27.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1955

tal-21 ta’ Novembru 2019

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ rigward l-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-rieżami tal-Fehim għal Dispożizzjonijiet Amministrattivi dwar il-Kwoti Tariffarji ta’ Prodotti Agrikoli (“Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji”)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-22 ta’ Diċembru 1994, il-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-“Ftehim tad-WTO”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2)

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”) għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali.

(3)

Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn laqgħa oħra tal-Konferenza Ministerjali l-funzjonijiet tal-Konferenza Ministerjali għandhom jitmexxew mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO.

(4)

Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, il-korpi tad-WTO normalment jieħdu d-deċiżjonijiet b’kunsens.

(5)

F’Diċembru 2013, id-Disa’ Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO adottat Deċiżjoni Ministerjali dwar il-Fehim għal Dispożizzjonijiet Amministrattivi dwar il-Kwoti Tariffarji ta’ Prodotti Agrikoli, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura (WT/MIN(13)/39) (Il-“Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji”) li jirregola l-ġestjoni tal-kwoti tariffarji ta’ prodotti agrikoli.

(6)

Skont il-paragrafu 13 tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji, għandu jinbeda rieżami tal-operat tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-adozzjoni tagħha, li jqis l-esperjenza miksuba sa dak iż-żmien. L-objettiv ta’ dan ir-rieżami huwa li jippromwovi proċess kontinwu ta’ titjib fl-utilizzazzjoni tal-kwoti tariffarji.

(7)

Skont il-paragrafu 13 tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji, il-Kumitat għall-Agrikoltura pproċeda bir-rieżami ta’ dak il-Fehim fl-2018. Is-sejbiet tar-rieżami ser jiġu ppreżentati fil-laqgħa ta’ Diċembru 2019 tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO fil-forma ta’ rapport maħruġ mill-Kumitat għall-Agrikoltura (Rapport Nru G/AG/29 “Rieżami tal-Operat tad-Deċiżjoni Bali dwar l-Amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji” tal-31 ta’ Ottubru 2019).

(8)

Minħabba n-nuqqas ta’ kunsens fost il-membri tad-WTO dwar l-emendi sostantivi għall-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji, ir-rapport jirrakkomanda li l-perijodu ta’ reviżjoni jittawwal sa tmiem l-2021, sabiex ikun jista’ jintlaħaq kunsens dwar emendi sostantivi. Ir-rapport jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet maħsuba biex tiżdied it-trasparenza tal-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji.

(9)

Fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 2019, il-Kunsill Ġenerali tad-WTO jenħtieġ li jiġi mistieden jikkunsidra l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fl-Anness 2 tar-Rapport Nru G/AG/29 fil-forma ta’ deċiżjoni dwar ir-rieżami tal-Fehim dwar il-Kwoti Tariffarji.

(10)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO, billi d-Deċiżjoni li għandha tiġi adottata ser tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

(11)

Fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO, l-Unjoni għandha tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-“Kunsill Ġenerali tad-WTO”) fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 2019 għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO li tadotta r-rakkomandazzjonijiet magħmula lill-Kunsill Ġenerali tad-WTO mill-Kumitat dwar l-Agrikoltura fl-Anness 2 tar-Rapport tiegħu Nru G/AG/29 tal-31 ta’ Ottubru 2019 mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Tibdiliet minuri għal dak l-abbozz ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SKINNARI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, 23.12.1994, p. 1).


Kumitat dwar l-Agrikoltura

G/AG/29

fil-31 ta’ Ottubru 2019

RIEŻAMI TAL-OPERAT TAD-DEĊIŻJONI TA’ BALI DWAR L-AMMINISTRAZZJONI TAL-KWOTI TARIFFARJI

RAPPORT LILL-KUNSILL ĠENERALI

1.1.   

Waqt id-Disa’ Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali, il-Ministri adottaw id-Deċiżjoni dwar “il-Fehim għal Dispożizzjonijiet Amministrattivi dwar il-Kwoti Tariffarji ta’ Prodotti Agrikoli, kif definit fl-Artikolu 2 tal-Ftehim dwar l-Agrikoltura” (WT/MIN (13)/39) (“Id-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji”). Il-Ministri taw struzzjonijiet lill-Kumitat biex jirrieżamina u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Membri stabbiliti taħt id-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji bl-objettiv li r-rieżami jippromwovi proċess kontinwu ta’ titjib fl-utilizzazzjoni tal-kwoti tariffarji, li beda mhux aktar tard mill-2017, u li jqis l-esperjenza miksuba sa dak iż-żmien (1). Id-diskussjonijiet għal Rieżami bdew fil-laqgħa tal-Kumitat f’Ottubru 2017 (2). Waqt il-laqgħa ta’ Frar 2018, il-Kumitat qabel mal-proċess u l-iskedi ta’ żmien biex jitwettaq ir-Rieżami fid-dokument G/AG/W/171 (3). Skont il-proċedura maqbula, ir-rieżami twettaq permezz ta’ laqgħat informali u miftuħa tal-Kumitat skedati biex jaħbtu mal-laqgħat regolari tal-Kumitat (4).

1.2.   

Il-membri ddiskutew ir-Rieżami f’erba’ laqgħat informali tal-Kumitat fl-2018, fl-20 ta’ Frar, fil-11 ta’ Ġunju, fil-25 ta’ Settembru u fis-26 ta’ Novembru. Matul il-laqgħa informali ta’ Novembru saret sessjoni tematika dwar l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji u l-użu insuffiċjenti li kienet tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-industrija. Waqt id-diskussjonijiet dwar ir-rieżami kien hemm ukoll għadd ta’ kontributi bil-miktub mill-Membri. B’mod simili, b’reazzjoni għal talbiet mill-Membri u skont il-proċess u l-iskedi ta’ żmien miftiehma biex jitwettaq ir-rieżami, is-Segretarjat ħejja dokument ta’ sfond (5) dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji u r-rati ta’ mili biex jitħaffef ir-Rieżami. L-Anness 1 jinkludi lista tad-dokumenti kollha bil-miktub ikkunsidrati s’issa fir-rieżami.

1.3.   

Il-membri identifikaw it-temi li ġejjin fid-diskussjonijiet tar-rieżami: 1) Implimentazzjoni effettiva u segwitu tal-obbligi sostantivi li joħorġu mid-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji; 2) Rekwiżiti ta’ trasparenza tal-Kwoti Tariffarji; 3) Mekkaniżmu f’Każ ta’ Insuffiċjenza. Xi elementi (6) mqajma taħt kull waħda mit-tliet temi, inkluż matul id-diskussjonijiet tematiċi f’Novembru, huma indikati hawn taħt.

IMPLIMENTAZZJONI U SEGWITU EFFETTIVI

i.

Riallokazzjoni ta’ liċenzji mhux użati fi kwota tariffarja;

ii.

Proċessi ta’ riallokazzjoni, inkluż allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (7);

iii.

Il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki dwar it-titjib tal-mili tal-kwoti tariffarji, inkluż riallokazzjoni tal-kwoti tariffarji skont il-Ftehimiet Kummerċjali Reġjonali (l-RTAs).

REKWIŻITI TA’ TRASPARENZA TAL-KWOTI TARIFFARJI

i.

Notifiki dwar Kwoti Tariffarji fil-ħin u kompluti;

ii.

Rappurtar fil-pront ta’ bidliet fl-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji;

iii.

Rapportar konsistenti tar-rati ta’ milli mill-Membri kollha b’impenji tal-Kwoti Tariffarji;

iv.

Prattiki ta’ notifika armonizzati (eż. għal Kwoti Tariffarji mhux miftuħa jew Kwoti Tariffarji mingħajr vantaġġ tariffarju);

v.

Rapportar bir-raġunijiet f’każijiet ta’ insuffiċjenza;

vi.

Il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi nazzjonali u tal-aħjar prattiki ta’ amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji;

vii.

Trattament speċjali u differenzjali (It-toqol tar-rekwiżit ta’ notifika);

viii.

Konnessjoni mar-rekwiżit ta’ notifika fil-qasam tal-proċeduri tal-ħruġ ta’ liċenzji għall-importazzjoni;

ix.

Assistenza teknika mis-Segretarjat lejn konformità ta’ notifika mtejba min-naħa tal-Membri.

MEKKANIŻMU F’KAŻ TA’ UŻU INSUFFIĊJENTI

i.

Obbligi differenti tal-Membri (il-paragrafu 4 tal-Anness A);

ii.

Trattament speċjali u differenzjali;

iii.

Applikabbiltà potenzjalment inqas minn universali fil-futur;

iv.

Konnessjoni bejn l-Anness B u l-paragrafu 4 tal-Anness A;

v.

Esplorazzjoni tal-kawżi ta’ każijiet ta’ użu insuffiċjenti;

vi.

Eżaminazzjoni mmirata tal-Kwoti Tariffarji f’każijiet ta’ użu insuffiċjenti f’xi setturi speċifiċi;

vii.

