20.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1352

tat-2 ta' April 2019

dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit dwar l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ta' CFC

(notifikata bid-dokument C(2019) 2526)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet ikkonċernati jressqu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz ta' ittra tas-26 ta' April 2013, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit (“l-awtoritajiet tar-Renju Unit”) jipprovdu informazzjoni dwar ir-riforma tar-regoli tagħha dwar Korporazzjoni Kkontrollata minn barra l-Pajjiż (“CFC”), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013. L-awtoritajiet tar-Renju Unit issottomettew l-informazzjoni fl-14 ta' Ġunju 2013 u, wara talbiet oħra għal informazzjoni, (2) ipprovdew informazzjoni addizzjonali fl-10 ta' April 2014, fl-10 ta' Lulju 2014, fl-24 ta' Lulju 2015 u fl-1 ta' Frar 2017.

(2)

Permezz ta' ittra tas-26 ta' Ottubru 2017, il-Kummissjoni informat lir-Renju Unit li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi prevista fir-regoli dwar is-CFC (“id-Deċiżjoni tal-Ftuħ”).

(3)

Fl-24 ta' Novembru 2017, id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex iressqu l-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(4)

Wara estensjoni tal-iskadenza għall-għoti ta' kummenti, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ressqu l-kummenti tagħhom dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ fil-15 ta' Jannar 2018.

(5)

Bejn id-19 ta' Diċembru 2017 u t-2 ta' Jannar 2018, tmien partijiet interessati ressqu kummenti dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Il-kummenti ntbagħtu lill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Fit-23 ta' Frar 2018, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ressqu osservazzjonijiet dwar il-kummenti magħmula mill-partijiet interessati

(6)

Fis-7 ta' Frar 2018, saret laqgħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit. Wara din il-laqgħa, ir-Renju Unit ressaq kummenti addizzjonali fit-22 ta' Marzu 2018. Fil-31 ta' Mejju 2018 saret laqgħa oħra bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit, segwita minn kummenti addizzjonali mressqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fit-3 ta' Lulju 2018, u mbagħad saret laqgħa oħra fit-13 ta' Lulju 2018.

2.   DESKRIZZJONI TAL-ISKEMA

2.1.   Is-Sistema ta' Taxxa Korporattiva tar-Renju Unit u r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC

2.1.1.   Introduzzjoni u Kuntest

(7)

Skont il-liġi dwar it-taxxa korporattiva tar-Renju Unit, il-kumpaniji huma ntaxxati fuq il-profitti tagħhom li jirriżultaw mill-attivitajiet u mill-assi tar-Renju Unit. Dan japplika għall-kumpaniji residenti tar-Renju Unit u għall-kumpaniji mhux residenti li jwettqu negozju fir-Renju Unit permezz ta' stabbiliment permanenti fir-Renju Unit.

(8)

Ir-Renju Unit irriforma s-sistema ta' taxxa korporattiva tiegħu sabiex tiġi allinjata aktar mill-qrib ma' sistema ta' taxxa korporattiva territorjali (3), li tiffoka fuq it-tassazzjoni tal-profitti mill-attivitajiet u mill-assi tar-Renju Unit, minflok fuq id-dħul dinji ta' kontribwent (4).

(9)

Il-karattru prinċipalment territorjali tas-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit ifisser li l-profitti tal-kumpanija li jirriżultaw barra mir-Renju Unit ġeneralment mhumiex soġġetti għat-taxxa tar-Renju Unit. F'konformità ma' dan, ir-regoli dwar l-eżenzjoni mid-distribuzzjoni tar-Renju Unit jeżentaw il-profitti tal-kumpaniji barranin li jiġu ddistribwiti lura lejn ir-Renju Unit. Bl-istess mod, ir-regoli dwar l-eżenzjoni mill-fergħa barranija jiżguraw li l-profitti attribwibbli għal stabbilimenti permanenti barranin huma eżentati mit-taxxa korporattiva tar-Renju Unit. Dawn il-karatteristiċi jistgħu jattiraw lill-kumpaniji tar-Renju Unit biex jistabbilixxu sussidjarja (CFC) f'ġurisdizzjoni b'rata baxxa ta' taxxa u biex jiddevjaw il-profitti b'mod artifiċjali mir-Renju Unit lejn is-CFC. Ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC għandhom l-għan li jipproteġu l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit billi jneħħu l-benefiċċju fuq it-taxxa li jirriżulta minn dawn l-arranġamenti permezz tal-impożizzjoni ta' imposta ta' CFC fuq il-kumpanija residenti tar-Renju Unit li tikkontrolla s-CFC (5).

(10)

Konsegwentement, filwaqt li l-objettiv tas-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit huwa li tintaxxa profitti li jirriżultaw mill-attivitajiet u mill-assi tar-Renju Unit, l-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC huwa li jipproteġu l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit. Din tilħaq dan l-objettiv mhux billi tiġbor imposta ta' taxxa ġenerali tar-Renju Unit fuq ċerti tipi ta' profitt ta' sussidjarji barranin b'rata baxxa ta' taxxa ta' kumpaniji tar-Renju Unit, iżda billi tiġbor imposta ta' CFC bl-istess rata bħar-rata tat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit fuq dawk il-profitti tas-CFC li jkunu ġew iddevjati b'mod artifiċjali lil hinn mir-Renju Unit biss. F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi nnotat li għan iddikjarat tar-reġim tas-CFC attwali kien li jimmira u jimponi imposta sabiex l-attività u l-profitti tar-Renju Unit jiġu ntaxxati b'mod ġust iżda wkoll li ma tinġabar l-ebda taxxa fuq il-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet ekonomiċi ġenwini tas-CFC (6). Fid-dawl ta' dan l-għan, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għażlu r-regoli dwar is-CFC attwali minflok reġim li jintaxxa l-profitti kollha jew il-fluss ta' dħul kollu ta' CFCs b'rata baxxa ta' taxxa peress li dan “ma jkunx immirat kif xieraq” lejn l-intaxxar tal-attività tar-Renju Unit u tal-profitt tar-Renju Unit (7).

(11)

Ir-reġim tas-CFC tar-Renju Unit attwali ġie ppromulgat mill-Parlament tar-Renju Unit bħala parti mill-Att Finanzjarju tal-2012 (8). Ir-reġim huwa inkorporat fl-Atti dwar it-Taxxi bħala l-Parti 9 A tal-Att dwar it-Tassazzjoni (Internazzjonali u Dispożizzjonijiet Oħra) 2010 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Parti 9 A tat-TIOPA”), li fih 22 Kapitolu. Ir-reġim attwali japplika għall-perjodi kontabilistiċi li jibdew fl-1 ta' Jannar 2013 jew wara (9). F'Jannar 2019, ġew introdotti diversi emendi (Taqsima 2.3).

(12)

Minbarra l-qafas tas-CFC stabbilit fil-Parti 9 A tat-TIOPA, ir-Renju Unit ippubblika gwida estensiva relatata mar-regoli dwar is-CFC. Din il-gwida tinkludi introduzzjoni għar-regoli, ħarsa ġenerali, gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' regoli speċifiċi kapitolu b'kapitolu, u serje ta' eżempji prattiċi (10).

2.1.2.   Ir-reġim tas-CFC tar-Renju Unit attwali

(13)

F'konformità mal-objettiv imsemmi fil-premessa (10), ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC attwali jaħdmu billi jimponu imposta ta' CFC fuq kumpanija residenti tar-Renju Unit għal parti mill-profitti ta' CFC jew għall-profitti kollha ta' CFC. L-imposta ta' CFC hija dovuta fuq il-profitti taxxabbli ta' CFC wara li titnaqqas it-taxxa kreditabbli tas-CFC (jiġifieri t-taxxa mħallsa fil-pajjiż ta' residenza tas-CFC). Għal kwalunkwe perjodu kontabilistiku, il-profitti taxxabbli ta' CFC huma l-profitti totali taxxabbli preżunti tagħha li jgħaddu mill-gateway ta' imposta ta' CFC (ara l-premessi (23) sa (25)) (11). Dawn huma mqassma lill-kumpaniji residenti kollha tar-Renju Unit li għandhom mill-inqas sehem ta' 25 % fis-CFC (magħrufa bħala “l-entitajiet taxxabbli”). L-imposta ta' CFC għandha tinġabar bl-istess rata bħar-rata tat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit u għandha tiġi imposta daqslikieku kienet ammont ta' taxxa korporattiva li għandu jitħallas mill-entità taxxabbli għall-perjodu kontabilistiku tat-taxxa korporattiva rilevanti.

(14)

Il-gateway ta' imposta ta' CFC tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi u l-punt sa fejn il-profitti totali taxxabbli preżunti ta' CFC huma profitti taxxabbli.

(15)

F'konformità mal-għan tar-regoli dwar is-CFC – l-eżaminazzjoni ta' jekk CFC tiksibx profitti mill-assi jew mill-attivitajiet tar-Renju Unit li jinkisbu minn kumpanija li la hija residenti u lanqas ma għandha stabbiliment permanenti fir-Renju Unit – ir-reġim tas-CFC jivvaluta b'mod wiesa' jekk il-profitti ta' CFC humiex relatati ma' assi u riskji li huma ġestiti u kkontrollati fir-Renju Unit u fuq din il-bażi huma meqjusa bħala ddevjati b'mod artifiċjali. Dan jeħtieġ kunsiderazzjoni dwar jekk kwalunkwe waħda mill-“funzjonijiet tal-persuni sinifikanti” (jew “SPF”) (12), rilevanti għall-preżunzjoni ta' riskji jew għas-sjieda ekonomika tal-assi li jwasslu għall-profitti ta' CFC, jitwettqux tassew fir-Renju Unit, sabiex il-kumpanija li tkun qiegħda tagħmel il-profitti tkun differenti mill-kumpanija li tkun qiegħda tiġġenera dawk il-profitti (13).

(16)

Skont il-konsultazzjoni, li twettqet mill-awtoritajiet Brittaniċi qabel l-adozzjoni tar-regoli dwar ic-CFC, dawn ir-regoli dwar is-CFC fittxew ukoll li jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni billi ma jxekklux il-libertà tal-istabbiliment tal-kontribwenti kif ukoll billi jirriflettu l-bilanċ meħtieġ biex jitwassal reġim li jipproteġi l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit u li jista' jiġi applikat fil-prattika, filwaqt li l-piżijiet amministrattivi u ta' konformità jinżammu għal minimu.

(17)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit fittxew ukoll li jżidu l-kompetittività tat-taxxa tar-Renju Unit (14). Dan kien għan iddikjarat tar-regoli dwar is-CFC, li “flimkien mat-tnaqqis fir-rata ta' taxxa korporattiva għal 22 % fl-2014 u l-introduzzjoni tas-sistema ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, (…) huma pass ieħor lejn l-għan [tal-Gvern tar-Renju Unit] li tinħoloq l-aktar sistema ta' taxxa korporattiva kompetittiva fil-G20” (15).

(18)

Il-Kapitolu 2 tal-Parti 9 A tat-TIOPA jistabbilixxi l-passi biex jiġi ddeterminat jekk imposta ta' CFC hijiex dovuta fuq (parti minn) il-profitti li tikseb kumpanija barranija ladarba jiġi stabbilit li l-kumpanija barranija hija CFC. Għaldaqstant, imposta ta' CFC tirriżulta jekk:

ma tapplika l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet fil-livell ta' entità ta' CFC (ara l-premessa 19);

ikun hemm “detentur tas-sehem” tar-Renju Unit, fi kliem ieħor kumpanija residenti tar-Renju Unit li (flimkien mal-kumpaniji konnessi) għandha sehem ta' mill-inqas 25 % fis-CFC; u

is-CFC għandha “profitti taxxabbli” kif stabbilit fid-dispożizzjonijiet li jifformaw il-gateway ta' imposta ta' CFC.

(19)

L-għan li jiġu limitati l-piżijiet amministrattivi u ta' konformità huwa rifless fit-tfassil tar-regoli dwar is-CFC, li jiffoka fuq sitwazzjonijiet li oġġettivament jippreżentaw l-ogħla riskju għat-Teżor tar-Renju Unit. Dan jinkiseb billi jiġu previsti ċerti esklużjonijiet bil-quddiem fejn ir-riskju tal-profitti li jkunu qegħdin jiġu ddevjati b'mod artifiċjali jitqies bħala baxx, jiġifieri fejn valutazzjoni ta' każ b'każ x'aktarx ma tiżvela l-ebda artifiċjalità jew l-ebda devjazzjoni. Dawn huma l-hekk imsejħa eżenzjonijiet fil-livell ta' entità inklużi fil-Kapitoli 10 sa 14 tal-Parti 9 A tat-TIOPA:

l-eżenzjoni tal-perjodu eżentat hija inkluża fil-Kapitolu 10 tal-Parti 9 A tat-TIOPA u tinkludi eżenzjoni temporanja (normalment ta' 12-il xahar) għas-CFCs li ġew taħt il-kontroll tar-Renju Unit għall-ewwel darba;

l-eżenzjoni tat-territorji esklużi hija inkluża fil-Kapitolu 11 tal-Parti 9 A tat-TIOPA u teżenta lis-CFCs li jikkawżaw riskju baxx prevedibbli ta' devjazzjoni artifiċjali minħabba t-territorju ta' residenza tagħhom u t-tip ta' profitti miksuba;

l-eżenzjoni tal-profitti baxxi, regola de minimis, hija inkluża fil-Kapitolu 12 tal-Parti 9 A tat-TIOPA u teżenta lis-CFCs b'livelli ta' profitti baxxi f'perjodu kontabilistiku (ġeneralment mhux aktar minn GBP 500 000, li minnhom mhux aktar minn GBP 50 000 huma profitti mhux kummerċjali);

l-eżenzjoni tal-marġni ta' profitt baxx hija inkluża fil-Kapitolu 13 tal-Parti 9 A tat-TIOPA u teżenta lis-CFCs fejn il-profitti mhumiex aktar minn 10 fil-mija tan-nefqa operazzjonali. L-eżenzjoni hija relatata mas-CFCs li jwettqu funzjonijiet b'valur miżjud relattivament baxx;

l-eżenzjoni mit-taxxa hija inkluża fil-Kapitolu 14 tal-Parti 9 A tat-TIOPA u teżenta lis-CFCs li jħallsu livell ta' taxxa effettiva normali sa għoli fit-territorju ta' residenza tagħhom (mill-inqas 75 % tat-taxxa li kienet tkun dovuta li kieku l-profitti tagħha kienu soġġetti għat-taxxa tar-Renju Unit u mkejla fuq ir-regoli tar-Renju Unit).

(20)

L-eżenzjonijiet fil-livell ta' entità jirriflettu l-fatt li l-maġġoranza tas-sussidjarji barranin se jiġu stabbiliti għal raġunijiet kummerċjali ġenwini. Fil-prattika, dan ifisser li, fil-maġġoranza tal-każijiet, il-kumpaniji tar-Renju Unit m'għandhomx għalfejn japplikaw ir-regoli dwar is-CFC jekk jissodisfaw waħda mill-eżenzjonijiet ta' entità. Għalhekk, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-imposti ddettaljati li jifformaw il-gateway ta' imposta ta' CFC u l-ħtieġa li jiġu identifikati profitti taxxabbli ta' CFC hija limitata għal sitwazzjonijiet fejn ma tapplika l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet fil-livell ta' entità.

(21)

Jekk ma tapplika l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet fil-livell ta' entità, ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC jagħtu l-“profitti taxxabbli” ta' CFC lid-“detentur tas-sehem” tar-Renju Unit. Dawn huma identifikati billi jiġu applikati l-kriterji u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitoli 3 sa 8 tal-Parti 9 A tat-TIOPA, li flimkien jifformaw il-“gateway ta' imposta ta' CFC” (16).

