24.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 270/97


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1767

tat-23 ta’ Ottubru 2019

li temenda l-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE fir-rigward tal-inklużjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-listi ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina

(notfikata bid-dokument C(2019)7635)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2)(b), l-Artikolu 17(3), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1), u l-frażi introduttiva u l-punt (b) tal-Artikolu 19 tagħha,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fil-11 ta’ April 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/584 (2) meħuda bi qbil mar-Renju Unit, li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE. Skont dik id-Deċiżjoni, il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE ġie estiż ulterjorment sal-31 ta’ Ottubru 2019. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit mill-1 ta’ Novembru 2019 (“id-data tal-ħruġ”).

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/472/UE (3) tistabbilixxi fl-Anness I tagħha lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ semen ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina u fl-Anness III tagħha lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina.

(3)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ipprovda l-garanziji neċessarji sabiex dak il-pajjiż jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2010/472/UE għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina mid-data tal-ħruġ billi jkompli jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal perjodu inizjali ta’ mill-inqas disa’ xhur.

(4)

Għalhekk, meta jitqiesu dawn il-garanziji speċifiċi pprovduti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kummerċ wara d-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jenħtieġ li jiġu inklużi fil-listi ta’ pajjiżi terzi u territorji u partijiet minnhom stabbiliti fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE li huma awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE jiġu emendati skont dan.

(6)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mil-1 ta’ Novembru 2019, sakemm f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.

(7)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE għandhom jiġu emendati skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mil-1 ta’ Novembru 2019.

Madankollu, ma għandhiex tapplika jekk f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni jibqa’ japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit tal-11 ta’ April 2019 li testendi l-perijodu taħt l-Artikolu 50(3) TUE (ĠU L 101. 11.4.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/472/UE tas-26 ta’ Awwissu 2010 dwar l-importazzjonijiet ta' semen, ova u embrijuni ta' annimali tal-ispeċi ovina u kaprina fl-Unjoni (ĠU L 228, 31.8.2010, p. 74).


ANNESS

L-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE huma emendati kif ġej:

(1)

It-tabella stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/472/UE hija emendata kif ġej:

(a)

il-linja li ġejja tiddaħħal wara l-entrata taċ-Ċilì:

“GB

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq”

 

 

(2)

It-tabella stabbilita fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE hija emendata kif ġej:

(a)

il-linja li ġejja tiddaħħal wara l-entrata taċ-Ċilì:

“GB

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq”