|
17.10.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 264/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1732
tas-6 ta’ Ġunju 2019
dwar SA.33159 (2015/C) Tassazzjoni ta’ xaħam saturat f’ċerti prodotti tal-ikel mibjugħa fid-Danimarka
(notifikata bid-dokument C(2019) 3926)
(It-test bid-Daniż biss huwa awtentiku)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589) (2),
Billi:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Fid-9 ta’ Ġunju 2011 il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand Margarineforeningen (MIFU) dwar l-Att Daniż dwar it-tassazzjoni ta’ xaħam saturat f’ċerti prodotti tal-ikel, il-Liġi Nru 247 tat-30 ta’ Marzu 2011 (3) (“l-Att”). Il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2011 u wara ġiet abolita fl-1 ta’ Jannar 2013. L-ilment kien jikkonċerna għajnuna possibbli lill-produtturi ta’ prodotti mhux intaxxati. |
|
(2) |
Sabiex tinkiseb kjarifika, fl-4 ta’ Lulju 2011 intbagħtet talba għal informazzjoni lid-Danimarka. Il-Kummissjoni bagħtet l-ilment oriġinali lill-awtoritajiet Daniżi u talbithom jissottomettu s-sommarju tagħhom stess tal-fatti sabiex jindirizzaw l-asserzjonijiet magħmula mill-ilmentatur fi żmien 20 jum tax-xogħol jew sabiex jinnotifikaw il-miżura bħala għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Id-Danimarka talbet estensjoni tal-iskadenza fit-18 ta’ Lulju 2011 li ngħatat sal-31 ta’ Awwissu 2011. Fis-7 ta’ Settembru 2011 id-Danimarka ssottomettiet ir-risposta tagħha għall-ittra tal-Kummissjoni li fiha ppreżentat il-fehmiet tagħha dwar il-kwistjonijiet imqajma mill-ilmentatur. |
|
(3) |
Fit-13 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tad-Danimarka lill-ilmentatur. Fis-27 ta’ Ġunju, fit-28 ta’ Lulju, fit-12 ta’ Settembru u fil-15 ta’ Novembru 2011 l-ilmentatur ressaq informazzjoni addizzjonali b’appoġġ għall-ilment. |
|
(4) |
Fl-14 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni infurmat lid-Danimarka li, billi l-Att kien daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2011 mingħajr ma ġie notifikat skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-miżura inkwistjoni kienet ġiet irreġistrata bħala għajnuna mhux notifikata bin-numru SA.33159 (2011/NN). |
|
(5) |
Fit-13 ta’ Marzu 2012, l-ilmentatur issottometta aktar informazzjoni b’appoġġ għall-ilment. |
|
(6) |
Fis-16 ta’ Marzu 2012 saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u d-Danimarka. Fit-12 ta’ April 2012 il-Kummissjoni bagħtet l-ilment sħiħ lill-awtoritajiet Daniżi u talbithom jindirizzaw u jiċċaraw il-kwistjonijiet imressqa mill-ilmentatur. Fil-każ li l-awtoritajiet Daniżi jkunu tal-fehma li l-miżura ma toħloqx tħassib dwar l-għajnuna mill-Istat, huma ġew mitluba jipprovdu s-sommarju tagħhom stess tal-fatti, kif ukoll raġunament sostanzjat tal-fehma tagħhom. Fit-13 ta’ Settembru 2012, wara talba biex tiġi estiża l-iskadenza għat-tweġibiet, id-Danimarka wieġbet għall-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2012. |
|
(7) |
Fit-30 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tal-awtoritajiet Daniżi lill-ilmentatur. Fit-30 ta’ Novembru 2012, l-ilmentatur issottometta informazzjoni ulterjuri b’appoġġ għall-ilment. |
|
(8) |
Fis-16 ta’ Mejju 2013, wara li l-Att ma baqax fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2013, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-ilmentatur. |
|
(9) |
Permezz tal-ittra bid-data tal-4 ta’ Frar 2015 (C(2015) 535 final), il-Kummissjoni infurmat lid-Danimarka li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-Att (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”). |
|
(10) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni ddikjarat li l-miżuri imposti mill-Att dehru li kellhom il-karatteristiċi kollha tal-għajnuna mill-Istat u talbet lid-Danimarka biex tissottometti l-kummenti tagħha u biex tipprovdi l-informazzjoni kollha li tista’ tkun ta’ għajnuna għall-valutazzjoni tal-għajnuna. |
|
(11) |
Id-Danimarka ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ bl-ittra datata s-26 ta’ Mejju 2015. |
|
(12) |
Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jissottomettu l-kummenti tagħhom dwarha fi żmien xahar. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn tliet partijiet interessati dwar il-miżuri msemmija fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Il-kummenti riċevuti ntbagħtu lid-Danimarka permezz tal-ittri tat-22 ta’ Ottubru u tad-9 ta’ Novembru 2015. Id-Danimarka wieġbet għal dawk il-kummenti fil-21 ta’ Diċembru 2015 u fid-29 ta’ Jannar 2016. Permezz tal-ittra datata l-10 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand id-Danimarka. Permezz ta’ ittra datata l-15 ta’ Diċembru 2017, id-Danimarka ppreżentat aktar informazzjoni. |
2. DESKRIZZJONI
|
(13) |
L-Att Daniż dwar it-tassazzjoni tax-xaħam saturat f’ċerti prodotti tal-ikel kellu bħala għanijiet simultanji l-promozzjoni ta’ dieti aħjar u t-titjib tas-saħħa tal-popolazzjoni Daniża (5). Dawn kellhom jinkisbu billi jiġu ntaxxati s-sorsi primarji tal-konsum ta’ xaħam saturat fid-Danimarka (ara l-premessa 37), filwaqt li fl-istess ħin jitqiesu l-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta (6) (ara l-premessa 47) u kunsiderazzjonijiet oħra (ara pereżempju l-premessa 34), li wasslu għall-eżenzjoni ta’ ċerti prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa. |
|
(14) |
L-Att kien fis-seħħ bejn l-1 ta’ Ottubru 2011 u l-1 ta’ Jannar 2013, li għalhekk huwa l-perjodu ta’ żmien rilevanti għal din id-deċiżjoni. |
|
(15) |
L-Att impona taxxa fuq il-piż ta’ xaħam saturat fil-prodotti tal-ikel elenkati fl-Artikolu 1 tal-Att, u identifikati mill-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni, jekk il-kontenut ta’ xaħam saturat fil-prodott tal-ikel jaqbeż it-2,3 fil-mija tal-piż tal-prodott. Il-prodotti tal-ikel elenkati kienu:
|
|
(16) |
Skont l-Artikolu 2 tal-Att, it-taxxa kienet iffissata għal DKK 16 għal kull kg ta’ xaħam saturat fil-prodott tal-ikel rispettiv. |
|
(17) |
L-Artikolu 3 tal-Att iddefinixxa l-operaturi responsabbli li jħallsu t-taxxa bħala dawk li għal skopijiet kummerċjali
|
|
(18) |
Dawk in-negozji b’bejgħ annwali ta’ prodotti tal-ikel taxxabbli li jammontaw għal DKK 50 000 (mingħajr taxxa) jew inqas (l-Artikolu 4(6) tal-Att) kienu eżentati milli jħallsu t-taxxa (u mir-reġistrazzjoni skont l-Att). |
|
(19) |
L-ammont ta’ xaħam saturat fil-prodotti tal-ikel elenkati fl-Artikolu 1 (2–7) tal-Att kien iddeterminat abbażi ta’:
|
|
(20) |
Jekk l-ammont bażiku li fuqu kellha titħallas it-taxxa ma setax jiġi stabbilit bl-użu ta’ wieħed mill-metodi ta’ hawn fuq, it-taxxa kellha titħallas abbażi tal-kontenut totali tax-xaħam tal-prodott tal-ikel jew fl-aħħar mill-aħħar fuq il-piż nett tal-prodott tal-ikel. |
2.1. DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI DWAR IT-TASSAZZJONI TA’ IKEL IMPORTAT MHUX ELENKAT FL-ARTIKOLU 1 TAL-ATT IŻDA LI FIH PRODOTT(I) TAL-IKEL ELENKAT(I) FL-ARTIKOLU 1 TAL-ATT
|
(21) |
Skont l-Artikolu 8 tal-Att, taxxa ta’ kopertura kellha titħallas fuq il-kostitwenti użati fil-produzzjoni tal-ikel, fejn dawn il-kostitwenti oriġinaw minn kwalunkwe prodott tal-ikel taxxabbli speċifikat fl-Artikolu 1 tal-Att u fejn tali ikel kien riċevut, importat jew mibjugħ permezz ta’ bejgħ mill-bogħod fid-Danimarka. It-taxxa ta’ kopertura ġiet imposta biss fuq l-ikel jkun ġie riċevut, importat jew mibjugħ permezz ta’ bejgħ mill-bogħod fid-Danimarka, minħabba li prodott tal-ikel taxxabbli prodott fid-Danimarka kien dejjem jiġi ntaxxat fil-forma “pura” tiegħu fl-ewwel punt tal-bejgħ/użu u għalhekk ma kienx hemm bżonn ta’ taxxa ta’ kopertura fuq l-ikel prodott fid-Danimarka. |
|
(22) |
Skont l-Artikolu 12 tal-Att, il-bażi tat-taxxa kienet il-piż tax-xaħam saturat fil-kostitwenti li joriġinaw mill-prodott tal-ikel taxxabbli speċifikat fl-Artikolu 1 u li ntużaw fil-produzzjoni tal-ikel riċevut, importat jew mibjugħ permezz ta’ bejgħ mill-bogħod. |
|
(23) |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Att, in-negozji taxxabbli kellhom ikunu jistgħu jiddokumentaw il-piż tax-xaħam saturat fil-kostitwenti użati fil-produzzjoni tal-ikel u, fuq talba, kellhom jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ dan mingħand il-produttur. Għall-kostitwenti soġġetti għal taxxa ta’ kopertura kif speċifikat fl-Artikolu 1(1), jiġifieri l-laħam, il-bażi tat-taxxa kellha tiġi ddeterminata abbażi tar-rati medji previsti fl-Anness I. |
|
(24) |
Għal kostitwenti oħra li fuqhom kellha titħallas it-taxxa ta’ kopertura, il-produttur seta’, meta joħroġ id-dikjarazzjoni tal-produttur, jagħmel użu mill-informazzjoni dwar il-prodott tal-ikel disponibbli pubblikament, li kienet tipprovdi standards medji għall-ammont ta’ xaħam saturat fi prodotti tal-ikel speċifiċi, biex jiddetermina l-bażi tat-taxxa għall-kostitwenti soġġetti għat-taxxa ta’ kopertura li ntużaw fil-produzzjoni tal-ikel. |
|
(25) |
Fejn in-negozju taxxabbli ma setax jippreżenta d-dikjarazzjoni tal-produttur speċifikata, il-kostitwenti għajr dawk speċifikati fl-Artikolu 1(1) tal-Att ikunu soġġetti għal taxxa ta’ kopertura bbażata fuq il-kontenut totali kemm ta’ xaħam saturat u mhux saturat fil-prodott tal-ikel jew, fejn din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi pprovduta, abbażi tal-piż nett tal-prodott tal-ikel. |
|
(26) |
F’każ li l-Amministrazzjoni Daniża tat-Taxxa u d-Dwana ssib li t-taxxa ta’ kopertura kkalkulata skont l-Artikolu 12(2) tal-Att tikkostitwixxi ammont ogħla mit-taxxa ta’ kopertura kkalkulata abbażi tal-kontenut totali ta’ xaħam jew tal-piż nett, l-Amministrazzjoni Daniża tat-Taxxa u d-Dwana tista’ tiddetermina l-bażi tat-taxxa abbażi ta’ stima. |
2.2. ALLEGATI MIŻURI TA’ GĦAJNUNA
|
(27) |
Kif deskritt fit-Taqsima 2.1.8 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, l-Att kien fih 6 miżuri ta’ għajnuna possibbli. Dawn kienu:
|
3. RAĠUNIJIET SABIEX TINBEDA L-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
|
(28) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE ġew issodisfati għall-miżuri 1-3 u 5-6. Il-miżuri tqiesu li mhumiex ġustifikati abbażi tan-natura jew l-iskema ġenerali tas-sistema ta’ referenza billi d-Danimarka naqset milli turi li l-miżuri kienu meħtieġa għat-tħaddim u l-effettività tas-sistema ġenerali tat-taxxa fuq ix-xaħam saturat u li kien hemm rabta bejn il-karatteristiċi speċifiċi allegati tal-miżuri u l-eżenzjoni mit-taxxa mogħtija għal ċerti gruppi ta’ produtturi biss. |
|
(29) |
Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura skont l-Artikolu 108(2) TFUE, peress li l-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk xi waħda mill-miżuri kinitx kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien. |
4. Il-KUMMENTI TAL-AWTORITAJIET DANIŻI DWAR IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
|
(30) |
L-awtoritajiet Daniżi bagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni fis-26 ta’ Mejju 2015. Wara laqgħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Daniżi fit-18 ta’ Diċembru 2015 u bħala tweġiba għall-kummenti mressqa mill-partijiet interessati, id-Danimarka ssottomettiet kummenti ulterjuri fil-21 ta’ Diċembru 2015 u fid-29 ta’ Jannar 2016. Il-kummenti jistgħu jinqasmu fi tliet partijiet — dawk li jikkonċernaw is-sistema ta’ referenza, dawk li jikkonċernaw il-limiti għat-tassazzjoni u dawk li jikkonċernaw it-trattamenti differenzjali. |
4.1. SISTEMA TA’ REFERENZA
4.1.1. L-GĦAN TAT-TAXXA
|
(31) |
Id-Danimarka ttenni li l-għanijiet tal-Att kienu li “jiġu promossi dieti aħjar u għalhekk tittejjeb is-saħħa tal-popolazzjoni” (9). L-għan ma kienx li jiġi impost piż pekunjarju fuq il-prodotti (kollha) li fihom xaħam saturat b’mod ġenerali, iżda biss fuq dawk il-prodotti li kienu s-sorsi primarji ta’ xaħam saturat fid-Danimarka (10), filwaqt li jitqiesu linji gwida uffiċjali dwar id-dieta (11). Abbażi ta’ dan l-għan, it-taxxa kienet imfassla biex tinkoraġġixxi tnaqqis fit-teħid ta’ xaħam saturat u biex tbiddel il-konsum minn prodotti b’kontenut ogħla ta’ xaħam saturat għal prodotti b’kontenut aktar baxx ta’ xaħam saturat, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet uffiċjali dwar id-dieta u l-effiċjenza ekonomika u amministrattiva. |
|
(32) |
L-għan tat-taxxa ma kienx li jiġi eskluż ix-xaħam saturat mid-dieti tal-popolazzjoni Daniża. Ix-xaħam għandu jkun parti minn dieta normali għax jikkontribwixxi għall-konsum tal-aċidu xaħmi vitali u għall-assorbiment tal-vitamini li jinħallu fix-xaħam. Madankollu, skont il-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta, ix-xaħam mil-laħam u l-prodotti tal-ħalib għandu jkun limitat u fil-parti l-kbira tiegħu għandu jinbidel bix-xaħam miż-żejt veġetali u l-ħut (12). |
|
(33) |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet Daniżi jsostnu li r-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ma jitolbux li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw prova xjentifika pożittiva li regolament fiskali fil-fatt għandu l-effetti ta’ mġiba presupposti jew effetti oħrajn. |
4.1.2. EFFIĊJENZA AMMINISTRATTIVA U EKONOMIKA
|
(34) |
L-awtoritajiet Daniżi jiddikjaraw li dejjem jippruvaw inaqqsu l-piżijiet amministrattivi eżistenti fuq in-negozju jew, fil-każ ta’ leġiżlazzjoni ġdida, li ma jżidux dak il-piż aktar milli huwa assolutament meħtieġ, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Dan kien għan partikolari ta’ gvernijiet suċċessivi għal snin sħaħ u jidher biċ-ċar, pereżempju, fl-applikazzjoni tal-liġi Daniża dwar il-VAT. |
|
(35) |
Il-proposta għall-Att, it-Taqsima 2, iddeskriviet dan it-tħassib kif ġej: “Hemm ħafna aspetti li jridu jitqiesu fit-tfassil ta’ taxxa kompletament ġdida. Min-naħa l-waħda, taxxa fuq ix-xaħam saturat għandha tinkludi proporzjon sinifikanti ta’ prodotti ordinarji tal-ikel, sabiex jiġi żgurat li dan ikollu l-akbar effett fuq il-konsum. Għandha tkun ukoll sempliċi kemm jista’ jkun u idealment tkun lura fil-katina tal-provvista kemm jista’ jkun, biex l-inqas numru possibbli ta’ entitajiet ikunu suġġetti għall-piżijiet amministrattivi assoċjati mar-reġistrazzjoni, id-dikjarazzjoni u l-ħlas tat-taxxa.” |
|
(36) |
Il-fatt li t-taxxa ġiet imposta fil-bidu tal-katina tal-provvista u mhux fl-aħħar (jiġifieri, il-bejgħ bl-imnut lill-konsumaturi) naqqas il-piżijiet amministrattivi peress li l-għadd tal-bejjiegħa bl-imnut huwa ferm ogħla mill-għadd ta’ produtturi/importaturi. Dan l-approċċ kien ukoll l-aktar konkordanti għall-fini tal-Att. |
4.1.3. SORS PRIMARJU TA’ XAĦAM SATURAT
|
(37) |
Bħala riżultat tal-għanijiet tal-Att kien jenħtieġ li tiġi stabbilita lista pożittiva ta’ prodotti tal-ikel li għandhom jiġu intaxxati bħala s-sorsi primarji għall-konsum ta’ xaħam saturat mingħajr ma jinħoloq tfixkil għal-linji gwida uffiċjali tad-dieta. L-awtoritajiet Daniżi jsostnu li, wara li kkunsidraw l-għanijiet u d-drawwiet ta’ konsum attwali fil-popolazzjoni Daniża, kellhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fir-rigward tad-deċiżjoni dwar liema prodotti għandhom jinkludu f’din il-lista pożittiva sabiex jilħqu l-għanijiet tas-saħħa u d-dieta tal-Att (13). |
|
(38) |
L-awtoritajiet Daniżi jargumentaw li sors primarju għall-konsum ta’ xaħam saturat fil-popolazzjoni Daniża huwa determinat minn żewġ fatturi: (i) il-kwantitajiet ikkunsmati tal-prodott; u (ii) is-sehem attwali tax-xaħam saturat fil-prodott. Prodott mhuwiex neċessarjament sors primarju tal-konsum ta’ xaħam saturat fid-Danimarka sempliċement għax għandu kontenut għoli ta’ xaħam. Barra minn hekk, prodott mhux bilfors iqajjem tħassib dwar is-saħħa anki jekk ikun fih xaħam saturat, jekk dak il-prodott ikun prodott b’livell baxx ta’ xaħam u/jew jekk ikollu kwalitajiet tajbin oħra skont ir-rakkomandazzjonijiet uffiċjali tad-dieta. |
|
(39) |
Id-Danimarka tirreferi għal rapport (14) li jidentifika t-tipi kollha ta’ prodotti tal-laħam, it-tipi kollha ta’ prodotti tal-ħalib u t-tipi kollha ta’ xaħmijiet/żjut bħala s-sorsi primarji għall-konsum ta’ xaħam saturat fid-Danimarka. Dawn il-gruppi ta’ prodotti flimkien jikkontribwixxu għal 81 fil-mija tal-konsum ta’ xaħam saturat (laħam — 19 fil-mija, prodotti tal-ħalib — 30 fil-mija, it-tipi kollha ta’ xaħam — 32 fil-mija). Gruppi ta’ prodotti oħrajn ma tqisux bħala sorsi primarji ta’ xaħam saturat peress li ma kinux jikkontribwixxu b’mod sinifikanti (6 fil-mija jew inqas) għall-konsum ta’ xaħam saturat. Abbażi ta’ dawn il-fatti, id-Danimarka targumenta li ma kienx hemm bżonn ta’ punt ta’ waqfien ċar biex jiġi definit dak li kien u ma kienx sors primarju. |
|
(40) |
Ir-Rapport ta’ Incentive (15) jikkalkula li 88 fil-mija tax-xaħam saturat ikkonsmat fid-Danimarka waqt li t-taxxa kienet fis-seħħ kien soġġett għat-taxxa (prodotti tal-ħalib — 84 fil-mija, il-laħam — 98 fil-mija, prodotti intaxxati oħra — 90 fil-mija). In-nontassazzjoni ta’ parti mix-xaħam saturat fi prodotti tal-ħalib (16 fil-mija) u l-laħam (2 fil-mija) kienet konsegwenza tal-limitu ta’ 2,3 fil-mija stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Att. |
|
(41) |
Id-Danimarka tiddikjara wkoll li x-xaħam saturat, pereżempju fil-ħobż, fil-patata moqlija, fil-krisps, u fil-ħelu, kien intaxxat mill-Att, minħabba li x-xaħam saturat fil-prodotti tal-ħalib, ix-xaħmijiet/iż-żjut, u l-laħam użat għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel ipproċessati bħal dawn kien intaxxat. |
|
(42) |
Id-Danimarka tirreferi għad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (16) li tiddefinixxi l-“laħam” bħala “muskoli skeletriċi tal-ispeċi mammiferi u tal-għasafar meqjusa tajbin biex jiġu kkonsmati min-nies[…].” |
|
(43) |
Id-Danimarka tikkonkludi li t-tjur huma, skont id-definizzjoni, tip ta’ laħam konformi mal-majjal u ċ-ċanga u li, konsegwentement, kien ikun arbitrarju li t-tjur jiġu esklużi meta tipi oħra ta’ laħam ġew intaxxati, bħalma kien ikun arbitrarju li ċertu tip ta’ ġobon (eż. il-ġobon tal-mogħoż) jew żejt (eż. iż-żejt tal-ġunġlien) jiġi eskluż meta l-ġobniet u ż-żjut l-oħra kollha ġew intaxxati. |
|
(44) |
Fil-fehma tad-Danimarka, l-esklużjoni tat-tjur kienet ukoll tmur kontra l-kunsiderazzjoni bażika tal-Att li jiżgura li l-prodotti li kienu sostituti qrib ħafna tal-prodotti taxxabbli tal-ikel jiġu intaxxati wkoll (17). |
