’ Jannar 2019 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2009 li tapprova l-programmi tat-tilqim kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda ppreżentati mill-Istati Membri (ĠU L 18, 21.1.2019, p. 48).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali ) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).