6.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 285/9


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1854

tad-29 ta’ Ottubru 2019

dwar it-twaqqif ta’ Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għal Teknoloġiji tal-Immaġni fi Xjenzi Bijoloġiċi u Bijomediċi — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka tal-Euro-BioImaging (Euro-BioImaging ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2019) 7612)

(It-testi bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Portugiż u l-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, Franza, l-Iżrael, l-Italja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, in-Norveġja, il-Portugall, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u l-Laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Molekulari ppreżentaw lill-Kummissjoni applikazzjoni biex tiġi stabbilita Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għal Teknoloġiji tal-Immaġni fi Xjenzi Bijoloġiċi u Bijomediċi — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Euro-BioImaging (Euro-BioImaging ERIC) (“l-applikazzjoni”). Il-Belġju għamel l-għażla tiegħu li jipparteċipa fl-Euro-BioImaging ERIC inizjalment bħala osservatur. L-applikanti qablu li l-Finlandja tkun l-Istat Membru ospitanti tal-Euro-BioImaging ERIC.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

(3)

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Ftehim dwar il-Ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, u soġġett għad-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 (3), fl-1 ta’ Novembru 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(4)

Wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim dwar il-ħruġ, ir-Renju Unit se jitqies bħala pajjiż terz skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(5)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għal Teknoloġiji tal-Immaġni fi Xjenzi Bijoloġiċi u Bijomediċi — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka Euro-BioImaging (Euro-BioImaging ERIC) hija stabbilita.

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Franċiża, l-Istat ta’ Iżrael, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Laboratorju Ewropew tal-Bioloġija Molekulari.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta’ Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet [2016/755] (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101, 11.4.2019, p. 1).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-EURO-BIOIMAGING ERIC

L-Artikoli u l-paragrafi li ġejjin tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging-ERIC jipprevedu l-elementi essenzjali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009.

1.   Kompiti u attivitajiet (l-Artikolu 1 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

(1)

Il-kompitu prinċipali tal-Euro-BioImaging ERIC għandu jkun li jistabbilixxi u jopera infrastruttura ta’ immaġini ta’ riċerka distribwita madwar l-Ewropa li tipprovdi aċċess miftuħ għal teknoloġiji innovattivi ta’ teħid ta’ immaġni bijoloġiċi u mediċi għar-riċerkaturi. Il-Euro-BioImaging ERIC għandu l-għan ukoll li jipprovdi servizzi speċjalizzati ta’ data tal-immaġini u ta’ taħriġ għat-twettiq ta’ riċerka avvanzata li tuża teknoloġiji ta’ immaġni.

(2)

Fit-twettiq tal-kompitu prinċipali tiegħu, u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Istatuti u b’eżekuzzjoni tal-Pjan Strateġiku tal-EuroBioImaging ta’ ħames snin, il-Euro-BioImaging ERIC għandu, b’mod partikolari, iwettaq l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

aċċess fiżiku miftuħ għal infrastruttura tal-immaġini;

(b)

għarfien espert u servizzi avvanzati għall-utenti tat-teknoloġija;

(c)

taħriġ għall-utenti tat-teknoloġija, persunal tal-faċilità u esperti tat-teknoloġija;

(d)

analiżi tad-data u appoġġ għall-ħżin ta’ data tal-immaġni maħluqa mill-utent;

(e)

aċċess virtwali miftuħ għal softwer ta’ analiżi tal-immaġni u għal repożitorji tad-data tal-immaġini ta’ interess pubbliku;

(f)

standards ta’ kwalità għolja għall-akkwist ta’ immaġni, għat-taħriġ u għall-ġestjoni tad-data;

(g)

attivitajiet ta’ koordinazzjoni u integrazzjoni fil-livell Ewropew għall-komunitajiet ta’ immaġni xjentifiċi;

(h)

kwalunkwe attività oħra meħtieġa biex twettaq il-kompitu prinċipali tiegħu.