4.1.4. SORS MHUX PRIMARJU TA’ XAĦAM SATURAT
|
(45) |
Loġikament, is-sorsi kollha ta’ xaħam saturat, li ma kinux ikklassifikati bħala sorsi primarji fuq il-bażi taż-żewġ kriterji definiti fil-premessa 38, tqiesu bħala sorsi mhux primarji. Eżempji ta’ prodotti mingħajr kontenut ta’ xaħam saturat huma limitati għal għadd ta’ frott u ħxejjex (eż. ħass u bettieħ) u ftit ħut. Eżempji ta’ prodotti b’kontenut ta’ xaħam saturat bejn 0,1 u 0,5 fil-mija huma kważi kull tip ieħor ta’ frott u ħaxix. |
|
(46) |
Prodotti tal-ikel li kkontribwew għall-konsum totali ta’ xaħam saturat b’1 fil-mija jew inqas (bħal ħut (18), bajd, ġewż u żrieragħ (19)) ma kinux ikkunsidrati bħala sorsi primarji għall-konsum ta’ xaħam saturat. Din kienet ir-raġuni ewlenija għaliex dawn il-kategoriji ta’ prodotti ma ġewx inklużi fit-Taqsima 1 tal-Att. |
4.1.5. RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR ID-DIETA FID-DANIMARKA
|
(47) |
Id-Danimarka ssostni li l-bidliet fil-konsum minħabba t-taxxa jkunu konformi mal-linji gwida dwar id-dieta mill-Amministrazzjoni Veterinarja u tal-Ikel Daniża, li huma r-rakkomandazzjonijiet uffiċjali Daniżi għal stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet uffiċjali jinkludu Il-Boxxla tad-Dieta — it-triq lejn bilanċ tajjeb għas-saħħa (20) , li jikkonsisti minn tmien linji gwida dwar id-dieta — kul frott u ħaxix (sitta kuljum); kul ħut u prodotti tal-ħut (diversi drabi fil-ġimgħa); kul patata, ross jew għaġin u ħobż integrali (kuljum); naqqas iz-zokkor (speċjalment minn luminati, pasti u kejkijiet); naqqas ix-xaħam (speċjalment mill-prodotti tal-ħalib u l-laħam) u agħżel prodotti b’livell baxx ta’ xaħam; varja l-konsum tal-ikel tiegħek u żomm piż standard; aqtal-għatx bl-ilma; kun attiv fiżikament (mill-inqas 30 minuta kuljum). Barra minn hekk, il-linji gwida dwar id-dieta rrakkomandaw li kuljum jittieħdu 500 ml ta’ prodotti tal-ħalib b’livell baxx ta’ xaħam, bħall-ħalib xkumat jew ix-xorrox tal-butir bħala parti minn dieta tajba għas-saħħa (21). Ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq il-benefiċċji nutrizzjonali u tas-saħħa mill-konsum ta’ prodotti tal-ħalib (22). |
|
(48) |
Id-Danimarka tispjega li l-konsum ta’ frott, ħaxix u ħut ma jistax jitqabbel mal-konsum ta’ ġobon, laħam u butir anke jekk iż-żewġ tipi ta’ prodotti fihom xaħam saturat. Il-frott u l-ħaxix jikkontribwixxu b’mod konsiderevoli għall-konsum ta’ karboidrati, fibra, u bosta vitamini (23). Skont l-istudju tad-drawwiet alimentari tal-popolazzjoni Daniża 2003-2008, kemm l-adulti kif ukoll it-tfal kienu jikkonsmaw inqas frott u, b’mod speċjali, ħaxix mill-kwantitajiet rakkomandati (24). |
|
(49) |
Id-Danimarka ssostni li l-Istitut Nazzjonali tal-Ikel tal-Università Teknika tad-Danimarka (DTU) ikkonkluda f’rapport dwar il-frott, il-ħaxix u s-saħħa, li kważi kull studju juri konnessjoni inversa bejn il-konsum tal-frott u l-ħaxix u r-riskju ta’ mard kardjovaskulari. Barra minn hekk, numru ta’ studji wrew li aktar ma wieħed jikkonsma frott u ħaxix, aktar ikunu kbar il-benefiċċji għas-saħħa (25). |
|
(50) |
Il-patata hija sors importanti għall-konsum tal-karboidrati u tal-fibra u tinkludi ħafna fibra, vitamina C, vitamini B, tiamina, u niaċina. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ xaħam saturat fil-patata huwa biss ta’ 0,1 fil-mija, u hija wieħed mill-prodotti tal-ikel li jimla. Il-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta jirrakkomandaw konsum ta’ patata kuljum (26). Bħala alternattiva, ir-ross u l-għaġin huma wkoll rakkomandati peress li l-verżjonijiet integrali, b’mod speċjali, tar-ross u l-għaġin fihom il-fibra (27). |
|
(51) |
Iċ-ċereali fihom ħafna komponenti nutrizzjonali importanti u l-prodotti integrali huma rikki fil-fibra u fil-vitamini B. Il-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta jirrakkomandaw li l-ħobż u ċ-ċereali għandhom jittieħdu kuljum (28). |
|
(52) |
Il-ħut fih aċidu xaħmi essenzjali, il-vitamina D, il-jodju, u s-selenju li huma diffiċli biex jinkisbu minn prodotti oħra tal-ikel. Tipi differenti ta’ ħut fihom ammonti differenti ta’ dawn is-sustanzi tajbin għas-saħħa. Għalhekk, wieħed għandu jikkonsma varjetà ta’ speċijiet ta’ ħut differenti u jinkludi kemm ħut xaħmi kif ukoll dgħif (29). |
|
(53) |
Id-Danimarka tindika li l-istudju dwar id-drawwiet alimentari tal-popolazzjoni Daniża 2003-2008 juri li l-konsum tal-ħut kemm mill-adulti kif ukoll mit-tfal kien inqas minn nofs l-ammonti rakkomandati. Barra minn hekk, il-konsum baxx tal-ħut ikkontribwixxa għal nuqqas ta’ vitamina D fil-popolazzjoni Daniża (30). Il-ħut xaħmi fih ammonti importanti ta’ vitamina D, kif konkluża mill-Amministrazzjoni Veterinarja u tal-Ikel Daniża f’rapport dwar il-konsum tal-ħut (31). Barra minn hekk, għadd ta’ studji wrew konnessjoni bejn it-teħid tal-ħut u riskju mnaqqas ta’ mard iskemiku tal-qalb (32). |
|
(54) |
Id-Danimarka ssostni li, skont il-linji gwida uffiċjali dwar il-ħalib għat-trabi applikabbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-Att, il-ħalib sħiħ jista’ gradwalment jissostitwixxi l-ħalib tas-sider fid-dieta tat-trabi mill-età ta’ sitt xhur u mill-età ta’ sena sal-età ta’ tliet snin, it-teħid ta’ prodotti tal-ħalib għandu jkun ibbażat fuq ħalib nofsu xkumat (33). |
4.1.6. ID-DISINN TAS-SISTEMA TA’ REFERENZA
|
(55) |
Id-Danimarka tenfasizza li huwa fil-kompetenza diskrezzjonali tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-politika ekonomika li huma jqisu l-aktar xierqa u li jsegwu, pereżempju, għanijiet tas-saħħa fil-politika fiskali tagħhom. |
|
(56) |
Id-Danimarka targumenta li s-sistema ta’ referenza fil-każ inkwistjoni hija taxxa fuq ix-xaħam saturat fis-sorsi primarji għall-konsum ta’ xaħam saturat fid-Danimarka, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet uffiċjali dwar id-dieta. Fi kliem ieħor, it-tassazzjoni “normali” skont l-Att hija t-tassazzjoni ta’ xaħam saturat f’dawk il-prodotti identifikati bħala s-sorsi primarji għall-konsum ta’ xaħam saturat fil-popolazzjoni Daniża b’kunsiderazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet uffiċjali dwar id-dieta. Dawn il-prodotti u s-sostituti diretti tagħhom huma l-prodotti intaxxati skont l-Att u d-Danimarka targumenta li bħala tali, l-ebda prodott tal-ikel mhu eżentat mit-taxxa u li matul il-preparazzjoni tal-Att, bħala prinċipju gwida ngħatat kunsiderazzjoni xierqa tal-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta. |
|
(57) |
Is-sistema ta’ referenza ssuġġerita mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ, fil-prattika timplika taxxa fuq kważi kull tip ta’ prodott tal-ikel. Madankollu, sistema ta’ referenza bħal din tkun konfliġġenti mal-għanijiet stess tal-Att. Taxxa fuq ix-xaħam saturat fil-prodotti kollha tal-ikel kieku kienet tnaqqas l-effett tal-miżura u kienet tkun kontroproduttiva għall-għan li jiġu inkoraġġiti drawwiet alimentari aħjar. |
|
(58) |
Barra minn hekk, il-fatt li kważi 90 fil-mija tax-xaħam saturat kollu kkonsmat fid-Danimarka huwa ntaxxat skont l-Att (34) jissostanzja li d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Att ma kienet bl-ebda mod arbitrarja, iżda mfassla bir-reqqa sabiex tkopri s-sorsi ewlenin kollha. |
4.2. LIMITU TA’ 2,3 FIL-MIJA GĦAT-TASSAZZJONI
|
(59) |
Fil-fehma tal-awtoritajiet Daniżi, huwa fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jiddeċiedu kif għandhom jiġu segwiti l-għanijiet tas-saħħa permezz tal-politika fiskali tagħhom, inkluż li jiddeċiedu dwar limiti oġġettivament ġustifikati li huma jqisu xierqa biex dawn l-għanijiet tas-saħħa jiġu segwiti (35). Huwa f’idejn l-Istat Membru li jiddeċiedi l-limitu speċifiku sakemm il-limitu magħżul jaqa’ fil-limiti ta’ dak li jista’ jiġi ġustifikat fid-dawl tal-għan tat-taxxa. |
|
(60) |
B’appoġġ għal dan l-argument, id-Danimarka tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, skont liema miżura li tikkonsisti fi kriterji li huma oġġettivi u applikabbli għal kull operatur potenzjalment interessat li jissodisfa dawk il-kriterji ma tkunx ta’ natura selettiva (36). |
|
(61) |
Id-Danimarka ssostni wkoll li l-kwistjoni dwar jekk il-limitu ta’ 2,3 fil-mija kienx miżura li dderogat mis-sistema fiskali komuni għandha tiġi determinata minn valutazzjoni ta’ jekk il-produtturi ta’ prodotti taħt il-limitu kinux f’ sitwazzjoni fattwali u legali li kienet komparabbli mas-sitwazzjoni tal-produtturi ta’ prodotti li qabżu l-limitu (37). Għal dak il-għan, l-effetti tal-limitu għandhom jiġu vvalutati fid-dawl tal-għanijiet tas-sistema fiskali (38). |
|
(62) |
Għalhekk, il-kwistjoni kruċjali hija jekk l-effetti tal-miżura kinux jinvolvu deroga mis-sistema ta’ referenza kif definita mill-għanijiet tagħha. |
|
(63) |
Id-Danimarka tirreferi f’dak ir-rigward għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-każ British Aggregates, fejn il-Qorti ddeċidiet li xi materjal mhux intaxxat jagħmel ħsara lill-ambjent daqs, jekk mhux iktar, mill-estrazzjoni ta’ materjali oħra intaxxati, u li ma ntweriex li kienet in-natura partikolarment dannuża għall-ambjent tal-estrazzjoni tal-materjali mhux intaxxati li tiddistingwi s-sitwazzjoni tagħhom minn dik tal-materjali ntaxxati (39). Jekk l-effetti ta’ miżura jikkontribwixxu għall-għan tas-sistema l-miżura mhijiex deroga mis-sistema ta’ referenza (40). |
|
(64) |
Skont l-awtoritajiet Daniżi, il-limitu minimu ta’ 2,3 fil-mija ġie introdott fid-dawl tal-għan intrinsiku tal-Att. In-nota ta’ spjegazzjoni tal-abbozz tal-att tgħid: “Huwa propost li limitu de minimis jiġi stabbilit għal ikel li huwa inkluż fit-taxxa, biex jitnaqqas in-numru ta’ ikel b’kontenut baxx ta’ xaħam inkluż fit-taxxa u fl-istess ħin biex jitqies li r-rakkomandazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni jiddikjaraw li parti mill-konsum rakkomandat ta’ kuljum joriġina minn xaħam u xaħam idealment mhux saturat” (41). |
|
(65) |
Fil-premessa 107 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Kummissjoni għall-Prevenzjoni rrakkomandat li t-taxxa fuq ix-xaħam saturat tapplika għall-prodotti kollha tal-ħalib inkluż il-ħalib. Id-Danimarka tirrikonoxxi li din ir-rakkomandazzjoni tista’ tkun reali meta wieħed jiffoka biss fuq it-tnaqqis tal-konsum ta’ xaħam saturat fil-popolazzjoni b’mod ġenerali, iżda tenfasizza li t-taxxa ma kellhiex fokus daqstant limitat. Għall-kuntrarju, l-għan tat-taxxa kien li jittejbu d-drawwiet alimentari tal-popolazzjoni Daniża. Minħabba li l-Kummissjoni għall-Prevenzjoni ma kkunsidratx l-impatt negattiv li jkollha taxxa fuq il-prodotti kollha tal-ħalib, kuntrarju għar-rakkomandazzjonijiet uffiċjali dwar id-dieta rigward il-konsum tal-ħalib, il-leġiżlatur ma segwiex il-proposta tal-Kummissjoni għall-Prevenzjoni dwar dan il-punt partikolari. |
|
(66) |
L-awtoritajiet Daniżi jiddikjaraw li l-livell ta’ 2,3 fil-mija kien jiżgura li t-taxxa ma tmurx kontra l-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta li kienu jirrakkomandaw b’mod espliċitu li għandhom jittieħdu 500 ml ta’ prodotti tal-ħalib b’kontenut baxx ta’ xaħam (ara l-premessa 47) u li l-laħam b’livell baxx ta’ xaħam għandu jkun ippreferut fuq il-laħam aktar xaħmi. L-iffissar ta’ limitu amplifika l-inċentiv fuq l-imġiba biex jintgħażlu prodotti b’xaħam baxx u d-Danimarka targumenta li taxxa mingħajr limitu minimu tista’ titqies li għandha effetti li jmorru kontra l-għanijiet ġenerali tat-taxxa biex jiġu promossi dieti aħjar u titjieb is-saħħa tal-popolazzjoni Daniża. Dan il-limitu huwa għalhekk intrinsiku fl-iskop tat-taxxa u mhux prima facie selettiv. Barra minn hekk, livell limitu naqqas il-piżijiet amministrattivi bla bżonn. |
|
(67) |
Id-Danimarka targumenta li l-limitu seta’ jiġi ffissat għal 2,0, 2,5, jew saħansitra 3,0 fil-mija u xorta kien ikollu effetti pożittivi fuq is-saħħa tal-popolazzjoni Daniża u kien jamplifika l-inċentiv biex jintgħażlu prodotti b’kontenut baxx ta’ xaħam minflok dawk b’kontenut ogħla ta’ xaħam. Madankollu, l-iffissar tal-limitu speċifikament għal 2,3 fil-mija żgura wkoll li t-taxxa ma tikkontrobilanċjax il-linji gwida uffiċjali dwar il-ħalib għat-trabi kif stabbilit fil-premessa 54. |
|
(68) |
Il-konsum ta’ ħalib sħiħ huwa sensittiv ħafna għall-bidliet fil-prezzijiet, fejn l-istimi juru li żieda fil-prezz ta’ 1 fil-mija twassal għal tnaqqis fil-konsum ta’ 1,14 fil-mija (42). Għalhekk id-Danimarka targumenta li taxxa b’limitu minimu ta’ inqas minn 2,3 fil-mija setgħet toħloq inċentiv għall-familji bit-trabi biex jew jillimitaw il-konsum tagħhom tal-ħalib jew li jixtru ħalib xkumat minflok ħalib sħiħ minħabba t-taxxa aktar baxxa fuq il-ħalib xkumat. Għaldaqstant, kien preżunt li t-taxxa setgħet ikkawżat tnaqqis fil-konsum tal-ħalib sħiħ mit-trabi Daniżi kuntrarju għar-rakkomandazzjonijiet dwar id-dieta. Fl-opinjoni tal-awtoritajiet Daniżi, din hija ġustifikazzjoni suffiċjenti għall-iffissar tal-limitu ta’ 2,3 fil-mija u biex jintwera li l-effetti tal-limitu kkontribwew għall-għan tat-taxxa. |
|
(69) |
Id-Danimarka tindika l-fatt li l-limitu ma ħoloqx inċentiv biex jinxtara ħalib sħiħ minflok ħalib xkumat. Bħala tali, il-limitu sempliċement żgura li l-konsum ta’ kwalunkwe tip ta’ ħalib ma jiġix skoraġġut mit-taxxa skont l-għan tagħha. |
|
(70) |
B’reazzjoni għall-opinjoni tal-Kummissjoni li konsum kbir ta’ prodotti tal-ikel b’kontenut ta’ xaħam saturat taħt il-limitu ta’ 2,3 fil-mija seta’ kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-konsum totali ta’ xaħam saturat (premessa 107 tad-deċiżjoni tal-ftuħ), id-Danimarka targumenta li, minkejja li dan huwa minnu, konsum kbir ta’ prodotti tal-ikel taħt il-limitu ta’ 2,3 fil-mija neċessarjament ifisser konsum inqas ta’ prodotti tal-ikel ’il fuq mil-limitu. Fil-fatt dan huwa għan ċentrali tat-taxxa. |
|
(71) |
Id-Danimarka ssostni li l-fatt li xi impriżi (pereżempju, iżda mhux biss, produtturi tal-ħalib) jibbenefikaw aktar mil-limitu huwa sempliċement konsegwenza neċessarja tal-iffissar tal-limitu minimu. Huwa konsegwenza tal-prinċipji bażiċi u ta’ gwida tal-Att. |
|
(72) |
Id-Danimarka targumenta wkoll li mhuwiex rilevanti għall-valutazzjoni ta’ jekk il-limitu ta’ 2,3 fil-mija għandux jitqies bħala deroga mis-sistema ta’ referenza jekk jistax jintwera li xi impriżi (pereżempju produtturi tal-ħalib) ibbenefikaw l-aktar mil-limitu jew jekk il-limitu kienx stabbilit sabiex il-ħalib ikun eżentat mit-taxxa. Id-Danimarka ssostni li l-unika kwistjoni rilevanti hija jekk l-effetti tal-limitu ta’ 2,3 fil-mija jikkontribwux għall-kisba tal-għanijiet tat-taxxa. Jekk iva, il-limitu minimu mhuwiex deroga mis-sistema ta’ referenza, minħabba li prodotti taħt u ’l fuq mil-limitu mhumiex f’sitwazzjonijiet komparabbli. |
|
(73) |
Bi tweġiba għall-mistoqsijiet li tqajmu fid-deċiżjoni tal-ftuħ, id-Danimarka ssottomettiet informazzjoni dwar id-dħul mit-taxxa taħt l-Att, li turi l-impatt tal-limitu ta’ 2,3 fil-mija fuq il-kumpaniji fl-industrija tal-ikel Daniża. Tabella 1 Dħul mit-taxxa skont il-kumpanija, il-qasam tan-negozju u l-industrija ewlenija
Tabella 2 Il-valur tat-taxxa tal-prodotti mhux intaxxati: Ħlas ta’ taxxa addizzjonali kieku t-taxxa kienet implimentata bħala taxxa ġenerali fuq ix-xaħam saturat fil-prodotti kollha tal-ikel
Tabella 3 Il-valur stmat tat-taxxa tal-prodotti tal-ħalib mhux intaxxati u s-sehem ta’ […] (*2) f’dan il-każ
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
(74) |
Mit-Tabella 1 wieħed jista’ jaqra li bla dubju l-ikbar kontribwent skont l-Att dwar it-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat kien […] (45). Kif jista’ jiġi konkluż mit-Tabella 3, […] * kien ukoll il-benefiċjarju ewlieni mil-limitu ta’ 2,3 fil-mija, b’valur tat-taxxa stmat ta’ DKK […] *. Madankollu, it-Tabella 2 tagħmilha ċara li anki jekk is-settur tal-ħalib (DKK 140 miljun) u għalhekk […] kien il-benefiċjarju ewlieni tal-limitu, is-settur tal-laħam (DKK 9 miljun) ibbenefika wkoll kif għamlu setturi oħra (DKK 74 miljun). |
4.2.1. LIMITU VS ALTERNATTIVI BIEX JINTLAĦQU L-LINJI GWIDA UFFIĊJALI DWAR ID-DIETA
|
(75) |
L-awtoritajiet Daniżi jqisu li limitu huwa mod effiċjenti biex jiġi żgurat li t-taxxa ma tmurx kontra l-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta u l-aħjar mod biex jinkiseb l-iskop tal-Att. |
|
(76) |
Alternattiva teoretika waħda setgħet kienet li jiġi introdott sussidju (fil-forma ta’ bolol għall-ikel jew trasferiment ġenerali) biex jikkumpensa lill-familji għaż-żieda fl-ispejjeż tal-ħalib minħabba t-taxxa biex tinkoraġġihom jgħixu skont il-linji gwida dwar id-dieta. Id-Danimarka targumenta li kien ikun diffiċli u għali li jkun żgurat li sussidju bħal dan fil-fatt ikun intefaq fuq il-ħalib sħiħ għat-trabi. Barra minn hekk, it-tħassib ġenerali li taxxa mingħajr limitu kienet tnaqqas il-konsum ta’ verżjonijiet b’inqas xaħam tal-prodotti tal-ikel taxxabbli ma setax jiġi indirizzat b’mod adegwat minn sussidju mmirat jew bolol tal-ikel mingħajr diffikultajiet amministrattivi insuperabbli. |
|
(77) |
Id-Danimarka ssostni li l-alternattiva li l-istituzzjonijiet ta’ kura ta’ kuljum setgħu kienu meħtieġa jixtru u jservu ċertu ammont ta’ ħalib la tindirizza t-tħassib tal-konsum ta’ ħalib sħiħ mit-trabi, peress li l-maġġoranza l-kbira tat-trabi taħt sena mhumiex f’istituzzjonijiet ta’ kura ta’ kuljum fid-Danimarka, u lanqas ma hija biżżejjed biex tiżgura l-konsum kollu rakkomandat ta’ kuljum. La l-informazzjoni u lanqas l-iskemi edukattivi, biex jiżguraw il-konsum tal-ħalib minkejja t-taxxa, ma kienu alternattivi validi. Skemi ta’ informazzjoni dwar il-ħalib għat-trabi u t-tfal żgħar diġà ntużaw b’ mod wiesa’ (46). |
|
(78) |
Fil-qosor, id-Danimarka ttenni li miżuri alternattivi biex jiġi żgurat li t-taxxa ma tirriżultax f’inċentivi ekonomiċi li jmorru kontra l-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta kienu jkunu ħafna inqas effiċjenti u x’aktarx jiswew aktar mill-eżenzjoni tal-ħalib sħiħ. |
4.3. LIMITI GĦAT-TASSAZZJONI — DKK 50 000
|
(79) |
