29.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/100 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL EWROPEW (UE) 2019/1989
tat-28 ta’ Novembru 2019
li taħtar lill-Kummissjoni Ewropea
IL-KUNSILL EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 17(7) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-mandat tal-Kummissjoni maħtura permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2014/749/UE (1) ntemm fil-31 ta’ Ottubru 2019. |
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 17(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni 2013/272/UE (2) dwar in-numru ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea. |
(3) |
Kummissjoni ġdida, li tikkonsisti minn ċittadin wieħed ta’ kull Stat Membru, inkluż il-President tagħha u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, jenħtieġ li tinħatar sal-31 ta’ Ottubru 2024. |
(4) |
Il-Kunsill Ewropew innomina lis-Sinjura Ursula VON DER LEYEN bħala l-persuna proposta lill-Parlament Ewropew bħala President tal-Kummissjoni, u l-Parlament Ewropew ħatarha bħala President tal-Kummissjoni fis-Sessjoni Plenarja tiegħu tas-16 ta’ Lulju 2019. |
(5) |
Bid-Deċiżjoni (UE) 2019/1330 (3), il-Kunsill Ewropew, bil-qbil tal-President elett tal-Kummissjoni, ħatar lis-Sur Josep BORRELL FONTELLES bħala r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għall-perijodu minn tmiem il-mandat attwali tal-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru 2024. |
(6) |
Fid-19 ta’ Ottubru 2019, ir-Renju Unit ressaq talba għal estensjoni tal-perijodu previst fl-Artikolu 50(3) TUE sal-31 ta’ Jannar 2020. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2019, l-abbozz tat-test tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li testendi dak il-perijodu sad-data mitluba ntbagħat lir-Renju Unit għall-qbil tiegħu. Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Ottubru 2019, ir-Renju Unit qabel, f’konformità mal-Artikolu 50(3) TUE, kemm mal-estensjoni kif ukoll mat-test tal-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew. Fid-29 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill Ewropew adotta dik id-Deċiżjoni (4). |
(7) |
Permezz tal-qbil mad-Deċiżjoni (UE) 2019/1810, ir-Renju Unit ikkonferma l-impenn tiegħu li jaġixxi b’mod kostruttiv u responsabbli matul il-perijodu tal-estensjoni skont id-dover tal-kooperazzjoni leali. Qabel ukoll li l-estensjoni ma setgħetx titħalla timmina l-funzjonament regolari tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, peress li l-konsegwenza tal-estensjoni hi li, skont l-Artikolu 50 TUE, ir-Renju Unit jibqa’ Stat Membru bid-drittijiet u l-obbligi kollha sad-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit qabel li dan jinkludi l-obbligu li jissuġġerixxi kandidat għal ħatra bħala membru tal-Kummissjoni. Madankollu, ir-Renju Unit ma ssuġġeriex kandidat għal Kummissarju. |
(8) |
Fis-6 ta’ Novembru 2019, il-President elett tal-Kummissjoni stiednet lir-Renju Unit biex jissuġġerixxi persuna waħda jew aktar li, minħabba l-kompetenza ġenerali, l-indipendenza u l-impenn Ewropew tagħha, tkun idonea biex issir membru tal-Kummissjoni li jmiss. Ir-Renju Unit ma weġibx għal dik l-ittra. Fit-12 ta’ Novembru 2019, il-President elett tal-Kummissjoni bagħtet it-tieni ittra bl-istess stedina, fejn fakkret fl-obbligi tar-Renju Unit taħt it-TUE, u d-Deċiżjoni (UE) 2019/1810. Fit-13 ta’ Novembru 2019, ir-Renju Unit wieġeb għaż-żewġ ittri u indika li r-Renju Unit ma kienx f’pożizzjoni li jissuġġerixxi kandidat għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju minħabba l-elezzjoni ġenerali li kienet ser issir. Fl-14 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedimenti ta’ ksur kontra r-Renju Unit, wara li dan naqas li jissuġġerixxi kandidat għal Kummissarju, billi bagħtet ittra ta’ notifika formali lir-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). F’dik l-ittra, il-Kummissjoni fakkret li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet li jipprevalu fis-sistema legali domestika tiegħu biex jiġġustifika nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. L-awtoritajiet tar-Renju Unit kellhom sat-22 ta’ Novembru 2019 biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dik l-ittra ta’ notifika formali. |
(9) |