(3)

Il-Euro-BioImaging ERIC jista’ wkoll iwettaq attivitajiet oħra, bħal:

(a)

il-promozzjoni tal-Euro-BioImaging ERIC;

(b)

l-implimentazzjoni ta’ żviluppi teknoloġiċi relatati mas-servizzi;

(c)

attivitajiet ta’ żvilupp konġunti permezz ta’ programm ta’ żvilupp fit-tul koordinat li jinvolvi kollaborazzjoni bejn il-Euro-BioImaging Nodes u gruppi ta’ utenti, inkluża l-industrija;

(d)

trasferiment ta’ għarfien lill-industrija u lil dawk li jfasslu l-politika;

(e)

il-promozzjoni tar-riżorsi tal-Euro-BioImaging ERIC għal finijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ;

(f)

il-kollaborazzjoni u l-interoperazzjoni ma’ infrastrutturi ta’ riċerka f’oqsma relatati u kumplimentari.

(4)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu jwettaq il-kompitu prinċipali tiegħu fuq bażi mhix ekonomika. Il-Euro-BioImaging ERIC jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi anċillari limitati, direttament jew indirettament, dment li dawk l-attivitajiet ikunu kompatibbli mal-kompitu prinċipali tal-Euro-BioImaging ERIC u mal-attivitajiet meħtieġa biex jitwettaq dak il-kompitu u li ma jippreġudikawx il-kisba tiegħu. Kwalunkwe dħul iġġenerat minn dawk l-attivitajiet ekonomiċi anċillari limitati għandu jintuża mill-Euro-BioImaging ERIC biex javvanza l-finijiet tiegħu.

2.    Sede statutorja (l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

(1)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu jkun infrastruttura ta’ riċerka distribwita bis-sede statutorja tagħha fil-Finlandja.

(2)

Il-laboratorju Ewropew tal-Bijoloġija Molekulari għandu jospita s-sezzjoni speċifika għall-komunità għat-teħid ta’ immaġnijiet bijoloġiċi u jimmaniġġja d-data tal-immaġni (Bio-Hub) u l-Italja għandha tospita t-taqsima speċifika għall-komunità għat-teħid ta’ immaġni u l-ġestjoni tal-immaġnijiet mediċi (Med-Hub).

(3)

Is-sede statutorja, Bio-Hub u Med-Hub għandhom jiffurmaw il-Euro-BioImaging Hub.

(4)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu jkun kollegat permezz ta’ ftehimiet fuq il-livell ta’ servizzi mal-Euro-BioImaging Nodes li jinsabu fil-membri tal-Euro-BioImaging ERIC.

3.   Isem (l-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

Infrastruttura Ewropea ta’ riċerka msejħa “l-Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka għat-Teknoloġiji tal-Immaġni fi Xjenzi Bijoloġiċi u Bijomediċi” twaqqfet bħala Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) skont ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 u ssej]et “Euro-BioImaging European Research Infrastructure Consortium” jew “Euro-BioImaging ERIC”.

4.   It-tul ta’ żmien u l-proċedura għall-istralċ (l-Artikolu 4 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

(1)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu jeżisti għal perjodu indefinit, iżda jista’ jiġi stralċjat skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 3.

(2)

L-istralċ tal-Euro-BioImaging ERIC għandu jiġi deċiż mill-Bord tal-Euro-BioImaging b’maġġoranza ta’ żewġ terzi.

(3)

L-assi li jifdal wara l-ħlas tad-djun tal-Euro-BioImaging ERIC għandhom jitqassmu fost il-Membri u l-Osservaturi tal-Euro-BioImaging ERIC b’mod proporzjonali għall-kontribuzzjoni akkumulata tagħhom lill-Euro-BioImaging ERIC, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Bord tal-Euro-BioImaging.

5.   Responsabbiltà (l-Artikolu 5 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

(1)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu. Il-Euro-BioImaging ERIC m’għandux ikun responsabbli għal obbligazzjonijiet li jirriżultaw f’Euro-BioImaging Nodes.

(2)

Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Membri tal-Euro-BioImaging ERIC għad-djun tal-Euro-BioImaging ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.