Id-Danimarka ssostni li l-limitu ta’ DKK 50 000 f’bejgħ annwali ta’ prodotti tal-ikel taxxabbli kien miżura ġenerali li kienet tapplika għall-produtturi domestiċi, l-importaturi, l-intermedjarji u l-bejjiegħa mill-bogħod b’mod ugwali u kienet effettivament miftuħa għall-operaturi ekonomiċi kollha abbażi ta’ aċċess ugwali u għalhekk mhijiex selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
|
(80) |
Sabiex titjieb il-maniġabbiltà amministrattiva tat-taxxa, il-limitu kien stabbilit f’livell li taħtu l-piżijiet amministrattivi kemm għall-produtturi/l-importaturi kif ukoll għall-awtoritajiet Daniżi jaqbżu d-dħul mit-taxxa. |
|
(81) |
Id-Danimarka tikkalkula li importatur jew produttur ta’ pereżempju tiġieġ b’bejgħ annwali sa DKK 50 000 kien ikollu jħallas taxxa annwali ta’ madwar DKK 500 sa DKK 1 700 (skont il-kwantità u l-kontenut attwali ta’ xaħam saturat). Peress li t-taxxa kienet pagabbli kull xahar dan jimplika l-ħlas tal-ammont ta’ DKK 44 sa DKK 142 kull xahar. |
|
(82) |
Barra minn hekk, id-Danimarka tikkalkula li l-ispejjeż għall-impriżi ż-żgħar għall-kalkolu u d-dikjarazzjoni tat-taxxa jammontaw għal DKK 100 sa DKK 200 fix-xahar għal kull prodott taxxabbli tal-ikel. |
|
(83) |
L-istimi mogħtija fil-premessi 81 u 82 jassumu l-ogħla bejgħ annwali possibbli taħt il-limitu, u tip wieħed biss ta’ prodott taxxabbli. Id-Danimarka tqis li b’mod sikur jista’ jitqies li għadd kbir ta’, pereżempju, bejgħ tal-azjendi agrikoli għandu bejgħ annwali ferm taħt il-limitu ta’ DKK 50 000 u aktar minn tip wieħed ta’ prodott tal-ikel taxxabbli. |
|
(84) |
Id-Danimarka tqis li minn perspettiva amministrattiva kien ikun wisq burokratiku u oneruż li jinġabru dawn l-ammonti żgħar. |
|
(85) |
Id-Danimarka ssostni li l-limitu ta’ DKK 50 000 kien bilanċ xieraq bejn id-dħul iġġenerat mit-taxxa u l-piżijiet amministrattivi imposti kemm fuq l-awtoritajiet kif ukoll fuq in-negozji. |
4.4. TRATTAMENT DIFFERENZJALI TA’ PRODOTTI DOMESTIĊI U IMPORTATI U TA’ OPERATURI BL-INGROSSA U KONSENJATARJI
4.4.1. TRATTAMENT DIFFERENZJALI TAL-PRODOTTI DOMESTIĊI U IMPORTATI
|
(86) |
Id-Danimarka ssostni li miżura fiskali nazzjonali ma tistax titqies li hija selettiva biss minħabba l-fatt li tiddistingwi bejn prodotti domestiċi u dawk importati. Miżura li tiddistingwi bejn prodotti domestiċi u prodotti importati tista’ tkun rilevanti f’valutazzjoni ta’ ksur possibbli tal-Artikoli 34, 30 u/jew 110 TFUE iżda mhux għal valutazzjoni tas-selettività skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif kien ċar fis-sentenza Banco Santander (47). |
|
(87) |
Barra minn hekk, id-Danimarka tafferma li l-miżura ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Iż-żieda fil-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw għall-importaturi ma jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għalhekk, bit-taxxa ta’ kopertura, id-Danimarka ma rrinunzjat ebda dħul mit-taxxa li kienet tkun legalment intitolata għalih b’din il-miżura. Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni, din il-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE (48). |
4.4.1.1. Post fejn tiġi imposta t-taxxa fil-katina tal-provvista
|
(88) |
Fil-premessa 121 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni tikkontesta kemm jista’ jkun raġonevoli li tiġi imposta t-taxxa kemm jista’ jkun lura fil-katina tal-provvista. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li kien ikun aktar konsistenti mal-għan tat-taxxa li t-taxxa tkun ibbażata fuq l-ammont ta’ xaħam saturat fil-prodott finali. |
|
(89) |
L-awtoritajiet Daniżi ma jaqblux ma’ din il-fehma. It-tassazzjoni kmieni kemm jista’ jkun fil-katina tal-provvista tiżgura li taxxa li tkun immirata bl-akbar attenzjoni possibbli għas-sorsi primarji tal-konsum ta’ xaħam saturat u li d-drawwiet tal-konsumatur jinbidlu lejn alternattivi iktar tajbin għas-saħħa. Dan l-għan ma kienx jintlaħaq sal-istess punt billi tiġi imposta taxxa fuq ix-xaħam saturat f’kull tip ta’ prodott tal-ikel. |
|
(90) |
L-impożizzjoni tat-taxxa kmieni kemm jista’ jkun u biss fuq is-sorsi primarji ta’ xaħam saturat toħloq inċentiv għall-produtturi ta’ prodotti tal-ikel ipproċessati biex jużaw l-aktar kostitwenti tajbin għas-saħħa. Għall-kuntrarju tal-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni, kien ikun kontra l-għan li jiġu mħeġġa drawwiet ta’ dieta aħjar kieku t-taxxa kienet imposta wkoll, pereżempju, fuq l-ammont ta’ xaħam saturat fil-ħaxix f’torta tal-ħaxix. Huwa biss ix-xaħam saturat fil-butir u fil-ġobon fit-torta li għandu jiġi intaxxat sabiex ikun inkoraġġut il-konsum tat-torti b’anqas butir u ġobon u pereżempju aktar ħaxix u prodotti tal-ħalib b’kontenut baxx ta’ xaħam. |
|
(91) |
Kien inerenti fl-għanijiet tal-Att li x-xaħam saturat biss mill-prodotti tal-ikel taxxabbli jkun intaxxat u konsegwentement, mekkaniżmu inerenti meħtieġ għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema tat-taxxa li l-importatur kellu jippreżenta dikjarazzjoni tal-produttur li tiddikjara l-ammont ta’ xaħam saturat fil-prodotti tal-ikel taxxabbli użati fil-produzzjoni. L-ammont ta’ xaħam saturat minn prodotti tal-ikel taxxabbli fil-prodott tal-ikel ipproċessat finali ma setax jiġi ddikjarat faċilment. |
4.4.2. TRATTAMENT DIFFERENZJALI TAL-OPERATURI BL-INGROSSA U TAD-DESTINATARJI
|
(92) |
Id-Danimarka ssostni li l-Att huwa bbażat fuq sistema li tiddistingwi bejn operaturi bl-ingrossa u destinatarji. L-istess distinzjoni bejn operaturi bl-ingrossa u destinatarji tapplika fid-Direttiva 2008/118/KE (49) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni li japplikaw għall-prodotti kollha soġġetti għad-dazji tas-sisa taħt il-liġi tal-Unjoni. Dan jimplika li l-maħżen ta’ operatur bl-ingrossa m’huwiex intaxxat u l-maħżen ta’ destinatarju hu ntaxxat. Din id-distinzjoni għandha effetti derivati fuq l-istruttura tas-sistema, li huma konsegwenzi loġiċi tal-prinċipji bażiċi u ta’ gwida tas-sistema u la jikkostitwixxu diskriminazzjoni ta’ destinatarji u lanqas vantaġġi selettivi għall-operaturi bl-ingrossa. |
|
(93) |
Id-Direttiva 2008/118/KE tiddefinixxi operatur bl-ingrossa bħala “magazzinier awtorizzat”, jiġifieri “persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa”; ara l-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Direttiva. Dan huwa simili għat-Taqsima 4(1), ara t-Taqsima 3(1), nru 1, tal-Att. |
|
(94) |
Id-Direttiva 2008/118/KE mbagħad tiddefinixxi destinatarju bħala “destinatarju reġistrat” jiġifieri “persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dawk l-awtoritajiet, li tirċievi prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu qegħdin jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor”; ara l-Artikolu 4(9) ta’ dik id-Direttiva. Dan huwa simili għat-Taqsima 4(3), ara t-Taqsima 3(1), nru 2 u 3, tal-Att, u t-Taqsima 10(1), ara t-Taqsima 9(1), nru 1 u 2 tal-Att. |
|
(95) |
Skont l-Att, impriża, bħala operatur bl-ingrossa, tista’ tipproduċi, tipproċessa, taħżen, tirċievi u timporta minn pajjiżi oħra, u tforni lil operaturi bl-imnut oħrajn prodotti tal-ikel taxxabbli mingħajr ma titħallas it-taxxa (it-Taqsima 5(1) tal-Att). |
|
(96) |
Barra minn hekk, l-importaturi li wettqu biss kummerċ intermedju ta’ prodotti tal-ikel taxxabbli lil impriżi rreġistrati taħt l-Att (jiġifieri, operaturi bl-ingrossa jew destinatarji) jistgħu jirreġistraw bħala operaturi bl-ingrossa (it-Taqsima 4(3) tal-Att). Dawn l-intermedjarji jistgħu jirċievu prodotti tal-ikel taxxabbli minn operaturi bl-ingrossa oħrajn u jirċievu u jimportaw prodotti tal-ikel taxxabbli minn pajjiżi oħrajn mingħajr ma titħallas it-taxxa (it-Taqsima 5(2) tal-Att). L-importaturi l-oħra kollha kellhom jiġu rreġistrati bħala destinatarji (it-Taqsima 4(1) tal-Att). |
|
(97) |
Impriża rreġistrata bħala operatur bl-ingrossa kellha tħallas taxxa fuq il-bażi ta’ prodotti taxxabbli tal-ikel ikkonsenjati (it-Taqsima 7(1) tal-Att). Impriża rreġistrata bħala destinatarju kellha tħallas taxxa fuq il-bażi ta’ prodotti taxxabbli tal-ikel riċevuti/importati (it-Taqsima 7(3) tal-Att). |
|
(98) |
Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118/KE, id-dazju tas-sisa għandu jitħallas ladarba l-prodotti jiġu rilaxxati għall-konsum. B’mod ġenerali, l-oġġetti jiġu rilaxxati għall-konsum hekk kif jitilqu minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju jew jiġu importati mingħajr ma jitqiegħdu taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju; ara l-Artikolu 7(2)(a) u (d) ta’ dik id-Direttiva. |
|
(99) |
L-oġġetti jitilqu minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju meta jaslu għand destinatarju rreġistrat; ara l-Artikolu 7(3)(a) u l-Artikolu 17(1)(a)(ii) tad-Direttiva 2008/118/KE. Dan huwa simili għat-Taqsima 7(3) tal-Att. |
|
(100) |
L-oġġetti jitilqu wkoll minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju meta jaslu f’post ta’ konsenja diretta; ara l-Artikolu 7(3)(c) u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2008/118/KE. |
|
(101) |
Kif jidher, kemm is-sistema skont l-Att kif ukoll is-sistema skont id-Direttiva 2008/118/KE jimplikaw differenza fundamentali bejn operaturi bl-ingrossa u destinatarji: Il-maħżen ta’ operatur bl-ingrossa mhuwiex intaxxat u l-maħżen ta’ destinatarju hu ntaxxat. Din id-differenza fundamentali tiġġustifika d-differenza fit-trattament bejn l-operaturi bl-ingrossa u d-destinatarji. |
|
(102) |
Fuq dik il-bażi, id-Danimarka ssostni li l-Miżuri 5 u 6 għandhom jitqiesu ġustifikati fid-dawl tal-loġika, il-karattru u l-ġestjoni interni tas-sistema tat-taxxa (50), u li dawk il-miżuri huma konsegwenza diretta tal-prinċipji bażiċi u ta’ gwida tas-sistema tat-taxxa Daniża (51). |
5. Il-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI DWAR IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI
|
(103) |
Il-Kummissjoni rċeviet total ta’ tliet sottomissjonijiet minn partijiet interessati b’kummenti dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ u l-elementi ta’ għajnuna possibbli fit-taxxa Daniża fuq ix-Xaħam. |
5.1. KUMMENTI MINN LANDBRUG & FØDEVARER F.M.B.A
|
(104) |
Fl-ittra tiegħu rreġistrata fl-20 ta’ Mejju 2015, l-Uffiċċju Legali Bech-Bruun, li jirrappreżenta lil Landbrug & Fødevarer F.M.B.A (minn hawn ’il quddiem: L&F), issottometta l-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. L&F, li bil-Malti tfisser il-Kunsill Daniż tal-Agrikoltura u l-Ikel, jirrappreżenta l-industrija tal-biedja u tal-ikel tad-Danimarka inklużi n-negozji u l-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u tal-bdiewa. |
|
(105) |
L&F jargumenta li n-nontassazzjoni ta’ ċerti prodotti skont l-Att ma twassalx għal “preferenza arbitrarja jew preġudikata ċara ta’ ċerti kumpaniji”. Il-prodotti intaxxati huma s-sorsi primarji għal xaħam saturat fid-Danimarka li jagħmel dawn il-prodotti differenti minn prodotti oħra. |
|
(106) |
Barra minn hekk, skont L&F ma hemm l-ebda kompetizzjoni bejn il-prodotti intaxxati (laħam, prodotti tal-ħalib, kull tip ta’ xaħam, prodotti mħallta li jistgħu jiddellku u sostituti għal dawk imsemmija qabel) u l-prodotti mhux intaxxati (bajd, ġewż, żrieragħ, ħobż, qamħirrun, patata, ħaxix, frott, zokkor, ħelu, supplimenti, vitamini, addittivi, ħut, ikel b’inqas minn 2,3 fil-mija xaħam). |
5.1.1. IL-LIMITU MINIMU TA’ 2,3 FIL-MIJA
|
(107) |
L&F jgħid li l-limitu minimu ta’ 2,3 fil-mija jirrifletti l-limitu stabbilit fl-Anness XIII għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (52), li jirregola kif il-ħalib għall-konsum mill-bniedem jista’ jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni. Il-ħalib għax-xorb jista’ jikkonsisti biss fil-kategoriji stabbiliti f’dak l-Anness (jiġifieri ħalib mhux ipproċessat, ħalib sħiħ, ħalib semixkumat u ħalib xkumat). Ħalib sħiħ (“sødmælk”) huwa ddefinit bħala ħalib b’kontenut ta’ xaħam ta’ mill-anqas 3,5 fil-mija (m/m), li jikkorrispondi għal 2,3 fil-mija ta’ xaħam saturat. Għalhekk, il-leġiżlatura Daniża għażlet limitu li jimplika trattament ugwali (nontassazzjoni) tat-tliet tipi kollha ta’ ħalib għax-xorb disponibbli fis-suq Daniż, jiġifieri ħalib sħiħ (mill-inqas 3,5 fil-mija ta’ xaħam), ħalib semixkumat (1,5–1,8 fil-mija ta’ xaħam) u ħalib xkumat (inqas minn 0,5 fil-mija ta’ xaħam). |
|
(108) |
Skont l-L&F, il-limitu ta’ 2,3 % huwa mod ibbilanċjat u mhux diskriminatorju biex jintlaħqu l-għanijiet tal-iskema, filwaqt li jiġi evitat li jkun hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
|
(109) |
In-nontassazzjoni tal-ħalib għax-xorb tirrifletti r-rakkomandazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni fid-Danimarka dak iż-żmien, b’mod partikolari fir-rigward tat-trabi u t-tfal ta’ bejn is-6 xhur u t-3 snin (53). |
5.2. KUMMENTI MILL-MIFU
|
(110) |
Fl-ittra tiegħu rreġistrata fl-20 ta’ April 2015, […] (54), li jirrappreżenta lill-Margarineforeningen (MIFU) ressaq il-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. L-MIFU, l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-Marġerina Daniżi, hija organizzazzjoni kummerċjali tal-produtturi u l-importaturi tal-marġerina fid-Danimarka. |
5.2.1. SISTEMA TA’ REFERENZA
|
(111) |
L-MIFU hija tal-fehma li t-tfassil tal-Att imur kontra l-għan allegat tal-kura tas-saħħa li jonqos il-konsum globali Daniż tax-xaħam saturat. Skont l-MIFU, ma hemm l-ebda prova xjentifika li l-Att fil-fatt naqqas il-konsum globali Daniż tax-xaħam saturat, u lanqas ma hemm prova xjentifika li l-Att tejjeb xort’oħra s-saħħa ġenerali tal-popolazzjoni Daniża. Minflok, l-MIFU targumenta li l-uniku tibdil ekonomiku u fl-imġiba kkawżat mill-Att kien il-fatt li dan wassal għal bidla sinifikanti f’termini ta’ kemm ċerti prodotti tal-ikel jikkontribwixxu għall-konsum globali Daniż tax-xaħam saturat. |
|
(112) |
L-MIFU tiddikjara li l-Att ikkawża tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-prodotti tal-ikel intaxxati, bħall-marġerina u l-butir, li konsegwentement implika tnaqqis fil-livell li fih dawn il-prodotti tal-ikel intaxxati partikolari kkontribwew għall-konsum globali Daniż ta’ xaħam saturat. Madankollu, skont l-MIFU m’hemm l-ebda prova li t-tnaqqis fil-konsum tax-xaħam saturat mill-prodotti tal-ikel intaxxati, bħall-marġerina u l-butir, eċċ., kien jimplika li l-konsum globali Daniż ta’ xaħam saturat naqas u li s-saħħa ġenerali tal-popolazzjoni Daniża tjiebet ukoll. Skont l-MIFU, it-tnaqqis seta’ minflok ġie kkumpensat b’żieda ekwivalenti fil-konsum tax-xaħam saturat li hemm fi prodotti tal-ikel mhux intaxxati jew intaxxati inqas, li tirriżulta f’żieda fil-konsum globali Daniż tax-xaħam saturat. B’riżultat ta’ dan, l-Att seta’ sempliċement ikkawża bidla f’termini ta’ kemm ċerti sorsi (prodotti tal-ikel) jikkontribwixxu għall-konsum globali Daniż ta’ xaħam saturat. |
|
(113) |
Minbarra l-opinjonijiet u d-dokumentazzjoni li ressqet qabel lill-Kummissjoni, l-MIFU ssostni li dawn is-sejbiet dwar l-effetti tal-Att huma appoġġati minn studji xjentifiċi indipendenti tal-implikazzjonijiet tal-Att u ta’ skemi Ewropej oħra simili tat-taxxa fuq l-ikel. |
|
(114) |
F’dak ir-rigward, l-MIFU tirreferi b’mod partikolari għar-rapport “It-taxxi fuq l-ikel u l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività fis-settur agroalimentari” tas-17 ta’ Lulju 2014 (55) (“ir-rapport ECORYS”), li kien ibbażat fuq studju tal-implikazzjonijiet tal-iskemi Ewropej tat-taxxa fuq l-ikel, inkluż l-Att Daniż. L-MIFU tenfasizza li r-rapport jikkonkludi li t-taxxi fuq l-ikel ġeneralment jinstabu li jwasslu għal konsum imnaqqas tal-prodotti intaxxati u wkoll għal riformulazzjoni tal-prodott f’termini ta’ tnaqqis tal-livelli taz-zokkor, tal-melħ u tax-xaħam. It-taxxi fuq l-ikel jistgħu jirriżultaw ukoll fis-sostituzzjoni tal-prodott, kemm permezz ta’ żieda fil-konsum tal-prodotti intaxxati minn marki orħos u minn sostituti tal-prodott li mhumiex intaxxati jew li huma inqas intaxxati. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-bidliet fil-konsum jirriżultawx f’titjib fis-saħħa pubblika, ir-rapport jikkonkludi li dan għadu diskuss b’mod wiesa’ u li l-evidenza minn letteratura akkademika mhijiex konklużiva u xi drabi kontradittorja. |
|
(115) |
Ir-rapport tal-ECORYS jikkonkludi wkoll li t-taxxi fuq l-ikel iwasslu għal żieda fil-piżijiet amministrattivi u jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-profittabilità u l-impjiegi. Jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq il-kompetittività ta’ kumpaniji individwali. |
|
(116) |
Fir-rigward tal-implikazzjonijiet partikolari tal-Att, ir-rapport tal-ECORYS jindika żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel taxxabbli u tnaqqis sinifikanti ekwivalenti fil-konsum ta’ dawn l-istess prodotti tal-ikel taxxabbli. Ir-rapport jidentifika wkoll bidla ċara mill-prodotti intaxxati għall-prodotti intaxxati inqas fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żejt tal-ħxejjex u taż-żerriegħa, iżda jirrikonoxxi li dan jista’ jkun għal raġunijiet oħra minbarra t-tassazzjoni. |
|
(117) |
L-MIFU tirreferi wkoll għal studju xjentifiku tal-implikazzjonijiet tal-Att li sar fl-2013 (ftit wara li tneħħa l-Att), li wera li l-livell ta’ konsum ta’ prodotti taxxabbli bħall-butir, it-taħlitiet tal-butir, il-marġerina u ż-żjut naqas b’10-15 fil-mija minħabba l-introduzzjoni tal-Att (56). Skont l-MIFU, dan l-istudju jindika li l-impatt negattiv tal-Att fuq il-prodotti tal-ikel taxxabbli kien 3 sa 4 darbiet ogħla mill-effett previst mil-leġiżlatur Daniż fil-kummentarju għall-abbozz tal-Att. |
|
(118) |
L-MIFU tgħid li r-rapport ECORYS jirrifletti fuq studju ieħor tal-implikazzjonijiet tal-Att ibbażat fuq data għas-sena 2012 kollha. Minn dan l-istudju jirriżulta li l-Att fl-2012 ikkaġuna, inter alia, żieda fil-prezzijiet tal-marġerina Daniża bi 12 fil-mija, li fl-istess ħin jimplika tnaqqis sinifikanti fil-konsum Daniż tal-marġerina u fid-dħul iġġenerat mill-industrija tal-marġerina peress li x-xiri u l-konsum tal-marġerina naqas bi 8,2 fil-mija. Il-prezzijiet tal-butir żdiedu bi 13 fil-mija u d-domanda jew il-konsum tal-butir konsegwentement naqsu b’5,5 fil-mija (57). It-tnaqqis attwali fil-konsum tal-marġerina fl-2012, jiġifieri 8,2 fil-mija, kien aktar mid-doppju tat-tnaqqis previst mil-leġiżlatur Daniż fil-kummentarju għall-abbozz tal-Att. |