Applikabbiltà prattika tal-Mekkaniżmu f’Każ ta’ Użu Insuffiċjenti (esplorazzjoni tar-raġunijiet inkluża l-kumplessità potenzjali, dwar għaliex għadu ma ġiex invokat, il-kondiviżjoni ta’ esperjenzi, is-simplifikazzjoni ta’ rekwiżiti proċedurali);

viii.

Iż-żamma ta’ lista ta’ Kwoti Tariffarji b’każijiet ta’ użu insuffiċjenti mis-Segretarjat.

1.4.

Dwar il-kwistjoni tal-operat fil-futur tal-paragrafu 4 tal-Mekkaniżmu f’Każ ta’ Użu Insuffiċjenti u tad-dispożizzjoni S&D (Speċjali u Differenzjat) assoċjata miegħu, il-pożizzjonijiet tal-Membri kienu diverġenti. Xi Membri li qed jiżviluppaw sostnew li d-dispożizzjonijiet S&D fid-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji ma għandhomx jiddgħajfu; xi Membri oħra argumentaw li t-trattament S&D għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma għandux iwassal għal konċessjoni u li l-pajjiżi benefiċjarji li qed jiżviluppaw għandhom minflok jassumu l-impenji tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni tal-Kwoti Tariffarji filwaqt li jieħdu kont tal-istatus ta’ żvilupp tagħhom.

1.5.

Diversi Membri kkunsidraw li l-ambitu ta’ dan ir-rieżami huwa limitat għat-tiftix ta’ titjib fl-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji biex jiddistingwihom min-negozjati dwar l-aċċess għas-suq. Oħrajn irreferew għall-possibbiltà li n-negozjati dwar il-Kwoti Tariffarji jiddaħħlu fin-negozjati dwar l-aċċess għas-suq.

Skont il-paragrafi 13-15 tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji (WT/MIN (13)/39), il-Kumitat, fil-laqgħa tiegħu tal-31 ta’ Ottubru 2019, jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet li ġejjin kif inklużi fl-Anness 2 ta’ dan ir-rapport għall-kunsiderazzjoni mill-Kunsill Ġenerali.


(1)  Il-paragrafu 13 ta’ WT/MIN (13)/39. Għadha ma ġiet irrappurtata l-ebda esperjenza fir-rigward tar-rikors għall-Mekkaniżmu f’Każ ta’ Użu Insuffiċjenti.

(2)  Irreferi għat-Taqsima 2.2.1 ta’ G/AG/R/86.

(3)  Irreferi għat-Taqsima 2.5.1 ta’ G/AG/R/87.

(4)  Waqt il-laqgħa ta’ Ġunju 2019, il-Kumitat qabel li jestendi l-iskeda ta’ żmien għal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Ottubru 2019 biex jiġi ffinalizzat ir-rapport tar-Rieżami.

(5)  G/AG/W/183.

(6)  Ma hemm l-ebda ftehim fost il-Membri dwar dawn l-elementi jew dwar it-trattament tagħhom fir-rakkomandazzjonijiet.

(7)  Il-paragrafu 9 tad-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji jirreferi għall-proċess ta’ riallokazzjoni. Barra minn hekk, in-noti 3 u 5 ta’ qiegħ il-paġna tal-Anness A tad-Deċiżjoni ta’ Bali jirreferu għad-drittijiet tal-Membri li jkollhom allokazzjoni speċifika għall-pajjiż speċifikament fil-kuntest tal-mekkaniżmu f’każ ta’ użu insuffiċjenti.


ANNESS 1

Lista tad-dokumenti

G/AG/W/169

fl-10 ta’ Ottubru 2017.

Monitoraġġ u rieżami tal-obbligi tal-Membri stabbiliti skont id-Deċiżjoni ta’ Bali dwar l-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji.

Nota mis-Segretarjat

G/AG/W/171

fid-9 ta’ Frar 2018.

Proċess propost għar-Rieżami tal-Operat tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar l-Amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji.

Nota mis-Segretarjat

G/AG/W/175

fit-18 ta’ Mejju 2018.

u

G/AG/W/175/Add.1

fis-7 ta’ Mejju2019.

Sottomissjoni tal-Unjoni Ewropea lill-Kumitat għall-Agrikoltura dwar il-Proċess għar-Rieżami tal-Operat tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar l-Amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji (1).

Komunikazzjoni mill-Unjoni Ewropea

G/AG/W/179

fis-6 ta’ Ġunju2018.

