16.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/36


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1729

tal-15 ta’ Ottubru 2019

dwar l-istandard armonizzat għall-valutazzjoni tal-konformità abbozzat b’appoġġ għar-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għall-atti tal-Unjoni li jinkorporaw id-dispożizzjonijiet ta’ referenza tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għaqqdu flimkien, fl-hekk imsejjaħ il-Qafas Leġiżlattiv Ġdid, l-elementi kollha meħtieġa biex qafas regolatorju komprensiv jopera b’mod effettiv għas-sikurezza u l-konformità tal-prodotti industrijali u għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku. Wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid hu li jiżgura valutazzjoni robusta u affidabbli tal-konformità għall-prodotti fl-Unjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 stabbilixxa l-bażi ġuridika għall-akkreditazzjoni u s-sorveljanza tas-suq. Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE kkonsolidat l-istrumenti tekniċi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni u, b’mod partikolari, il-kriterji għall-ħatra tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità kif ukoll il-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità u r-regoli għall-użu tagħhom. Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE teħtieġ leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti biex tinkorpora, sa fejn ikun possibbli, id-dispożizzjonijiet ta’ referenza stabbiliti fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, il-korpi nazzjonali ta’ akkreditazzjoni li juru li huma konformi mal-kriterji stabbiliti fl-istandard armonizzat rilevanti, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għax tkun saritilhom evalwazzjoni bejn il-pari skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, għandhom jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 8 ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, “akkreditazzjoni” tfisser attestazzjoni minn korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni li korp tal-valutazzjoni tal-konformità jkun jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn standards armonizzati u, meta applikabbli, kwalunkwe rekwiżit addizzjonali, inkluż dawk stipulati fl-iskemi settorjali rilevanti, biex iwettaq xi attività speċifika ta’ valutazzjoni tal-konformità.

(4)

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tinkorpora d-dispożizzjonijiet ta’ referenza inklużi fl-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tipprevedi, f’ċerti każijiet, l-intervent ta’ korpi tal-valutazzjoni tal-konformità ta’ partijiet terzi fil-proċeduri rilevanti tal-valutazzjoni tal-konformità. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tinkorpora l-Artikoli R17 u R18 tal-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE, u għalhekk tistabbilixxi r-rekwiżiti li jridu jissodisfaw il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u tistipula li meta korp tal-valutazzjoni tal-konformità juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti fl-istandards armonizzati rilevanti jew ma’ partijiet minnhom li r-referenzi għalihom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dan għandu jitqies konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’dak l-att tal-Unjoni, diment li l-istandards armonizzati applikabbli jkunu jkopru dawk ir-rekwiżiti.

(5)

Hemm ukoll leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ma tinkorporax l-Artikolu R17 tal-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. Iżda dan jeħtieġ l-intervent ta’ korp tal-valutazzjoni tal-konformità ta’ parti terza u jipprevedi l-akkreditazzjoni ta’ dawk il-korpi skont ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 biex tintwera l-kompetenza ta’ dawn il-korpi. Pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), fl-Artikolu 2(20) tiegħu jiddefinixxi l-“verifikatur ambjentali” bħala korp tal-valutazzjoni tal-konformità kif definit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew kwalunkwe assoċjazzjoni jew grupp ta’ dawn il-korpi, li jkunu kisbu akkreditazzjoni skont dak ir-Regolament.

(6)

Bl-ittra M/417 tal-4 ta’ Diċembru 2007, il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (is-CEN), lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (is-CENELEC) u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (l-ETSI) biex titlesta l-ħidma fuq l-istandards armonizzati b’appoġġ għall-Qafas Leġiżlattiv Ġdid (reviżjoni tal-Approċċ il-Ġdid) filwaqt li l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni settorjali, b’mod partikolari, l-istandards Ewropej li jkopru l-akkreditazzjoni, il-valutazzjoni tal-konformità jew l-assigurazzjoni tal-kwalità tqiesu meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Qafas Leġiżlattiv Ġdid. Dak il-mandat ikopri kemm l-istandards eżistenti kif ukoll dawk futuri. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni inkarigat lil dawk l-organizzazzjonijiet biex jidentifikaw l-istandards internazzjonali kollha li kienu rilevanti għall-Qafas Legali l-Ġdid u/jew ċerti skemi taċ-ċertifikazzjoni settorjali, u jadottawhom fil-livell Ewropew bħala standards Ewropej. Għaldaqstant, l-istandards Ewropej li jappoġġaw ir-Regolament (KE) Nru 765/2008, l-atti tal-Unjoni li jinkorporaw id-dispożizzjonijiet ta’ referenza tal-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE u r-Regolament (KE) Nru 1221/2009 huma fl-ambitu tal-mandat.