|
(119) |
L-MIFU hija tal-fehma li l-konklużjonijiet fir-rapport ikomplu jikkonfermaw l-opinjoni li t-tfassil tal-Att ma kienx konformi mal-għan tal-kura tas-saħħa intenzjonat tiegħu li jnaqqas il-livell Daniż tal-konsum tax-xaħam saturat. |
|
(120) |
L-MIFU targumenta wkoll li l-imposta ġiet imfassla b’mod ċar b’mod arbitrarju jew ippreġudikat u li l-miżuri ta’ għajnuna kkontestati għalhekk ma jistgħux jiġu ġġustifikati mill-għan intrinsiku jew in-natura tal-iskema ġenerali ta’ referenza (l-Att). |
5.2.2. IL-MIŻURA 2; L-EŻENZJONI MIT-TASSAZZJONI TA’ PRODOTTI TAL-IKEL B’KONTENUT TA’ XAĦAM SATURAT LI MA JAQBIŻX IL-LIMITU TA’ 2,3 FIL-MIJA (IT-TAQSIMA 2.1.8.2. TAD-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ)
|
(121) |
L-MIFU ssostni li t-tfassil tal-limitu minimu ta’ 2,3 % huwa materja evidenti tal-politika industrijali minħabba li l-intenzjoni u l-effett espliċiti tiegħu kienu li jiffavorixxi lis-settur tal-ħalib Daniż li huwa influwenti ħafna. Skont l-MIFU, il-limitu kien imfassal apposta sabiex il-ħalib jiġi eżentat mit-tassazzjoni minħabba li kwalunkwe tassazzjoni tal-ħalib kienet twassal għal riperkussjonijiet finanzjarji serji ħafna għas-settur tal-ħalib Daniż fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika u kompetittiva li kien qed jiffaċċja s-settur fiż-żmien meta ġie adottat l-Att. |
|
(122) |
L-MIFU targumenta li t-tfassil tal-limitu minimu ta’ 2,3 fil-mija skont l-Att jikkostitwixxi eżempju ewlieni ta’ miżura de facto selettiva li ma tistax tiġi ġġustifikata. |
5.2.3. BENEFIĊJARJI EWLENIN TAL-ATT
|
(123) |
L-MIFU targumenta wkoll li s-settur Daniż tal-ħalib kien il-benefiċjarju ewlieni tal-eżenzjoni de facto permezz tat-taxxi mitlufa, li mbagħad taffew l-ispiża li inkella kien ikollhom iġorru dawn l-impriżi. Il-prodotti tal-ikel taxxabbli skont l-Att ġarrbu tnaqqis fid-domanda u għalhekk fid-dħul b’riżultat tal-Att (l-istudji tal-każ jindikaw tnaqqis ta’ 5,5 fil-mija — 15 fil-mija (58)). Meta mqabbel ma’ dan, il-ħalib ma ġiex intaxxat u ma ġarrab l-ebda tnaqqis fid-domanda matul il-perjodu meta kien fis-seħħ l-Att. Għall-kuntrarju, il-konsum Daniż tal-ħalib għax-xorb (59) żdied bit-ftit fl-2012 meta mqabbel mal-livell tiegħu tal-2011 filwaqt li laħaq livell ta’ konsum fl-2012 li kien prattikament l-istess bħal dak miksub fl-2010 (60). |
|
(124) |
L-MIFU ssostni wkoll li l-ebda “espert” qatt ma rrakkomanda li l-ħalib jiġi eżentat mit-tassazzjoni skont l-Att. Anke l-“Kummissjoni għall-Prevenzjoni” tal-Gvern Daniż irrakkomandat li l-ħalib ikun intaxxat ukoll. Skont l-MIFU, il-pariri dijetetiċi tal-Aġenzija Daniża dwar l-Amministrazzjoni Veterinarja u tal-Ikel dwar il-konsum mit-tfal żgħar tal-ħalib għax-xorb bl-ebda mod ma jappoġġaw l-eżenzjoni li tirriżulta mil-limitu ta’ 2,3 fil-mija iżda ntużaw biss bħala argument biex il-ħalib ma jiġix intaxxat. |
|
(125) |
L-MIFU targumenta wkoll li fi kwalunkwe każ kien inkonsistenti u sproporzjonat li l-ħalib jiġi eżentat, bħala tali, mit-tassazzjoni taħt l-Att sempliċement għall-iskopijiet allegati li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet possibbli ta’ konsum tal-ħalib ta’ tfal żgħar ħafna. Skont l-MIFU, dan l-għan seta’ jintlaħaq b’mod aħjar u b’anqas distorsjoni, bħar-regolamentazzjoni tradizzjonali, strumenti bbażati fuq is-suq, awtoregolazzjoni tal-industrija, informazzjoni u edukazzjoni jew rifużjonijiet tat-taxxa lil familji bi tfal żgħar u lill-kindergartens. |
|
(126) |
Barra minn hekk, l-MIFU targumenta li l-eżenzjoni tal-ħalib mhux biss iffavorixxiet il-konsum tal-ħalib għax-xorb f’kompetizzjoni ma’ sorsi oħra sostitwibbli tax-xorb iżda ffavorixxiet ukoll l-użu tal-ħalib għal skopijiet industrijali bħala ingredjent fi prodotti oħra tal-ikel minflok ingredjenti taxxabbli. |
|
(127) |
L-MIFU għalhekk tikkonkludi li s-settur tal-ħalib Daniż kien is-settur prinċipali li bbenefika mill-eżenzjoni de facto u li l-ebda entità waħda ma bbenefikat daqstant minn dik l-eżenzjoni daqs Arla. |
5.3. KUMMENTI MINN ARLA FOODS
|
(128) |
Fl-ittra tiegħu rreġistrata fis-7 ta’ Ġunju 2016, […] (61), li jirrappreżenta lil Arla, ressaq il-kummenti tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ. Arla Foods huwa l-akbar grupp tal-prodotti tal-ħalib Ewropew, u huwa kooperattiva li tappartjeni lil produtturi tal-ħalib Daniżi u Żvediżi. Il-grupp Arla jipproċessa aktar minn 90 % tal-ġabra ta’ ħalib Daniża. |
|
(129) |
Fl-ittra tiegħu, Arla jiddikjara li l-għan tat-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat kien li jiġu promossi dieti aħjar sabiex tittejjeb is-saħħa u l-medja tat-tul tal-ħajja tal-popolazzjoni fid-Danimarka. Barra minn hekk, biex jintlaħaq dan l-għan globali, Arla jargumenta li l-għanijiet ta’ din it-taxxa indiretta ma kinux li sempliċement jiġu intaxxati l-prodotti tal-ikel kollha li fihom xaħam saturat, iżda wkoll li l-popolazzjoni tiġi ggwidata lejn prodotti tal-ikel li fihom ammonti aktar baxxi ta’ xaħam saturat mingħajr ma jonqos il-konsum ta’ prodotti tal-ikel tajbin għas-saħħa u meħtieġa li fihom nutrijenti importanti oħra. L-għan tat-taxxa mhuwiex dieta ħielsa minn xaħam saturat peress li ħafna prodotti, li fihom xaħam saturat huma wkoll prodotti tal-ikel neċessarji. |
|
(130) |
L-Arla jkompli jargumenta li l-limitu minimu ta’ 2,3 fil-mija għat-tassazzjoni mhuwiex selettiv peress li l-prodotti tal-ikel b’inqas minn 2,3 fil-mija ta’ xaħam saturat jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali differenti fid-dawl tal-għanijiet tat-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat meta mqabbla ma’ prodotti li għandhom kontenut ogħla ta’ xaħam saturat. L-intaxxar biss ta’ prodotti tal-ikel b’aktar minn 2,3 fil-mija jikkontribwixxi għall-għanijiet tat-Taxxa. |
|
(131) |
Arla jkompli jispjega kif il-limitu minimu ta’ 2,3 fil-mija kien ibbażat fuq ir-rakkomandazzjonijiet nutrizzjonali uffiċjali fir-rigward tal-ħalib għax-xorb fiż-żmien meta ġiet introdotta t-taxxa. Huwa jelenka wkoll il-benefiċċji tal-ħalib. Fl-aħħar nett, Arla jargumenta li m’hemm l-ebda relazzjoni kompetittiva bejn il-ħalib tax-xorb u prodotti oħra. |
6. IR-RAPPORT TA’ ECORYS
|
(132) |
Ir-Rapport “It-taxxi fuq l-ikel u l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività fis-settur agroalimentari” kien ir-riżultat ta’ studju, ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija. L-istudju sar fl-2013-2014 mill-Konsorzju Ewropew għall-Kompetittività u l-Politika Industrijali Sostenibbli (“Konsorzju ECSIP”). Il-Konsorzju kien immexxi minn Ecorys Netherlands u kien magħmul minn Cambridge Econometrics, Danish Technological Institute, Euromonitor, IDEA Consult, IFO Institute u WiiW, kif ukoll grupp ta’ sottokuntratturi u individwi speċjalizzati. Ir-rapport ħares lejn l-effett li taxxi mhux armonizzati għandhom fuq il-kompetittività tal-industrija agroalimentari. L-istudju kien jinkludi analiżi tat-Taxxa Daniża fuq ix-Xaħam Saturat. Skont ir-Rapport tal-ECORYS (ara l-premessa 123), hemm indikazzjonijiet li t-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat kisbet l-għan ewlieni tagħha li tinfluwenza x-xejriet tax-xiri u għenet ukoll biex tiffinanzja tnaqqis fit-taxxa bnadi oħra, iżda għamlet dan bi spejjeż amministrattivi kbar għall-impriżi affettwati. |
|
(133) |
Ir-rapport tal-ECORYS inkluda l-istudju tal-analiżi ekonometrika “It-taxxa Daniża fuq ix-xaħam saturat — effetti fuq perjodu qasir ta’ żmien fuq il-konsum, mudelli ta’ sostituzzjoni u prezzijiet tax-xaħmijiet għall-konsumatur” (62). Skont din l-analiżi, l-introduzzjoni tat-taxxa fuq ix-xaħam saturat fil-prodotti tal-ikel kellha effett fuq is-suq għall-prodotti inkwistjoni, peress li l-livell ta’ konsum tax-xaħmijiet naqas b’10–15 fil-mija. Madankollu, minħabba l-perjodu relattivament qasir ta’ data fejn it-taxxa kienet attiva (disa’ xhur, ikkoreġuta għall-effetti staġjonali), l-interpretazzjoni ta’ dawn is-sejbiet minn perspettiva fit-tul għandha ssir b’attenzjoni konsiderevoli. Raġunament ekonomiku jissuġġerixxi aġġustamenti fl-imġiba u tnaqqis fil-konsum tax-xaħam fuq perjodu twil ta’ żmien, kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-manifatturi, pereżempju f’termini ta’ riformulazzjoni tal-prodotti għal prodotti b’kontenut aktar baxx ta’ xaħam saturat, eċċ. Flimkien mat-tnaqqis fil-konsum tax-xaħmijiet l-istudju sab evidenza ta’ sostituzzjoni tal-prodotti, fejn osserva li l-konsumaturi naqqsu x-xiri ta’ butir u żiedu x-xiri ta’ marġerina u ta’ taħlitiet (63). L-aspett tal-effetti ta’ sostituzzjoni fir-rigward ta’ prodotti li fihom inqas xaħam saturat ma kienx analizzat direttament. L-effetti ta’ sostituzzjoni jistgħu itejbu (jekk il-prodotti sostitwiti jkunu tajbin aktar għas-saħħa) jew idgħajfu (jekk il-prodotti sostitwiti pereżempju jkun fihom ħafna zokkor) l-effetti diretti ta’ inċentiv tat-taxxa (64). |
|
(134) |
Fl-istess ħin, l-ispejjeż amministrattivi imposti mit-taxxa nstabu li kienu sinifikanti għall-kumpaniji. Ġie stmat li t-taxxa swiet lill-kumpaniji fis-settur tal-bejgħ bl-imnut u bl-ingrossa DKK 200. miljun (65) (madwar EUR 27 miljun). |
|
(135) |
Il-Kamra tal-Kummerċ Daniża staqsiet lil 99 membru tagħha (l-aktar organizzazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut) jekk jarawx sinjali li t-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat ħajritx lill-konsumaturi għal prodotti tajbin aktar għas-saħħa. 12 fil-mija biss tal-membri tagħha jistgħu jaraw dan l-iżvilupp (66), li jissuġġerixxi li l-effetti ta’ sostituzzjoni kienu qed idgħajfu l-effett ta’ inċentiv tat-taxxa, iżda s’issa ma teżisti l-ebda analiżi akkademika biex tappoġġja dan. |
7. VALUTAZZJONI TAL-EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA
|
(136) |
Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern. |
|
(137) |
Għalhekk, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna skont it-tifsira ta’ din id-dispożizzjoni teħtieġ li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin: (i) il-miżura trid tkun imputabbli għall-Istat u ffinanzjata permezz tar-riżorsi tal-Istat; (ii) trid tagħti vantaġġ ekonomiku lil impriża; (iii) dak il-vantaġġ irid ikun selettiv; u (iv) il-miżura trid tkun waħda li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u trid taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. |
|
(138) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qieset b’mod preliminari li l-Miżuri 1-3 u l-Miżuri 5-6 kellhom il-karatteristiċi kollha ta’ għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tal-Miżura 4, il-Kummissjoni qieset li l-miżura ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
|
(139) |
Matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet u kummenti mid-Danimarka u minn bosta partijiet interessati. Fir-rigward tal-miżura 4, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma żvelat l-ebda informazzjoni li twassal għall-ħtieġa li tintlaħaq konklużjoni differenti minn dik espressa fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Għalhekk, fir-rigward tal-miżura 4, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dik l-eżenzjoni mhijiex selettiva peress li hija relatata ma’ prodotti, li mhumiex f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli għall-prodotti soġġetti għat-taxxa. Jiġifieri, l-għanijiet tat-taxxa (premessa 166) marbuta mat-titjib tas-saħħa tal-bniedem u tad-dieti, għalhekk minn din il-perspettiva, il-prodotti mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem mhumiex komparabbli. Għalhekk il-Miżura 4 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. |
|
(140) |
Fir-rigward tal-miżuri 1-3, 5 u 6, id-Danimarka u l-partijiet interessati argumentaw li l-miżuri ma kellhomx il-karatteristiċi kollha ta’ għajnuna mill-Istat. Id-Danimarka ppreżentat informazzjoni dwar l-elementi legali, amministrattivi u fattwali tal-miżuri li jeħtieġu li tiġi eżaminata mill-ġdid il-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ dawn il-miżuri. |
7.1. VANTAĠĠ GĦALL-IMPRIŻI
|
(141) |
Vantaġġ, skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE huwa kull benefiċċju ekonomiku li impriża ma setgħetx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri fin-nuqqas ta’ intervent mill-Istat. |
|
(142) |
Il-forma preċiża tal-miżura għalhekk mhijiex rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk tagħtix vantaġġ ekonomiku lill-impriża. L-għoti ta’ vantaġġi ekonomiċi pożittivi mhux biss huwa rilevanti għall-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, iżda anki l-ħelsien minn piżijiet ekonomiċi (bħal taxxi) jista’ jikkostitwixxi vantaġġ. Din tal-aħħar hija kategorija wiesgħa li tinkludi kull mitigazzjoni ta’ imposti normalment inklużi fil-baġit ta’ impriża (67). Dan ikopri s-sitwazzjonijiet kollha li fihom l-operaturi ekonomiċi jinħelsu mill-kostijiet inerenti tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Dan jinkludi b’mod partikolari sitwazzjonijiet fejn xi operaturi m’għandhomx għalfejn iħallsu spejjeż li operaturi paragunabbli oħrajn normalment ikollhom iħallsu f’ordni legali partikolari. |
|
(143) |
F’dak ir-rigward, il-fatt li ċerti prodotti ma kinux soġġetti għat-Taxxa Fuq ix-Xaħam Saturat jista’ jinvolvi vantaġġ għall-produtturi tagħhom. Dan ifisser li dawn il-prodotti u l-produtturi tagħhom, li huma impriżi li jipprovdu oġġetti fis-suq, jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ ekonomiku fil-forma ta’ ħelsien mill-piż tat-taxxa li potenzjalment jirriżulta mit-taxxa. |
|
(144) |
Il-kwistjoni dwar jekk il-piż tat-taxxa li jirriżulta mit-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat huwiex “kost normali” li kwalunkwe prodott irid iġorr jew “ħlas normalment inkluż fil-baġit ta’ impriża” tammonta għall-valutazzjoni tal-komparabbiltà tal-prodotti fid-dawl tal-għan tat-taxxa. Dan se jkun ittrattat fil-parti dwar is-selettività ta’ din id-deċiżjoni (ara hawn taħt). |
7.2. IL-PREŻENZA TA’ RIŻORSI TAL-ISTAT U L-IMPUTABBILTÀ LILL-ISTAT
|
(145) |
Vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat biss u bbażati fuq deċiżjoni imputabbli lill-Istat jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE (68). Ir-rinunzja għal dħul li altrimenti kien jitħallas lill-Istat tikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat (69). |
|
(146) |
Il-miżuri kollha, kif elenkati fil-premessa 27 ta’ din id-deċiżjoni, kienu r-riżultat ta’ att leġiżlattiv adottat mill-Parlament Daniż (Folketinget) u bħala tali kienu imputabbli lill-Istat Daniż. |
|
(147) |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-miżuri 1-3 u 6, “tnaqqis” fid-dħul mit-taxxa minħabba eżenzjonijiet jew tnaqqis fit-taxxi mogħtija mill-Istat Membru jissodisfa r-rekwiżit tal-allokazzjoni tar-riżorsi tal-Istat tal-Artikolu 107(1) TFUE (70). |
|
(148) |
Madankollu, fir-rigward tal-miżura 5, waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-preżenza tar-riżorsi tal-Istat, ma ġietx issodisfata. Mhux biżżejjed li Stat Membru jimponi jew jeħles lil xi produtturi minn piż meta mqabbla ma’ produtturi oħra biex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat (71). Il-vantaġġ li l-produtturi domestiċi tal-prodotti taxxabbli jistgħu jkollhom minħabba ż-żieda fil-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw għall-importaturi/produtturi ta’ prodotti barranin minħabba t-taxxa ta’ kopertura huwa sempliċement dovut għall-fatt li t-taxxa hija dovuta kmieni ħafna fil-katina tal-produzzjoni iżda ma wasslitx biex id-Danimarka tirrinunzja għal kwalunkwe dħul mit-taxxa li altrimenti kienet tkun legalment intitolata għalih (ara l-premessa 87). Seta’ sempliċement żied il-kost totali tal-prodotti intaxxati importati. Għalhekk, il-Kummissjoni taqbel mad-Danimarka li ż-żieda fil-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw għall-importaturi fil-Miżura 5 ma jinvolvux trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara l-premessa 87). M’hemmx għalfejn jiġi vvalutat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra tal-għajnuna mill-Istat humiex sodisfatti għal din il-miżura. |
|
(149) |
Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 5 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
7.3. DISTORSJONI TAL-KOMPETIZZJONI U L-EFFETT FUQ IL-KUMMERĊ
|
(150) |
Jitqies li jkun hemm tfixkil tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat meta l-Istat jagħti vantaġġ finanzjarju lil impriża f’settur liberalizzat fejn hemm, jew jista’ jkun hemm, il-kompetizzjoni (72). Il-Qrati tal-Unjoni ddeċidew ukoll li “fejn l-għajnuna finanzjarja mill-Istat issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li qed jikkompetu fil-kummerċ intra-[Unjoni], dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma affettwati mill-għajnuna.” (73) |
|
(151) |
Il-produzzjoni tal-prodotti kkonċernati f’dan il-każ isseħħ f’settur liberalizzat. Il-kummerċ transfruntier huwa importanti fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. Kwalunkwe vantaġġ selettiv għal uħud minn dawn il-produtturi għalhekk jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni u l-kummerċ transfruntier. |
7.4. SELETTIVITÀ
|
(152) |
Biex taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, miżura tal-Istat trid “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”. Għaldaqstant, mhux il-miżuri kollha li jiffavorixxu lill-operaturi ekonomiċi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ għajnuna, iżda dawk biss li jagħtu vantaġġ b’mod selettiv lil ċerti impriżi jew lil kategoriji ta’ impriżi jew lil ċerti setturi ekonomiċi. |
|
(153) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss applikat jew analiżi f’żewġ stadji jew analiżi fi tliet stadji sabiex tistabbilixxi s-selettività ta’ miżura. Fil-metodu f’żewġ stadji, l-ewwel għandu jiġi ddeterminat jekk ċerti impriżi jibbenefikawx minn vantaġġ meta mqabbla ma’ impriżi oħra f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli; u t-tieni jiġi aċċertat jekk id-differenzjar jistax ikun ġustifikat għaliex ikun ġej min-natura jew l-istruttura ġenerali tas-sistema li minnha jifforma parti (74). |
|
(154) |
B’kuntrast, fl-analiżi fi tliet stadji, (75)
|
|
(155) |
