14.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/103


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/1904

tat-8 ta’ Novembru 2019

li titlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta studju fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-528/16 rigward l-istatus ta’ tekniki ġenomiċi ġodda skont il-liġi tal-Unjoni, u proposta, jekk ikun xieraq fid-dawl tar-riżultati tal-istudju

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 241 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont id-definizzjoni stabbilita fid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), “organiżmu ġenetikament modifikat (GMO)” ifisser organiżmu, bl-eċċezzjoni ta’ bnedmin, li fih il-materjal ġenetiku jkun ġie modifikat b’tali manjiera li ma jseħħx fin-natura b’akkoppjar u/jew rekombinazzjoni naturali. Listi ta’ tekniki jagħmlu din id-definizzjoni kompluta u jispeċifikaw l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Id-definizzjoni u l-listi ta’ tekniki ġew abbozzati fid-dawl ta’ dawk it-tekniki ta’ tnissil li kienu disponibbli u użati fi żmien l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE.

(2)

Minn dak iż-żmien ’l hawn sar progress sostanzjali fl-iżvilupp ta’ tekniki ġodda ta’ tnissil, li waslu għal inċertezza jekk dawk it-tekniki ġodda ta’ tnissil jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ GMO u l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE jew le u, konsegwentement, jekk il-prodotti miksuba permezz tagħhom għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi stabbiliti fid-Direttiva.

(3)

Permezz tas-sentenza tagħha fil-Kawża C-528/16 (2), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li l-kkunsidrat l-objettivi ġenerali tad-Direttiva 2001/18/KE, iddeċidiet li t-tekniki ġodda ta’ mutaġenesi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u huma soġġetti għall-obbligi stabbiliti fiha.

(4)

Id-deċiżjoni tat ċarezza legali rigward l-istatus ta’ tekniki ġodda ta’ mutaġenesi, iżda qajmet ukoll kwistjonijiet prattiċi li għandhom konsegwenzi għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, l-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari fis-settur tat-tnissil tal-pjanti, ir-riċerka u lil hinn. Dawk il-kwistjonijiet jikkonċernaw, fost l-oħrajn, kif tiġi żgurata l-konformità mad-Direttiva 2001/18/KE meta prodotti miksuba permezz ta’ tekniki ġodda ta’ mutaġenesi ma jkunux jistgħu jintgħarfu, bl-użu ta’ metodi ġodda, minn prodotti li jirriżultaw minn mutazzjoni naturali, u kif, f’sitwazzjoni bħal din, jiġi żgurat it-trattament ugwali bejn prodotti importati u prodotti maħluqa fl-Unjoni.

(5)

Il-Kunsill iqis li huwa meħtieġ studju biex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni, f’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (3), u b’mod partikolari l-paragrafu 10 tiegħu dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 225 u 241 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta, sat-30 ta’ April 2021, studju fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-528/16 rigward l-istatus ta’ tekniki ġenomiċi ġodda skont il-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 2

1.   Il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta, jekk ikun jixraq fid-dawl tal-eżiti tal-istudju, jew b’mod ieħor tinforma lill-Kunsill dwar miżuri oħra meħtieġa bħala segwitu għall-istudju.

2.   F’konformità mal-prassi normali, il-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-proposta tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

L. ANDERSSON


(1)  Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

(2)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et vs Premier ministre u Ministre de l’agriculture, de l’agroalimentaire et de la forêt, C-528/16, ECLI:EU:C:2018:583.

(3)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.