24.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/100


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1768

tat-23 ta’ Ottubru 2019

li temenda l-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE fir-rigward tal-inklużjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u ta’ wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu fil-lista ta’ pajjiżi terzi awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta’ embrijuni bovini

(notifikata bid-dokument C(2019) 7636)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE tal-25 ta’ Settembru 1989 dwar kondizzjonijiet ta’ saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju fi u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ embrijoni ta’ annimali domestiċi tal-ispeċi tal-ifrat (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 9(1) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fil-11 ta’ April 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/584 (2) meħuda bi qbil mar-Renju Unit, li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE. Skont dik id-Deċiżjoni, il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE ġie estiż ulterjorment sal-31 ta’ Ottubru 2019. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit mill-1 ta’ Novembru 2019 (“id-data tal-ħruġ”).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/168/KE (3) tistabbilixxi fl-Anness I tagħha lista ta’ pajjiżi terzi li mingħandhom l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ embrijuni bovini.

(3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ipprovda l-garanziji neċessarji sabiex dak il-pajjiż u wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2006/168/KE għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' embrijuni bovini mid-data tal-ħruġ, billi jkompli jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal perjodu inizjali ta' mill-inqas disa' xhur.

(4)

Għalhekk, meta jitqiesu dawn il-garanziji speċifiċi pprovduti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kummerċ wara d-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u wħud mid-Dipendenzi tal-Kuruna tiegħu jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista ta’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE li huma awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’embrijuni bovini.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE jiġi emendat skont dan.

(6)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mil-1 ta’ Novembru 2019, sakemm f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE hu emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mil-1 ta’ Novembru 2019.

Madankollu, ma għandhiex tapplika jekk f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni jibqa’ japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 302, 19.10.1989, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101. 11.4.2019, p. 1).

(3)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/168/KE tal-4 ta' Jannar 2006 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni fil-Komunità ta' embrijuni bovini u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/217/KE (ĠU L 57, 28.2.2006, p. 19).


ANNESS

It-tabella stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2006/168/KE hija emendata kif ġej:

(a)

il-linja li ġejja tiddaħħal wara l-entrata tal-Iżvizzera:

“GB

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

ANNESS II

ANNESS III

ANNESS IV”

(b)

il-linja li ġejja tiddaħħal wara l-entrata tal-Iżrael:

“JE

Jersey

ANNESS II

ANNESS III

ANNESS IV”