Fir-rigward ta’ skemi tat-taxxa, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li s-selettività tal-miżura għandha, fil-prinċipju, tiġi vvalutata permezz ta’ analiżi fi tliet stadji (76). Fil-verità, id-differenza bejn iż-żewġ approċċi hija pjuttost akkademika. Din tikkonsisti f’li l-ewwel stadju jinqasam f’żewġ stadji separati fl-approċċ fi tliet stadji. Fiż-żewġ approċċi, huwa meħtieġ li jiġi definit il-qafas ta’ referenza xieraq (77). |
|
(156) |
Skont is-sentenza Gibraltar (78), id-determinazzjoni ta’ liema impriżi huma f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli hija fundamentali biex jiġi identifikat il-qafas ta’ referenza xieraq. Isegwi mill-ġurisprudenza li din l-evalwazzjoni ssegwi mill-iskop tal-miżura kkonċernata (79) u, b’mod aktar ġenerali, l-għanijiet segwiti mis-sistema li tagħmel parti minnha (80). Meta wieħed jaraha b’dan il-mod, l-analiżi tas-selettività tikkonsisti mhux biss fid-determinazzjoni ta’ jekk miżura partikolari tidderogax b’mod formali minn qafas ta’ referenza partikolari, iżda prinċipalment fid-determinazzjoni ta’ jekk impriża waħda jew ċerti impriżi jgawdux vantaġġ fir-rigward ta’ impriżi oħra li huma f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (81). |
|
(157) |
Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, is-selettività tal-miżuri se tiġi vvalutata permezz tal-analiżi fi tliet stadji, kif deskritt fil-premessa 154. |
7.4.1. SISTEMA TA’ REFERENZA
|
(158) |
Is-sistema ta’ referenza tikkostitwixxi l-parametru referenzjarju li skontu tiġi vvalutata s-selettività ta’ miżura. Din hija komposta minn sett ta’ regoli konsistenti li ġeneralment japplikaw — abbażi ta’ kriterji oġġettivi — għall-impriżi kollha li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kif definit mill-għanijiet tagħha. |
|
(159) |
Fil-każ tat-taxxi, is-sistema ta’ referenza normalment tkun ibbażata fuq elementi bħall-bażi tat-taxxa, il-persuni taxxabbli, l-avveniment taxxabbli u r-rati tat-taxxa. L-istess japplika għal imposti bi skopijiet speċjali (awtonomi), bħal imposti fuq ċerti prodotti jew attivitajiet li jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa, li fir-realtà ma jagħmlux parti minn sistema ta’ tassazzjoni usa’. B’riżultat ta’ dan, u sakemm il-limiti tat-taxxa ma jkunux ġew iddisinjati b’mod ċar b’mod arbitrarju jew preġudikat (82) — sabiex jiffavorixxu ċerti prodotti jew ċerti attivitajiet li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-loġika sottostanti tat-taxxa inkwistjoni –, is-sistema ta’ referenza hija, fil-prinċipju, l-imposta nfisha. Madankollu, l-iskop tal-impożizzjoni ta’ taxxa jew imposta jista’ jkun relatat ma’ għanijiet addizzjonali (bħas-saħħa, l-ambjent, l-ippjanar urban, eċċ.) li jmorru lil hinn mis-sempliċi tassazzjoni, u dawn ukoll jeħtieġ li jiġu vvalutati meta tiġi stabbilita s-sistema ta’ referenza ġenerali għal tali miżura. |
|
(160) |
Skont il-ġurisprudenza, (83) l-għanijiet intrinsiċi jew il-loġika interna ta’ miżura għandhom ikunu definiti u l-evalwazzjoni tas-selettività (diskriminazzjoni) għandha ssir biss fuq il-bażi ta’ dawn l-għanijiet, u mhux fuq xi konsiderazzjoni barranija. Fil-fatt, l-għanijiet tas-saħħa (jew dawk ambjentali simili (84)) ma jistgħux jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ miżuri li altrimenti jkunu selettivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, jekk jiġi stabbilit li għan bħal dan jew saħansitra diversi għanijiet (bħas-saħħa, l-ambjent, l-ippjanar urban, eċċ.) huma parti mil-loġika interna (l-għanijiet intrinsiċi) tat-taxxa u s-sistema li tagħmel parti minnha, allura jkun permess li Stat Membru jibbilanċja u jiżgura r-rispett tagħhom fl-istess ħin (85). Ir-riżultat ta’ tali bilanċ u l-applikazzjoni simultanja tal-għanijiet jista’ jkun li, minkejja li tkun tidher diskriminazzjoni prima facie mill-perspettiva ta’ gġan wieħed, tali differenzjazzjoni tkun ġustifikata (jew l-impriżi ma jkunux f’pożizzjoni komparabbli) mill-perspettiva ta’ għan ieħor, applikabbli ugwalment. Madankollu, l-invokazzjoni ta’ diversi għanijiet m’għandhiex twassal għal diskriminazzjoni arbitrarja, u l-ġustifikazzjoni ta’ kwalunkwe esklużjoni mit-taxxa (jew tassazzjoni aktar baxxa) għandha tkun relatata mal-għanijiet intrinsiċi definiti minn qabel tal-miżura u għandha tiġi applikata b’mod konsistenti u tkun evidenti mill-metodu ta’ impożizzjoni tat-taxxa. |
|
(161) |
Jekk (i) wieħed isib diskriminazzjoni prima facie mill-perspettiva ta’ għan wieħed u aktar tard isib li dan jista’ jiġi ġġustifikat mill-perspettiva tal-għanijiet kollha applikati flimkien, jew (ii) sempliċement iqis li m’hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba li l-impriżi mhumiex f’sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli minħabba l-applikazzjoni kkombinata ta’ diversi għanijiet, ikun finalment ekwivalenti u jasal għall-istess riżultat, jiġifieri nuqqas ta’ selettività. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, f’dan il-każ il-Kummissjoni se ssegwi l-ewwel minn dawn iż-żewġ modi biex twettaq l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, bħala punt tat-tluq hija se tieħu l-għan li jonqos il-konsum tax-xaħam saturat, peress li dan l-għan jirriżulta mill-karatteristiċi tekniċi tat-taxxa, jiġifieri s-suġġett jew l-avveniment taxxabbli kopert minn dik it-taxxa (86). Kwalunkwe devjazzjoni mil-loġika marbuta ma’ dan l-għan se tiġi rreġistrata bħala diskriminazzjoni prima facie (premessi 168–171), li tista’ tkun ġustifikabbli abbażi tan-natura u l-loġika tas-sistema ġenerali, inklużi l-għanijiet kollha applikabbli. Iżda dan il-metodu ta’ preżentazzjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-eżistenza tal-għanijiet intrinsiċi kollha segwiti mill-miżura u għall-ordni ta’ prijorità li l-Istat Membru ddefinixxa għalihom. |
|
(162) |
Fir-rigward tal-miżuri kkonċernati, fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-premessa 80, is-sistema ta’ referenza ġiet definita bħala “Fil-każ preżenti, is-sistema ta’ referenza hija s-sistema tat-taxxa Daniża, u b’mod partikolari r-regoli dwar it-tassazzjoni ta’ xaħam saturat fl-oġġetti tal-ikel. Kif deskritt hawn fuq (il-premessa 17 et seq.), il-prodotti li fihom xaħam saturat fil-prinċipju huma soġġetti għat-taxxa fuq ix-xaħam saturat. Skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Att, tapplika taxxa ta’ DKK 16 għal kull kg ta’ xaħam saturat fl-oġġett tal-ikel rispettiv”. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Daniżi u s-sottomissjonijiet minn partijiet terzi, il-Kummissjoni teħtieġ li tadatta din is-sistema ta’ referenza sabiex tinkludi l-għanijiet intrinsiċi kollha segwiti mill-miżura, ara l-premessa 166. |
|
(163) |
L-awtoritajiet Daniżi fil-kummenti tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ (ara l-premessa 56 et seq. ta’ din id-Deċiżjoni) oġġezzjonaw għad-definizzjoni tas-sistema ta’ referenza min-naħa tal-Kummissjoni. Id-Danimarka tirraġuna li s-sistema ta’ referenza għandha tkun definita mill-għanijiet intrinsiċi li trid tilħaq it-taxxa. Skont l-awtoritajiet Daniżi, l-għanijiet segwiti mit-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat kienu l-promozzjoni ta’ dieti aħjar u t-titjib tas-saħħa tal-popolazzjoni Daniża permezz ta’ tassazzjoni tas-sorsi primarji ta’ konsum ta’ xaħam saturat fid-Danimarka, filwaqt li fl-istess ħin jitqiesu l-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta. |
|
(164) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-kummenti għall-Att li kienu ppreparati għall-ewwel qari tal-Att fil-Parlament Daniż isemmu biss li “l-għan tal-Att huwa li jiġu promossi dieti aħjar u għalhekk tittejjeb is-saħħa tal-popolazzjoni” u li “dan jinkiseb billi jitnaqqas il-konsum ta’ xaħam saturat permezz ta’ taxxa ta’ DKK 16 għal kull kg ta’ xaħam saturat fi prodotti speċifiċi…”. |
|
(165) |
Għalkemm ma jissemmewx sorsi primarji fil-kummenti għall-Att, dawn jirreferu għal rakkomandazzjonijiet dwar id-dieta li jistipulaw li x-xaħam għandu jkun parti minn dieta ta’ kuljum, u li jkun aħjar li wieħed jiekol xaħam mhux saturat milli saturat. Barra minn hekk, il-kummenti għall-Att iddikjaraw li t-taxxa għandha tkopri parti sinifikanti ta’ oġġetti tal-ikel normali biex jinkiseb l-ogħla effett fuq il-konsum, iżda fl-istess ħin tkun sempliċi kemm jista’ jkun, u tiġi imposta kmieni fil-katina tal-produzzjoni, sabiex in-numru ta’ impriżi affettwati mill-piż amministrattiv tat-taxxa (reġistrazzjoni, dikjarazzjoni, ħlas) jinżamm baxx. |
|
(166) |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tifhem il-qafas ta’ referenza (id-determinazzjoni tas-suġġett jew tal-avveniment taxxabbli kopert minn dik it-taxxa (87)) kif ġej: It-taxxa kellha fil-mira l-kontenut ta’ xaħam saturat, li għandu jiġi impost fuq il-piż ta’ xaħam saturat fil-prodotti tal-ikel elenkati fl-Artikolu 1 tal-Att, jekk il-kontenut ta’ xaħam saturat fil-prodott tal-ikel jaqbeż it-2,3 fil-mija tal-piż tal-prodott (il-premessa 15). It-taxxa ġiet stabbilita bir-rata fissa ta’ DKK 16 għal kull kg ta’ xaħam saturat fil-prodott tal-ikel rispettiv (l-Artikolu 2 tal-Att, il-premessa 16). L-Artikolu 3 tal-Att iddefinixxa l-operaturi li għandhom iħallsu t-taxxa (il-premessa 17). Din it-taxxa kienet imposta sabiex jinkisbu l-għanijiet li ġejjin (għanijiet intrinsiċi):
|
|
(167) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-għanijiet segwiti mit-taxxa huma relatati primarjament mas-saħħa pubblika (inkluża dieta aħjar) u huwa permissibbli f’dan il-kuntest li jiġu segwiti diversi għanijiet tas-saħħa pubblika fl-istess ħin bl-istess miżura. |
|
(168) |
Għalhekk, l-enfasi tat-taxxa (u l-avveniment taxxabbli tagħha) hija t-tassazzjoni tal-piż tax-xaħam saturat fil-prodotti tal-ikel, filwaqt li jinżammu għanijiet oħra tas-saħħa u tad-dieta (kif imsemmi fil-premessa 166 hawn fuq). |
|
(169) |
Fil-loġika tal-għan relatat max-xaħam saturat, kwalunkwe prodott li fih ix-xaħam saturat ikun f’sitwazzjoni komparabbli mal-prodotti li huma soġġetti għat-taxxa (selettività prima facie). Il-kontenut ta’ xaħam saturat għandu għalhekk ikun il-parametru referenzjarju biex jiġi vvalutat jekk hemmx diskriminazzjoni prima facie billi mhux jiġu ntaxxati ċerti prodotti. Madankollu, kif se jiġi eżaminat hawn taħt, l-esklużjonijiet relatati ma’ għanijiet oħra tas-saħħa u tad-dieta spjegati hawn fuq u mqassra fil-premessa 166, li kienu segwiti meta tfasslet it-taxxa, jistgħu jitqiesu ġustifikati skont il-loġika tas-sistema, li għandha l-għan li ttejjeb is-saħħa pubblika. Bażijiet oħra għal ġustifikazzjoni possibbli inerenti għas-sistema tat-taxxa jistgħu jkunu, pereżempju, il-ħtieġa li jiġu miġġielda l-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjonabilità amministrattiva, il-prinċipju tan-newtralità tat-taxxa jew il-ħtieġa li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja (il-premessa 176). |
|
(170) |
Ma jidhirx li t-taxxa tfasslet b’mod ċar b’mod arbitrarju jew preġudikat, sabiex tiffavorixxi ċerti prodotti jew ċerti attivitajiet li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-loġika sottostanti tat-taxxa in kwistjoni (88). Id-disinn ġenerali tat-taxxa huwa ġustifikat, meta jitqiesu l-għanijiet intrinsiċi kollha li ssegwi. |
|
(171) |
Il-Kummissjoni tqis li s-sistema ta’ referenza għandha tinkludi prima facie l-prodotti kollha b’kontenut ta’ xaħam saturat — jiġifieri anki dawk il-prodotti li mhumiex intaxxati mit-taxxa — u għandha teżamina jekk in-nontassazzjoni ta’ dawn il-prodotti l-oħra tistax tiġi ġġustifikata fil-loġika ta’, u billi jitqiesu, l-għanijiet kollha li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ referenza. |
7.4.2. DEROGA MIS-SISTEMA TA’ REFERENZA (SELETTIVITÀ PRIMA FACIE)
|
(172) |
Fit-tieni stadju, għandu jiġi eżaminat jekk in-nontassazzjoni ta’ ċerti prodotti tikkostitwixxix deroga mis-sistema ta’ referenza. |
|
(173) |
Kif imsemmi aktar ’il fuq, fil-loġika tal-għan relatat mat-tnaqqis tal-konsum tax-xaħam saturat, kwalunkwe prodott li fih xaħam saturat ikun f’sitwazzjoni komparabbli mal-prodotti li huma soġġetti għat-taxxa. Għaldaqstant, jekk wieħed jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa prodotti li fihom xaħam saturat, dan ikun prima facie selettiv. |
|
(174) |
Fid-dawl tal-għan relatat mat-tassazzjoni ta’ prodotti li fihom ix-xaħam saturat, il-prodotti li ġejjin (li fihom ix-xaħam saturat) jidhru li huma f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli mal-prodotti soġġetti għat-taxxa u n-nontassazzjoni tagħhom tidher għalhekk prima facie selettiva, kif stabbilit fil-premessa 86 tad-deċiżjoni tal-ftuħ:
|
|
(175) |
Il-Kummissjoni se teżamina mill-ġdid jekk l-esklużjonijiet u l-eżenzjonijiet, li kienu soġġetti għal dubji fid-deċiżjoni tal-ftuħ, humiex ġustifikati fid-dawl tal-għanijiet tal-Att. |
7.4.3. ĠUSTIFIKAZZJONI SKONT IL-LOĠIKA TAS-SISTEMA FISKALI
|
(176) |
Fejn miżura tkun prima facie selettiva, jenħtieġ li jiġi vvalutat fit-tielet stadju jekk dik id-deroga tistax tkun iġġustifikata skont il-loġika tas-sistema. Dan huwa l-każ fejn miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji gwida jew bażiċi intrinsiċi tas-sistema ta’ referenza jew fejn tkun ir-riżultat ta’ mekkaniżmi inerenti meħtieġa għall-funzjonament u għall-effikaċja tas-sistema (89). B’kuntrast ma’ dan, mhuwiex possibbli li wieħed jiddependi fuq għanijiet tal-politika esterni li mhumiex inerenti għas-sistema (90). Il-bażi għal ġustifikazzjoni possibbli tista’, pereżempju, tkun il-ħtieġa li jiġu miġġielda l-frodi jew l-evażjoni tat-taxxa, il-ħtieġa li jitqiesu rekwiżiti kontabilistiċi speċifiċi, il-ġestjonabilità amministrattiva, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (91), in-natura progressiva tat-taxxa fuq l-introjtu u l-iskop ridistributtiv tagħha, il-ħtieġa li tiġi evitata tassazzjoni doppja (92), jew l-għan li jiġi ottimizzat l-irkupru ta’ djun fiskali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrikonoxxiet is-segwitu ta’ għanijiet multipli tas-saħħa bħala bażi valida għal derogi bħal dawn (93) (94). |
7.4.3.1. Miżura 1
|
(177) |
Il-Miżuri 1 u 2 jikkonċernaw l-esklużjoni mit-tassazzjoni ta’ kwalunkwe prodott tal-ikel mhux elenkat fl-Artikolu 1 tal-Att. Il-miżura 2 se tiġi vvalutata separatament hawn taħt imma ż-żewġ miżuri huma relatati mal-applikazzjoni ta’ diversi kriterji (il-premessa 181) biex jiġu definiti l-prodotti taxxabbli fl-Artikolu 1 tal-Att, imsejħa sorsi primarji ta’ xaħam saturat. L-ilmentatur jiddikjara li ċerti prodotti tal-ikel ġew esklużi mit-taxxa filwaqt li oħrajn ma kinux, anki jekk jikkontribwixxu għall-konsum tax-xaħam saturat bl-istess mod. L-ilmentatur jenfasizza b’mod speċjali d-differenza bejn il-ħut, il-bajd u t-tjur. Il-ħut u l-bajd ma ġewx intaxxati iżda t-tiġieġ kien, anki jekk il-kontribuzzjonijiet tagħhom kienu simili għall-konsum tax-xaħam saturat (ara l-premessa 52 tad-deċiżjoni tal-ftuħ). |
|
(178) |
Fil-premessa 30 tad-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni elenkat il-prodotti ewlenin li ma ġewx intaxxati għaliex ma kinux elenkati fl-Artikolu 1 tal-Att. Kienet il-fehma preliminari tal-Kummissjoni li l-prodotti intaxxati u mhux intaxxati kienu f’sitwazzjoni fattwali u legali simili fid-dawl tal-għan intrinsiku tas-sistema ta’ referenza u li l-esklużjoni tal-prodotti mill-Artikolu 1 (i-vii) tal-Att kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lill-produtturi tal-prodotti kollha mhux koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet. Id-Danimarka ntalbet tipprovdi ġustifikazzjoni addizzjonali għall-esklużjonijiet biex il-Kummissjoni taċċettahom. |
|
(179) |
Madankollu, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Daniżi u s-sottomissjonijiet minn partijiet terzi, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm raġunijiet li titbiegħed mill-valutazzjoni preliminari tagħha fid-deċiżjoni tal-ftuħ fir-rigward tal-Miżura 1. |
|
(180) |
Għalkemm in-nontassazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel (maħsuba għall-konsum mill-bniedem) li fihom xaħam saturat hija prima facie selettiva, esklużjonijiet bħal dawn jekk jimmiraw li jtejbu s-saħħa u jippromwovu dieti aħjar (l-għanijiet intrinsiċi tat-taxxa), kif iddikjarat fil-premessa 31, jistgħu jiġu ġġustifikati skont il-loġika ġenerali tas-sistema. |
|
(181) |
F’dan il-każ, l-awtoritajiet Daniżi stabbilixxew lista ta’ prodotti tal-ikel li għandhom jiġu ntaxxati abbażi ta’ ħames kriterji: (I) wara l-applikazzjoni tal-limitu minimu ta’ 2,3 fil-mija li huwa vvalutat fil-miżura 2 (ii) il-kwantitajiet ikkonsmati tal-prodott u (iii) is-sehem reali tax-xaħam saturat fil-prodott (premessa 38) (iv) mingħajr ma jiġu mminati l-linji gwida uffiċjali tad-dieta (premessa 37) u (v) jiġi żgurat li s-sostituti qrib tas-sorsi primarji tax-xaħam saturat jiġu intaxxati wkoll (premessa 44). Għalhekk, l-iskop tat-taxxa ma kienx li telimina l-konsum kollu ta’ xaħmijiet saturati, iżda pjuttost li timmira lejn is-sorsi primarji, jiġifieri prodotti b’kontenut għoli ta’ xaħmijiet saturati, ikkonsmati relattivament sikwit, biex jitnaqqas il-konsum ta’ xaħmijiet saturati u biex issir bidla fil-konsum ta’ prodotti tal-ikel b’aktar benefiċċji għas-saħħa, fl-istess ħin mingħajr ma jiġu mminati l-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta u biex ikun żgurat li s-sostituti qrib tas-sorsi primarji tax-xaħam saturat jiġu intaxxati wkoll. |
7.4.3.1.1. Prodotti esklużi mit-taxxa primarjament minħabba l-kwantitajiet baxxi kkonsmati tal-prodott jew is-sehem baxx attwali ta’ xaħam saturat fil-prodott
|
(182) |
Kif innutat fil-premessa 46, prodotti tal-ikel li kkontribwew għall-konsum totali ta’ xaħam saturat b’1 fil-mija jew inqas (bħal ħut, bajd, ġewż u żrieragħ) ma kinux ikkunsidrati bħala sorsi primarji għall-konsum ta’ xaħam saturat. Dan jista’ jkun jew minħabba l-fatt li l-kwantitajiet ikkonsmati tal-prodott b’mod ġenerali mill-popolazzjoni kienu baxxi jew minħabba li s-sehem attwali ta’ xaħam saturat fil-prodott kien baxx. Filwaqt li għall-ħut kien hemm ukoll raġunijiet biex jiġi eskluż mit-tassazzjoni relatata mal-linji gwida nazzjonali dwar in-nutrizzjoni (premessa 197), għall-bajd (95), il-ġewż, u ż-żrieragħ ir-raġuni ewlenija kienet il-kontribuzzjoni baxxa tagħhom għall-konsum totali ta’ xaħam saturat fid-Danimarka. |