(22)

Dawn il-Kapitoli huma fundamentali għat-tħaddim tar-reġim tas-CFC. Huma mfassla biex jaġixxu bħala testijiet fil-mira bil-għan li jiġi vvalutat jekk il-profitti totali preżunti tas-CFC jgħaddux mill-gateway u konsegwentement isiru “profitti taxxabbli”.

(23)

Il-gateway ta' imposta ta' CFC tibda b'filtru inizjali fil-Kapitolu 3 tal-Parti 9 A tat-TIOPA, li fih testijiet ġenerali biex jiġi stabbilit jekk kwalunkwe waħda mir-regoli dwar il-gateway aktar iddettaljati fil-Kapitoli 4 sa 9 tal-Parti 9 A tat-TIOPA jeħtieġx jiġu applikati (17).

(24)

Fir-rigward tal-kapitoli dwar imposti speċifiċi, il-Kapitolu 4 tal-Parti 9 A tat-TIOPA (“Kapitolu 4”) huwa dispożizzjoni ġenerali u japplika għas-CFCs kollha irrispettivament mit-tip ta' profitti li jiksbu, ħlief is-CFCs li jiksbu esklussivament profitti tan-negozju tal-proprjetà (18) jew profitti finanzjarji mhux kummerċjali (“NTFP”). Il-Kapitolu 5 tal-Parti 9 A tat-TIOPA (“Kapitolu 5”) flimkien mal-Kapitolu 9 tal-Parti 9 A tat-TIOPA (“Kapitolu 9”) jittratta CFCs li jiksbu NTFP. Il-Kapitolu 6 tal-Parti 9 A tat-TIOPA (“Kapitolu 6”) jittratta CFCs li jiksbu profitti finanzjarji kummerċjali (19).

(25)

Il-gateway ta' imposta ta' CFC għandha l-għan li tidentifika ċ-ċirkostanzi fejn kien hemm devjazzjoni artifiċjali tal-profitti tar-Renju Unit, li ġeneralment tfisser li “hemm nuqqas ta' qbil sinifikanti bejn l-attivitajiet tan-negozju ewlenin imwettqa fir-Renju Unit u l-profitti li jirriżultaw minn dawk l-attivitajiet li huma allokati barra r-Renju Unit” (20). Dan huwa prominenti l-aktar fil-Kapitolu 4 (21). Taħt dan il-Kapitolu, il-profitti totali preżunti ta' CFC minn assi li huma posseduti legalment mis-CFC u minn riskji allokati kuntrattwalment għas-CFC isiru profitti taxxabbli jekk u sal-punt li l-ġestjoni ta' dawk l-assi u r-riskji tiġi eżerċitata mir-Renju Unit (22). Dan jeħtieġ kunsiderazzjoni dwar jekk kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet tal-persuni sinifikanti, li huma rilevanti għall-preżunzjoni ta' riskji jew għas-sjieda ekonomika tal-assi li jwasslu għall-profitti ta' CFC, jitwettqux tassew fir-Renju Unit (23). Bħala tali, il-proporzjon tal-SPF tar-Renju Unit għall-SPF mhux tar-Renju Unit huwa kriterju essenzjali fl-identifikazzjoni ta' profitti taxxabbli, li huwa applikat mhux biss fid-dispożizzjoni ta' imposti ġenerali (Kapitolu 4) iżda anke pereżempju fil-Kapitolu 5 (NTFP) (24).

(26)

Madankollu, ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC, jirrikonoxxu li fil-każ ta' profitti finanzjarji, il-fatt li wieħed joqgħod biss fuq it-test SPF mhux dejjem jipprovdi protezzjoni biżżejjed lill-bażi għat-taxxa tar-Renju Unit. Għalhekk, il-Kapitoli 5 sa 9 fihom testijiet addizzjonali għall-NTFP u tipi oħra ta' profitti passivi. Il-profitti ta' CFC jistgħu jkunu soġġetti għal imposta ta' CFC fuq il-bażi ta' aktar minn kapitolu wieħed dwar l-imposti, iżda l-profitti jistgħu jkunu soġġetti għal imposta ta' CFC darba biss (25).

2.1.3.   Imposta ta' CFC fuq Profitt Finanzjarju Mhux Kummerċjali

(27)

NTFP jinkludi l-profitti finanzjarji kollha li mhumiex profitti finanzjarji kummerċjali. Il-profitti finanzjarji kummerċjali huma ttrattati fil-Kapitolu 6. NTFP jista' jinkludi kemm profitti finanzjarji minn self interkorporattiv kif ukoll profitti finanzjarji minn self estern (inklużi depożiti), dment li dawn ma jkunux ġejjin minn attivitajiet kummerċjali (26).

(28)

It-test tal-gateway ta' imposta ta' CFC għall-NTFP jinsab fil-Kapitolu 5 jew alternattivament – soġġett għall-elezzjoni u ċerti kundizzjonijiet – fil-Kapitolu 9 (27). Il-Kapitolu 5 fih żewġ testijiet ġenerali u żewġ testijiet speċifikament immirati lejn ċerti sitwazzjonijiet abbużivi mhux koperti minn dawk it-testijiet ġenerali. Il-Kapitolu 5 fih test SPF, li jeżamina l-eżistenza tal-attivitajiet tar-Renju Unit u li huwa bbażat ħafna fuq it-test SPF li jinsab fil-Kapitolu 4. Madankollu, il-Kapitolu 5 ma jiddependix biss fuq dak it-test minħabba li l-ġenerazzjoni ta' profitti finanzjarji hija fil-biċċa l-kbira attività intensiva fil-kapital li mhux dejjem tkun teħtieġ il-preżenza ta' SPF.

(29)

Għalhekk, it-testijiet fil-Kapitolu 5 biex jiġu identifikati l-profitti taxxabbli għall-NTFP huma dawn li ġejjin:

l-ewwel, NTFP ta' CFC huma meqjusa li jgħaddu mill-gateway ta' imposta ta' CFC sa fejn dawn ikunu ġejjin minn assi jew riskji li fir-rigward tagħhom kwalunkwe SPF rilevanti (28) titwettaq fir-Renju Unit (Taqsima 371EB tat-TIOPA). Skont il-loġika ġenerali tar-regoli dwar is-CFC, il-loġika li tiġi applikata imposta ta' CFC f'dan il-każ hija li jenħtieġ li r-Renju Unit jkun jista' jintaxxa l-profitti li jinkisbu minħabba attivitajiet imwettqa fir-Renju Unit (29);

it-tieni, test alternattiv iħares lejn il-mod li bih is-self jew id-depożiti li jkunu qed jiġġeneraw l-NTFP ġew iffinanzjati. Għaldaqstant u irrispettivament mill-post tal-SPF, l-NTFP huma meqjusa li jgħaddu mill-gateway ta' imposta ta' CFC sa fejn dawn jiġu ffinanzjati mill-fondi rilevanti tar-Renju Unit (Taqsima 371EC tat-TIOPA). Fondi rilevanti tar-Renju Unit huma kwalunkwe fondi jew assi li jirrappreżentaw jew li ġejjin (direttament jew indirettament) mill-“kapital konness tar-Renju Unit”  (30). Il-loġika li tiġi applikata imposta ta' CFC f'dan il-każ hija li d-dħul passiv mill-kapital konness tar-Renju Unit m'għandux jevadi t-taxxa tar-Renju Unit wara kontribuzzjoni sempliċi għal CFC.

(30)

Iż-żewġ testijiet huma alternattivi, li jfisser li l-NTFP huma meqjusa li jgħaddu mill-gateway ta' imposta ta' CFC sa fejn l-ewwel jew it-tieni test jiġi ssodisfat. Il-Kapitolu 5 fih ukoll żewġ testijiet alternattivi ulterjuri li jimmiraw speċifikament tipi identifikati ta' arranġamenti b'motivazzjoni fiskali. Jekk l-NTFP jaqgħu f'dawk iż-żewġ testijiet speċifiċi, se tapplika imposta ta' CFC anke jekk ma jkun hemm l-ebda SPF tar-Renju Unit jew kapital konness tar-Renju Unit (31).

2.1.4.   Imposta ta' CFC fuq Profitt Finanzjarju Kummerċjali

(31)

Il-profitti finanzjarji kummerċjali ta' CFC, tipikament profitti minn attivitajiet bankarji jew tal-assigurazzjoni attivi, huma meqjusa li jgħaddu mill-gateway ta' imposta ta' CFC mhux biss jekk jissodisfaw it-test SPF ġenerali fil-Kapitolu 4, iżda wkoll jekk jissodisfaw it-test speċifiku tal-Kapitolu 6 (32).

(32)

It-test tal-Kapitolu 6 ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-profitti finanzjarji kummerċjali li ġejjin minn tranżazzjonijiet finanzjarji interkorporattivi u dawk li ġejjin minn tranżazzjonijiet ma' kontropartijiet mhux relatati. Il-gruppi multinazzjonali ta' spiss jiċċentralizzaw il-funzjonijiet finanzjarji fil-kumpaniji tat-teżor. L-operazzjonijiet ta' tali kumpaniji jistgħu jikkostitwixxu kummerċ finanzjarju, għalhekk il-profitti minn dak il-kummerċ jaqgħu taħt il-Kapitoli 4 u 6 (profitti finanzjarji kummerċjali) minflok il-Kapitoli 5 u 9 (NTFP) (33). Madankollu, jekk CFC hija kumpanija tat-teżor ta' grupp, (34) din tista' tagħżel li jkollha l-profitti finanzjarji kummerċjali tagħha ttrattati daqslikieku kienu NTFP (billi tinnotifika lil uffiċjal ta' Her Majesty's Revenue and Customs) (35). Jekk issir din l-għażla, se japplika l-Kapitolu 5 biex jiġi stabbilit jekk l-NTFP “meqjusa” humiex soġġetti għal imposta ta' CFC u jekk l-entità taxxabbli hijiex intitolata li titlob l-eżenzjoni skont il-Kapitolu 9.

2.2.   Il-miżura kkontestata: l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi

(33)

Jekk imposta ta' CFC tinġabarx fuq NTFP ta' CFC u sa liema punt, mhuwiex iddeterminat biss fuq il-bażi tat-testijiet fil-Kapitolu 5. Skont il-Kapitolu 9, jekk CFC takkumula NTFP li jaqgħu taħt il-kriterji tal-Kapitolu 5, eżenzjoni parzjali (75 %) jew sħiħa (sa 100 %) tista' tapplika biex tiġi stabbilita l-imposta ta' CFC għal NTFP li ġejjin minn self lil kumpanija ta' grupp barrani. F'din id-deċiżjoni, din id-dispożizzjoni tissejjaħ “l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi” jew “il-miżura kkontestata”.

(34)

L-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tapplika biss għal dawk il-profitti koperti mill-Kapitolu 5. Din topera billi d-dispożizzjonijiet dwar l-imposti tal-Kapitolu 5 jiġu ssostitwiti b'regola mekkanika li tistabbilixxi l-imposta ta' CFC għal ammont ekwivalenti għal 25 % ta' NTFP li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti (36) (l-eżenzjoni parzjali (75 %) jew 'l isfel sa 0 % f'ċerti ċirkostanzi (l-eżenzjoni sħiħa). L-eżenzjoni sħiħa hija r-regola awtomatika. Sa fejn is-self rilevanti huwa ffinanzjat mill-hekk imsejjaħ “riżorsi kwalifikanti”, (37) il-profitti tas-CFC se jkunu intitolati għal eżenzjoni sa 100 % tal-NTFP rilevanti. Barra minn hekk, il-parti li jifdal tal-NTFP rilevanti li, skont jekk din hijiex eżenzjoni parzjali jew sħiħa, xorta tgħaddi mill-gateway ta' imposta ta' CFC, tista' madankollu tiġi eżentata bis-sħiħ mill-imposta ta' CFC taħt l-hekk imsejħa regola ta' “imgħax imqabbel” (38).

(35)

Il- Gwida tal-HMRC (39) fil-kummenti introduttorji għall-Kapitolu 9 tiddikjara li “l-eżenzjonijiet għall-NTFPs ipprovduti fi ħdan il-Kapitolu 9 ġew introdotti biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet diffiċli li jirriżultaw bħala riżultat tal-funġibbiltà tal-flus fi ħdan grupp multinazzjonali”. (40) L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li r-rata ta' inklużjoni ta' 25 % (eżenzjoni ta' 75 %) hija bbażata fuq il-preżunzjoni li – fin-nuqqas ta' kunsiderazzjonijiet fiskali – CFC iffinanzjata kompletament mill-ekwitajiet li tikseb NTFP tiġi ffinanzjata mir-Renju Unit permezz ta' proporzjon ogħla ta' dejn u proporzjon aktar baxx ta' ekwità, li jwassal għal profitti finanzjarji addizzjonali fil-livell tal-kumpanija omm tar-Renju Unit (41). Ir-rata tal-eżenzjoni ġiet diskussa mar-rappreżentanti tan-negozji tar-Renju Unit waqt l-abbozzar tar-reġim tas-CFC riformat. Il-minuti tal-konsultazzjoni jindikaw li inizjalment tqieset eżenzjoni ta' 50 % (li twassal għal rata tat-taxxa effettiva ta' 10 %). Ir-rappreżentanti tan-negozju insistew fuq eżenzjoni ogħla ta' 75 % li twassal għal rata tat-taxxa effettiva ta' 2-6 % (42).

(36)

Il-miżura kkontestata tapplika biss għal NTFP li s-CFC tikseb minn self lil kumpaniji ta' gruppi barranin li huma taħt il-kontroll tal-istess kumpanija residenti tar-Renju Unit li tikkontrolla s-CFC. Dawn ir-relazzjonijiet ta' self jissejħu “relazzjonijiet ta' self kwalifikanti” (43). L-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tirrappreżenta indikatur għall-konnessjoni tar-Renju Unit tal-finanzjament tar-relazzjoni ta' self kwalifikanti, sabiex il-gruppi multinazzjonali ma jkollhomx għalfejn jintraċċaw is-sors eżatt jew l-istorja tal-arranġamenti finanzjarji tal-grupp u l-punt sa fejn dawn jiġġarbu mir-Renju Unit (44).

(37)

Billi jagħmlu pretensjoni taħt il-Kapitolu 9 fil-valutazzjoni tat-taxxa korporattiva tagħhom, l-entitajiet potenzjalment taxxabbli kollha b'CFC li tikseb NTFP minn self li huwa s-suġġett ta' relazzjoni ta' self kwalifikanti jistgħu jagħżlu li japplikaw ir-regoli speċjali fil-Kapitolu 9 minflok ir-regoli ġenerali fil-Kapitolu 5, dment li s-CFC tissodisfa test tal-post tan-negozju. Dan it-test jiġi ssodisfat jekk is-CFC ikollha għad-dispożizzjoni tagħha fit-territorju li fih hija residenti għall-finijiet ta' taxxa, postijiet li huma (jew huma maħsuba li jkunu) okkupati u jintużaw bi grad raġonevoli ta' permanenza, u li minnhom jitwettqu kompletament jew prinċipalment l-attivitajiet tas-CFC f'dak it-territorju (45).

