29.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 308/95


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1987

tal-25 ta’ Novembru 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (il-“Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016 fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar ’il quddiem. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod provviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu.

(2)

Il-Ftehim ġie konkluż fis-17 ta’ Mejju 2019 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2).

(3)

Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-“Kunsill tal-Membri”) għandu jadotta deċiżjonijiet li jimmodifikaw l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ.

(4)

Il-Kunsill tal-Membri, matul il-110 sessjoni tiegħu mill-25 ta’ Novembru sad-29 ta’ Novembru 2019, għandu jadotta deċiżjoni li timmodifika l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ (id-“deċiżjoni modifikatriċi”).

(5)

Jenħtieġ li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri, billi d-deċiżjoni modifikatriċi li għandha tiġi adottata ser ikollha effetti legali fuq l-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali mal-membri l-oħra tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC, International Olive Council) u ser tkun tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-istandards dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Id-deċiżjoni modifikatriċi li għandha tiġi adottata mill-Kunsill tal-Membri tikkonċerna korrezzjonijiet ta’ żbalji ta’ editjar f’taqsimiet relatati mal-kriterji ta’ purità u mal-kriterji ta’ kwalità u ż-żieda ta’ ġerarkija ta’ deċiżjonijiet ġdida għaż-żjut taż-żebbuġa verġni lampante. Id-deċiżjoni modifikatriċi ġiet diskussa b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-qasam taż-żejt taż-żebbuġa. Hija ser tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards taż-żejt taż-żebbuġa u tistabbilixxi qafas li ser jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta’ prodotti tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa. Jenħtieġ għalhekk li d-deċiżjoni modifikatriċi tiġi appoġġata, u konsegwentement ser ikunu meħtieġa emendi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 (4).

(7)

Jekk l-adozzjoni tad-deċiżjoni modifikatriċi matul il-110 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri tiġi posposta minħabba li ċerti Membri ma jkunux f’pożizzjoni li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, jenħtieġ li l-pożizzjoni stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-qafas ta’ proċedura possibbli għall-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, f’konformità mal-Artikolu 10(6) tal-Ftehim. Il-proċedura għall-adozzjoni permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza jenħtieġ li tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tal-Kunsill tal-Membri f’Ġunju 2020.

(8)

Sabiex jitħarsu l-interessi tal-Unjoni jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jkunu jistgħu jitolbu l-posponiment tal-adozzjoni tad-deċiżjoni modifikatriċi fil-110 sessjoni tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Membri jekk ir-rilevanza tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul dik is-sessjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri matul il-110 sessjoni tiegħu mill-25 ta’ Novembru sad-29 ta’ Novembru 2019, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza li għandha tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tiegħu f’Ġunju 2020, fir-rigward tal-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ, hija indikata fl-Anness.

Artikolu 2

Jekk il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew matul il-110 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri, l-Unjoni għandha titlob li l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Membri ta’ deċiżjoni li timmodifika l-istandards kummerċjali applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi ta’ dik l-informazzjoni l-ġdida.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERIN


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1).

(3)  Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta’ Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal taż-żejt taż-żebbuġa u dwar il-metodi ta’ analiżi rilevanti (ĠU L 248, 5.9.1991, p. 1).


ANNESS

L-Unjoni għandha tappoġġa r-reviżjoni tal-istandard kummerċjali COI/T.15/NC Nru. 3/Rev. 13 applikabbli għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mir-residwi taż-żebbuġ fil-110 sessjoni tal-Kunsill tal-Membri mill-25 ta’ Novembru sad-29 ta’ Novembru 2019, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza li għandha tinbeda qabel is-sessjoni regolari li jmiss tiegħu f’Ġunju 2020. Dik ir-reviżjoni ser tikkoreġi żbalji ta’ editjar f’taqsimiet relatati ma’ kriterji ta’ purità u kriterji ta’ kwalità u ser iżżid ġerarkija ta’ deċiżjonijiet ġdida għaż-żjut taż-żebbuġa verġni lampante.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri jistgħu jaqblu li jsiru adattamenti tekniċi f’metodi jew dokumenti oħra tal-IOC mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill jekk dawk l-adattamenti tekniċi jirriżultaw mir-reviżjoni msemmija fl-ewwel paragrafu.