(7)

Għalhekk abbażi tat-talba M/417 tal-4 ta’ Diċembru 2007, is-CEN u s-CENELEC lestew il-ħidma fuq l-istandard armonizzat EN ISO 19011:2018 – Linji gwida għas-sistemi ta’ ġestjoni tal-awditjar, billi adottaw l-istandard internazzjonali ISO 19011:2018 bħala standard Ewropew ekwivalenti EN ISO 19011:2018.

(8)

Il-Kummissjoni flimkien mas-CEN u s-CENELEC ivvalutat jekk l-EN ISO 19011:2018 abbozzat mis-CEN hux konformi mat-talba M/417 tal-4 ta’ Diċembru 2007.

(9)

L-EN ISO 19011:2018 jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 765/2008, (KE) Nru 1221/2009 u l-atti tal-Unjoni li jinkorporaw id-dispożizzjonijiet ta’ referenza stabbiliti fl-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. B’mod aktar speċifiku, dan jissodisfa r-rekwiżiti għall-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità inklużi fl-Artikolu R17 tal-Anness I tad-Deċiżjoni 768/2008/KE għall-finijiet tat-twettiq ta’ awditjar fil-kuntest ta’ proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità kif stabbilit f’dik id-Deċiżjoni. Għalhekk jixraq tiġi ppubblikata r-referenza ta’ dak l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

L-EN ISO 19011:2018 hu verżjoni riveduta ta’ EN ISO 19011:2011, li r-referenza għalih hi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (5) u b’hekk jissostitwixxih. Għalhekk jeħtieġ li r-referenza għall-istandard armonizzat EN ISO 19011:2011 tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Biex l-operaturi ekonomiċi u l-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità ta’ parti terza jingħataw iż-żmien meħtieġ biex jadattaw is-sistemi ta’ ġestjoni u l-metodi tal-awditjar tagħhom, rispettivament, għall-istandard armonizzat rivedut, jeħtieġ jiġi ddifferit l-irtirar tar-referenza għall-EN ISO 19011:2011.

(11)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ dak l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

The reference of the harmonised standard EN ISO 19011:2018 —Il-linji gwida għas-sistemi ta’ ġestjoni tal-awditjar, (ISO 19011:2018), abbozzati b’appoġġ għall-atti tal-Unjoni elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ir-referenza tal-istandard armonizzat EN ISO 19011:2011 — Il-linji gwida għas-sistemi ta’ ġestjoni tal-awditjar (ISO 19011:2011) hija b’dan irtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1).

(5)   ĠU C 298, 8.9.2017, p. 150.


ANNESS

1.   

Id-Direttiva 2000/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar emissjoni tal-ħoss fl-ambjent minn tagħmir għall-użu ta’ barra (ĠU L 162, 3.7.2000, p. 1);

2.   

Id-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24);

3.   

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30);

4.   

Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 761/2001 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/681/KE u 2006/193/KE (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1);

5.   

Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1);

6.   

Id-Direttiva 2010/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 76/767/KEE, 84/525/KEE, 84/526/KEE, 84/527/KEE u 1999/36/KE (ĠU L 165, 30.6.2010, p. 1);

7.   

Id-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 88);

8.   

Id-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (ĠU L 178, 28.6.2013, p. 27);

9.   

Id-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali u li tħassar id-Direttiva 94/25/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 90);

10.   

Id-Direttiva 2014/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mad-disponibbiltà fis-suq u s-superviżjoni ta’ splussivi ċivili (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 1);

11.   

Id-Direttiva 2014/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-twettiq tad-disponibilità fis-suq ta’ reċipjenti sempliċi taħt pressjoni (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 45);

12.   

Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79);

13.   

Id-Direttiva 2014/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 107);

14.   

Id-Direttiva 2014/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ strumenti tal-kejl (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 149);

15.   

Id-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal liftijiet u komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 251);

16.   

Id-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment splussivi (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 309);

17.   

Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62);

18.   

Id-Direttiva 2014/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 357);

19.   

Id-Direttiva 2014/68/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta’ apparat ta’ pressjoni (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 164);

20.   

Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146);

21.   

Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5);

22.   

Ir-Regolament (UE) 2016/424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar l-installazzjonijiet tal-funikular u li jħassar id-Direttiva 2000/9/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 1);

23.   

Ir-Regolament (UE) 2016/425 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/686/KEE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51);

24.   

Ir-Regolament (UE) 2016/426 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar tagħmir li jaħraq karburanti gassużi u li jħassar id-Direttiva 2009/142/KE (ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99);

25.   

Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176);

26.   

Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1);

27.   

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1);

28.   

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 tat-12 ta’ Marzu 2019 dwar sistemi ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi (ĠU L 152, 11.6.2019, p. 1).