2.3.   Emendi għar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC

(38)

Fis-6 ta' Lulju 2018, ir-Renju Unit ħabbar li l-Liġijiet tal-Finanzi 2018-2019 se jinkludu bidliet fir-regoli dwar is-CFC sabiex tiġi implimentata d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 (46) (id-“Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa”). Dawn il-bidliet jikkonċernaw, l-ewwel nett, id-definizzjoni ta' kontroll, li jaffettwa l-profitti kollha soġġetti għal imposta ta' CFC, u, it-tieni nett, il-preżenza ta' SPF fir-Renju Unit għall-fini ta' applikazzjoni tal-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi għal NTFP. L-ewwel bidla hija għalhekk ta' natura aktar ġenerali, iżda t-tieni taffettwa speċifikament il-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura kkontestata.

(39)

It-tieni bidla tillimita l-aċċess għall-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi sabiex l-entitajiet taxxabbli ma jibqgħux jitħallew jitolbu l-eżenzjoni skont il-Kapitolu 9 għal NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti, minflok japplikaw il-Kapitolu 5, sal-punt li l-NTFP jkunu ġejjin minn assi u riskji b'rabta ma' liema SPF rilevanti jitwettqu fir-Renju Unit. Dawn l-emendi ġew ippromulgati bħala parti mill-Att Finanzjarju tal-2019 taħt it-Taqsima 20 (Korporazzjonijiet ikkontrollati minn barra l-pajjiż: l-eżenzjoni u l-kontroll tal-kumpanija finanzjarja), il-paragrafu 2 u daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2019 (47).

2.4.   Kuntest internazzjonali u tal-UE

(40)

Ħafna pajjiżi introduċew regoli dwar is-CFC biex jipprevjenu lill-kontribwenti milli jevitaw jew jideferixxu t-taxxi billi jittrasferixxu l-profitti għal sussidjarji barranin b'rata baxxa ta' taxxa. Ir-regoli kollha dwar is-CFC jintaxxaw il-profitti ta' ċerti entitajiet mhux residenti fil-livell ta' azzjonisti residenti tat-taxxa tal-entità mhux residenti f'ċerti ċirkostanzi. Madankollu, ir-regoli operattivi eżatti f'pajjiżi differenti jistgħu jvarjaw b'mod sinifikanti (48), peress li jeħtieġ li r-regoli u l-kriterji li jistabbilixxu dawn l-elementi jkunu t-tnejn li huma allinjati mas-sistema ta' taxxa korporattiva domestika li jagħmlu parti minnha u jirriflettu l-objettivi tal-politika tat-tassazzjoni tal-pajjiż rilevanti.

2.4.1.   Gwida tal-OECD (Proġett tal-BEPS)

(41)

Fil-“Pjan ta' Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti” tagħha, (49) l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (“OECD”) tinnota li r-regoli dwar is-CFC ġew introdotti f'ħafna pajjiżi biex jindirizzaw waħda mis-sorsi ta' tħassib dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (“BEPS”), b'mod partikolari l-possibbiltà li jinħolqu kontribwenti mhux residenti affiljati u li l-profitti ta' intrapriża residenti jgħaddu mill-affiljata mhux residenti. L-aħħar rapport dwar il-BEPS dwar l-Azzjoni 3 li tikkonċerna l-użu tar-regoli dwar is-CFC jistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri tal-OECD u mhux tal-OECD biex jintużaw fit-tfassil ta' regoli dwar is-CFC effettivi (50). Ir-rapport tħejja sabiex jiġi żgurat li l-ġurisdizzjonijiet li jagħżlu li japplikaw ir-regoli dwar is-CFC ikunu jistgħu jagħmlu dan b'mod li jkun effettiv biex jipprevjeni lill-kontribwenti milli jittrasferixxu l-profitti f'sussidjarji barranin sabiex jevitaw it-tassazzjoni. Ir-rapport isemmi r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC bħala eżempju ta' regoli li jużaw il-kunċetti żviluppati mill-OECD sabiex tiġi identifikata l-SPF tal-grupp assoċjata ma' kull assi biex jiġi stabbilit il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli (51).

2.4.2.   Id-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa

(42)

Fil-livell tal-Unjoni, il-Kunsill adotta d-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa fit-12 ta' Lulju 2016 (52). Il-premessi ta' dik id-Direttiva jirreferu espliċitament għar-rapporti finali dwar il-15-il Punt ta' Azzjoni tal-OECD kontra l-BEPS u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2015 li jenfasizzaw il-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet komuni u flessibbli fil-livell tal-Unjoni li huma konsistenti mal-konklużjonijiet tal-OECD dwar il-BEPS. Il-premessi jiddikjaraw ukoll:

Ir-regoli dwar Kumpanniji Kkontrollati minn Barra l-Pajjiż (CFC) għandhom l-effett li jattribwixxu mill-ġdid l-introjtu ta' sussidjarja kkontrollata u ntaxxata b'rata baxxa lill-kumpannija omm tagħha. Imbagħad, il-kumpannija omm ssir taxxabbli fuq dan l-introjtu attribwit fl-Istat fejn hija residenti għall-finijiet tat-taxxa. Skont il-prijoritajiet politiċi ta' dak l-Istat, ir-regoli dwar is-CFC jistgħu jkunu diretti lejn sussidjarja sħiħa ntaxxata b'rata baxxa, kategoriji speċifiċi ta' introjtu jew ikunu limitati għall-introjtu li ġie devjat b'mod artifiċjali lejn is-sussidjarja.

(43)

Ir-regola attwali dwar is-CFC hija stabbilita fl-Artikolu 7 tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa u tagħti lill-Istati Membri l-għażla bejn żewġ tipi differenti ta' regoli dwar is-CFC. Ir-regola standard, li telenka tipi ta' profitt li – jekk ikun soġġett għal taxxa baxxa – jenħtieġ li jiġi ntaxxat skont ir-regola dwar is-CFC, hija inkluża fil-paragrafi 1, 2(a) u 3 tal-Artikolu 7. Regola alternattiva bbażata fuq test SPF hija inkluża fil-paragrafi 1, 2(b) u 4 tal-Artikolu 7, li tiddikjara li l-profitti ta' CFC li jirriżultaw minn SPF imwettqa fl-Istat Membru li jikkontrolla għandhom ikunu soġġetti għal imposta ta' CFC (53).

(44)

L-aktar partijiet rilevanti tal-Artikolu 7 jgħidu li:

“Artikolu 7

Regola dwar il-korporazzjonijiet ikkontrollati minn barra l-pajjiż

1.   L-Istat Membru ta' kontribwent għandu jittratta entità (…) bħala kumpannija barranija kkontrollata meta jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin: (…)

2.   Meta entità (…) [t]iġi trattat[a] bħala kumpannija barranija kkontrollata skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru tal-kontribwent għandu jinkludi fil-bażi tat-taxxa:

(a)

l-introjtu mhux iddistribwit tal-entità jew l-introjtu tal-istabbiliment permanenti li ġej mill-kategoriji li ġejjin:

(i)

imgħax jew kwalunkwe dħul ieħor iġġenerat minn assi finanzjarji;

(…)

Dan il-punt ma għandux japplika fejn il-kumpannija barranija kkontrollata twettaq attività ekonomika sostantiva appoġġata minn persunal, tagħmir, assi u proprjetajiet, kif jixhdu l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti.

(…)

jew:

(b)

l-introjtu mhux iddistribwit tal-entità jew stabbiliment permanenti li jirriżulta minn arranġamenti mhux ġenwini li ġew stabbiliti għall-fini essenzjali li jinkiseb benefiċċju fiskali.

Għall-finijiet ta' dan il-punt, arranġament jew sensiela tagħhom għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sa fejn l-entità jew l-istabbiliment permanenti ma jkunx il-propjetarju tal-assi jew ma jkunx ħa r-riskji li jiġġeneraw l-introjtu kollu tiegħu, jew parti minnu, li kieku ma kienx ikkontrollat minn kumpannija fejn jitwettqu l-funzjonijiet tal-persuni sinifikanti, li huma rilevanti għal dawk l-assi u riskji, u li huma strumentali biex jiġi ġġenerat l-introjtu tal-kumpannija kkontrollata.

3.   Meta, skont ir-regoli ta' Stat Membru, il-bażi tat-taxxa ta' kontribwent tiġi kkalkolata skont il-punt (a) tal-paragrafu 2, l-Istat Membru jista' jagħżel li ma jittrattax entità jew stabbiliment permanenti bħala kumpannija barranija kkontrollata skont il-paragrafu 1 jekk terz jew inqas tal-introjtu li takkumula l-entità jew l-istabbiliment permanenti jaqa' fil-kategoriji taħt il-punt (a) tal-paragrafu 2.

Meta, skont ir-regoli ta' Stat Membru, il-bażi tat-taxxa tal-kontribwent hija kkalkolata skont il-punt (a) tal-paragrafu 2, l-Istat Membru jista' jagħżel li ma jittrattax impriżi finanzjarji bħala kumpanniji kkontrollati minn barra l-pajjiż jekk terz jew aktar tal-introjtu tal-entità mill-kategoriji taħt il-punt (a) tal-paragrafu 2 jiġi minn transazzjonijiet mal-kontribwent jew mal-intrapriżi assoċjati tiegħu.

(…)”

2.5.   Il-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni

(45)

L-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ilha fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2013. Il-kontribwenti li jistgħu jibbenefikaw mill-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi huma kontribwenti korporattivi residenti tar-Renju Unit – jew entitajiet taxxabbli – li jikkontrollaw CFC li tikseb NTFP li ġejjin minn relazzjoni ta' self kwalifikanti u li għamlu pretensjoni fid-dikjarazzjoni tat-taxxa korporattiva tagħhom biex japplikaw il-Kapitolu 9 għall-kalkolu tal-imposta ta' CFC b'rabta ma' dawk il-profitti, minflok ma jikkalkulaw l-imposta ta' CFC skont ir-regoli fil-Kapitolu 5. Dawk il-kontribwenti huma parti minn grupp multinazzjonali li jinkludi, bħala minimu, l-entità taxxabbli residenti tar-Renju Unit, is-CFC u s-sussidjarja barranija ffinanzjata permezz tar-relazzjoni ta' self kwalifikanti u anke kkontrollata minn dik l-entità taxxabbli. Kif iddikjarat fil-premessa (38), mill-1 ta' Jannar 2019 din ma għadhiex tapplika għall-NTFP fejn l-SPF rilevanti huma fir-Renju Unit.

(46)

Ma hemm l-ebda approvazzjoni minn qabel obbligatorja jew proċedura ta' kklirjar bil-quddiem. Is-servizz ta' kklirjar mhux statutorju tar-Renju Unit li jikkonċerna l-interpretazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa huwa disponibbli wkoll għar-regoli dwar is-CFC. Il-Kummissjoni talbet u rċeviet lista tal-ikklirjar mhux statutorju relatat mad-dispożizzjonijiet tas-CFC riformati maħruġa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit mill-introduzzjoni tar-regoli dwar is-CFC riformati sal-31 ta' Marzu 2014. Dawn kienu jinkludu ż-żewġ sitwazzjonijiet fejn entità taxxabbli talbet ikklirjar mhux statutorju għal pretensjoni skont il-Kapitolu 9, fejn talbet l-eżenzjoni parzjali jew sħiħa, kif ukoll kwistjonijiet ta' interpretazzjoni li jinvolvu aspetti oħra tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC bħall-applikabbiltà ta' eżenzjoni fil-livell ta' entità. Bħall-ikklirjar mhux statutorju kollu maħruġ mill-HMRC, huma jipprovdu pariri fil-każ ta' inċertezza ġenwina fl-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni legali speċifika.

3.   RAĠUNIJIET BIEX TINBEDA L-PROĊEDURA

(47)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali minħabba li adottat il-fehma preliminari li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi kkostitwixxiet għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u kellha dubji dwar jekk l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tistax titqies kompatibbli mas-suq intern.

(48)

Il-Kummissjoni esprimiet il-fehma preliminari li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi kkostitwixxiet skema ta' għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 (54), dment li din kienet topera, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta' implimentazzjoni ulterjuri, sabiex il-kumpaniji ta' gruppi tar-Renju Unit ta' gruppi multinazzjonali jkunu eżentati minn imposta ta' CFC li altrimenti tkun taxxabbli fuq ċerti NTFP miksuba minn CFCs ikkontrollati minnhom.

(49)

Il-Kummissjoni adottat il-fehma preliminari li l-miżura kkontestata ppermettiet vantaġġ selettiv. Hija qieset li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi kienet tikkostitwixxi deroga mir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC (li l-Kummissjoni qieset bħala s-sistema ta' referenza f'dan il-każ) peress li eżentat xi NTFP mill-imposta ta' CFC.

(50)

Il-Kummissjoni adottat ukoll il-fehma preliminari li l-vantaġġ mogħti mill-miżura kkontestata kien selettiv peress li kien disponibbli biss għall-operaturi li jwettqu tranżazzjonijiet ta' finanzjament li jinvolvu debituri barranin relatati u ma kienx disponibbli għall-operaturi li jwettqu tranżazzjonijiet ta' finanzjament oħra li jinvolvu lil debituri tar-Renju Unit relatati jew lil debituri ta' parti terza, kemm dawk tar-Renju Unit kif ukoll dawk ibbażati barra l-pajjiż, minkejja l-fatt li lkoll kemm huma dehru li kienu f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fid-dawl tal-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC.

(51)

Il-Kummissjoni adottat ulterjorament il-fehma preliminari li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ma tistax tiġi ġġustifikata min-natura jew l-iskema ġenerali tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC, peress li hija ma qisitx l-NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti bħala li jirrappreżentaw riskju aktar baxx ta' devjazzjoni artifiċjali ta' profitti, kif imqabbel ma' tipi oħra ta' NTFP fid-dawl tal-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC. Il-Kummissjoni sostniet li l-miżura kkontestata ma kinitx tidher neċessarja biex issegwi għan loġiku jew leġittimu u, anke li kieku għamlet dan, il-Kummissjoni qieset li din hija sproporzjonata.

(52)

Bl-issodisfar tal-kundizzjonijiet l-oħra kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-Kummissjoni laħqet il-konklużjoni preliminari li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi kkostitwixxiet għajnuna mill-Istat. Billi l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma ppreżentaw l-ebda argument biex jindikaw li tista' tapplika kwalunkwe waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 107(2) jew (3) tat-Trattat, u fid-dawl tan-natura ta' għajnuna operatorja tal-miżura, il-Kummissjoni kellha dubji dwar jekk il-miżura tistax titqies kompatibbli mas-suq intern. Fuq il-bażi ta' dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-miżura kkontestata.

4.   KUMMENTI MIR-RENJU UNIT

(53)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jaqblux mat-tħassib espress mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Fl-ittra ta' tweġiba tagħhom għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-15 ta' Jannar 2018, huma jqajmu erba' argumenti biex jappoġġjaw il-fehma tagħhom li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ma tinvolvix għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat:

(a)

l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ma tiffavorixxi l-ebda impriża jew ma tikkostitwixxi l-ebda vantaġġ. Hija mfassla biex tistabbilixxi l-konfini tal-bażi għat-taxxa korporattiva billi tiddefinixxi l-profitt iddevjat b'mod artifiċjali minflok tipprovdi eżenzjoni minn bażi għat-taxxa korporattiva diġà stabbilita;

(b)

jenħtieġ li s-sistema ta' referenza xierqa tkun is-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit (55);

(c)

l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi mhijiex deroga mis-sistema ta' referenza peress li ma tiddistingwixxix bejn l-operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettivi tas-sistema ta' referenza, jinsabu f'pożizzjoni fattwalment u legalment komparabbli;

(d)

jekk l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta' referenza, din id-deroga tista' tiġi ġġustifikata mill-prinċipji bażiċi u ta' gwida ta' dik is-sistema ta' referenza.