Rieżami tal-Operat tad-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali dwar “Il-Fehim dwar id-dispożizzjonijiet Amministrattivi tal-Kwoti Tariffarji għall-Prodotti Agrikoli...” (2).

Sottomissjoni mill-Cairns Group

G/AG/W/183

fil-31 ta’ Lulju 2018.

Metodi ta’ amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji u rati ta’ mili 2007–2016.

Dokument ta’ Sfond mis-Segretarjat

G/AG/W/186

fid-19 ta’ Settembru 2018.

Rieżami tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-ġestjoni tal-Kwoti Tariffarji.

Sottomissjoni mill-Awstralja

G/AG/W/197

fl-24 ta’ Mejju 2019.

Il-Mekkaniżmu f’każ ta’ użu insuffiċjenti tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar l-Amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji

Sottomissjoni f’isem il-Cairns Group


(1)  Dokument G/AG/W/171 tad-9 ta’ Frar 2018.

(2)  WT/MIN (13)/39 u WT/L/914 datat il-11 ta’ Diċembru 2013.


ANNESS 2

1.   

L-iskeda ta’ żmien speċifikata fil-Paragrafu 14 u n-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji għal deċiżjoni dwar il-Paragrafu 4 tal-Anness A għandha tiġi estiża sal-aħħar tal-2021. Ir-referenzi kollha għat-“12-il Konferenza Ministerjali” u għall-“31 ta’ Diċembru 2019” fil-paragrafi 13-14 u fin-nota 2 ta’ qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji għandhom jinftiehmu li huma t-“13-il Konferenza Ministerjali” u l-“31 ta’ Diċembru 2021” rispettivament. Fl-aspetti l-oħra, it-termini tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji jibqgħu l-istess. Għal aktar ċertezza, il-Membri elenkati fl-Anness B tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji jibqgħu bid-dritt li jwaqqfu l-applikazzjoni tal-paragrafu 4 tal-Anness A fil-31 ta’ Diċembru 2021 jew wara din id-data jekk la l-Konferenza Ministerjali u lanqas il-Kunsill Ġenerali ma jkunu ddeċidew li jestendu l-paragrafu 4 tal-Anness A sa dik id-data.

2.   

Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza ta’ trasparenza mtejba tal-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji u tar-rati ta’ mili kif ukoll tas-sottomissjoni f’waqtha ta’ notifiki mill-Membri, u filwaqt li jirrikonoxxi li s-sistema ta’ notifika online dwar l-agrikoltura għandha twassal għal armonizzazzjoni mtejba, il-Kumitat jaqbel dwar dan li ġej:

(a)

Is-Segretarjat ser iħejji lista tal-prattiki ta’ notifika tal-Kwoti Tariffarji eżistenti tal-Membri inkluż f’każijiet fejn ma tkunx infetħet Kwota Tariffarja skedata.

(b)

Il-Kumitat ser jagħti bidu għal diskussjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-prattiki ta’ notifika tal-Kwoti Tariffarji għall-Membri, inkluż għar-rati ta’ mili tal-Kwoti Tariffarji.

(c)

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Membri biex jinkludu spjegazzjoni fin-notifiki tagħhom tat-Tabella MA:2 f’każijiet fejn il-Kwoti Tariffarji skedati ma jinfetħux.

(d)

Is-Segretarjat ser jaġġorna l-informazzjoni dwar l-amministrazzjoni tal-Kwoti Tariffarji u r-rati ta’ mili regolarment kif inklużi f’G/AG/W/183 (1) kif ukoll l-informazzjoni aġġornata li fuqha l-Membri jkunu nnotifikaw ir-rati ta’ mili u dwar kwistjonijiet li tqajmu fil-Kumitat dwar ir-rati ta’ mili.

3.   

Il-Kumitat jaqbel li kull tliet snin wara l-konklużjoni ta’ dan ir-rieżami jwettaq rieżamijiet regolari tad-Deċiżjoni ta’ Bali dwar il-Kwoti Tariffarji. Dawn ir-rieżamijiet regolari ser jinkludu, fost l-oħrajn, eżaminazzjoni tal-użu tal-Mekkaniżmu f’Każ ta’ Użu Insuffiċjenti abbażi tas-sottomissjonijiet mill-Membri.


(1)  In-nota ta’ sfond tas-Segretarjat tista’ tinkludi speċifikament lista ta’ Kwoti Tariffarji fejn ma tkun tressqet l-ebda notifika tat-Tabella MA:2 jew fejn ir-rata ta’ mili hija inqas minn 65 %.