17.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 239/16


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/1560

tas-16 ta' Settembru 2019

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta' Diċembru 2008 l-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK (1), li aġġornat u ssostitwixxiet il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' Armi adottat mill-Kunsill fit-8 ta' Ġunju 1998.

(2)

Minn meta ġiet adottata l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK, għadd ta' żviluppi, fil-livell tal-Unjoni u f'dak internazzjonali rriżultaw f'obbligi u impenji ġodda għall-Istati Membri.

(3)

Fl-24 ta' Diċembru 2014 daħal fis-seħħ it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (TKA) li jirregola l-kummerċ internazzjonali f'armi konvenzjonali. L-Istati Membri kollha huma Stati Parti għat-TKA. It-TKA għandu l-għan li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli għar-regolamentazzjoni jew it-titjib tal-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali u għall-prevenzjoni u l-qerda tal-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni tagħhom.

(4)

Fl-20 ta' Lulju 2015, il-Kunsill adotta konklużjonijiet relatati mar-rieżami tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u l-implimentazzjoni tat-TKA, billi ta l-kompitu lill-grupp ta' ħidma kompetenti li jivvaluta mill-ġdid l-implimentazzjoni ta' dik il-Pożizzjoni Komuni u l-issodisfar tal-objettivi tagħha fl-2018.

(5)

Fil-25 ta' Settembru 2015 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU) adottat l-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030, li tinkludi, fost affarijiet oħra, l-għan tal-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli.

(6)

Fid-19 ta' Novembru 2018 l-Kunsill adotta l-Istrateġija tal-UE kontra armi tan-nar illeċiti, armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom, li ssostitwixxiet l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir u l-munizzjon tagħhom adottata mill-Kunsill Ewropew fl-2005. L-għan tagħha huwa li tiggwida azzjoni integrata, kollettiva u koordinata Ewropea għall-prevenzjoni u t-trażżin tal-akkwist illeċitu ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir (SALW) u l-munizzjon tagħhom minn terroristi, kriminali u atturi oħra mhux awtorizzati, u għall-promozzjoni tal-obbligu ta' rendikont u tar-responsabbiltà fir-rigward tal-kummerċ fl-armi legali.

(7)

F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. F'dan ir-rigward il-Kunsill jieħu nota, fost oħrajn, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (2) u tar-Regolamenti (UE) Nru 258/2012 (3) u (UE) 2019/125 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(8)

Jixraq li tissaħħaħ il-politika tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni għat-teknoloġija u t-tagħmir militari permezz tal-aġġornament tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK.

(9)

Jenħtieġ għalhekk li l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jivvaluta l-applikazzjonijiet li jsirulu għal liċenzji ta' esportazzjoni, inkluż dawk li jirrigwardaw trasferimenti minn gvern għal gvern, għal oġġetti fil-Lista Militari Komuni tal-UE msemmija fl-Artikolu 12, każ b'każ, skont il-kriterji tal-Artikolu 2.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fejn informazzjoni ġdida rilevanti issir disponibbli, kull Stat membru hu mħeġġeġ li jivvaluta mill-ġdid liċenzji ta' esportazzjoni għal oġġetti fil-Lista Militari Komuni tal-UE wara li dawn ikunu ngħataw.”.

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-Ewwel Kriterju: Rispett għall-obbligi u l-impenji internazzjonali tal-Istati Membri, b'mod partikolari s-sanzjonijiet adottati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew l-Unjoni Ewropea, ftehim dwar nonproliferazzjoni u suġġetti oħra, kif ukoll obbligi u impenji internazzjonali oħra.”;

(b)

it-tieni subparagrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ba)

l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali u l-Protokolli rilevanti annessi;

(bb)

l-obbligi internazzjonali tal-Istati membri skont it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;”;

(ii)

il-punt (c) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri skont il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini kontra l-Persunal u dwar id-Distruzzjoni tagħhom (il-Konvenzjoni ta' Ottawa);”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

l-impenji tal-Istati Membri skont il-Programm ta' Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda Kontra u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu tal-Armi Ħfief u ta' Kalibru Żgħir fl-Aspetti Kollha Tiegħu;”.

(3)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 6

Mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 (*1), il-kriterji fl-Artikolu 2 ta' din il-Pożizzjoni Komuni u l-proċedura ta' konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 4 għandhom japplikaw ukoll għall-Istati Membri fir-rigward ta' merkanzija u teknoloġija b'użu doppju kif speċifikat fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009 fejn ikun hemm raġunijiet serji għal twemmin li l-utent finali ta' tali merkanzija u teknoloġija ser ikun il-forzi armati jew il-forzi interni ta' sigurtà jew entitajiet simili fil-pajjiż destinatarju. Ir-referenzi f'din il-Pożizzjoni Komuni għal teknoloġija jew tagħmir militari għandhom jinftiehmu li jinkludu tali merkanzija u teknoloġija.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).”."

(4)

l-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

Sabiex tiġi massimizzata l-effikaċja ta' din il-Pożizzjoni Komuni, l-Istati Membri għandhom jaħdmu fil-qafas tal-PESK sabiex jirrinfurzaw il-kooperazzjoni tagħhom u sabiex jippromwovu l-konverġenza tagħhom fil-qasam tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari, fost l-oħrajn, billi jiskambjaw informazzjoni rilevanti, inkluż informazzjoni dwar l-avviżi ta' rifjut u l-politiki dwar l-esportazzjoni tal-armi, kif ukoll billi jidentifikaw miżuri possibbli biex tkompli tiżdied il-konverġenza.”.

(5)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, kull Stat Membru għandu jippreżenta lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna l-informazzjoni għas-sena kalendarja preċedenti dwar l-esportazzjonijiet tiegħu ta' teknoloġija u tagħmir militari u dwar l-implimentazzjoni tiegħu ta' din il-Pożizzjoni Komuni.

2.   Rapport Annwali tal-UE, ibbażat fuq il-kontributi mill-Istati Membri kollha, għandu jiġi preżentat lill-Kunsill għall-adozzjoni u jsir disponibbli għall-pubbliku fil-format ta' rapport narrattiv u bażi tad-data online li jista' jsir tiftix fiha fuq is-sit web tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

3.   Addizzjonalment, kull Stat Membru li jesporta teknoloġija jew tagħmir li jinsab fil-Lista Militari Komuni tal-UE għandu jippubblika rapport nazzjonali dwar l-esportazzjonijiet tiegħu ta' teknoloġija u tagħmir militari, li l-kontenut tiegħu jkun skont il-leġislazzjoni nazzjonali, kif applikabbli.”.

(6)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

“Artikolu 13

Il-Gwida għall-Utenti ta' din il-Pożizzjoni Komuni, li jiġi rivedut regolarment, għandu jservi ta' gwida għall-implimentazzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni.”.

(7)

l-Artikolu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 15

Din il-Pożizzjoni Komuni, għandha tiġi rieżaminata ħames snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 (*2).

(*2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1560 tas-16 ta' Settembru 2019 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 239, 17.9.2019, p. 16).”."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Settembru 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta' u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/125 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Jannar 2019 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra (ĠU L 30, 31.1.2019, p. 1).