19.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/6


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1564

tal-4 ta' Settembru 2019

dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Inwaqqfu l-korruzzjoni fl-Ewropa mill-għeruq tagħha, billi naqtgħu l-fondi għall-pajjiżi b'ġudikatura ineffiċjenti wara l-iskadenza”

(notifikata bid-dokument C(2019) 6387)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Is-suġġett dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Inwaqqfu l-korruzzjoni fl-Ewropa mill-għeruq tagħha, billi naqtgħu l-fondi għall-pajjiżi b'ġudikatura ineffiċjenti wara l-iskadenza” jirreferi għal li ġej: “Agħti mandat lil kumpanija 10 snin wara l-iskadenza tal-adeżjoni għal moratorju awtomatiku fuq pagamenti ta' fondi strutturali u ta' koeżjoni għal pajjiż ġdid, sakemm jitneħħa l-mekkaniżmu ta' monitoraġġ mill-ġudikatura.”

(2)

L-objettivi tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta jirreferu għal li ġej: “Il-kodiċi legali attwali tal-UE jippermetti interpretazzjoni indebita. Taħt ċerti kundizzjonijiet, il-korruzzjoni fost l-elit politiku f'pajjiżi ġodda tista' tkun benefika għal pajjiżi oħrajn fl-Unjoni, u l-kunċett relattiv ‘temporanju’ jista' jiġġebbed b'mod indefinit. L-iffissar ta' perjodu ta' żmien strett jevita motivazzjoni diretta u indiretta għall-korruzzjoni fl-Istati Membri tal-UE. Eżempju ta' dan huwa l-ineffiċjenza tal-mekkaniżmu ta' monitoraġġ eżistenti fil-każ tal-Bulgarija u tar-Rumanija.”

(3)

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) isaħħaħ iċ-ċittadinanza tal-UE u jkompli jtejjeb il-funzjonament demokratiku tal-Unjoni billi, fost l-oħrajn, jipprovdi lil kull ċittadin bid-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

(4)

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini jkunu ċari, sempliċi, faċli biex jintużaw u proporzjonati man-natura tal-inizjattiva taċ-ċittadini sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u biex l-Unjoni ssir aktar aċċessibbli.

(5)

Għall-fini ta' implimentazzjoni tat-Trattati, jista' jiġi adottat att legali tal-Unjoni dwar ir-regoli finanzjarji li jiddeterminaw b'mod partikulari l-proċedura għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni u għall-preżentazzjoni u l-awditjar tal-kontijiet, skont l-Artikolu 322(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(6)

Għal dawn ir-raġunijiet, l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq xi proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati, skont l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament.

(7)

Barra minn hekk, ġie ffurmat il-kumitat taċ-ċittadini u l-persuni ta' kuntatt inħatru skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, u l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta la tidher li hija manifestament abbużiva, fiergħa jew vessatorja, u lanqas ma tidher li tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni, kif stipulati fl-Artikolu 2 tat-TUE.

(8)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Inwaqqfu l-korruzzjoni fl-Ewropa mill-għeruq tagħha, billi naqtgħu l-fondi lill-pajjiżi b'ġudikatura ineffiċjenti wara l-iskadenza” tiġi rreġistrata.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Inwaqqfu l-korruzzjoni fl-Ewropa mill-għeruq tagħha, billi naqtgħu l-fondi lill-pajjiżi b'ġudikatura ineffiċjenti wara l-iskadenza” hija b'dan irreġistrata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-12 ta' Settembru 2019.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-organizzaturi (il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini) tal-inizjattiva taċ-ċittadini proposta bl-isem “Inwaqqfu l-korruzzjoni fl-Ewropa mill-għeruq tagħha, billi naqtgħu l-fondi għall-pajjiżi b'ġudikatura ineffiċjenti wara l-iskadenza”, irrappreżentati mis-Sinjura Veneta Konstantinova MAGISTRELLI u s-Sinjura Dobrinka Ruseva MOSKOVA bħala persuni ta' kuntatt.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Settembru 2019

Għall-Kummissjoni

Frans TIMMERMANS

L-Ewwel Viċi President


(1)  ĠU L 65, 11.3.2011, p. 1.