(3)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-bini u l-operat tal-Euro-BioImaging ERIC.

6.   Politika ta’ aċċess għall-utenti (l-Artikolu 6 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

(1)

Aċċess effettiv għal servizzi tal-Euro-BioImaging ERIC, inkluż l-aċċess fiżiku għat-teknoloġiji kollha ta’ immaġni, taħriġ u għarfien espert, għandu jiġi pprovdut abbażi tal-mertu xjentifiku u tal-fattibbiltà teknika tal-proġett ta’ riċerka propost mill-utent.

(2)

Il-Bord tal-Euro-BioImaging għandu japprova regoli ta’ aċċess li jirregolaw il-proċeduri u l-kriterji għall-aċċess għal servizzi tal-Euro-BioImaging ERIC, b’kont meħud tal-prinċipji tal-Karta Ewropea għall-Aċċess għall-Infrastrutturi ta’ Riċerka.

(3)

Id-data tal-immaġni amministrata mill-Euro-BioImaging ERIC għandha, sa fejn ikun permess legalment, tkun disponibbli u aċċessibbli b’mod miftuħ għal kwalunkwe riċerkatur, istituzzjoni xjentifika u partijiet interessati oħra, f’konformità mal-prinċipji FAIR. L-użu u l-ġbir tad-data huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet statutorji rilevanti tal-privatezza tad-data.

7.   Politika ta’ evalwazzjoni xjentifika (l-Artikolu 7 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

L-attivitajiet tal-Euro-BioImaging ERIC għandhom jiġu evalwati kull sena mill-Bord Xjentifiku Konsultattiv tal-Euro-BioImaging.

8.   Politika ta’ disseminazzjoni (l-Artikolu 8 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

(1)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu jkun faċilitatur tar-riċerka u għandu bħala regola ġenerali jħeġġeġ l-aċċess miftuħ kemm jista’ jkun għad-data tar-riċerka, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-politika dwar it-tixrid tal-Euro-BioImaging ERIC.

(2)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu jitlob lir-riċerkaturi biex jagħmlu r-riżultati tar-riċerka tagħhom disponibbli pubblikament u joffri li jagħmel ir-riżultati disponibbli permezz tal-Euro-BioImaging ERIC. L-użu tas-servizzi jew tal-infrastruttura tal-Euro-BioImaging ERIC, jew tat-tnejn, għandum jiġi rikonoxxut fil-pubblikazzjonijiet.

(3)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu juża diversi mezzi biex jilħaq l-udjenzi fil-mira, inkluż portal tal-Internet, rapport informali, workshops, preżenza f’konferenzi, artikli f’rivisti u l-midja tal-aħbarijiet.

9.   Politika dwar id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (l-Artikolu 9 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

(1)

Suġġett għat-termini ta’ kwalunkwe kuntratt bejn il-Euro-BioImaging ERIC u l-utenti, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jinħolqu mill-utenti tal-Euro-BioImaging ERIC għandhom ikunu proprjetà ta’ dawk l-utenti.

(2)

Il-Euro-BioImaging ERIC jista’ jkun is-sid ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kompletament jew parzjalment maħluqa, miksuba jew żviluppati minn Euro-BioImaging ERIC skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-politika tal-Euro-BioImaging dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

10.   Politika dwar l-impjiegi (l-Artikolu 10 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

Il-proċeduri tal-għażla, ir-reklutaġġ u l-impjieg fl-uffiċċju tal-Euro-BioImagining Hub għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji, filwaqt li għandhom jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs.

11.   Politika dwar l-akkwist pubbliku (l-Artikolu 11 tal-Istatuti tal-Euro-BioImaging ERIC)

Il-Euro-BioImaging ERIC għandu jittratta l-kandidati u lill-offerenti għall-akkwist pubbliku b’mod ugwali u mingħajr diskriminazzjoni. Il-politika dwar l-akkwist pubbliku tal-Euro-BioImaging ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni. Fl-implimentazzjoni tal-politika dwar l-akkwist pubbliku għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-kriterji tal-akkwist.