Il-Kunsill Ewropew jinnota li minkejja l-obbligi skont id-dritt tal-Unjoni li ġew imfakkra fid-Deċiżjoni (UE) 2019/1810 u li magħhom ir-Renju Unit qabel speċifikament, ir-Renju Unit ma ssuġġerixxa ebda kandidat għal membru tal-Kummissjoni. Ma jistax ikun li dan jimmina l-funzjonament regolari tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet tagħha u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi ostaklu għall-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss sabiex din tibda teżerċita l-firxa sħiħa tas-setgħat tagħha skont it-Trattati mill-aktar fis possibbli. Il-Kunsill Ewropew jinnota li minkejja li b’dan qed jinħatru biss 27 persuna bħala Membri tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni hija magħmula, f’konformità mad-Deċiżjoni 2013/272/UE, minn numru ta’ Membri li huwa daqs in-numru ta’ Stati Membri. Huwa jinnota wkoll li wara li l-Kummissjoni tiġi maħtura, ser ikun japplika t-tieni paragrafu tal-Artikolu 246 TFUE. |
(10) |
Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1393 (5), il-Kunsill adotta bi qbil komuni mal-President elett tal-Kummissjoni l-lista tal-persuni l-oħra li huwa jipproponi li jinħatru Membri tal-Kummissjoni. Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1949 (6), li tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni (UE) 2019/1393, il-Kunsill adotta bi qbil komuni mal-President elett tal-Kummissjoni lista ġdida tal-persuni l-oħra li huwa jipproponi li jinħatru Membri tal-Kummissjoni. |
(11) |
Permezz tal-votazzjoni li saret fis-27 ta’ Novembru 2019, il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-ħatra, bħala korp, tal-President, tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-membri l-oħrajn tal-Kummissjoni. |
(12) |
Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni tiġi maħtura, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Dawn li ġejjin b’dan jinħatru għall-Kummissjoni Ewropea, għall-perijodu mill-1 ta’ Diċembru 2019 sal-31 ta’ Ottubru 2024:
— |
bħala President: is-Sinjura Ursula VON DER LEYEN |
— |
bħala membru, Viċi President, skont l-Artikolu 18(4) TUE: is-Sur Josep BORRELL FONTELLES, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà |
— |
bħala Membri: is-Sur Thierry BRETON is-Sinjura Helena DALLI is-Sur Valdis DOMBROVSKIS is-Sinjura Elisa FERREIRA is-Sinjura Mariya GABRIEL is-Sur Paolo GENTILONI is-Sur Johannes HAHN is-Sur Phil HOGAN is-Sinjura Ylva JOHANSSON is-Sinjura Věra JOUROVÁ is-Sinjura Stella KYRIAKIDES is-Sur Janez LENARČIČ is-Sur Didier REYNDERS is-Sur Margaritis SCHINAS is-Sur Nicolas SCHMIT is-Sur Maroš ŠEFČOVIČ is-Sinjura Kadri SIMSON is-Sur Virginijus SINKEVIČIUS is-Sinjura Dubravka ŠUICA is-Sur Frans TIMMERMANS is-Sinjura Jutta URPILAINEN is-Sinjura Adina VĂLEAN is-Sur Olivér VÁRHELYI is-Sinjura Margrethe VESTAGER is-Sur Janusz WOJCIECHOWSKI. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2019.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kunsill Ewropew
Il-President
D. TUSK
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2014/749/UE tat-23 ta’ Ottubru 2014 li taħtar lill-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 311, 31.10.2014, p. 36).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/272/UE tat-22 ta’ Mejju 2013 dwar in-numru ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 98).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1330 tal-5 ta’ Awwissu 2019 li taħtar ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ĠU L 207, 7.8.2019, p. 36).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tad-29 ta’ Ottubru 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 278 I, 30.10.2019, p. 1).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1393, meħuda bi qbil komuni mal-President elett tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Settembru 2019 li tadotta l-lista tal-persuni l-oħra li l-Kunsill jipproponi għall-ħatra bħala Membri tal-Kummissjoni (ĠU L 233 I, 10.9.2019, p. 1).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1949, meħuda bi qbil komuni mal-President elett tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Novembru 2019 li tadotta l-lista tal-persuni l-oħra li l-Kunsill jipproponi għall-ħatra bħala Membri tal-Kummissjoni, u li tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni (UE) 2019/1393 (ĠU L 304, 26.11.2019, p. 16).