|
(183) |
Fir-rigward tal-ħut u l-bajd, ta’ min jinnota li dawn il-prodotti bil-kontribut dgħajjef tagħhom ta’ wieħed fil-mija (individwalment) għall-konsum tax-xaħam saturat, mhumiex sorsi primarji ta’ xaħam saturat, skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur Daniż. Għalhekk kien loġiku li l-ħut u l-bajd ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa. It-tjur huma ddefiniti bħala laħam fin-Nomenklatura u skont id-Direttiva 2000/13/KE (ara l-premessa 42). Peress li t-tjur huma kkunsidrati li huma tip ta’ laħam, u għalhekk sors primarju ta’ xaħam saturat, kien loġiku u ġustifikat li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(i) tal-Att. Dwar il-ġewż u ż-żrieragħ, il-premessa 46 tinnota l-kontribut żgħir tagħhom għall-konsum ta’ xaħam saturat. |
|
(184) |
Kif deskritt fit-Taqsima 4.1.3 hawn fuq, il-prodotti mhux intaxxati ma kinux jikkwalifikaw bħala sorsi primarji tal-konsum ta’ xaħam saturat fid-Danimarka, u lanqas ma huma prodotti kklassifikati bħala sostituti diretti għall-prodotti intaxxati skont l-Artikolu 1(vii) tal-Att. |
|
(185) |
Ta’ min ifakkar li x-xaħam saturat fi prodotti tal-ikel ipproċessati — eż. ħobż, krisps u ħelu — kien intaxxat permezz ta’ tassazzjoni tal-kostitwenti (ara l-premessa 41). |
|
(186) |
Bl-impożizzjoni tat-taxxa kmieni fil-katina tal-provvista, inħoloq inċentiv ukoll għall-produtturi ta’ prodotti tal-ikel ipproċessati biex jużaw l-aktar kostitwenti tajbin għas-saħħa, jiġifieri dawk li fihom inqas xaħam saturat (ara l-premessa 90). |
|
(187) |
Biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Att, id-determinazzjoni tal-prodotti taxxabbli kellha tqis il-kwistjoni jekk il-livelli tal-konsum ta’ prodotti partikolari jikkorrispondux mal-linji gwida nazzjonali dwar in-nutrizzjoni għal dieta tajba għas-saħħa. |
|
(188) |
Għalhekk, deċiżjoni biex prodott jiġi elenkat bħala prodott taxxabbli fl-Artikolu 1 tal-Att kienet ibbażata kemm fuq il-livell ta’ xaħam saturat f’kull prodott partikolari kif ukoll fuq kunsiderazzjonijiet dwar jekk il-livelli ta’ konsum ta’ prodotti partikolari jikkorrispondux mal-linji gwida nazzjonali dwar in-nutrizzjoni għal dieta tajba għas-saħħa, kif ukoll il-kriterji l-oħra msemmija fil-premessa 181. |
|
(189) |
Bħala regola ġenerali, approċċ bħal dan huwa konsistenti mal-politiki tal-UE fir-rigward tat-tnaqqis tal-konsum ta’ xaħmijiet saturati u s-sejbiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA). |
|
(190) |
Skont l-EFSA hemm kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika relatati mad-dieta u xi xejriet mhux favorevoli fix-xejriet tal-konsum tal-ikel fl-Istati Membri kollha (96). Fl-2005, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA biex tiżviluppa gwida maħsuba għall-popolazzjoni Ewropea kollha kemm hi, dwar pariri dwar ikel tajjeb għas-saħħa espressi fuq livell ta’ kategoriji tal-ikel li jgħinu biex tinżamm saħħa tajba permezz tal-aħjar nutrizzjoni (linji gwida dwar id-dieta bbażati fuq l-ikel). Fl-Opinjoni Xjentifika tagħha tal-2009 li tistabbilixxi l-Linji Gwida dwar id-Dieta bbażati fuq l-Ikel, l-EFSA kkonkludiet li minħabba d-differenzi fil-kwistjonijiet tas-saħħa, id-dieti u l-istili tal-ħajja tal-Istati Membri tal-UE, dawn il-linji gwida “għandhom ikunu bbażati direttament fuq id-dieta u r-relazzjonijiet tal-mard li huma partikolarment importanti għall-pajjiż individwali” (97). |
|
(191) |
F’dik l-Opinjoni, l-EFSA żviluppat prinċipji ġenerali u diversi passi, li jistgħu jiġu applikati fl-iżvilupp tal-gwida dwar id-dieta bbażata fuq l-ikel fil-livell nazzjonali. L-aspetti tas-saħħa għandhom jitqiesu f’diversi passi fl-iżvilupp tal-linji gwida nazzjonali kif determinati mill-EFSA, bħall-“Identifikazzjoni ta’ relazzjonijiet bejn id-dieta u s-saħħa” (98), l-“Identifikazzjoni ta’ problemi tas-saħħa relatati mad-dieta speċifiċi għall-pajjiż” (99), l-identifikazzjoni ta’ “Gruppi tal-ikel li huma sorsi ta’ nutrijenti ta’ importanza għas-saħħa pubblika” (100) u “Gruppi tal-Ikel b’relazzjonijiet stabbiliti mas-saħħa” (101). |
|
(192) |
Fl-2010, l-EFSA tat Opinjoni dwar Valuri ta’ Referenza tad-Dieta għax-xaħmijiet, inklużi aċidi tax-xaħam saturati, aċidi tax-xaħam poliinsaturati, aċidi tax-xaħam monoinsaturati, aċidi tax-xaħam trans, u kolesterol u kkonkludiet li l-konsum tax-xaħam saturat “għandu jkun baxx kemm jista’ jkun fil-kuntest ta’ dieta adegwata nutrizzjonalment (102). Huwa spjegat li “[d]ieti adegwati nutrizzjonalment huma s-suġġett ta’ linji gwida dwar id-dieta bbażati fuq l-ikel u jfissru xejra ta’ dieta li tipprovdi n-nutrijenti essenzjali kollha f’ammonti adegwati kif ukoll makronutrijenti li jwasslu l-enerġija fi proporzjonijiet magħrufa għaż-żamma tas-saħħa” (103). |
7.4.3.1.2. Prodotti esklużi mit-taxxa prinċipalment minħabba l-linji gwida nazzjonali dwar in-nutrizzjoni għal dieta tajba għas-saħħa
|
(193) |
Indipendentement mill-kontenut ta’ xaħam saturat tagħhom, il-konsum ta’ ċerti kategoriji ta’ ikel jista’ jnaqqas ir-riskji tal-iżvilupp ta’ mard kardjovaskulari, fost oħrajn. Għalhekk, konsum baxx ta’ tali kategoriji ta’ ikel, jekk ikun diġà inqas mill-konsum rakkomandat, jista’ jaggrava s-sitwazzjoni tas-saħħa, anki jekk il-konsum ta’ xaħam saturat jitnaqqas. |
|
(194) |
Għalhekk, iż-żewġ kwistjonijiet — l-effetti fuq is-saħħa ta’ konsum żejjed ta’ ċerti nutrijenti, bħal xaħam saturat, u indipendentement, l-effetti fuq is-saħħa ta’ konsum baxx ta’ ċerti kategoriji tal-ikel — għandhom jitqiesu fl-iżvilupp ta’ miżuri ta’ politika. |
|
(195) |
Ir-rakkomandazzjonijiet uffiċjali Daniżi għal stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa maħruġin mill-Amministrazzjoni Veterinarja u tal-Ikel Daniża li kienu jeżistu fid-Danimarka fiż-żmien meta kien fis-seħħ l-Att huma miġbura fil-qosor fil-premessa 47. Dawn jippromwovu l-konsum ta’ frott u ħaxix, ħut u prodotti tal-ħut, patata, ross, għaġin u ħobż integrali, laħam dgħif u prodotti tal-ħalib b’kontenut baxx ta’ xaħam (anki jekk dawn il-prodotti jista’ jkun fihom xaħam saturat). Huma jisħqu wkoll favur il-konsum ta’ inqas zokkor u xaħam (speċjalment mill-prodotti tal-ħalib u l-laħam). Huma jispeċifikaw li għandhom jiġu kkonsmati prodotti tal-ħalib b’xaħam baxx u laħam dgħif, aktar milli dawk b’ħafna xaħam, u jirrakkomandaw konsum ta’ 500 ml ta’ prodotti tal-ħalib b’xaħam baxx kuljum bħala parti minn dieta tajba għas-saħħa (ara l-premessa 47). |
|
(196) |
Fis-sottomissjonijiet tagħha, id-Danimarka uriet ukoll il-benefiċċji għas-saħħa mill-konsum ta’ ħaxixx, frott, ħut u prodotti tal-ħalib b’kontenut baxx ta’ xaħam u uriet li l-konsum ta’ dawn il-prodotti kien aktar baxx mill-konsum rakkomandat ta’ kuljum (ara t-Taqsima 4.1.4). Taxxa fuq dawn il-prodotti kienet tnaqqas aktar il-konsum tagħhom b’effett dannuż fuq l-għan applikabbli ugwalment tat-taxxa relatata mal-linji gwida dwar id-dieta. Bl-istess mod, jekk il-konsumaturi jissostitwixxu prodotti b’ħafna xaħam saturat bi prodotti b’inqas xaħam saturat bħal ħaxix u frott, dan huwa mixtieq mil-lat tas-saħħa u tad-dieta u għalhekk huwa konformi mal-għanijiet tat-taxxa. |
|
(197) |
Fir-rigward tal-ħut, id-Danimarka spjegat (ara l-premessi 52 u 53) li l-konsum tal-ħut kemm mill-adulti kif ukoll mit-tfal kien inqas minn nofs l-ammonti rakkomandati. Il-ħut fih aċidu xaħmi essenzjali, il-vitamina D (speċjalment il-ħut xaħmi), il-jodju, u s-selenju li huma diffiċli biex jinkisbu minn prodotti oħra tal-ikel. Il-konsum baxx tal-ħut ikkontribwixxa għal nuqqas ta’ vitamina D fil-popolazzjoni Daniża, u għalhekk kien mixtieq li jiżdied il-konsum tal-ħut. It-tnaqqis fil-konsum tal-ħut kien imur kontra l-linji gwida uffiċjali Daniżi dwar id-dieta u għalhekk kien jikkomprometti l-għanijiet tal-Att. |
|
(198) |
L-ilmentatur argumenta li ma hemm l-ebda prova li t-tnaqqis fil-konsum tax-xaħam saturat fil-prodotti tal-ikel intaxxati implika li l-konsum totali tax-xaħam saturat naqas u li s-saħħa ġenerali tal-popolazzjoni Daniża tjiebet. L-MIFU targumenta li hemm riskju li s-sostituzzjoni minn prodotti tal-ikel intaxxati għal prodotti tal-ikel mhux intaxxati tista’ twassal għal żieda fil-konsum tax-xaħam saturat (ara l-premessa 112). |
|
(199) |
Kif spjegat hawn fuq (premessa 196), id-Danimarka ħadet id-deċiżjoni politika li teskludi prodotti ta’ sostituzzjoni bħal dawn mit-taxxa bil-ħsieb li tħajjar lill-popolazzjoni żżid il-konsum ta’ prodotti bħal dawn għar-raġuni li għandhom effett pożittiv fuq is-saħħa. L-evidenza pprovduta u stabbilita hawn fuq tappoġġja dan l-approċċ. L-ilmentatur ma ppreżentax biżżejjed indikazzjonijiet jew evidenza li turi l-kuntrarju. |
|
(200) |
Għall-kuntrarju, skont ir-rapport ta’ ECORYS, hemm indikazzjonijiet li t-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat tabilħaqq influwenzat ix-xejriet tax-xiri. Barra minn hekk, ir-rapport ta’ ECORY jagħti evidenza li l-livell ta’ konsum tax-xaħmijiet naqas b’10-15 fil-mija. Ir-rapport jippreżenta wkoll evidenza li kien hemm xi ċaqliq min-naħa tal-konsumaturi lejn prodotti aktar tajbin għas-saħħa (ara l-premessi 132–135 ta’ din id-deċiżjoni). L-istimi fl-istudji ekonomiċi fuq l-effetti fuq l-imġiba tal-konsumatur urew li t-taxxa tabilħaqq ikkawżat tnaqqis ta’ 10-15 % fil-livell tax-xaħmijiet ikkonsmati (104). Barra minn hekk, l-analiżi ppreżentata fir-rapport INCENTIVE issib li l-effett ikkombinat tal-esklużjoni tal-prodotti tal-ikel li ma kinux sorsi primarji għall-konsum ta’ xaħam saturat u prodotti oħra tal-ikel b’kontenut baxx ta’ xaħam saturat (jiġifieri prodotti koperti mill-Miżura 1 u l-Miżura 2) appoġġja bidla fid-domanda tal-konsumatur għal prodotti tal-ikel tajbin aktar għas-saħħa (105). |
|
(201) |
F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li kif stabbilit fl-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: “L-azzjoni tal-Unjoni għandha tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom […].” L-Istati Membri għalhekk igawdu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fit-tfassil tal-politika tas-saħħa tagħhom. Sakemm deċiżjonijiet ta’ politika bħal dawn ma jkunux evidentement żbaljati jew ma jqisux evidenza xjentifika ċara u inekwivokabbli, il-Kummissjoni tqis li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar l-adegwatezza li jistabbilixxu inċentivi b’mod jew ieħor. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu diversi għanijiet intrinsiċi ta’ taxxa fuq is-saħħa u d-dieta, jistgħu jiddeterminaw l-ordni ta’ prijorità tagħhom billi jibbilanċjawhom u jistgħu jiżguraw l-osservanza tagħhom fl-istess ħin (premessa 160). |
7.4.3.1.3. Valutazzjoni komuni
|
(202) |
L-ewwel nett, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma sabitx arbitrarjetà jew abbuż fid-definizzjoni tas-sorsi primarji ta’ xaħam saturat, li mmotivaw l-esklużjonijiet taħt il-Miżura 1. Din id-definizzjoni, li ssegwi mill-ibbilanċjar tal-għanijiet tas-saħħa u tad-dieta, kif kristallizzati fil-kriterji deskritti fil-premessa 181, kienet applikata b’mod konsistenti u debitament iġġustifikata mid-Danimarka. |
|
(203) |
F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li, l-inklużjoni ta’ prodotti ta’ sostituzzjoni għas-sorsi primarji ta’ xaħam saturat fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa — għalkemm ibbażata fuq il-kriterji l-oħra ma kinux jikkwalifikaw bħala sorsi primarji — kienet iġġustifikata ugwalment u ma wasslitx għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Dan it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa kien motivat mill-għan li tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni maħluqa mit-taxxa. Il-ġustifikazzjonijiet relatati mat-tħassib dwar il-kompetizzjoni u t-trattament ugwali bejn il-prodotti f’kompetizzjoni huma konformi mal-loġika tal-għajnuna mill-Istat sal-punt li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti taxxabbli u tnaqqas id-differenza bejn il-prodotti intaxxati u l-prodotti mhux intaxxati. Fl-istess ħin, toħloq divrenzjar artifiċjali bejn il-prodotti, li normalment kellhom jitqiesu bħala sorsi mhux primarji u għalhekk mhux intaxxati. Madankollu, ma ngħata l-ebda vantaġġ lill-produtturi ta’ prodotti li kienu soġġetti għat-tassazzjoni addizzjonali, għall-kuntrarju dawn iffaċċjaw spiża addizzjonali. Is-sitwazzjoni ta’ impriżi li kienu f’sitwazzjoni komparabbli (produtturi ta’ sorsi mhux primarji ta’ xaħam saturat) iżda li ma kinux intaxxati anki qabel l-applikazzjoni ta’ dan ir-raba’ kriterju, ma nbidlitx mill-fatt li xi prodotti oħra kienu intaxxati għaliex kienu sostituti. Għalhekk, dan it-tip ta’ diskriminazzjoni mhuwiex rilevanti mill-perspettiva tal-għajnuna mill-Istat. |
|
(204) |
Barra minn hekk, dan id-divrenzjar bejn sorsi li altrimenti mhumiex primarji ta’ xaħam saturat mhuwiex indikazzjoni li t-taxxa ġiet imfassla b’mod arbitrarju bħal fil-kawża Gibraltar (premessa 156). Dan ma sarx b’mod arbitrarju, iżda segwa metodu konsistenti li seta’ jiġi rrikonċiljat mal-loġika globali tat-taxxa. Dwar dan l-aspett tal-aħħar, il-Kummissjoni ssib li l-intaxxar tas-sostituti għal darb’oħra huwa miżura maħsuba biex tagħmel it-taxxa aktar effettiva u biex jinkisbu l-għanijiet tas-saħħa u tad-dieta b’mod aktar immirat, filwaqt li tiġi evitata interferenza żejda fis-sitwazzjoni kompetittiva tal-prodotti. It-taxxa normalment kienet intiża biex tiggwida lill-konsumaturi ’l bogħod minn sorsi primarji ta’ xaħam sabiex tikseb għadd ta’ għanijiet ta’ saħħa u dijetetiċi. Dawn l-għanijiet setgħu jintlaħqu b’mod aktar effettiv permezz ta’ taxxa mmirata li tkun aċċettata soċjalment u implimentata b’mod effettiv. It-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni għas-sostituti ewlenin tas-sorsi primarji ta’ xaħam saturat sar għal dak l-iskop u jaqbel mal-loġika globali tas-sistema. |
|
(205) |
Għalhekk, il-Kummissjoni taċċetta li l-kriterji għad-definizzjoni tas-sorsi primarji għall-konsum tax-xaħam saturat kienu adegwati u mhux arbitrarji (premessi 170 u 181). |
|
(206) |
It-tieni, l-immirar tat-taxxa lejn is-sorsi primarji biss kien konformi mal-għanijiet li jinkoraġġixxu tnaqqis fil-konsum ta’ xaħam saturat u li ċċaqlaq il-konsum minn prodotti b’kontenut ogħla ta’ xaħam saturat għal prodotti b’kontenut aktar baxx ta’ xaħam saturat, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta. Il-Kummissjoni taqbel li huwa għan validu mil-lat tas-saħħa li t-taxxa tkun iffukata fuq sorsi primarji u li jkunu esklużi mit-tassazzjoni s-sorsi mhux primarji ta’ xaħam saturat. Filwaqt li kien ikun konċepibbli li t-taxxa tiġi applikata anki fuq il-kontenut ta’ xaħam saturat minn sorsi mhux primarji, mill-perspettiva tal-effettività tat-taxxa u b’mod partikulari l-għan li tiġi influwenzata l-imġiba tal-konsumatur, huwa ġustifikabbli li t-taxxa tiġi limitata għas-sorsi primarji. B’dan il-mod, id-differenza fil-prezz bejn is-sorsi primarji u dawk mhux primarji tiżdied aktar u dan isaħħaħ it-tbegħid tal-popolazzjoni mill-konsum ta’ sorsi primarji għar-raġuni li għandhom effett negattiv fuq is-saħħa (ara l-premessa 31). |
|
(207) |
Għalhekk, in-nontassazzjoni ta’ sorsi mhux primarji ta’ xaħam saturat hija ġustifikata fid-dawl tal-loġika globali tas-sistema, inklużi l-għanijiet kollha tas-saħħa u tad-dieta tat-taxxa msemmija fil-premessa 166, b’mod partikolari l-għan tas-saħħa li jitnaqqas il-konsum ta’ prodotti li huma ta’ ħsara sproporzjonata għas-saħħa minħabba l-kontenut għoli tagħhom ta’ xaħam saturat u l-assenza ta’ benefiċċji oħra għas-saħħa. |
|
(208) |
In-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ ċerti prodotti fl-Artikolu 1 tal-Att, ikklassifikat bħala l-Miżura 1 fit-Taqsima 2.1.8.1 tad-deċiżjoni tal-ftuħ u msemmi fit-Taqsima 2.2 ta’ din id-deċiżjoni, kien għalhekk iġġustifikat mil-loġika tas-sistema tat-taxxa, jiġifieri mhux selettiv u ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
7.4.3.2. Miżura 2
|
(209) |
Il-Miżura 2 teżenta mit-tassazzjoni l-prodotti kollha tal-ikel, u b’mod partikolari l-ħalib, li għandhom kontenut totali ta’ xaħam saturat ta’ 2,3 fil-mija jew inqas u hija waħda mill-ħames kriterji fid-definizzjoni tal-prodotti taxxabbli fl-Artikolu 1 tal-Att (premessa 181). Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni kienet tal-fehma preliminari li l-prodotti li fihom 2,3 fil-mija jew inqas ta’ xaħam saturat (prodotti mhux intaxxati) huma f’sitwazzjoni fattwali u legali simili fid-dawl tal-għan intrinsiku tas-sistema ta’ referenza bħall-prodotti li fihom aktar minn 2,3 fil-mija ta’ xaħam saturat (prodotti intaxxati). Id-deċiżjoni tal-ftuħ għalhekk ikkonkludiet li n-nontassazzjoni ta’ prodotti b’kontenut ta’ xaħam saturat ta’ 2,3 fil-mija jew inqas kienet prima facie selettiva. |
|
(210) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qagħdet fuq ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni għall-Prevenzjoni, jiġifieri li t-taxxa għandha tapplika għall-prodotti kollha tal-ħalib, inkluż il-ħalib. Madankollu, kif indikat mill-awtoritajiet Daniżi matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, l-għan, li jitnaqqas il-konsum tax-xaħam saturat, li kien il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Prevenzjoni, mhuwiex l-istess għan bħal dak tal-Att — li jiġu promossi dieti aħjar u li titjieb is-saħħa tal-popolazzjoni Daniża. Huwa għalhekk importanti li l-Miżura 2 tkun evalwata mill-ġdid, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tas-saħħa u tad-dieta kollha tal-Att. |
|
(211) |
Bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ, id-Danimarka ttenni li huwa fis-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li jiddeċiedu kif għandhom jiġu segwiti l-għanijiet tas-saħħa permezz tal-politika tat-taxxa u li jiddeċiedu dwar il-limiti minimi sakemm jibqgħu fil-limiti ġustifikabbli mill-iskop tat-taxxa. |
|
(212) |
