20.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 299/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1924

tal-31 ta’ Lulju 2019

dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Mali dwar l-istatus tal-missjoni PESD tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(5) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ April 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/219/PESK (1) dwar il-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali).

(2)

L-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2014/219/PESK tistipula li l-istatus tal-EUCAP Sahel Mali u tal-persunal tagħha, inklużi, fejn meħtieġ, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel ta’ EUCAP Sahel Mali, għandhom ikunu l-oġġett ta’ Ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mali (2) (il-“Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri”), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/853/PESK (3) u konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mali fil-31 ta’ Ottubru 2014, ta lil EUCAP Sahel Mali status fil-Mali.

(4)

Fit-12 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Mali bil-ħsieb li jikkonkludi ftehim dwar l-istatus ta’ EUCAP Sahel Mali (il-“Ftehim”) biex jissostitwixxi l-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri.

(5)

Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Mali dwar l-istatus tal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew il-persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Lulju 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK tal-15 ta’ April 2014 dwar il-Missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea f'Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21).

(2)  Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mali dwar l-istatus tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea f’Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 344, 29.11.2014, p. 3).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/853/PESK tat-8 ta’ Ottubru 2014 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mali dwar l-istatus tal-Missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea f’Mali (EUCAP Sahel Mali) (ĠU L 344, 29.11.2014, p. 1).