27.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/86


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1598

tas-26 ta' Settembru 2019

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/638 li tistabbilixxi miżuri ta' emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid ġewwa l-Unjoni tal-organiżmu ta' ħsara Spodoptera frugiperda (Smith)

(notifikata bid-dokument C(2019) 6818)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti jew prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/638 (2) tistabbilixxi miżuri ta' emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-organiżmu ta' ħsara Spodoptera frugiperda (Smith) (“l-organiżmu speċifikat”), li fil-punt 22 tat-Taqsima I(a) tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE, huwa elenkat bħala organiżmu ta' ħsara mhux magħruf li jseħħ fl-Unjoni.

(2)

Mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/638, l-organiżmu speċifikat ġie introdott fl-Asja, fejn qed ikompli jinxtered. Minħabba t-tixrid rapidu, l-ambitu ġeografiku speċifikat fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/638, jenħtieġ li jitwessa' biex jinkludi l-pajjiżi terzi kollha, peress li ma hemm l-ebda ċertezza fir-rigward tat-tixrid ta' dak l-organiżmu madwar id-dinja.

(3)

Minħabba l-pass tat-tixrid tal-organiżmu speċifikat, id-data tal-iskadenza tal-miżuri ta' emerġenza jenħtieġ li tiġi estiża sat-30 ta' Ġunju 2021 biex tippermetti r-rieżami tiegħu qabel dak iż-żmien.

(4)

Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mill-1 ta' Ottubru 2019 sabiex il-korpi uffiċjali responsabbli, l-operaturi professjonali u l-pajjiżi terzi kkonċernati jkunu jistgħu jadattaw għal dawk ir-rekwiżiti.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/638 tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/638 hija emendata kif ġej:

(1)

Il-punt (b) tal-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

‘pjanti speċifikati’ tfisser il-frott tal-Capsicum L., Momordica L., tas-Solanum aethiopicum L., tas-Solanum macrocarpon L. u tas-Solanum melongena L., u l-pjanti, minbarra t-trab tad-dakra ħaj, il-kulturi tat-tessut tal-pjanti, iż-żerriegħa u l-ħbub taż-Zea mays L. li joriġinaw mill-pajjiżi terzi apparti l-Iżvizzera;”

(2)

It-test tal-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2021.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Ottubru 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Settembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/638 tat-23 ta' April 2018 li tistabbilixxi miżuri ta' emerġenza li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid ġewwa l-Unjoni tal-organiżmu ta' ħsara Spodoptera frugiperda (Smith) (ĠU L 105, 25.4.2018, p. 31).