Kif qalet id-Danimarka (ara l-premessa 66), limitu li jeżenta mit-tassazzjoni l-prodotti kollha b’kontenut ta’ xaħam saturat taħt ċertu limitu, jamplifika l-inċentiv fuq l-imġiba biex wieħed jagħżel prodotti b’xaħam baxx u għalhekk huwa konformi mar-rakkomandazzjonijiet uffiċjali tad-dieta kif deskritt fil-premessa 47 ta’ din id-Deċiżjoni. L-effett ta’ amplifikazzjoni huwa minnu għall-prodotti kollha iżda aktar u aktar għall-prodotti tal-ħalib u l-laħam billi huma prinċipalment dawk il-prodotti li għandhom alternattivi ’l fuq jew ’l isfel mil-limitu. Fil-każ tal-prodotti tal-ħalib, livell minimu ppromwova wkoll ir-rakkomandazzjoni espliċita tad-dieta li jiġu kkonsmati 500 ml ta’ prodotti tal-ħalib b’xaħam baxx kuljum billi tiżdied id-differenza fil-prezz bejn prodotti b’xaħam baxx u dawk b’xaħam għoli. |
|
(213) |
Ir-rakkomandazzjonijiet uffiċjali dwar id-dieta fiż-żmien li kien fis-seħħ l-Att kienu jirrakkomandaw ukoll li tfal żgħar taħt l-età ta’ sena għandhom jixorbu ħalib bix-xaħam kollu (ħalib b’kontenut ta’ xaħam totali ta’ 3,5 fil-mija, jew b’kontenut ta’ xaħam saturat ta’ 2,3 fil-mija) (106). L-għażla tal-limitu minimu ta’ 2,3 fil-mija evita żieda fil-prezz fuq il-ħalib u ffaċilitat l-issodisfar ta’ din ir-rakkomandazzjoni dwar id-dieta. Wieħed seta’ jikkunsidra approċċ divrenzjat li skontu l-ħalib bix-xaħam kollu għat-tfal żgħar, minn naħa, kien ikun eżentat mit-taxxa, filwaqt li l-istess prodott maħsub għall-konsum minn tfal akbar fl-età u minn adulti min-naħa l-oħra kien ikun kopert. Madankollu, approċċ bħal dan kien ikun diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli, li jiġi ġestit u għalhekk ma kienx ikun ġustifikat. Għalhekk, trattament uniformi tal-ħalib bix-xaħam kollu jidher ġustifikat. |
|
(214) |
L-ilmentatur tefa’ dubju fuq l-effiċjenza tal-limitu biex jiġi żgurat li l-att ma jmurx kontra r-rakkomandazzjonijiet ta’ dieta li t-tfal għandhom jixorbu l-ħalib, u t-tfal iż-żgħar għandhom jixorbu l-ħalib sħiħ. |
|
(215) |
Madankollu, fis-sottomissjonijiet tagħha d-Danimarka argumentat li l-iffissar ta’ limitu kien l-aktar mod effiċjenti u l-anqas wieħed li jiswa flus biex ikun żgurat li t-taxxa ma timminax il-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta. Miżuri alternattivi biex jiġi żgurat li t-taxxa ma tirriżultax f’inċentivi ekonomiċi li jmorru kontra l-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta kienu jkunu ħafna inqas effiċjenti u x’aktarx joħolqu spejjeż amministrattivi ogħla mill-eżenzjoni tal-ħalib sħiħ (ara l-premessi 75–78). |
|
(216) |
L-ilmentatur sostna li għalkemm il-limitu minimu ta’ 2,3 fil-mija jista’ jitqies bħala miżura ġenerali, huwa selettiv fl-effetti tiegħu billi l-benefiċjarji ewlenin huma l-produtturi u l-proċessuri tal-prodotti tal-ħalib, u b’mod aktar speċifiku Arla bħala l-proċessur ewlieni tal-prodotti tal-ħalib fid-Danimarka (ara l-premessi 139 sa 146). |
|
(217) |
Id-Danimarka argumentat li l-limitu minimu ta’ 2,3 fil-mija jirrifletti l-prinċipji bażiċi u ta’ gwida tal-Att. Il-fatt li dan iffavorixxa ċerti impriżi aktar minn oħrajn kien sempliċement konsegwenza neċessarja tat-twaqqif ta’ limitu (ara l-premessa 72). |
|
(218) |
Id-Danimarka ssottomettiet ċifri dwar il-kontribwenti ewlenin u wkoll dwar il-benefiċjarji ewlenin tal-limitu ta’ 2,3 fil-mija (ara l-premessa 74). Dawn iċ-ċifri juru li […] (107) kien il-kontribwent ewlieni taħt l-Att dwar it-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat fir-rigward ta’ prodotti li kienu soġġetti għat-taxxa (DKK […] miljun), filwaqt li kellu wkoll is-sehem ewlieni tal-valur tat-taxxa stmat tal-prodotti tal-ħalib mhux intaxxati taħt il-limitu ta’ 2,3 fil-mija (DKK […] miljun). Madankollu, anki jekk iċ-ċifri juru li l-limitu kkonċerna fil-biċċa l-kbira tiegħu s-settur tal-ħalib (DKK 140 miljun), u għalhekk lil […] , juru wkoll li l-prodotti minn setturi oħra kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (DKK 83 miljun). |
|
(219) |
Fir-rigward tal-miżura 2, li kienet waħda mill-ħames kriterji (il-premessa 181) għad-determinazzjoni tal-prodotti taxxabbli msejħa s-sorsi primarji tax-xaħam saturat, il-Kummissjoni tasal għall-istess konklużjonijiet bħal fil-premessi 202–207 hawn fuq. L-ewwel nett, ma sabitx arbitrarjetà jew abbuż fid-definizzjoni tal-limitu ta’ 2,3 fil-mija. Id-definizzjoni ta’ dan il-limitu, li ġejja mill-ibbilanċjar tal-għanijiet tas-saħħa u tad-dieta, kienet applikata b’mod konsistenti u ġġustifikata b’mod xieraq mid-Danimarka. |
|
(220) |
It-tieni, l-immirar tat-taxxa lejn is-sorsi primarji biss kien konformi mal-għanijiet biex jiġi mħeġġeġ tnaqqis fil-konsum ta’ xaħam saturat u jkun hemm ċaqliq mill-konsum ta’ prodotti b’kontenut ogħla ta’ xaħam saturat għal prodotti b’kontenut aktar baxx ta’ xaħam saturat, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida uffiċjali dwar id-dieta. Il-Kummissjoni taqbel li huwa għan validu mil-lat tas-saħħa li t-taxxa tkun iffukata fuq sorsi primarji u li jkunu esklużi mit-tassazzjoni s-sorsi mhux primarji ta’ xaħam saturat. Filwaqt li kien ikun konċepibbli li t-taxxa tiġi applikata anki fuq il-kontenut ta’ xaħam saturat ta’ sorsi mhux primarji (taħt il-limitu), mill-perspettiva tal-effettività tat-taxxa u b’mod partikulari l-għan li tiġi influwenzata l-imġiba tal-konsumatur, huwa ġustifikabbli li t-taxxa tiġi limitata għas-sorsi primarji. B’dan il-mod, id-differenza fil-prezz bejn is-sorsi primarji u dawk mhux primarji tiżdied aktar u dan isaħħaħ it-tbegħid tal-popolazzjoni mill-konsum ta’ sorsi primarji għar-raġuni li għandhom effett negattiv fuq is-saħħa. |
|
(221) |
Għalhekk, in-nontassazzjoni ta’ sorsi mhux primarji ta’ xaħam saturat (kif definita wkoll permezz tal-limitu) hija ġustifikata fid-dawl tal-loġika globali tas-sistema, inklużi l-għanijiet kollha tas-saħħa u tad-dieta tat-taxxa msemmija fil-premessa 166, b’mod partikolari l-għan tas-saħħa li jitnaqqas il-konsum ta’ prodotti li huma ta’ ħsara sproporzjonata għas-saħħa minħabba l-kontenut għoli tagħhom ta’ xaħam saturat u l-assenza ta’ benefiċċji oħra għas-saħħa. |
|
(222) |
Il-kriterju relatat man-nontassazzjoni ta’ prodotti li fihom 2,3 % fil-mija jew inqas ta’ xaħam saturat huwa għalhekk konsistenti mal-għanijiet tat-taxxa kif imsemmi fil-premessi 31, 32 u 166 u huwa ġġustifikat mil-loġika tas-sistema tat-taxxa. In-nontassazzjoni ta’ dawn il-prodotti, ikklassifikata bħala l-Miżura 2 fit-taqsima 2.1.8.2. tad-deċiżjoni tal-ftuħ u msemmija fit-taqsima 2.2. ta’ din id-deċiżjoni, għalhekk mhijiex selettiv u ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
7.4.3.3. Miżura 3
|
(223) |
Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tħalla miftuħ jekk l-eżenzjoni mit-tassazzjoni skont l-Att għal negozji b’bejgħ annwali ta’ prodotti tal-ikel taxxabbli ta’ DKK 50 000 jew inqas kinitx selettiva u jekk għandhiex titqies bħala għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Kif spjegat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-livell ta’ eżenzjoni ġie stabbilit bl-istess mod bħal dak fl-Att Daniż dwar il-VAT, li jgħid li n-negozji b’bejgħ annwali ta’ prodotti tal-ikel taxxabbli ta’ DKK 50 000 jew inqas m’għandhomx għalfejn jirreġistraw skont l-Att dwar il-VAT u m’għandhomx għalfejn iħallsu l-VAT. Skont is-sottomissjoni tad-Danimarka bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ, jekk dawn il-kumpaniji ma għandhomx għalfejn jirreġistraw għall-fini li jħallsu l-VAT, ma għandhomx għalfejn jirreġistraw għall-fini li jħallsu t-taxxa skont l-Att dwar it-Taxxa fuq ix-Xaħam Saturat. |
|
(224) |
Id-Danimarka targumenta li l-limitu ta’ DKK 50 000 f’bejgħ annwali ta’ prodotti tal-ikel taxxabbli kien miżura ġenerali li kienet tapplika għall-produtturi domestiċi, l-importaturi, l-intermedjarji u l-bejjiegħa mill-bogħod b’mod ugwali u kienet effettivament miftuħa għall-operaturi ekonomiċi kollha fuq bażi ugwali. |
|
(225) |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tas-saħħa tat-taxxa u l-impatt limitat fuq is-saħħa tal-kwantitajiet limitati li ma kinux intaxxati minħabba l-limitu ta’ DKK 50 000, l-eżenzjoni tidher iġġustifikata min-natura tas-sistema ta’ referenza. |
|
(226) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-ammonti ta’ taxxi mhux imposti minħabba l-limitu jistgħu jkunu żgħar (ara l-premessa 81), u taċċetta li l-ġbir ta’ tali ammonti żgħar kien jimplika piż amministrattiv sproporzjonat. Kif spjegat mid-Danimarka, impriżi b’fatturat ta’ DKK 50 000 jew inqas m’għandhomx għalfejn jirreġistraw għal finijiet ta’ VAT, minħabba l-piż amministrattiv għall-impriżi kkonċernati u għall-amministrazzjoni. Dan kien ikun sproporzjonat fid-dawl tal-ammont ta’ VAT li kieku kien jinġabar. L-istess jgħodd għall-każ inkwistjoni hawnhekk. It-taxxa li jkollha titħallas mill-impriżi b’fatturat ta’ prodotti tal-ikel taxxabbli ta’ DKK 50 000 jew anqas tkun baxxa wisq biex tiġġustifika l-piż amministrattiv marbut mal-ġbir tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma sabitx arbitrarjetà jew abbuż fid-definizzjoni tal-limitu tal-bejgħ ta’ DKK 50 000 fuq il-kontribwenti. Id-definizzjoni ta’ dan il-limitu, li jirriżulta mill-ibbilanċjar ta’ għanijiet tas-saħħa u tad-dieta flimkien mal-effettività tat-taxxa u l-effiċjenza amministrattiva, kienet applikata b’mod konsistenti u debitament ġustifikata mid-Danimarka. |
|
(227) |
Imbagħad, il-Kummissjoni taqbel li huwa għan validu mil-lat tas-saħħa li t-taxxa tiġi ffukata wkoll fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ persuni taxxabbli għal impriżi akbar u li jiġu esklużi mit-tassazzjoni l-impriżi żgħar ħafna b’bejgħ annwali ta’ prodotti tal-ikel taxxabbli ta’ DKK 50 000 jew anqas. Filwaqt li kien ikun konċepibbli li tiġi applikata t-taxxa anke fuq dawk li jħallsu t-taxxa b’bejgħ ta’ DKK 50 000 jew anqas (inqas mil-limitu), mill-perspettiva tal-effettività tat-taxxa u l-effiċjenza amministrattiva, huwa ġustifikabbli li l-persuni taxxabbli jiġu limitati għal impriżi li jaqbżu l-limitu. B’dan il-mod, id-differenza fil-prezz bejn is-sorsi primarji u dawk mhux primarji tiżdied aktar u dan isaħħaħ it-tbegħid tal-popolazzjoni mill-konsum ta’ sorsi primarji għar-raġuni li għandhom effett negattiv fuq is-saħħa. |
|
(228) |
L-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa għal negozji li l-bejgħ annwali tagħhom ta’ prodotti tal-ikel taxxabbli kien jammonta għal DKK 50 000 jew inqas, ikklassifikata bħala l-Miżura 3 fit-Taqsima 2.1.8.3. tad-deċiżjoni tal-ftuħ, għalhekk mhijiex selettiva u ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
7.4.4. IL-MIŻURA 6 MHIJIEX SELETTIVA GĦAX MA TIDDISKRIMINAX BEJN IMPRIŻI F’SITWAZZJONI LEGALI U FATTWALI KOMPARABBLI
|
(229) |
Din il-miżura, li tinvolvi 4 sottomiżuri, kienet relatata mal-fatt li l-Att kien iddistingwa bejn il-produtturi domestiċi u l-importaturi tal-istess ikel jew ikel simili fir-rigward ta’ ċerti aspetti tas-sistema tad-differiment tat-taxxa u tat-tnaqqis tat-taxxa. Essenzjalment, il-miżura hija kwistjoni ta’ trattament differenti bejn l-operaturi bl-ingrossa (il-premessa 233) u d-destinatarji, minħabba li l-miżura ma kinitx tapplika għall-importaturi rreġistrati bħala destinatarji. Il-premessa 135 tad-deċiżjoni tal-ftuħ sabet li l-miżura tidher li tiddiskrimina bejn prodotti importati u prodotti nazzjonali, u għalhekk tista’ tkun selettiva u anke bi ksur tad-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 110 TFUE. |
|
(230) |
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Daniżi bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hemm raġuni biex titbiegħed mill-valutazzjoni oriġinali tagħha fid-deċiżjoni tal-ftuħ fir-rigward tal-Miżura 6. |
|
(231) |
Fil-premessa 74 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, abbażi tal-idea li l-Att ippreveda ċerti reġimi preferenzjali għall-produtturi domestiċi tal-ikel meta mqabbla mal-importaturi, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li s-sistema deskritta dehret li tikkostitwixxi vantaġġ għall-produtturi domestiċi fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE peress li tpoġġew f’pożizzjoni finanzjarja aktar favorevoli meta mqabbla mal-impriżi li jimportaw l-istess tip ta’ prodotti. |
|
(232) |
Dan it-tħassib kien imsaħħaħ bil-fatt li l-leġiżlatur Daniż ikkonċeda fid-dokumenti leġiżlattivi preparatorji ta’ akkumpanjament (108) li l-għan u l-effett tas-sistema preferenzjali kien li jippermetti lill-produtturi domestiċi jiksbu vantaġġ fil-fluss tal-flus (109). Kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Daniżi, dawn l-għażliet ta’ differiment u tnaqqis tat-taxxa ma kinux disponibbli għal impriżi li jimportaw l-istess tip ta’ prodotti tal-ikel u li jbigħuhom fl-istess swieq Daniżi. |
|
(233) |
Madankollu, kif argumentat mill-awtoritajiet Daniżi fit-tweġiba tagħhom għad-deċiżjoni tal-ftuħ, is-sistema skont l-Att, ibbażata fuq is-sistema skont id-Direttiva 2008/118/KE dwar id-dazji tas-sisa, timplika differenza fundamentali bejn magazzinier awtorizzat (110) (operatur bl-ingrossa fl-Att) u destinatarju reġistrat (111) (destinatarju fl-Att): Il-maħżen ta’ operatur bl-ingrossa m’huwiex intaxxat u l-maħżen ta’ destinatarju hu intaxxat (ara l-premessa 92(ff)). Dan huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni (112) li tistipula li taxxa għandha tiġi imposta fl-istess stadju tal-katina tal-provvista, jiġifieri fil-ħin tal-kunsinna mill-produtturi domestiċi u fil-ħin tal-importazzjoni mill-importaturi. |
|
(234) |
Skont ir-regoli tad-Direttiva 2008/118/KE u dawk tal-Att, impriża hija rreġistrata skont l-irwol tagħha fil-katina tal-provvista u mhux skont l-oriġini tal-prodotti li tbigħ. Produttur domestiku normalment ikun irreġistrat bħala magazzinier awtorizzat/operatur bl-ingrossa u importatur normalment ikun irreġistrat bħala destinatarju reġistrat/destinatarju. Madankollu, l-Att għamilha wkoll possibbli għall-importaturi li jwettqu kummerċ intermedju biss li jirreġistraw bħala operaturi bl-ingrossa u b’hekk iżommu l-imħażen tagħhom mhux intaxxati (Premessa 42 tad-deċiżjoni tal-ftuħ). Il-bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti taxxabbli domestiċi u/jew importati li jkunu qed iwettqu bejgħ dirett, kollha għandhom il-maħżen tagħhom intaxxat u jinsabu fl-istess pożizzjoni f’dak li jirrigwarda t-tassazzjoni ta’ prodotti taxxabbli. Fl-istess ħin, kif deskritt fil-premessa 41 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, il-produtturi Daniżi setgħu jirreġistraw bħala operaturi bl-ingrossa għall-parti tal-produzzjoni li huma ppjanaw li jesportaw. |
|
(235) |
Skont id-Danimarka, id-differenza fundamentali bejn l-operaturi bl-ingrossa u d-destinatarji tiġġustifika d-differenza fit-trattament skont l-Att u l-Miżura 6 mhijiex, kif sostna l-ilmentatur, mezz ta’ diskriminazzjoni bejn il-produtturi domestiċi u barranin. Lanqas ma tiddiskrimina b’xi mod ieħor, tiżgura biss li t-taxxi jkunu imposti skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni (113). |
|
(236) |
Il-Kummissjoni taqbel li l-Miżura 6 ma tiddiskriminax bejn produtturi domestiċi u barranin jew impriżi fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali. L-operaturi bl-ingrossa u d-destinatarji jinsabu f’pożizzjoni differenti mill-perspettiva tar-rwol tagħhom fil-katina tal-provvista, li min-naħa tagħha huwa l-prinċipju segwit mill-Att u anki mid-Direttiva 2008/118/KE. Il-mod kif l-impriżi huma intaxxati skont l-Att jiddependi mir-rwol tagħhom fil-katina tal-provvista. Liema impriża tappartjeni għal liema rwol jiġi deċiż fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, li fuqhom l-impriża għandha ċertu livell ta’ kontroll. Importatur jista’, pereżempju, jiddeċiedi waħdu jekk jixtieqx li jagħmel kummerċ intermedju biss u b’dan il-mod ikun jista’ jirreġistra bħala operatur bl-ingrossa u jżomm il-maħżen tiegħu mhux intaxxat. Madankollu, jekk jixtieq jagħmel bejgħ dirett, ikollu jiġi rreġistrat bħala destinatarju u l-maħżen tiegħu jiġi intaxxat (bl-istess mod bħall-produtturi domestiċi li jagħmlu bejgħ dirett). |
|
(237) |
Il-Kummissjoni tikkonkludi li fil-każ tal-Miżura 6, id-divrenzjar fil-ħin tal-ġbir tat-taxxa ma jwassalx għal diskriminazzjoni bejn produtturi domestiċi u barranin jew impriżi fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali. Għaldaqstant il-miżura 6 mhijiex selettiva fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-istess raġuni u minħabba li d-differenza bejn operatur bl-ingrossa u destinatarju reġistrat taħt il-miżura 6 tikkorrispondi għas-sistema skont id-Direttiva 2008/118/KE dwar id-dazji tas-sisa, ma tiksirx l-Artikolu 110 TFUE. Dan għaliex ma timponix taxxa ogħla fuq l-importazzjonijiet milli fuq il-prodotti domestiċi u mhijiex protezzjoni indiretta kontra prodotti minn Stati Membri oħra. |
8. KONKLUŻJONIJIET
|
(238) |
Fir-rigward tal-Miżura 5, waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-preżenza tar-riżorsi tal-Istat, ma ġietx issodisfata. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżura 5 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
|
(239) |
Fir-rigward tal-Miżuri 1, 2, 3 u 6, waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-preżenza tas-selettività, ma ġietx issodisfata. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Miżuri 1, 2, 3 u 6 ma kinux jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Att Daniż dwar it-tassazzjoni tax-xaħam saturat f’ċerti prodotti tal-ikel, il-Liġi Nru 247 tat-30 ta’ Marzu 2011, fis-seħħ mill-1 ta’ Ottubru 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2012 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Ġunju 2019.
Għall-Kummissjoni
Phil HOGAN
Membru tal-Kummissjoni
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9). B’effett mill-14 ta’ Novembru 2015, dan ir-Regolament tal-Kunsill ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1)) u ssostitwixxa dawn ir-regoli. Skont l-Artikolu 35 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-Tabella ta’ Korrelazzjoni mogħtija fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/1589.
(2) Għajnuna mill-Istat — Id-Danimarka — Għajnuna mill-Istat Nru SA.33159 (14/C) (ex SA.33159 (11/NN)) — Tassazzjoni ta’ xaħam saturat f’ċerti prodotti tal-ikel mibjugħa fid-Danimarka — Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 94, 20.3.2015, p. 11).
(3) Bid-Daniż: Lov om afgift af mættet fedt i visse fødevarer (fedtafgiftsloven) https://www.retsinformation.dk/FORMS/R0710.aspx?id=136314.
(4) ĠU C 94, 20.3.2015, p. 11.
(5) Ara r-raġunament għall-abbozz tal-Att, L 111 Forslag til lov om afgift af maettet federt i vse fødevarer (fedtafgiftsloven). Id-19 ta’ Jannar 2011, p. 7 Traduzzjoni tal-awtoritajiet Daniżi.
(6) Ara d-diskors mill-Ministru tat-Taxxa Daniż Troels Lund Poulsen fil-Parlament Daniż fid-19 ta’ Jannar 2011.
(7) L-Att dwar il-VAT Daniż [LBK Nru 287 tat-28 ta’ Marzu 2011].
(8) Ara l-paġna tal-web www.foodcomp.dk.
(9) Ara r-raġunament għall-abbozz tal-Att, L 111 Forslag til lov om afgift af mættet fedt i visse fødevarer (fedtafgiftsloven). Id-19 ta’ Jannar 2011, p. 7. Traduzzjoni tal-awtoritajiet Daniżi.
(10) Ara d-diskors mill-Ministru tat-Taxxa Daniż Troels Lund Poulsen fil-Parlament Daniż fid-19 ta’ Jannar 2011.
(11) Pereżempju “Kostkompasset — Vejen til en sund balance”, (bil-Malti: “Il-Boxxla tad-Dieta — it-triq għal bilanċ tajjeb għas-saħħa”), il-Ministeru tal-Familja u l-Affarijiet tal-Konsumatur tad-Danimarka u l-Amministrazzjoni Veterinarja u tal-Ikel tad-Danimarka, Jannar 2006.
(12) Il-Boxxla tad-Dieta, p. 14.
(13) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża C-106/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732, il-paragrafu 97.
(14) Id-drawwiet alimentari fid-Danimarka 2003-2008, DTU Fødevareinstituttet, 2010, p. 114. Ir-rapport ġie prodott mill-Istitut Nazzjonali tal-Ikel, parti mill-Università Teknika tad-Danimarka u huwa bbażat fuq data dwar id-drawwiet alimentari miġbura minn 4431 parteċipant li kellhom bejn l-4 u l-75 sena matul il-perjodu bejn l-2003 u l-2008. Il-kompitu tal-Istitut Nazzjonali tal-Ikel huwa li jagħmel riċerka u jikkomunika soluzzjonijiet sostenibbli u li jżidu l-valur fl-oqsma tal-ikel u s-saħħa għall-benefiċċju tas-soċjetà u tal-industrija.
(15) Il-konsegwenzi ekonomiċi tat-taxxa Daniża fuq ix-xaħam saturat f’ċerti prodotti tal-ikel (‘Rapport ta’ Incentive), (f’isem il-Ministeru Daniż tat-Tassazzjoni), 2015, p. 31. Ir-rapport sar minn Incentive, konsulent ekonomiku, fuq talba mill-Ministeru Daniż tat-Tassazzjoni, b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-ftuħ mill-Kummissjoni Ewropea fl-2015. Il-kompitu ta’ Incentive kien li jwettaq valutazzjoni ekonomika tat-taxxa, l-impatt tagħha fuq il-prezzijiet tal-konsumatur u tal-produttur u sa liema punt irriżultat f’effett ta’ distorsjoni fuq il-kompetizzjoni.
(16) Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29).
(17) Din il-konsiderazzjoni tidher ukoll mill-Artikolu 1, Nru 7, tal-Att, u x-xogħlijiet preparatorji.
(18) Id-drawwiet alimentari fid-Danimarka 2003-2008, p. 114.
(19) L-awtoritajiet Daniżi m’għandhom l-ebda data preċiża dwar il-konsum ta’ żrieragħ u ġewż fid-Danimarka u l-kontribut tagħhom għall-konsum totali ta’ xaħam saturat. Madankollu, il-ġewż u ż-żrieragħ żejtnin kienu inklużi fil-kategorija tal-Frott fit-Tabella 1 hawn fuq u din il-kategorija kkontribwiet biss b’1 fil-mija għall-konsum totali ta’ xaħam saturat. Għaldaqstant, jidher ġust li wieħed jassumi li la ż-żrieragħ u lanqas il-ġewż ma jikkontribwixxu b’mod sinifikanti bi kwalunkwe mod għall-konsum totali tax-xaħam saturat fid-Danimarka. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li ż-żejt magħmul miż-żrieragħ kien kopert mit-taxxa; ara t-Taqsima 1, Nru 4, tal-Att b’referenza għall-kodiċijiet 1507-1516 fil-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni.
(20) Il-Boxxla tad-Dieta.
(21) Il-Boxxla tad-Dieta, p. 15.
(22) Il-Boxxla tad-Dieta, p. 15, “Vidensgrundlag for rådgivning om indtag af mælk, mælkeprodukter og ost i Danmark, 2010” l-Istitut Nazzjonali tal-Ikel tal-Università Teknika tad-Danimarka (DTU) u “Betydningen af mælk som calciumkilde og for udviklingen af osteoporose”, Ernæringsrådet, 2003.
(23) Il-Boxxla tad-Dieta, p. 6.
(24) Id-drawwiet alimentari fid-Danimarka 2003-2008, p. 30-33.
(25) L-Istitut Nazzjonali Daniż tal-Ikel, l-Università Teknika tad-Danimarka (DTU), “Frugt, grøntsager og sundhed — opdatering af vidensgrundlaget for mængdeanbefalingen 2002-2006”, Ottubru 2007, p. 8 u p. 38.
(26) Il-Boxxla tad-Dieta, p. 10.
(27) Il-Boxxla tad-Dieta, p. 11.
(28) Il-Boxxla tad-Dieta, p. 11.
(29) Il-Boxxla tad-Dieta, p. 8.
(30) Id-drawwiet alimentari fid-Danimarka 2003-2008, p. 38.
(31) Helhedssyn på fisk og fiskevarer, Fødevaredirektoratet, FødevareRapport 2003:17, Ottubru 2003, p. 36-37.
(32) Helhedssyn på fisk og fiskevarer, Fødevaredirektoratet, p. 41-46.
(33) “Mad til spædbørn og småbørn”, (bil-Malti: “Ikel għat-trabi u t-tfal żgħar”), L-Awtorità Daniża dwar is-Saħħa u l-Mediċini, 2010, pp. 9, 18-19, 27, u 36.
(34) ‘Rapport ta’ Incentive, p. 31, Figura 10.
(35) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża C-106/09 P, Il-Kummissjoni u Spanja vs il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732, il-paragrafu 97.
(36) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2013 fil-Kawża T-499/10, MOL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2013:592, il-paragrafu 77.
(37) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-210/02, RENV, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2012:110, il-paragrafi 47, 49 u 68, is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2014, fil-Kawża T-399/11, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2014:938, il-paragrafu 37.
(38) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża C-487/06 P, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2008:757, il-paragrafi 85 u 89, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża C-279/08 P, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, ECLI:EU:C:2011:551, il-paragrafu 51, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża C-106/09 P — Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732, il-paragrafu 97.
(39) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Marzu 2012 fil-Kawża T-210/02, RENV, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2012:110, il-paragrafu 73.
(40) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-27 ta’ Marzu 2015, SA.34775 British Aggregates Levy, C(2015)2141 final, paragrafi 181-183.
(41) Abbozz tal-Att, p. 10.
(42) ‘Rapport ta” Incentive, p. 26, Tabella 8.
(*1) Koperti mill-obbligu tas-segretezza professjonali.
(*2) Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.
(43) Sors: Kalkoli proprji ta’ INCENTIVE ibbażati fuq l-Istatistika tad-Danimarka (indiċijiet tal-prezzijiet u t-Tabella FU5) u data mill-iskanjar Nielsen.
Nota: Ikkalibrata biex tkopri perjodu ta’ 15-il xahar. Ibbażata fuq il-volum attwalment mibjugħ. Iċ-ċifri ma jqisux il-bidliet fil-volum ikkawżati minn xi prodotti mhux intaxxati
(44) Sors: Kalkoli bbażati fuq l-Istatistika tad-Danimarka www.statistickbanken.dk: FVF1: Fødevareforbrug efter enhed, type og tid. (Il-konsum tal-ikel skont l-unità, it-tip u l-ħin) u www.foodcomp.dk.
Nota: Nota: Hemm tipi differenti ta’ jogurt u ħalib taċ-ċikkulata b’ammonti differenti ta’ xaħam saturat skont www.foodcomp.dk. Dawn mhumiex differenzjati fid-data tal-Istatistika tad-Danimarka u għalhekk il-valur tat-taxxa huwa stmat f’intervall, fejn il-valur aktar baxx jirrappreżenta l-kontenut aktar baxx ta’ xaħam saturat u l-valur ogħla jirrappreżenta l-kontenut ogħla ta’ xaħam saturat f’dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti tal-ħalib.
(45) Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.
(46) Il-Boxxla tad-Dieta u Ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.
(47) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Novembru 2014 fil-Kawża T-399/11, Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2014:938.
(48) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994 fil-Kawża C-387/92, Banco Exterior de España vs Ayuntamiento de Valencia, ECLI:EU:C:1994:100, il-paragrafu 14, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawża C-106/09 P, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732, il-paragrafu 72.
(49) Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE, ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.
(50) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ġunju 1999 fil-Kawża C-75/97, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1999:311, il-paragrafu 39.
(51) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011 fil-Kawżi Magħquda C-78/08 u C-80/08 Paint Graphos et, ECLI:EU:C:2011:550, il-paragrafu 69.
(52) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).
(53) Vidensgrundlag for rådgivning om indtag af mælk, mælkeprodukter og ost i Danmark, 2010, p. 14-15.
(54) Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali
(55) Rapport li sar fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija.
(56) Dejgaard Jensen u Smed (2013).
(57) It-taxxi fuq l-ikel u l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività fis-settur agroalimentari, ECORYS, 2014, Annessi p. 83.
(58) Rapport ECORYS.
(59) Statistika tad-Danimarka.
(60) Dijagramma ppreżentata mill-MIFU, Statistika tad-Danimarka.
(61) Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali
(62) Dejgaard Jensen, Jørgen, u Sinne Smed (2013), ippubblikat fil-Politika tal-Ikel 42 (2013), 18-31.
(63) Ir-Rapport tal-ECORYS, p. 40, punt 2.3.1.
(64) Dejgaard Jensen, Jørgen, u Sinne Smed (2013), ippubblikat fil-Politika tal-Ikel 42 (2013), 18-31.
(65) Dansk Erhvervs Perspektiv 2012 nru 23: Fedtafgiften: et dyrt bekendtskab.
(66) Dansk Erhvervs Perspektiv 2012 nru 23: Fedtafgiften: et dyrt bekendtskab.
(67) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2000 fil-Kawża C-156/98, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU: C:2000:467, il-paragrafu 25; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1999 fil-Kawża C-6/97, L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1999:251, il-paragrafu 15; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2005, fil-Kawża C-172/03, Heiser, ECLI:EU:C:2005:130, il-paragrafu 36.
(68) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 1978 fil-Kawża C-82/77, Van Tiggele, ECLI:EU:C:1978:10, il-paragrafi 25 u 26; is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 1996 fil-Kawża T-358/94, Air France vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:1996:194, il-paragrafu 63.
(69) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Mejju 2000 fil-Kawża C-83/98 P, Franza vs Landbroke Racing Ltd u l-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2000:248, il-paragrafi 48 sa 51.
(70) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 1994 fil-Kawża C-387/92, Banco Exterior de España vs Ayuntamiento de Valencia, ECLI:EU:C:1994:100, il-paragrafu 14.
(71) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Jannar 1978 fil-Kawża C-82/77, Van Tiggele, ECLI:EU:C:1978:10, il-paragrafi 25 u 26;
(72) Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2000, fil-Kawżi Magħquda T-298/97, T-312/97 eċċ., Alzetta et vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2000:151, il-paragrafi 141 sa 147; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003 fil-Kawża C-280/00, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, ECLI:EU:C:2003:415.
(73) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Jannar 2015 fil-Kawża C-518/13, Eventech vs The Parking Adjudicator, ECLI:EU:C:2015:9, il-paragrafu 66.
(74) Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża C-487/06 P, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2008:757, il-paragrafi 82 u sussegwenti; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2005 fil-Kawża C-172/03, Heiser, ECLI:EU:C:2005:130, il-paragrafu 40 u sussegwenti; is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001 fil-Kawża C-143/99, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, ECLI:EU:C:2001:598, il-paragrafi 41-42. Ara wkoll is-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-234/16 u C-235/16 ANGED, ECLI:EU:C:2018:281, il-paragrafu 35; il-Kawża C-323/16 P, Eurallumina vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2017:952, il-paragrafu 62, u l-Kawża C-74/16, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, ECLI:EU:C:2017:496, il-paragrafi 69 sa 72. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tapplikax l-analiżi fi tliet stadji sabiex tistabbilixxi s-selettività tal-iskemi inkwistjoni, iżda tiffoka fuq jekk l-iskemi jagħtux lok għal diskriminazzjoni bejn impriżi komparabbli, li tikkorrispondi għall-ewwel stadju tal-analiżi f’żewġ stadji.
(75) Ara, pereżempju, il-Kawża C-374/17 A-Brauerei, ECLI:EU:C:2018:1024, il-paragrafu 37, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08, Paint Graphos et, ECLI:EU:C:2011:550, il-paragrafu 49. Ara wkoll il-Kawżi Magħquda C-20/15 P u C-21/15 P Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group ECLI:EU:C:2016:981, il-paragrafu 57. Madankollu fil-punt 54 ta’ din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tivvaluta l-kundizzjoni tas-selettività bħala kwistjoni ta’ diskriminazzjoni (l-ewwel stadju) li għaliha jistgħu japplikaw ġustifikazzjonijiet possibbli (it-tieni stadju).
(76) Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1), b’mod partikolari l-punti 127 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata fihom. Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża C-203/16 P Andres (faillite Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:2018:505, il-paragrafi 83-94 u tad-19 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża C-374/17 A-Brauerei, ECLI:EU:C:2018:1024, il-paragrafu 37.
(77) L-Opinjoni tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-Kawża C-270/15 P Il-Belġju vs il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2016:289, il-paragrafu 28.
(78) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732.
(79) Ara, pereżempju, il-Kawża C-143/99, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, ECLI:EU:C:2001:598, il-paragrafu 41 u l-Kawża C-279/08 P, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, ECLI:EU:C:2011:551, il-paragrafu 62.
(80) Ara, pereżempju, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P il-Kummissjoni u Spanja vs il-Gvern ta’ Ġibiltà u r-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732, il-paragrafu 75 u fil-Kawżi Magħquda C-20/15 P u C-21/15 P Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group ECLI:EU:C:2016:981, il-paragrafu 54.
(81) Ara l-Kawżi Magħquda C-234/16 u C-235/16 ANGED ECLI:EU:C:2018:281, il-paragrafu 35; il-Kawża C-323/16 P Eurallumina vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:2017:952, il-paragrafu 62, Ara wkoll il-Kawżi Magħquda C-20/15 P u C-21/15 P Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group ECLI:EU:C:2016:981, il-paragrafu 76 u l-Kawża C-74/16 Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, ECLI:EU:C:2017:496, il-paragrafi 69-72.
(82) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732, il-paragrafi 101 et seq.
(83) Is-Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006 fil-Kawża C-88/03, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:511, il-paragrafu 82, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013 fil-Kawża C-6/12 P Oy, ECLI:EU:C:2013:525, il-paragrafu 27 et seq.
(84) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża C-487/06 P, British Aggregates vs Il-Kummissjoni , ECLI:EU:C:2008:757, il-paragrafu 92.
(85) Is-Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda C-234/16 u C-235/16 ANGED, ECLI:EU:C:2018:281, il-paragrafi 45-55.
(86) Is-Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża C-374/17 A-Brauerei, ECLI:EU:C:2018:1024, il-paragrafu 37.
(87) Is-Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża C-374/17 A-Brauerei, ECLI:EU:C:2018:1024, il-paragrafu 37.
(88) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Novembru 2011 fil-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732, il-paragrafi 101 et seq.
(89) Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-paragrafu 138 (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1).
(90) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011 fil-Kawżi Magħquda C-78/08 u C-80/08, Paint Graphos et al, ECLI:EU:C:2011:550, il-paragrafi 69 u 70, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006 fil-Kawża C-88/03 — Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:511, il-paragrafu 81, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża C-279/08 P, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, ECLI:EU:C:2011:551, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża C-487/06 P, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2008:757; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2013 fil-Kawża C-6/12 P Oy, ECLI:EU:C:2013:525, il-paragrafi 27 et seq.
(91) Għal impriżi għall-investiment kollettiv; ara t-taqsima 5.4.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1).
(92) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Settembru 2011 fil-Kawżi Magħquda C-78/08 u C-80/08, Paint Graphos et, ECLI:EU:C:2011:550, il-paragrafu 71.
(93) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-24 ta’ April 2018, SA.45862 (2018/N) It-taxxa Irlandiża fuq ix-xorb miżjud biz-zokkor C(2018) 2385 final
(94) Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-paragrafu 136 (ĠU C 262, 19.7.2016, p. 1)
(95) Għall-bajd, ma hemm l-ebda rakkomandazzjoni speċifika dwar id-dieta, iżda rakkomandazzjonijiet ġenerali għall-inklużjoni tal-bajd fid-dieta jistgħu jinstabu f’“Danskernes kostvaner 2003 — 2008” (p. 40), “Kostkompasset” (p. 16), “Mad til spædbørn & småbørn” (p. 25).
(96) Opinjoni Xjentifika dwar l-istabbiliment ta’ Linji Gwida dwar id-Dieta bbażati fuq l-Ikel, Ġurnal tal-EFSA 2010; 8(3):1461, paġna 8.
(97) Ibid., paġna 9.
(98) Il-punt 4.1 f’paġna 10, li jiddikjara “għal numru ta’ nutrijenti, bħal xaħmijiet trans u gruppi tal-ikel, żbilanċ fid-dieta jista’ jżid ir-riskju ta’ obeżità u mard relatat mad-dieta.”
(99) Il-punt 4.2 fil-paġna 12.
(100) Il-punt 4.4.1 fil-paġna 15, li jiddikjara: “bosta pajjiżi Ewropej, il-konsum tal-enerġija, ix-xaħam totali, l-aċidi tax-xaħam saturati u trans, iz-zokkor u l-melħ jistgħu jiġu kkonsmati iżjed, filwaqt li l-konsum ta’ aċidi tax-xaħam mhux saturati, tal-fibra, kif ukoll ta’ ċerti vitamini u minerali jista’ jkun inqas minn dak rakkomandat f’xi pajjiżi. Għalhekk, fl-iffissar ta’ FBDG [linji gwida dwar id-dieta bbażati fuq l-ikel] huwa importanti li wieħed jiffoka fuq l-ikel li jipprovdi nutrijenti li għandhom ikunu limitati jew miżjuda f’dieta tajba għas-saħħa. Il-konsum tax-xaħam qed jintuża bħala eżempju billi dan huwa ta’ tħassib għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej.”
(101) Il-punt 4.4.2 fil-paġna 16–17 jissuġġerixxi li jiġi kkunsidrat il-livell tal-konsum tal-ikel b’relazzjonijiet stabbiliti mas-saħħa li mhumiex speċifiċi għan-nutrijenti: “Fil-każ ta’ xi ikel, hemm evidenza ta’ benefiċċji għas-saħħa li ma jistgħux jiġu attribwiti għall-kontenut speċifiku tan-nutrijenti tagħhom”. Pereżempju, konsum ogħla ta’ ikel mill-grupp tal-frott u l-ħaxix kien assoċjat ma’ riskju aktar baxx ta’ ċertu mard kroniku (Eurodiet, 2000; WHO/FAO, 2003), effett li ma jistax jiġi spjegat faċilment fuq il-bażi ta’ nutrijenti speċifiċi.”
(102) EFSA Journal 2010; 8(3):1461, paġna 3.
(103) Ibid., paġna 3, nota f’qiegħ il-paġna 4.
(104) Dejgaard Jensen, Jørgen, u Sinne Smed (2013), ippubblikat fil-Politika tal-Ikel 42 (2013), 18-31.
(105) Rapport ta’ Incentive, tabella 6, p. 22.
(106) “Mad til spædbørn og småbørn”, (bil-Malti: “Ikel għat-trabi u t-tfal żgħar”), L-Awtorità Daniża għas-Saħħa u l-Mediċini, 2010, pp. 9, 18-19, 27, u 36.
(107) Kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.
(108) L 111 — Forslag til lov om afgift af mættet fedt i visse fødevarer (fedt-afgiftsloven), it-28 ta’ Frar 2011, Anness 3.
(109) Forslag til Lov om afgift af mættet fedt i visse fødevarer (Fedtafgiftsloven), Settembru 2010 udkast, “Bemærkninger til lovforslaget”, Artikolu 3.4.1 (Anness 3).
(110) Magazzinier awtorizzat, tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha, tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju f’maħżen tat-taxxa.
(111) Destinatarju reġistrat tfisser persuna fiżika jew ġuridika awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dawk l-awtoritajiet, li tirċievi prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jkunu qegħdin jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor.
(112) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998 fil-Kawża C-213/96, Outoukumpu, ECLI:EU:C:1998:155, il-paragrafu 25, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1992 fil-Kawżi Magħqudaa C-149/91 u C-150/91, Sanders Adour u Guyomarc’h Orthez vs Directeur des services fiscaux des Pyrénées-Atlantiques, ECLI:EU:C:1992:261, il-paragrafu 18.
(113) Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998 fil-Kawża C-213/96 — Outoukumpu, ECLI:EU:C:1998:155, il-paragrafu 25, is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 1992 fil-Kawża C-149/91 u C-150/91, Sanders Adour u Guyomarc’h Orthez vs Directeur des services fiscaux des Pyrénées-Atlantiques, ECLI:EU:C:1992:261, il-paragrafu 18.