L-awtoritajiet tar-Renju Unit issottomettew argumentazzjoni addizzjonali f'ittra sussegwenti bid-data tat-22 ta' Marzu 2018, kummenti dwar l-input minn partijiet interessati f'ittra bid-data tat-23 ta' Frar 2018 u kjarifika ulterjuri dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-CFC tagħhom għal profitti finanzjarji f'ittra bid-data tat-3 ta' Lulju 2018.

4.1.   Kummenti dwar l-eżistenza ta' vantaġġ

(54)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jargumentaw li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ma ttejjibx il-pożizzjoni finanzjarja ta' impriża billi tnaqqas l-imposti li normalment ikunu inklużi fil-baġit tagħha, jew billi tnaqqas it-taxxa li normalment tkun dovuta u għalhekk ma tagħtix vantaġġ selettiv lil impriża. Huma jfakkru li r-riforma tat-taxxa korporattiva tal-2013 tat lis-sistema tat-taxxa natura aktar territorjali li jfisser li l-profitti ta' kumpanija mhux residenti normalment ma jkunux intaxxati mir-Renju Unit (sakemm ma jkunx hemm stabbiliment permanenti) u li kumpanija residenti tar-Renju Unit normalment ma tkunx intaxxata fuq il-profitti tas-sussidjarji residenti (mhux) tar-Renju Unit tagħha. Ir-reġim tas-CFC huwa l-eċċezzjoni għal dawn il-prinċipji ġenerali. Huwa għandu l-għan li jintaxxa kumpanija residenti tar-Renju Unit fuq il-profitti tas-sussidjarji mhux residenti tagħha dment li dawk il-profitti jkunu ġew iddevjati b'mod artifiċjali mir-Renju Unit.

(55)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jargumentaw li, peress li l-għan tar-reġim tas-CFC huwa li jipproteġi l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit, it-tifsira ta' devjazzjoni artifiċjali mir-Renju Unit tiddependi neċessarjament fuq dak li r-Renju Unit iqis li jenħtieġ li jiġi inkluż f'dik il-bażi, dment li d-definizzjoni tikkonforma mad-dritt tal-Unjoni.

(56)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-Kapitolu 5 flimkien mal-Kapitolu 9 jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim tas-CFC billi jidentifika liema NTFP għandhom jitqiesu bħala ddevjati b'mod artifiċjali. Il-Kapitolu 5 jistabbilixxi filtri inizjali biex jiġu identifikati l-NTFP li jkunu ġew potenzjalment iddevjati b'mod artifiċjali u l-Kapitolu 9 jiżgura li l-ebda profitt ma jinġieb fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-imposta fejn, abbażi ta' kriterji addizzjonali, mhuwiex raġonevoli li jiġi konkluż li dawn ikunu ġew iddevjati b'mod artifiċjali.

(57)

Il-profitti li jaqgħu fi ħdan l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, għalhekk mhumiex meqjusa bħala profitti ddevjati b'mod artifiċjali. Dan ifisser li l-prinċipji ġenerali tas-sistema ta' taxxa korporattiva u jenħtieġ li l-profitti miksuba minn sussidjarja mhux residenti ma jiġux intaxxati. Għalhekk, in-nontassazzjoni ta' dawk il-profitti ma tikkostitwixxix vantaġġ.

(58)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ifakkru wkoll li l-Qorti Ġenerali fil-każ ta' Sanierungsklausel (56) iddeċidiet li eżenzjoni minn dispożizzjoni kontra l-evitar li mhijiex konsistenti mal-objettiv ta' dik id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga. Madankollu, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ma tikkostitwixxix tali eżenzjoni peress li minflok ma tapplika r-reġim tas-CFC għal ċerti operaturi ekonomiċi, tiddetermina jekk u sa liema punt il-profitti li jirriżultaw minn self intragrupp jistgħux jitqiesu bħala ddevjati b'mod artifiċjali mir-Renju Unit. L-eżenzjoni, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, hija għalhekk konsistenti mal-objettiv tar-reġim tas-CFC.

4.2.   Kummenti dwar is-selettività

4.2.1.   Jenħtieġ li s-sistema ta' referenza xierqa tkun ir-reġim ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit

(59)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jaqblux mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ li r-reġim tas-CFC tar-Renju Unit huwa s-sistema ta' referenza, iżda minflok jidentifikaw is-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit bħala s-sistema ta' referenza korretta. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-għan u t-tfassil tar-reġim tas-CFC jistgħu jinftiehmu biss fil-kuntest tal-approċċ ġenerali tar-Renju Unit għall-intaxxar ta' profitt korporattiv.

(60)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li l-fehim tad-definizzjoni ta' profitt korporattiv, inkluż it-trattament ta' oġġetti differenti ta' introjtu u nfiq u ż-żmien tar-rikonoxximent tagħhom skont ir-reġim ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit usa', huwa kruċjali biex jinftiehmu l-opportunitajiet speċifiċi għal abbuż li r-reġim tas-CFC huwa mfassal biex jipproteġi kontrihom.

(61)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddeskrivu li r-reġim tas-CFC huwa biss waħda minn għadd ta' miżuri kontra l-evitar li jfittxu li jipproteġu l-bażi għat-taxxa tar-Renju Unit u li l-approċċ meħud fir-reġim ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit għall-ipprezzar tat-trattamenti intragrupp u l-miżuri ta' protezzjoni tal-bażi usa' tiegħu bħar-regoli “ta' taxxa fuq profitti ddevjati” u “ta' diskrepanza ibrida”, jipprovdi kuntest importanti fil-fehim tar-reġim tas-CFC bħala waħda mill-partijiet tad-difiża tar-Renju Unit kontra d-devjazzjoni artifiċjali ta' profitt.

(62)

Skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, apprezzament ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet politiċi usa' sottostanti għar-reġim ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit jgħin biex jinftiehem it-tfassil iddettaljat tar-regoli dwar is-CFC – jiġifieri l-ħtieġa li reġim amministrabbli jikseb riżultati proporzjonati għal tipi differenti ta' kumpaniji fi ħdan is-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit filwaqt li jikkonforma wkoll mad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali (57).

(63)

Fil-każ li r-reġim tas-CFC huwa identifikat bħala s-sistema ta' referenza, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jargumentaw li l-objettiv tar-reġim tas-CFC għandu jiġi ddefinit b'rabta mar-reġim ta' taxxa korporattiva li jopera fih. F'dan il-każ, l-objettiv tar-reġim tas-CFC innifsu jista' jiġi deskritt bħala “li jipproteġi l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit billi jfittex li jidentifika u jġib fil-kamp ta' applikazzjoni tat-taxxi tal-profitti tar-Renju Unit li għalihom huwa raġonevoli li jiġi preżunt li dawn ġew iddevjati b'mod artifiċjali mir-Renju Unit, permezz ta' sett ta' regoli amministrabbli li jikkonformaw mal-liġi Ewropea” (58).

4.2.2.   L-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi mhijiex deroga

(64)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ma jemmnux li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi li tinsab fil-Kapitolu 9 tipprovdi vantaġġ li huwa selettiv prima facie fuq il-bażi li hija ma tiddistingwix bejn l-operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettivi segwiti mis-sistema ta' referenza, jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli.

(65)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit iqabblu s-sitwazzjoni koperta mill-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi – CFC li tirċievi NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti – għas-sitwazzjonijiet li mhumiex koperti mill-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi, li fihom is-CFCs jirċievu NTFP minn self lil partijiet relatati mar-Renju Unit jew lil partijiet terzi.

(66)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit huma tal-fehma li dawn it-tliet tipi ta' self passiv – jiġifieri relazzjonijiet ta' self kwalifikanti, self lil partijiet relatati mar-Renju Unit (imsemmija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit bħala “self upstream”) u self lil partijiet terzi (imsemmija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit bħala “kaxex tal-flus”) – huma fundamentalment sitwazzjonijiet differenti li joħolqu opportunitajiet differenti għall-evitar u riskji differenti ta' devjazzjoni artifiċjali u għalhekk mhumiex fattwalment u legalment komparabbli.

(67)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jemmnu li s-self upstream u l-kaxex tal-flus huma nieqsa b'mod ċar minn ġustifikazzjoni kummerċjali u joħolqu indikazzjoni ovvja ta' devjazzjoni artifiċjali (59). Il-pożizzjoni hija inqas ovvja fil-każ ta' relazzjoni ta' self kwalifikanti, fejn, fil-kuntest ta' kumpaniji finanzjarji li jinvolvu ruħhom f'self ta' gruppi barranin, jista' jkun hemm ġustifikazzjoni kummerċjali aktar ċara u jaf ikun aktar diffiċli li jintwera b'mod oġġettiv li l-arranġamenti jinvolvu d-devjazzjoni artifiċjali tal-profitti. Fuq din il-bażi, ir-Renju Unit jafferma li t-tliet tipi ta' self mhumiex fattwalment u legalment komparabbli (60).

(68)

Barra minn hekk, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ifakkru li fid-deċiżjonijiet tal-passat rigward l-iskema Netherlandiża Groepsrentebox (61) u s-sistema fiskali tal-imgħax għall-gruppi fl-Ungerija (62), il-Kummissjoni għarfet li jeżistu differenzi bejn l-imgħax minn kumpaniji ta' gruppi relatati u kumpaniji terzi (63).

(69)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit ma għandhomx l-istess fehma tal-Kummissjoni li l-ogħla riskju għal strutturi mmotivati mit-taxxa, speċjalment fejn dan jikkonċerna arranġamenti finanzjarji li jisfruttaw l-arbitraġġ bejn id-dejn u l-ekwità, ġeneralment jitqies bħala parti minn relazzjonijiet interkorporattivi. Huma jsostnu li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tirrifletti l-għażla ta' politika tar-Renju Unit biex ma jindirizzax id-devjazzjoni artifiċjali ta' profitti barranin. It-trattament differenti identifikat mill-Kummissjoni għalhekk huwa inerenti fl-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ifakkru li r-reġim tas-CFC huwa kkonċernat biss bid-devjazzjoni artifiċjali tal-profitt mir-Renju Unit, u mhux bid-devjazzjoni artifiċjali tal-imgħax ta' gruppi barranin fejn mhux ir-Renju Unit ikun fi żvantaġġ.

4.2.3.   Ġustifikazzjoni mill-prinċipji bażiċi u ta' gwida tas-sistema ta' referenza

(70)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jargumentaw li jekk l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tikkostitwixxi deroga, din hija ġġustifikata mill-prinċipji bażiċi u ta' gwida tas-sistema ta' taxxa korporattiva u tar-reġim tas-CFC, jiġifieri l-prevenzjoni ta' devjazzjoni artifiċjali ta' profitt mir-Renju Unit permezz ta' sistema li hija robusta, amministrabbli u kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

(71)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jenfasizzaw li l-Kapitolu 9 huwa bbażat fuq test mekkaniku li joħloq il-bilanċ xieraq bejn l-indirizzar b'mod adegwat tal-każijiet ta' riskju għoli li jikkonċernaw kontribwenti differenti, filwaqt li jiġi żgurat ukoll li ma jkun hemm l-ebda inklużjoni żejda ta' profitti li jkunu inkompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jargumentaw li skont il-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-libertà tal-istabbiliment, b'mod partikolari l-Kawża ta' Cadbury Schweppes (64), l-ebda imposta ta' CFC ma tista' tinġabar b'rabta mas-sussidjarji barranin b'attivitajiet kummerċjali ġenwini. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddikjaraw li t-testijiet mekkaniċi u l-perċentwali fissi ġew stabbiliti fil-livelli li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda inklużjoni żejda ta' profitti. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jemmnu li dan il-bilanċ huwa bla dubju konformi mal-prattika aċċettata internazzjonalment, u b'mod partikolari mal-Azzjoni 3 tar-Rapport dwar il-BEPS.

(72)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit jargumentaw li l-Kapitoli 5 u 9 jirriflettu dan l-approċċ billi jużaw kriterji speċifiċi biex jiddistingwu bejn ir-riskju u l-impatt ta' arranġamenti differenti fuq il-bażi għat-taxxa tar-Renju Unit u billi jużaw approċċ mekkaniku biex jindirizzaw ir-riskji tal-evitar li jikkonċernaw kontribwenti differenti. L-użu ta' dan l-approċċ jagħti approssimazzjonijiet raġonevoli ta' profitt iddevjat b'mod artifiċjali għal arranġamenti fejn dan diffiċli jiġi stabbilit, jew li jeħtieġu ġudizzji soġġettivi dwar il-kontrofattwali xieraq; fil-fehma tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-eżenzjoni ta' 75 %/ir-rata ta' inklużjoni ta' 25 % fl-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tipprovdi dan il-bilanċ xieraq.

5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(73)

Tressqu kummenti minn tmien partijiet interessati. The Law Society of England and Wales ressqet kummenti fid-19 ta' Diċembru 2017. Joseph Hage Aaronson LLP ressqet kummenti fil-21 ta' Diċembru 2017. Erba' partijiet interessati, li talbu biex ma tiġix żvelata l-identità tagħhom, ressqu kummenti fit-22 ta' Diċembru 2017. Fl-istess jum, waslu kummenti minn Ernst & Young LLP. Fl-aħħar nett, fit-2 ta' Jannar 2018, Vodafone Group plc ressqet il-kummenti tagħha dwar id-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Il-partijiet interessati huma intrapriżi li applikaw l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi f'dawn l-aħħar snin jew kumpaniji ta' konsulenza dwar it-taxxa li jagħtu pariri lill-klijenti tar-Renju Unit dwar kwistjonijet ta' taxxa internazzjonali, inkluża l-applikazzjoni tal-miżura kkontestata, jew f'każ wieħed organizzazzjoni tar-Renju Unit nazzjonali li tirrappreżenta prattikanti tal-liġi tar-Renju Unit.

(74)

Fis-sustanza, ħafna mill-kummenti mill-partijiet interessati jirriflettu l-argumenti mqajma mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. Meta l-partijiet interessati jqajmu argumenti ġodda differenti minn dawk tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, dawn jinġabru fil-qosor f'din it-Taqsima.

5.1.   Kummenti dwar l-għażla tas-sistema ta' referenza

(75)

Diversi partijiet interessati huma tal-istess fehma tar-Renju Unit li s-sistema ta' referenza hija s-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit kollha kemm hi, peress li r-regoli dwar is-CFC huma parti integrali u neċessarja tad-dispożizzjonijiet dwar it-taxxa korporattiva tar-Renju Unit, li japplikaw għall-gruppi korporattivi kollha b'sussidjarji barranin.

(76)

Joseph Hage Aaronson LLP targumenta li r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC huma s-sistema ta' referenza korretta, iżda ssostni li din tinkludi diversi objettivi marbuta ma' xulxin – il-prevenzjoni tal-evitar tat-taxxa, il-limitazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha għal attivitajiet mhux ġenwini barra mill-pajjiż u l-provvista ta' reġim vijabbli. Il-Kapitolu 5 u l-Kapitolu 9 jaħdmu flimkien billi jibbilanċjaw lil xulxin sabiex jilħqu dawn l-objettivi marbuta ma' xulxin. Xi partijiet interessati jargumentaw li, jekk ir-reġim tas-CFC kellu jkun is-sistema ta' referenza korretta, il-punt ta' riferiment jew ir-regola normali li jidentifikaw il-profitti ddevjati b'mod artifiċjali se jkunu l-Kapitolu 4. Il-miżura kkontestata mbagħad ma tikkwalifikax bħala deroga għal dik is-sistema, peress li l-eżenzjoni parzjali hija aktar oneruża mir-regoli ġenerali tal-Kapitolu 4 minħabba li twassal għal taxxa tar-Renju Unit f'diversi sitwazzjonijiet fejn profitti tan-negozju kummerċjali ta' CFC ma jkunux soġġetti għal imposta ta' CFC skont il-Kapitolu 4, jiġifieri, meta ma jkun hemm l-ebda SPF fir-Renju Unit jew meta l-perċentwal tal-SPF li jkun jinsab fir-Renju Unit ikun inqas minn 50 % tal-SPF rilevanti totali.

(77)

Parti interessata waħda tinnota li l-Qorti ddeċidiet li t-teknika regolatorja ma tistax taffettwa l-valutazzjoni tas-selettività (65). Is-sempliċi fatt li t-teknika leġiżlattiva tar-Renju Unit tinvolvi lil kulħadd u mbagħad tillimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi li jartikolaw dak li jitqies bħala aċċettabbli, ma jindikax li r-regola wiesgħa hija r-reġim komuni jew normali.

(78)

Diversi partijiet interessati jsemmu li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ma tidderogax mill-objettivi tar-reġim tas-CFC, iżda minflok tiżgura konformità mal-każistika tal-Qorti dwar il-libertà tal-istabbiliment, jiġifieri l-kawża ta' Cadbury Schweppes. Sabiex jikkonforma ma' Cadbury Schweppes, ir-reġim tas-CFC jista' jimponi biss imposta ta' CFC fil-każ ta' arranġamenti kompletament artifiċjali li għandhom l-għan li jevadu l-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa tar-Renju Unit u mhux fil-każ ta' arranġamenti li għandhom l-għan li jevadu leġiżlazzjoni dwar it-taxxa barranija. Il-partijiet interessati huma tal-fehma li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi għandha l-għan li tikseb dan.

5.2.   Kummenti dwar id-deroga

(79)

Fil-fehma ta' diversi partijiet interessati, il-kumpaniji tar-Renju Unit b'CFCs li jiksbu l-istess kategorija ta' NTFP biss jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali. Iż-żewġ sitwazzjonijiet mhux koperti mill-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi, self lil partijiet relatati tar-Renju Unit jew self lil partijiet terzi, huma bla dubju differenti minn sitwazzjonijiet li jinvolvu relazzjonijiet ta' self kwalifikanti. Minn naħa, self minn CFC lil kumpanija ta' grupp residenti tar-Renju Unit huwa eżempju ċar tal-erożjoni tal-bażi tar-Renju Unit; min-naħa l-oħra, self passiv lil jew depożiti ma' parti terza ma jiffinanzjawx operazzjonijiet kummerċjali ġenwini.

(80)

Għall-kuntrarju, fis-sitwazzjoni li tista' tkun potenzjalment koperta mill-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi, li fiha s-CFCs ta' kumpaniji tar-Renju Unit jirċievu NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti, is-CFC jista' jkollha sustanza lokali u ġustifikazzjoni kummerċjali aktar ċara, pereżempju l-finanzjament ta' attivitajiet ġenwini ta' kumpaniji ta' gruppi barranin. Skont Cadbury Schweppes, it-testijiet fl-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi għandhom l-għan li jidentifikaw u jeskludu sitwazzjoni li għandha tkun ħielsa minn imposta ta' CFC.

(81)

Finalment, il-partijiet interessati jargumentaw li self lil partijiet terzi jiġġenera profitt surplus għall-grupp kollu, li ħafna drabi se jiġi ddevjat b'mod artifiċjali, filwaqt li self lil partijiet relatati barranin huwa kwistjoni ta' allokazzjoni tar-riżorsi fi ħdan il-grupp biex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet barranin ġenwini tal-kumpaniji operattivi.

5.3.   Kummenti dwar il-ġustifikazzjoni

(82)

Il-partijiet interessati jissuġġerixxu wkoll li l-ħtieġa ta' regoli amministrattivi tista' tiġġustifika l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi. Uħud minnhom jipprovdu argumenti dwar il-proporzjonalità tal-proporzjon tad-dejn/ekwità 1:3 li jsostni l-livell tal-eżenzjoni parzjali (75 %), li jisħqu li din ma tistax titqabbel ma' dak li huwa proporzjon ta' kapitalizzazzjoni baxxa raġonevoli. Oħrajn jiddefinixxu l-inklużjoni ta' 25 %/eżenzjoni ta' 75 % bħala soluzzjoni prammatika f'ċirkostanzi fejn ma jkunx fattibbli li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jidentifikaw jew jintraċċaw b'mod preċiż is-sors ta' kull ammont ta' kapital. Dan jammonta għal piż ta' konformità sinifikanti.

(83)

Parti interessata turi li xi kontribwenti setgħu adottaw ir-regoli amministrattivi aktar sempliċi tal-Kapitolu 9 mingħajr ma vverifikaw jekk dawn humiex aktar ta' benefiċċju mill-applikazzjoni tar-regoli fil-Kapitolu 5, għalhekk, fir-realtà, dawk il-kontribwenti setgħu jiksbu ftit benefiċċju jew l-ebda benefiċċju billi japplikaw il-Kapitolu 9.

6.   VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

6.1.   L-eżistenza tal-għajnuna

(84)

L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jipprevedi li kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, fi kwalunkwe forma, li twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-provvista ta' ċerti oġġetti, hija inkompatibbli mas-suq intern, peress li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(85)

Skont każistika stabbilita, il-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f'din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfati (66). Għaldaqstant huwa stabbilit li biex miżura tista' tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-ewwel nett, irid ikun hemm intervent permezz ta' riżorsi tal-Istat u dak l-intervent irid ikun attribwibbli lill-Istat; it-tieni nett, l-intervent irid ikun jista' jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri; it-tielet nett, l-intervent irid jagħti vantaġġ selettiv lil impriża u, ir-raba' nett, irid joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (67).

(86)

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni għal konstatazzjoni ta' għajnuna mill-Istat, l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ssib il-bażi tagħha fil-Kapitolu 9 tal-Parti 9 A tat-TIOPA, att leġiżlattiv li neċessarjament joħroġ mill-Istat. L-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi hija għalhekk attribwibbli għar-Renju Unit.

(87)

Fir-rigward tal-finanzjament tal-miżura permezz ta' riżorsi tal-Istat, il-Qorti kontinwament sostniet li miżura li permezz tagħha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, għalkemm ma tinvolvi ebda trasferiment pożittiv ta' riżorsi tal-Istat, tqiegħed lil dawn l-impriżi f'sitwazzjoni finanzjarja aktar vantaġġjuża mill-kontribwenti l-oħrajn, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (68). Kif spjegat fit-Taqsima 2.2 u minn hawn 'il quddiem fit-Taqsima 6.3, l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tirriżulta fi tnaqqis tal-obbligazzjoni tat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit tal-impriżi li jkunu applikaw il-miżura kkontestata billi naqqsu l-imposta ta' CFC li altrimenti tapplika abbażi tal-applikazzjoni ordinarja tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC. Konsegwentement, l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi twassal għal telf ta' riżorsi tal-Istat, minħabba li kull tnaqqis tat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit dovuta mill-impriżi li jibbenefikaw mir-riżultati tal-miżura kkontestata jirriżulta f'telf ta' dħul mit-taxxa li r-Renju Unit normalment kien ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu.

(88)

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għal konstatazzjoni ta' għajnuna mill-Istat, l-impriżi li jibbenefikaw mill-miżura kkontestata huma kumpaniji residenti tar-Renju Unit li huma parti minn grupp multinazzjonali li jopera f'diversi ġurisdizzjonijiet, li jista' jinkludi Stati Membri oħra, għalhekk kwalunkwe vantaġġ favur dawk il-kumpaniji jista' jaffettwa kummerċ fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-miżura kkontestata toffri vantaġġi akbar lill-kontribwenti tar-Renju Unit li huma parti minn gruppi multinazzjonali mmexxija mir-Renju Unit meta mqabbla ma' kontribwenti tar-Renju Unit li huma parti minn gruppi multinazzjonali li jkollhom is-sede tagħhom fi Stati Membri oħra. Dan għaliex l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi hija disponibbli biss fuq l-imgħax li ġej minn kumpanija ta' grupp barrani jekk dik il-kumpanija ta' grupp barrani tkun ikkontrollata mill-istess kumpaniji residenti tar-Renju Unit li jikkontrollaw is-CFC. Din ma tkux disponibbli jekk l-imgħax ikun ġej minn kumpanija ta' grupp barrani kkontrollata minn kumpaniji residenti fi Stat Membru ieħor. Fi kliem ieħor, l-effett negattiv tal-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi fuq il-kummerċ fl-Unjoni huwa doppju. L-ewwel nett, il-gruppi multinazzjonali mmexxija mir-Renju Unit jistgħu jirrelokaw funzjonijiet finanzjarji tal-grupp (li fil-biċċa l-kbira jinkludu l-SPF) minn barra lejn ir-Renju Unit biex jibbenefikaw mir-rata ta' taxxa mnaqqsa offruta mill-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi. U t-tieni nett, gruppi multinazzjonali barranin b'attivitajiet finanzjarji tal-grupp fir-Renju Unit jistgħu jkunu obbligati jirristrutturaw lilhom infushom fi grupp multinazzjonali mmexxi mir-Renju Unit billi jirrelokaw il-kumpanija azzjonarja ċentrali tagħhom fir-Renju Unit sabiex jiżdied il-vantaġġ tal-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi. Għaldaqstant, il-miżura kkontestata tista' tinfluwenza l-għażliet magħmula minn gruppi multinazzjonali kemm dwar il-post tal-funzjonijiet finanzjarji tal-grupp tagħhom kif ukoll tal-uffiċċju ewlieni tagħhom fi ħdan l-Unjoni u għalhekk tista' taffettwa l-kummerċ fl-Unjoni.

(89)

Bl-istess mod, miżura mogħtija mill-Istat titqies li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni meta tkun tista' ttejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tal-benefiċjarji meta mqabbla ma' dik ta' impriżi oħra li magħhom jikkompetu l-benefiċjarji (69). Sa fejn il-miżura kkontestata teħles lill-impriżi li jibbenefikaw minnha minn piż li altrimenti jkunu obbligati li jġorru billi jnaqqsu l-obbligazzjoni tat-taxxa korporattiva li altrimenti jkollhom iġarrbu taħt is-sistema ordinarja tat-taxxa ta' profitti korporattivi fir-Renju Unit, din twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens li ssaħħaħ il-pożizzjoni finanzjarja ta' dawk l-impriżi. Għalhekk, f'dan il-każ, ir-raba' kundizzjoni għal konstatazzjoni ta' għajnuna mill-Istat hija ssodisfata wkoll.

6.2.   Eżistenza ta' skema

(90)

Il-Kummissjoni tqis li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi skema ta' għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament (UE) 2015/1589. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi skema ta' għajnuna bħala “kull att li fuq il-bażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri ta' implimentazzjoni oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi li jkunu definiti fl-att b'mod ġenerali u astratt […]”.

(91)

Din id-definizzjoni tistabbilixxi tliet kriterji biex miżura tikkostitwixxi skema ta' għajnuna: (i) din trid tkun att li fuq il-bażi tiegħu jistgħu jingħataw għotjiet ta' għajnuna individwali; (ii) din ma tridx titlob kwalunkwe miżura ta' implimentazzjoni ulterjuri sabiex isiru tali għotjiet; u (iii) din trid tiddefinixxi l-benefiċjarji potenzjali tal-għotjiet b'mod ġenerali u astratt.

(92)

F'dak li jirrigwarda l-ewwel kriterju, l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tingħata fuq il-bażi tat-TIOPA li hija liġi ġenerali li tagħha l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi hija parti integrali.

(93)

F'dak li jirrigwarda t-tieni kriterju, peress li l-applikazzjoni tal-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi hija disponibbli għall-kumpaniji multinazzjonali kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet, billi sempliċement jagħżlu li japplikawha, u peress li l-applikazzjoni ma tinvolvi l-ebda approvazzjoni ulterjuri jew azzjoni oħra mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ma teħtieġ l-ebda miżura ta' implimentazzjoni ulterjuri (70).

(94)

F'dak li jirrigwarda t-tielet kriterju, l-att li fuq il-bażi tiegħu tingħata l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi jiddefinixxi b'mod ġenerali u astratt il-benefiċjarji potenzjali. Il-Kapitolu 9, li jifforma l-bażi legali li tibbenefika mill-eżenzjoni, japplika b'mod ġenerali u astratt għall-NTFP li ġejjin minn self lil gruppi ta' kumpaniji mhux tar-Renju Unit taħt il-kontroll tar-Renju Unit.

(95)

Bħala konklużjoni, l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament (UE) 2015/1589 għall-klassifikazzjoni bħala skema ta' għajnuna. Skont il-każistika tal-Qorti, fil-każ ta' skema ta' għajnuna, il-Kummissjoni tista' sempliċement tistudja l-karatteristiċi ġenerali tal-iskema inkwistjoni u mhijiex mistennija teżamina kull każ partikolari li fih tiġi implimentata l-iskema (71).

6.3.   Vantaġġ

(96)

Kull meta miżura adottata mill-Istat ittejjeb il-pożizzjoni finanzjarja netta ta' impriża, ikun hemm vantaġġ għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat (72). Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' vantaġġ, għandha ssir referenza għall-effett tal-miżura stess (73). Fir-rigward ta' miżuri fiskali, vantaġġ jista' jingħata permezz ta' modi differenti ta' tnaqqis tal-piż tat-taxxa ta' impriża u, b'mod partikolari, permezz ta' tnaqqis fil-bażi taxxabbli jew fl-ammont ta' taxxa dovut (74).

(97)

Il-miżura kkontestata tippermetti li kumpanija residenti tar-Renju Unit li tkun soġġetta għal imposta ta' CFC, skont il-Kapitolu 5, titlob li l-imposta ta' CFC tiġi stabbilita għal 25 % tal-NTFP tas-CFC (l-eżenzjoni parzjali ta' 75 %) jew għal perċentwal saħansitra aktar baxx, 'l isfel sa 0 % (l-eżenzjoni sħiħa), sal-punt li l-NTFP jiġu ffinanzjati minn “riżorsi kwalifikanti” jew li tapplika r-regola tal-“imgħax mqabbel”. L-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tista' tintalab biss b'rabta ma' ċerta kategorija ta' NTFP, jiġifieri profitti li ġejjin minn relazzjoni ta' self kwalifikanti.

(98)

Konsegwentement, il-miżura kkontestata dejjem se tipprovdi vantaġġ jekk aktar minn 25 % ta' NTFP ta' CFC miksuba minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti jkunu soġġetti għal imposta ta' CFC skont il-Kapitolu 5 u tista' tipprovdi vantaġġ jekk inqas minn 25 % ta' dawk l-NTFP ikunu soġġetti għal imposta ta' CFC skont il-Kapitolu 5, skont jekk tkunx disponibbli eżenzjoni sħiħa skont ir-regola ta' “riżorsi kwalifikanti” jew ir-regola ta' “imgħax imqabbel”.

(99)

Il-fatt li l-applikazzjoni tal-miżura kkontestata minflok ma tapplika d-dispożizzjonijiet skont il-Kapitolu 5 tipprovdi vantaġġ hija rikonoxxuta wkoll mill-Gwida tal-HMRC, meta tispjega jekk għandhiex issir talba biex tiġi applikata l-miżura kkontestata: “Jekk is-self huwa Relazzjoni ta' self kwalifikanti, il-Kapitolu 9 se jagħti riżultat aktar favorevoli għal kumpanija milli għal imposta ta' CFC skont il-Kapitolu 5 dment li l-applikazzjoni tat-TIOPA10 S371EB tħalli mill-inqas 75 % tal-profitt fir-rigward tas-self barra mill-imposta ta' CFC (…) Għal self strutturali kbir, l-aspettattiva tagħna hija li ħafna mill-SPF jekk mhux l-SPF kollha jkunu jinsabu fir-Renju Unit.” (75)

(100)

Barra minn hekk, il-fatt li l-ħruġ tat-talba skont il-Kapitolu 9 huwa fakultattiv, ifisser li din tinsab fid-diskrezzjoni sħiħa tal-entità taxxabbli kemm jekk tapplikax ir-regoli li jistabbilixxu imposta ta' CFC skont il-Kapitolu 5, kif ukoll jekk tagħmilx talba li tirriżulta fl-eżenzjoni parzjali (75 %) jew sħiħa. Il-kumpaniji residenti tar-Renju Unit se jagħmlu talba biss skont il-Kapitolu 9, jekk din l-għażla tkun aktar favorevoli mis-sempliċi applikazzjoni tal-Kapitolu 5. Għalkemm ma jistax jiġi kompletament eskluż li r-raġunijiet tas-simplifikazzjoni amministrattiva jitqiesu minn dawn l-impriżi, b'mod ġenerali, il-kumpaniji residenti tar-Renju Unit se jagħmlu talba skont il-Kapitolu 9 jekk dan inaqqas l-imposta ta' CFC li kienet tkun dovuta skont il-Kapitolu 5.

(101)

B'mod ġenerali, il-benefiċjarji tal-miżura kkontestata se jkunu għalhekk irċevew vantaġġ meta mqabbel mas-sitwazzjoni mingħajr ma jkunu applikaw il-miżura.

6.4.   Selettività

(102)

Sabiex miżura ta' taxxa tiġi kklassifikata bħala li tagħti vantaġġ selettiv, l-ewwel nett huwa neċessarju li jiġi identifikat ir-reġim tat-taxxa “normali” jew komuni fl-Istat Membru kkonċernat, magħruf bħala s-sistema ta' referenza (tat-taxxa), u mbagħad li jiġi eżaminat it-tħaddim ta' dak ir-reġim b'referenza għall-objettiv tiegħu (76). It-tieni nett, huwa meħtieġ li jiġi vvalutat jekk il-miżura tidderogax mis-sistema ta' referenza billi tiddistingwi bejn operaturi ekonomiċi li, fid-dawl tal-objettiv segwit mis-sistema ta' referenza, ikunu jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli. Jekk tkun teżisti tali deroga, il-miżura se titqies bħala selettiva prima facie. It-tielet nett, jekk miżura titqies bħala deroga mis-sistema ta' referenza, din madankollu tista' tiġi ġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta' referenza. F'dan ir-rigward hija r-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat li juri li l-miżura kkontestata tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta' gwida tas-sistema ta' referenza, li jirriżultaw minn mekkaniżmi inerenti neċessarji għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema. Jekk id-deroga mis-sistema ta' referenza hija ġġustifikata fuq dawn ir-raġunijiet, il-miżura ma titqiesx bħala selettiva.

6.4.1.   Sistema ta' referenza

(103)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni qieset li r-reġim tac-CFC tar-Renju Unit huwa s-sistema ta' referenza xierqa. L-objettiv tar-reġim tas-CFC tar-Renju Unit ġie deskritt bħala l-iżgurar tat-tassazzjoni tal-profitti li jiġu ddevjati b'mod artifiċjali mir-Renju Unit f'entitajiet assoċjati mhux residenti kkontrollati mir-Renju Unit (77). Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet fuq bażi preliminari li deroga li twassal għal trattament selettiv prima facie tkun teżisti jekk ċerti kumpaniji residenti tar-Renju Unit jiġu eżentati meta jkunu qed jiddevjaw b'mod artifiċjali profitti (finanzjarji mhux kummerċjali) lil CFC li jkunu kkontrollaw, filwaqt li r-regola ġenerali ssostni li l-kumpaniji residenti tar-Renju Unit jiġu ntaxxati fuq profitti (finanzjarji mhux kummerċjali) ddevjati b'mod artifiċjali lil CFC li jikkontrollaw, filwaqt li t-tnejn li huma jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fid-dawl tal-objettiv tas-sistema ta' referenza (jiġifieri l-iżgurar ta' tassazzjoni ta' profitti ddevjati b'mod artifiċjali tar-Renju Unit lil entità mhux residenti kkontrollata tar-Renju Unit).

(104)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit, kif ukoll xi partijiet interessati, identifikaw ir-reġim ta' taxxa korporattiva ġenerali tar-Renju Unit bħala s-sistema ta' referenza xierqa, filwaqt li argumentaw li l-għan u t-tfassil tar-reġim tas-CFC jista' jinftiehem b'mod xieraq biss fil-kuntest tal-approċċ tar-Renju Unit ġenerali għall-intaxxar ta' profitt korporattiv. Filwaqt li l-Kummissjoni taqbel ma' dawn l-argumenti, u tirrikonoxxi r-rilevanza tal-objettiv tas-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit fil-kuntest tal-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC, din hija tal-fehma li s-sistema ta' referenza għall-analiżi ta' għajnuna mill-Istat tal-miżura kkontestata hija r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC.

(105)

Ir-Renju Unit isostni li għandu “reġim ta' taxxa korporattiva prinċipalment territorjali, li huwa mfassal biex jintaxxa l-profitti attribwibbli għall-attivitajiet u l-assi tar-Renju Unit” (78). Għaldaqstant, l-objettiv tiegħu huwa li jintaxxa lill-kontribwenti residenti tar-Renju Unit jew lill-kontribwenti residenti mhux tar-Renju Unit li għandhom stabbiliment permanenti fir-Renju Unit fuq il-profitti li jirriżultaw mill-attivitajiet u mill-assi tar-Renju Unit. L-intaxxar ta' profitti ta' kontribwenti residenti mhux tar-Renju Unit li ma għandhomx stabbiliment permanenti fir-Renju Unit fil-prinċipju jaqa' lil hinn mill-objettiv tas-sistema ta' taxxa korporattiva ġenerali tar-Renju Unit. Iżda dan ma japplikax neċessarjament għall-profitti barranin li jkunu ġew iddevjati b'mod artifiċjali mir-Renju Unit filwaqt li jkunu attribwibbli għall-attivitajiet u l-assi tar-Renju Unit. Fil-fatt, jista' jingħad li r-regoli li jiksbu dawn tal-aħħar huma l-korollarju neċessarju ta' sistema ta' taxxa prinċipalment territorjali bħas-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit u r-reġim tas-CFC tar-Renju Unit huwa preċiżament dik it-tip ta' regola. Kif jiddikjaraw b'mod korrett l-awtoritajiet tar-Renju Unit, ir-reġim tas-CFC tar-Renju Unit, flimkien ma' serje ta' regoli oħra kontra l-abbuż, jipproteġi lis-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit. L-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC huwa li jipproteġu l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit biex b'hekk jiġi żgurat li s-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit tilħaq l-objettiv tagħha. Hija tilħaq dan l-objettiv billi jiġu ntaxxati l-profitti mill-attivitajiet u mill-assi tar-Renju Unit li jitqiesu bħala li jkunu ġew iddevjati b'mod artifiċjali mir-Renju Unit lejn entitajiet assoċjati mhux residenti. Tabilħaqq, l-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC ġej minn u jista' jingħad li jifforma estensjoni loġika u neċessarja tal-objettiv tas-sistema ta' taxxa korporattiva ġenerali tar-Renju Unit.

(106)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit qajmu dawn il-fatturi b'mod iġġustifikat, iżda dan ma jfissirx li s-sistema ta' referenza għall-valutazzjoni tal-miżura kkontestata – li tikkonċerna eżenzjoni mill-imposta ta' CFC – għandha titwessgħa għas-sistema ta' taxxa korporattiva tar-Renju Unit kollha. Il-Kummissjoni tqis li r-regoli dwar is-CFC jifformaw sett speċifiku ta' regoli. Dawn jagħmlu parti mis-sistema ta' taxxa korporattiva ġenerali tar-Renju Unit, iżda għandhom l-objettiv tagħhom stess. Dak l-objettiv jaf il-bidu u l-għan tiegħu fl-objettiv tas-sistema ta' taxxa korporattiva ġenerali tar-Renju Unit, iżda huwa distint biżżejjed biex jifforma sistema ta' referenza bil-merti tiegħu stess.

(107)

Is-sistema ta' referenza fil-kuntest ta' miżuri tat-taxxa jew ta' imposti tikkonsisti fis-sett ta' regoli li flimkien jifformaw ir-regoli normali jew ordinarji għal tassazzjoni jew għal dawk l-imposti fl-Istat Membru kkonċernat, li jkopru l-impriżi kollha li jkunu potenzjalment soġġetti għat-taxxa jew l-imposta. Huma r-regoli dwar is-CFC li, meħuda flimkien, jiddeterminaw is-suġġett jew il-bażi taxxabbli għall-imposta ta' CFC u għalhekk huwa fi ħdan dawk ir-regoli li għandha titwettaq eżaminazzjoni ta' komparabbiltà (79).

(108)

Fir-rigward ta' argumenti oħra mressqa mir-Renju Unit u mill-partijiet interessati, ma jistax jingħad li konformità ma' kwalunkwe dritt tal-Unjoni applikabbli hija fil-prinċipju l-objettiv ta' sistema ta' taxxa. Din hija sempliċement kundizzjoni li tapplika għal-leġiżlazzjoni kollha tal-Istati Membri kollha. Fil-fehma tal-Kummissjoni l-ħtieġa li r-regoli dwar is-CFC ikunu amministrabbli mhijiex objettiv tas-sistema ta' referenza, iżda tista' tispjega mekkaniżmu inerenti neċessarju għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema ta' referenza.

6.4.1.1.   Ir-regola ġenerali taħt is-sistema ta' referenza; li tistabbilixxi l-imposta ta' CFC

(109)

Bħala rimarka preliminari, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li primarjament hija r-responsabbiltà tal-leġiżlatura tar-Renju Unit li tistabbilixxi l-ħtieġa għal u l-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli kontra l-abbuż li jipproteġu l-bażi għat-taxxa tar-Renju Unit (80). Fl-istess ħin, madankollu, ladarba r-Renju Unit ikun għażel li jintroduċi regola kontra l-abbuż, jenħtieġ li r-Renju Unit japplika dik ir-regola b'mod ugwali għall-operaturi ekonomiċi kollha. Fir-rigward tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, dan ifisser li jenħtieġ li żewġ sitwazzjonijiet li huma legalment u fattwalment komparabbli fid-dawl tal-objettiv tar-regola kontra l-abbuż ma jiġux trattati b'mod differenti (81).

6.4.1.2.   Teknika regolatorja, bħala tali, ma tiddeterminax deroga

(110)

Ir-Renju Unit u diversi partijiet interessati semmew li l-Kapitolu 9 u l-Kapitolu 5 għandhom jinqraw flimkien biex jiġi ddefinit dak li r-Renju Unit iqis bħala NTFP iddevjati b'mod artifiċjali. Huma jenfasizzaw li l-fatt li l-Kapitolu 9 huwa separat mill-Kapitolu 5 u jissejjaħ “eżenzjoni” ma jfissirx per se li, għall-finijiet ta' għajnuna mill-Istat, il-Kapitolu 9 jikkostitwixxi deroga għat-“trattament normali” stabbilita fil-Kapitolu 5. Il-Kummissjoni ma taqbilx ma' din il-fehma kompletament. Madankollu, is-sejba ta' deroga f'dan il-każ hija bbażata fuq analiżi ta' komparabbiltà sostantiva dwar jekk sitwazzjonijiet li huma legalment jew fattwalment simili fid-dawl tal-objettiv tas-sistema ta' referenza jiġux ittrattati b'mod differenti. Kif enfasizzat mill-Qorti fis-sentenza A-Brauerei (82), “filwaqt li, għall-finijiet tal-istabbiliment tas-selettività ta' miżura fiskali, it-teknika regolatorja użata ma hijiex deċiżiva, b'mod li ma huwiex dejjem neċessarju li din it-teknika tkun ta' natura derogatorja meta mqabbla mas-sistema fiskali komuni, il-fatt li din, bħall-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun ta' tali natura, huwa rilevanti għal dawn il-finijiet, meta minn dan jirriżulta li żewġ kategoriji ta' operaturi jkunu distinti u a priori suġġetti għal trattament differenti, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-miżura derogatorja u dawk li jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema fiskali komuni, minkejja l-fatt li dawn iż-żewġ kategoriji jinsabu f'sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan persegwit mill-imsemmija sistema (sentenzi tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C-20/15 P u C-21/15 P, ECLI:EU:C:2016:981, punti 77, kif ukoll tat-28 ta' Ġunju 2018, Andres (falliment Heitkamp BauHolding) vs Il-Kummissjoni, C203/16 P, ECLI:EU:C:2018:505, punt 93)”.

(111)

F'dan il-każ, dan ifisser li l-valutazzjoni ta' jekk il-miżura kkontestata teskludix ċerti operaturi milli jkunu soġġetti għal imposta ta' CFC fuq il-profitti li altrimenti jinġabru mill-imposta skont il-kriterji ġenerali għal devjazzjoni artifiċjali stabbilita fir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC, b'hekk il-kumpaniji li jkunu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli jiġu ttrattati b'mod differenti fid-dawl tal-objettiv tar-regoli dwar is-CFC.

(112)

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-kriterji ġenerali skont liema jiġi vvalutat meta l-profitti ta' CFC skont ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC jitqisux bħala ddevjati b'mod artifiċjali, filwaqt li jitqies it-tip u l-livell ta' riskji indirizzati minn dawn ir-regoli, l-istruttura u l-loġika ta' dawn ir-regoli u l-għodod użati sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji (83).

6.4.1.3.   Metodoloġija u loġika tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC

(113)

Ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC jinkludu testijiet differenti, li japplikaw b'mod ġenerali għat-tipi kollha ta' profitt jew li jimmiraw tipi speċifiċi ta' profitti miksuba mis-CFC, sabiex jidentifikaw u jikkwantifikaw il-profitti totali preżunti tas-CFC li jgħaddu mill-gateway ta' imposta ta' CFC, u b'hekk isiru profitti taxxabbli. Skont ir-Renju Unit, dawn it-testijiet u l-kundizzjonijiet huma differenti fuq il-bażi tat-tip ta' attività sottostanti għall-profitt sabiex jirriflettu r-riskju li d-dħul mit-taxxa jintilef għat-teżor tar-Renju Unit fil-każ ta' arranġamenti differenti li jiġġeneraw profitt. Huma għandhom l-għan li jiżguraw il-maniġabbiltà amministrattiva li jiġi applikat test kontra l-abbuż għal firxa wiesgħa ta' arranġamenti differenti għal għadd kbir ta' kontribwenti differenti, b'hekk jiġu ssalvagwardjati l-effettività u l-effiċjenza tar-regoli dwar is-CFC.

(114)

Il-Kummissjoni taċċetta li l-kamp ta' applikazzjoni ta' regola li għandha bħala l-objettiv tagħha l-protezzjoni tas-sistema ta' taxxa korporattiva kontra telf ta' dħul mit-taxxa li jirriżulta mid-devjazzjoni artifiċjali ta' profitti jista' jiġi mmirat lejn sitwazzjonijiet li oġġettivament jippreżentaw l-ogħla riskju ta' tali telf ta' dħul mit-taxxa, sabiex jiżguraw l-effiċjenza, il-maniġabbiltà u l-effettività ta' dik ir-regola.

(115)

Tabilħaqq, dik il-loġika hija riflessa fit-tfassil tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC. Huma l-ewwel japplikaw firxa wiesgħa ħafna – il-profitti kollha ta' sussidjarji barranin ikkontrollati mir-Renju Unit – u sussegwentement jeskludu diversi sitwazzjonijiet fejn il-leġiżlatur tar-Renju Unit iqis ir-riskju ta' telf ta' dħul mit-taxxa bħala oġġettivament baxx. F'dan ir-rigward, il-Gwida tal-HMRC għar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC tiddikjara li: “jekk waħda mill-eżenzjonijiet tas-CFC tapplika għal CFC mhuwiex meħtieġ li jitqies jekk din għandhiex xi profitt taxxabbli” u li fil-prattika: “il-gruppi se jkunu jistgħu jistabbilixxu faċilment li kważi s-sussidjarji barranin kollha tagħhom se jkunu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tar-reġim tas-CFC il-ġdid jew ikunu eżentati minnu”. Dan l-approċċ huwa rifless fl-eżenzjonijiet ġenerali fil-livell ta' dħul fil-Kapitolu 3 kif ukoll fl-eżenzjonijiet fil-livell ta' entità fil-Kapitoli 10 sa 14. Huwa biss jekk l-ebda waħda minn dawn l-eżenzjonijiet ma tkun applikabbli li jkun meħtieġ li jiġu identifikati u kkwantifikati l-profitti taxxabbli ta' CFC.

(116)

Il-Kapitolu 3 jifforma l-parti inizjali tad-dispożizzjonijiet dwar l-imposti ta' CFC. Dan jinkludi testijiet li l-kumpaniji residenti tar-Renju Unit japplikaw għal CFC li huma jikkontrollaw sabiex jiddeterminaw jekk għandhiex tiġi applikata kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet dwar l-imposti aktar iddettaljati fil-Kapitoli 4 sa 8. Fir-rigward tal-NTFP, pereżempju, il-Kapitolu 3 jiddetermina li l-kumpaniji residenti tar-Renju Unit jistgħu jinjoraw ir-regoli tal-Kapitolu 5 (u b'hekk anke tal-Kapitolu 9) jekk l-NTFP miksuba minn CFC ikunu inċidentali għall-operazzjonijiet l-oħra tagħha u jaqgħu fi ħdan sfera ta' sikurezza ta' 5 % (84).

(117)

Bl-istess mod, il-Kapitoli 10 sa 14 jinkludu eżenzjonijiet fil-livell ta' entità (ara l-premessi (19) u (20)), bħall-eżenzjoni ta' territorji esklużi, l-eżenzjoni ta' profitt baxx u l-eżenzjoni ta' marġni ta' profitt baxx li jeskludu l-profitti ta' CFC mill-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC jekk ikun raġonevoli li jiġi preżunt li hemm riskju baxx li l-profitti ta' tali CFC ikunu ġew iddevjati b'mod artifiċjali jew jekk b'mod aktar ġenerali jkun hemm riskju baxx għal telf ta' dħul mit-taxxa għat-teżor tar-Renju Unit. Tabilħaqq jidher li dan huwa raġonevoli li jiġi preżunt b'rabta mas-CFCs li jiksbu ftit profitti, li jagħmlu marġni ta' profitt baxx jew li huma soġġetti għal rata tat-taxxa effettiva relattivament għolja.

(118)

Fil-qosor, ir-regoli dwar is-CFC tar-Renju Unit bl-eżenzjonijiet fil-livell ta' dħul u fil-livell ta' entità tagħhom għandhom l-għan li jiżguraw li l-applikazzjoni tar-regoli tkun limitata għal sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju għoli għat-Teżor tar-Renju Unit u li għandhom potenzjal għoli għal devjazzjoni artifiċjali.

6.4.1.4.   L-għodod użati: id-dispożizzjonijiet dwar l-imposti

(119)

Jekk ma tapplika l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet ta' entità fil-Kapitoli 10 sa 14 u l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet ta' dħul fil-Kapitolu 3, f'dak il-każ jeħtieġ li jiġu applikati l-kapitoli dwar l-imposti bl-ewwel wieħed ikun il-Kapitolu 4 (Profitti attribwibbli għall-attivitajiet tar-Renju Unit). Kif imsemmi qabel, il-Kapitolu 4 japplika għall-profitti kollha ħlief fejn CFC tikseb esklussivament NTFP jew profitti tan-negozju tal-proprjetà (85). L-approċċ ġenerali għall-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni ta' profitti ddevjati b'mod artifiċjali fil-Kapitolu 4 huwa bbażat fuq il-kunċett ta' SPF. Dan huwa eżerċizzju ta' attribuzzjoni li huwa bbażat fuq l-istess loġika u prinċipji bħal dawk applikati skont l-Approċċ tal-OECD Awtorizzat (“AOA”) biex tiġi stabbilita l-attribuzzjoni tal-profitti għal stabbiliment permanenti. Dan jidentifika l-SPF rilevanti li jinsabu fir-Renju Unit u dawk li jinsabu fil-post tas-CFC jew f'post ieħor barra mir-Renju Unit. Wara dan, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit il-punt sa fejn il-profitti rilevanti tas-CFC huma attribwibbli għall-SPF li jinsabu fir-Renju Unit (86). Din l-analiżi, f'varjazzjonijiet differenti, hija meħtieġa wkoll f'kapitoli oħra dwar l-imposti. Il-Gwida tal-HMRC li takkumpanja l-leġiżlazzjoni tenfasizza r-rwol importanti tat-test SPF, billi tiddeskrivih bħala “ċentrali għall-analiżi” ta' jekk il-profitti humiex attribwibbli għar-Renju Unit (87).

(120)

Ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC jinkludu dispożizzjonijiet dwar l-imposti sussegwenti fil-Kapitoli 5 sa 8 li jistgħu japplikaw flimkien mal-Kapitolu 4. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw esklussivament għal ċerti tipi ta' profitti, li għalihom applikazzjoni parallela tal-Kapitolu 4 ġenerali u Kapitolu dwar imposti speċifiċi hija possibbli. Pereżempju, huwa possibbli li parti biss tal-profitti ta' CFC ikunu taxxabbli skont il-Kapitolu 4, iżda dan ma jeskludix li l-bqija' tal-profitti jistgħu jkunu taxxabbli skont il-Kapitolu 6 (88). Huwa possibbli wkoll li filwaqt li ma tista' tirriżulta l-ebda imposta ta' CFC skont il-Kapitolu 4, imposta ta' CFC tista' madankollu tapplika skont il-Kapitoli 5 sa 8. Għalhekk, l-imposta ta' CFC tista' tkun ogħla wara l-applikazzjoni tal-kapitoli dwar l-imposti sussegwenti, iżda din ma tistax tkun aktar baxxa mill-imposta li kieku tapplika skont il-Kapitolu 4 (89).

(121)

Waħda mid-dispożizzjonijiet dwar imposti speċifiċi hija l-Kapitolu 5, li jikkonċerna l-NTFP. Bħall-Kapitolu 4, il-Kapitolu 5 juża wkoll analiżi tal-SPF biex jivvaluta jekk jenħtieġx li tapplika imposta ta' CFC; huwa jidentifika NTFP minn assi li huma posseduti mis-CFC u profitti minn riskji allokati għas-CFC f'sitwazzjonijiet fejn l-SPF rilevanti titwettaq fir-Renju Unit. Madankollu, l-analiżi tal-SPF tvarja mill-Kapitolu 4 f'żewġ punti kruċjali.

(122)

L-ewwel, it-test SPF preskritt mill-Kapitolu 5 huwa “eħfef” minn dak preskritt mill-Kapitolu 4 fis-sens li dan jista' jiġi ssodisfat b'mod aktar faċli, għalhekk l-applikazzjoni tal-analiżi tal-SPF fil-Kapitolu 5 tista' twassal għal imposta ta' CFC filwaqt li l-ebda tali imposta ma tkun dovuta skont l-analiżi tal-SPF skont il-Kapitolu 4 fl-istess sett ta' ċirkostanzi. Dan jista' jseħħ minħabba li l-Kapitolu 5 jirreferi direttament lura għall-Kapitolu 4 għall-analiżi tal-SPF biex jiġu identifikati u kkwantifikati l-profitti ddevjati b'mod artifiċjali, iżda b'inqas passi (90).

(123)

Barra minn hekk, il-Kapitolu 5 jinkludi t-tieni test li fuq il-bażi tiegħu tista' tiġi stabbilita imposta ta' CFC, anke mingħajr SPF li tkun tinsab fir-Renju Unit, li tkun unika għall-NTFP. It-tieni test li jista' jiskatta imposta ta' CFC iħares lejn kif is-self li jiġġenera l-NTFP tas-CFC ġie ffinanzjat u jimponi imposta ta' CFC fuq l-NTFP ta' CFC sal-punt li dak is-self jirriżulta minn kapital konness tar-Renju Unit. L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li r-raġuni għaliex il-Kapitolu 5 fih dak it-tieni test huwa li l-NTFP mhux dejjem jirrikjedu l-preżenza ta' SPF sostanzjali għalhekk il-fatt li wieħed jiddependi esklussivament fuq it-test SPF mhux se jipproteġi biżżejjed lill-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit kontra d-devjazzjoni artifiċjali fil-każ ta' NTFP.

6.4.2.   L-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi hija deroga

(124)

Skont il-każistika stabbilita, miżura hija selettiva prima facie jekk twassal għal differenza fit-trattament bejn l-impriżi li jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli, fid-dawl tal-objettiv tas-sistema ta' referenza (91). F'dan il-każ, il-kwistjoni hija jekk l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi teżentax lil xi kumpaniji mill-imposta ta' CFC li tkun dovuta fuq kumpaniji oħra skont is-sistema normali tar-regoli dwar is-CFC, filwaqt li ż-żewġ sitwazzjonijiet huma legalment u fattwalment komparabbli fid-dawl tal-objettiv tas-sistema ta' referenza, jiġifieri r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC.

(125)

L-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tipprovdi eżenzjoni mill-imposta ta' CFC għal kategorija speċifika tal-NTFP (92). Skont ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC, il-kriterji li jiddeterminaw jekk u sa liema punt imposta ta' CFC hija dovuta jekk CFC tikseb tali profitti huma inklużi fil-Kapitoli 5 u 9. Il-Kapitolu 5 fih regoli u kriterji applikabbli għall-NTFP kollha, kemm jekk irċevuti minn debitur relatat (self fi ħdan grupp) kif ukoll minn debitur mhux relatat (pereżempju bank) u irrispettivament minn jekk dan jiġix irċevut minn debitur tar-Renju Unit jew minn debitur barrani. Imbagħad il-Kapitolu 9 fih regoli speċifiċi (l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi) għall-NTFP irċevuti minn self lil kumpaniji ta' gruppi barranin, ir-“relazzjonijiet ta' self kwalifikanti” (93) u jeżenta (parzjalment) dawk il-profitti mill-imposta ta' CFC li altrimenti tkun dovuta skont il-Kapitolu 5. Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni qieset b'mod proviżorju li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tat lil ċerti kumpaniji CFC li tikseb NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti li huwa vantaġġ selettiv prima facie fuq il-kumpaniji b'CFC li tikseb forom oħra ta' NTFP, filwaqt li t-tnejn kienu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli fid-dawl tas-sistema ta' referenza.

(126)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit qajmu żewġ argumenti dwar għaliex sitwazzjoni b'entità taxxabbli li tikkontrolla CFC li tikseb NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti mhix komparabbli għal entità taxxabbli li tikkontrolla CFC li tikseb NTFP oħrajn (94). L-ewwel argument tal-awtoritajiet tar-Renju Unit huwa li NTFP ta' CFC, għajr NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti, huma per-se ddevjati b'mod artifiċjali filwaqt li dan ma jistax jintqal għal NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti (95). It-tieni argument huwa li l-obbligu li jiġu rrispettati l-libertajiet tat-Trattat għandu implikazzjonijiet differenti għaż-żewġ kategoriji (96).

6.4.2.1.   Il-komparabbiltà ta' CFC eżentata skont il-Kapitolu 9 mir-regoli dwar is-CFC ma' CFC li tikseb NTFP oħrajn

(127)

Fir-rigward tal-ewwel argument, ir-Renju Unit jargumenta li s-CFCs li jagħtu self lil partijiet relatati residenti tar-Renju Unit – magħruf bħala self upstream - joħolqu theddida diretta u evidenti għall-bażi għat-taxxa tar-Renju Unit jekk tali profitti jinkisbu permezz ta' CFC. Din it-theddida tkun inqas ovvja għas-CFCs b'relazzjonijiet ta' self kwalifikanti (b'self lil kumpaniji ta' gruppi barranin). Ir-Renju Unit jargumenta li s-self upstream huwa essenzjalment tranżazzjonijiet ċirkolari. Kumpanija tar-Renju Unit tpoġġi l-fondi ta' ekwità f'CFC li tirritorna l-fondi bħala self lil kumpanija tar-Renju Unit relatata. Ir-Renju Unit jargumenta wkoll li f'dawn is-sitwazzjonijiet l-imgħax tnaqqas mill-bażi għat-taxxa tar-Renju Unit fil-livell tal-kumpaniji ta' gruppi residenti tar-Renju Unit, b'hekk titnaqqar direttament il-bażi għat-taxxa tar-Renju Unit. Min-naħa l-oħra, NTFP minn self lil partijiet relatati barranin jikkonċernaw tassew finanzjament tar-Renju Unit 'il barra, għalhekk dawn ma jistgħux jitqiesu bħala arranġament ċirkolari. Barra minn hekk, tnaqqis tal-imgħax potenzjali fil-livell tal-kumpanija ta' grupp li tirċievi s-self mis-CFC ma jnaqqarx il-bażi għat-taxxa tar-Renju Unit.

(128)

Ir-Renju Unit jargumenta wkoll li s-CFCs li jiksbu NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti u self ta' CFCs lil parti mhux relatata jikkostitwixxu sitwazzjonijiet fundamentalment differenti li jikkawżaw riskji differenti għall-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit. Skont ir-Renju Unit, ir-riskju għat-Teżor tar-Renju Unit huwa aktar evidenti b'mod ċar għal arranġamenti li jinvolvu self ta' CFC lil parti mhux relatata li l-awtoritajiet tar-Renju Unit jirreferu għalihom bħala kaxex tal-flus u li jistħoqqlu li jkollu regola unika stretta għal dawk is-sitwazzjonijiet peress li tali arranġament ma għandu l-ebda raġuni kummerċjali, u ma jista' jkollu l-ebda għan ieħor għajr dak li jevita t-taxxi tar-Renju Unit (97). Min-naħa l-oħra, fil-każ ta' relazzjonijiet ta' self kwalifikanti l-NTFP huma relatati mal-forniment ta' finanzjament ġenwin lil operazzjonijiet kummerċjali barranin tal-grupp. Ir-Renju Unit isostni li f'tali arranġament ir-riskju ta' devjazzjoni artifiċjali jidher inqas malajr u jista' ma jwassal għall-ebda devjazzjoni artifiċjali, jew iwassal għal devjazzjoni artifiċjali parzjali jew sħiħa (98). Id-differenza fir-riskju għal devjazzjoni artifiċjali, fil-fehma tal-awtoritajiet tar-Renju Unit, tfisser li ż-żewġ arranġamenti mhumiex f'sitwazzjoni legalment u fattwalment komparabbli fid-dawl tal-objettiv tar-regoli dwar is-CFC.

(129)

Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-punti mressqa mir-Renju Unit b'appoġġ għall-ewwel argument tiegħu.

(130)

Kif stabbilit fil-premessa 111, il-kwistjoni li għandha tiġi indirizzata hija jekk NTFP minn self lil kumpaniji ta' gruppi barranin humiex fattwalment u legalment komparabbli għall-NTFP minn self ta' parti terza jew minn self lil kumpaniji ta' gruppi tar-Renju Unit fid-dawl tal-objettiv tar-regoli dwar is-CFC.

(131)

Fid-dawl ta' dan, il-Kummissjoni tfakkar li r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC jiksbu l-objettiv tagħhom li jipproteġu l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit billi jintaxxaw il-profitti mill-attivitajiet u mill-assi tar-Renju Unit li jkunu ġew iddevjati b'mod artifiċjali mir-Renju Unit lejn entitajiet assoċjati mhux residenti. It-testijiet li jidentifikaw u jikkwantifikaw profitti ddevjati b'mod artifiċjali għall-kategorija speċifika ta' NTFP ġew inklużi fil-Kapitolu 5. Minħabba l-fatt li r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC ifittxu li jipproteġu l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit, mhix sorpriża li t-testijiet li jidentifikaw devjazzjoni artifiċjali huma direttament relatati mal-fatturi li fuqhom hija msejsa l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit, jiġifieri l-attivitajiet tar-Renju Unit (riflessi mill-SPF tar-Renju Unit) jew l-assi tar-Renju Unit (riflessi mill-kapital konness tar-Renju Unit). Il-kriterji biex tiġi stabbilita devjazzjoni artifiċjali għall-NTFP skont ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC huma għalhekk inerenti u loġikament marbuta mal-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit li r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC ifittxu li jipproteġu. Il-Kummissjoni ma tarax għaliex, fid-dawl ta' dan l-objettiv, dawk il-kriterji huma adattati biex tiġi stabbilita devjazzjoni artifiċjali għall-NTFP kollha għajr dawk minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti.

(132)

Fir-rigward tal-argumenti tar-Renju Unit li t-tipi ta' NTFP esklużi mill-miżura kkontestata huma nieqsa b'mod ċar minn ġustifikazzjoni kummerċjali u joħolqu indikazzjoni ovvja ta' devjazzjoni artifiċjali – li tkun inqas ovvja fil-każ ta' NTFP miksuba minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti sabiex ma jkunux legalment u fattwalment komparabbli fid-dawl tal-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC, il-Kummissjoni l-ewwel se tindirizza l-komparabbiltà bejn NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti ma' NTFP minn self lil kumpaniji ta' gruppi residenti tar-Renju Unit, u mbagħad se tindirizza l-komparabbiltà ma' NTFP minn relazzjonijiet ta' self ma' partijiet terzi.

(133)

Fir-rigward tal-komparabbiltà ma' NTFP minn self lil partijiet relatati tar-Renju Unit, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tifhem li tali arranġamenti jistgħu jikkawżaw tħassib għal-leġiżlatur tar-Renju Unit, b'mod partikolari l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa permezz ta' tnaqqis tal-imgħax ikkawżat minn finanzjament ta' dejn eċċessiv tal-attivitajiet tar-Renju Unit. Huwa tabilħaqq minnu li dan it-tħassib ma jidhirx fil-każ ta' NTFP miksuba minn relazzjoni ta' self kwalifikanti, minħabba li tħassib ta' erożjoni tal-bażi potenzjali – jekk ikun hemm – ikun preżenti barra mill-pajjiż u mhux fir-Renju Unit. Bħala rimarka preliminari, il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li r-Renju Unit mhux kompletament konsistenti fl-indirizzar ta' dan it-tħassib. Skont ir-regoli attwali, tista' tinħoloq sitwazzjoni fejn self lil kumpanija ta' grupp tar-Renju Unit jista' jitqies bħala relazzjoni ta' self kwalifikanti skont il-Kapitolu 9, dment li d-debitur finali taħt dak l-arranġament ta' self ikun kumpanija ta' grupp barrani (il-finanzjament jiġi allokat permezz ta' kumpanija “intermedjarja” tar-Renju Unit). Anke f'dik is-sitwazzjoni, l-intermedjarju tar-Renju Unit se jitlob tnaqqis tal-imgħax fuq l-imgħax imħallas lis-CFC, filwaqt li madankollu l-imgħax se jiġi (parzjalment) eżentat taħt il-miżura kkontestata (99).

(134)

Madankollu, fi kwalunkwe każ, kwalunkwe differenzjazzjoni konsistenti bbażata fuq il-preżenza ta' tnaqqis tar-Renju Unit se tfisser biss li ż-żewġ arranġamenti jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali differenti li kieku konna qed nivvalutaw miżura nazzjonali li għandha bħala l-objettiv tagħha l-protezzjoni tal-bażi għat-taxxa permezz tal-erożjoni tal-bażi minn tnaqqis tal-imgħax. Il-liġi dwar it-taxxa korporattiva tar-Renju Unit għandha diversi miżuri kontra l-evitar b'tali objettiv. Madankollu, il-protezzjoni kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa minn tnaqqis tal-imgħax eċċessiv fir-Renju Unit mhix l-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC. Dawn ifittxu li jipproteġu lir-Renju Unit minn devjazzjoni artifiċjali ta' profitti mill-finanzjament u minn operazzjonijiet oħra billi tinġabar imposta ta' CFC fuq tali profitti (100). Għalhekk, id-differenza mqajma mill-awtoritajiet tar-Renju Unit ma tfissirx li ż-żewġ sitwazzjonijiet jinsabu f'sitwazzjoni legali u fattwali differenti fid-dawl tal-objettiv segwit mill-miżura kkontestata, jiġifieri l-protezzjoni tal-bażi għat-taxxa tar-Renju Unit kontra d-devjazzjoni artifiċjali ta' profitti inklużi dawk miksuba minn attivitajiet finanzjarji.

(135)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tinnota li NTFP minn self lil partijiet relatati tar-Renju Unit jistgħu jirriżultaw ukoll għal raġunijiet kummerċjali validi u mhumiex neċessarjament “tranżazzjonijiet ċirkolari” fil-każijiet kollha, jiġifieri fondi tar-Renju Unit li jitmexxew f'CFC u li mbagħad jitmexxew lura fir-Renju Unit. Jekk NTFP ikunu ġejjin minn self lil parti relatata tar-Renju Unit fejn l-SPF ikunu jinsabu fir-Renju Unit, jenħtieġ li tirriżulta imposta ta' CFC f'konformità mal-kriterji dwar l-imposti fi ħdan il-Kapitolu 5, anke jekk is-self ma jiġix iffinanzjat mill-kapital konness tar-Renju Unit (jiġifieri irrispettivament miċ-“ċirkolarità”).

(136)

It-tielet nett, il-Kummissjoni ma taqbilx mar-Renju Unit li se jkun hemm raġuni kummerċjali valida apparenti għall-istrutturar tal-finanzi minn kumpanija residenti tar-Renju Unit għal kumpanija ta' grupp barrani permezz ta' CFC (minflok ma l-flus jissellef direttament), filwaqt li dan ma jkunx il-każ għall-istrutturar tal-finanzi minn kumpanija residenti tar-Renju Unit lil kumpanija ta' grupp residenti tar-Renju Unit permezz ta' CFC (minflok ma l-flus jissellef direttament). Il-funzjoni finanzjarja intermedjarja u r-rwol tas-CFC fiż-żewġ arranġamenti huma komparabbli bis-sħiħ. Il-Kummissjoni ma taqbilx li r-raġunijiet kummerċjali validi jistgħu jiġu preżunti bħala preżenti f'sitwazzjoni waħda u jiġu preżunti bħala nieqsa f'sitwazzjoni oħra, li jfisser li ż-żewġ sitwazzjonijiet mhumiex legalment u fattwalment komparabbli fid-dawl tal-objettiv tar-regoli dwar is-CFC. Raġunijiet kummerċjali validi għall-preżenza u l-użu ta' CFC li tikseb NTFP għaż-żewġ arranġamenti huma ddeterminati fuq il-bażi ta' fatti u ċirkostanzi dwar in-natura u l-kwalità tal-funzjonijiet u tar-riskji tas-CFC, u mhux fuq il-bażi tas-sors tal-NTFP.

(137)

Għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 133 sa 136, l-argument tal-awtoritajiet tar-Renju Unit li NTFP minn arranġamenti ta' self kwalifikanti u NTFP minn self lil kumpaniji ta' gruppi tar-Renju Unit mhumiex komparabbli għandu jiġi rrifjutat.

(138)

Fir-rigward tal-komparabbiltà ma' NTFP li ġejjin minn self estern, li l-awtoritajiet tar-Renju Unit jirreferu għalihom bħala kaxex tal-flus, il-Kummissjoni tinnota li r-Renju Unit iqis kaxxa tal-flus bħala arranġament li juża CFC b'rata baxxa ta' taxxa bħala intermedjarja biex jiġu ddepożitati l-fondi ma' bank sabiex l-NTFP li jirriżultaw jinkisbu mis-CFC minflok mir-Renju Unit, u tifhem li r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC tfasslu biex jiġu evitati tali arranġamenti. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li s-self lil partijiet terzi jista' jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal depożiti bankarji. Dawn jistgħu jkopru wkoll pereżempju self inċidentali lill-fornituri, lill-fornituri esterni tas-servizzi, lill-klijenti jew lil partijiet oħra mhux relatati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma taqbilx li dawn l-arranġamenti għandhom jitqiesu per se bħala abbużivi filwaqt li dan ma japplikax għal arranġamenti li jużaw CFC b'rata baxxa ta' taxxa bħala intermedjarja biex tipprovdi self lil kumpanija ta' grupp barrani. Tabilħaqq, anke f'dan il-każ, l-NTFP li jirriżultaw jinkisbu mis-CFC minflok mir-Renju Unit.

(139)

Parti interessata argumentat li fil-każ ta' arranġament ta' self kwalifikanti, il-fondi pprovduti se jintużaw mill-kumpanija ta' grupp barrani biex tiffinanzja operazzjonijiet kummerċjali ġenwini. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni l-ewwel tfakkar – kif stabbilit fil-premessa (136) – li n-natura jew il-kwalità tal-parti li tirċievi self minn CFC ma taffettwax (ir-riskju għal) devjazzjoni artifiċjali dwar l-NTFP miksuba mis-CFC. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma taqbilx li jista' jiġi preżunt li l-fondi mogħtija taħt relazzjoni ta' self kwalifikanti se jintużaw mid-debitur biex jiffinanzja operazzjonijiet kummerċjali ġenwini, filwaqt li l-fondi mogħtija taħt self lil parti terza mhux se jintużaw minn dik il-parti terza biex tiffinanzja operazzjonijiet kummerċjali ġenwini. Dment li d-debitur ikun involut f'operazzjonijiet kummerċjali huwa stess, fiż-żewġ każijiet huwa se juża l-fondi biex jiffinanzja l-operazzjonijiet kummerċjali tiegħu, kemm jekk ikunu investimenti ġodda, akkwiżizzjonijiet jew kwalunkwe skop kummerċjali ieħor. Barra minn hekk, minħabba l-funġibbiltà tal-flus, l-użu aħħari tal-fondi mid-debitur jista' jinbidel maż-żmien fiż-żewġ każijiet u jista' jkun diffiċli ħafna biex jiġi ntraċċat, l-istess bħas-sors tal-finanzjament kif indikat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit f'kuntest differenti (ara l-premessa 155).

(140)

Bħala konklużjoni, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 138 u 139, anke jekk ikun jista' jiġi preżunt li r-relazzjonijiet ta' self kwalifikanti jiffinanzjaw operazzjonijiet kummerċjali ġenwini filwaqt li s-self lil partijiet terzi ma jagħmlux dan – li l-Kummissjoni tikkuntesta – tali differenza fid-destinazzjoni aħħarija u fl-għan tal-fondi pprovduti bħala self minn CFC ma taffettwax il-komparabbiltà ta' dan is-self fid-dawl tal-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC (101).

(141)

B'mod aktar ġenerali, b'rabta mal-ewwel argument tar-Renju Unit, il-Kummissjoni tinnota li NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti huma l-kategorija tal-profitt li hija l-aktar suxxettibbli għal devjazzjoni artifiċjali. L-ewwel nett, minħabba li l-attivitajiet mhux kummerċjali huma aktar mobbli mill-attivitajiet kummerċjali, peress li ġeneralment huma jirrikjedu inqas funzjonijiet u/jew intervent tal-bniedem u huma għalhekk aktar faċli biex jiġu relokati (il-profitti finanzjarji huma primarjament intensivi fil-kapital u l-kapital huwa ħafna aktar mobbli minn, pereżempju, ix-xogħol u għalhekk jista' jitmexxa faċilment). U t-tieni, minħabba li l-gruppi huma sa ċertu punt ħielsa biex jiddeterminaw l-operazzjonijiet finanzjarji interni tagħhom li jużaw taħlita ta' kapital u dejn li tipprovdi l-aktar riżultat favorevoli minn perspettiva tat-taxxa. Dan jispjega wkoll għaliex l-NTFP huwa ġeneralment immirat fil-livell internazzjonali minn regoli dwar is-CFC (102). Pereżempju, l-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa jelenka diversi kategoriji ta' introjtu ta' CFC li għandhom jiġu ntaxxati skont ir-regoli dwar is-CFC, bl-ewwel waħda tkun l-imgħax. L-Artikolu 7(3) ta' dik id-Direttiva jistipula wkoll li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx ir-regola dwar is-CFC jekk terz jew inqas mill-introjtu ta' CFC ikun magħmul minn imgħax u terz jew inqas mill-introjtu mill-imgħax ikun magħmul minn imgħax minn kumpaniji ta' gruppi (ara l-premessa (44)). Dan jimplika li l-introjtu mill-imgħax riċevut minn kumpaniji ta' gruppi jitqies mid-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa bħala l-aktar kategorija ta' introjtu importanti li għandha tkun koperta mir-regoli dwar is-CFC.

(142)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni tirrifjuta l-ewwel argument tar-Renju Unit li NTFP ta' CFC għajr NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti huma per se ddevjati b'mod artifiċjali filwaqt li dan ma jistax jintqal għal NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti, li jfisser li dan l-argument ma jipprovdix bażi biex jiġi aċċettat li dawn jikkonċernaw sitwazzjonijiet li mhumiex legalment u fattwalment komparabbli fid-dawl tal-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tara l-ebda kontradizzjoni ta' din il-konklużjoni mal-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha dwar l-iskema Groepsrentebox Netherlandiża u dwar is-sistema fiskali tal-imgħax għall-gruppi fl-Ungerija. Il-Kummissjoni tosserva li, kif jidher li qed jargumenta r-Renju Unit, l-ebda deċiżjoni ma tikkonferma li s-sistema ta' referenza fil-każ ta' miżura dwar il-kumpaniji li jittrattaw partijiet relatati għandha tkun neċessarjament limitata għal regoli dwar dawk it-tipi ta' tranżazzjonijiet.

6.4.2.2.   L-obbligu li jiġu rrispettati l-libertajiet tat-Trattat għal kategoriji eżentati u mhux eżentati ta' CFC.

(143)

Bit-tieni argument tagħhom, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jidhru li qed jimplikaw li l-entitajiet taxxabbli b'CFC li tikseb NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti jirrikjedu approċċ inqas riġidu mill-entitajiet taxxabbli b'CFC li tikseb NTFP oħra sabiex tiġi żgurata konformità mal-libertajiet tat-Trattati. Fi kliem ieħor, se jkun hemm riskju ta' ksur tal-libertajiet tat-Trattati bħala riżultat tat-tassazzjoni ta' profitti minn arranġamenti ta' self kwalifikanti, jekk ma kinitx teżisti l-eżenzjoni prevista mill-Kapitolu 9. Dan ir-riskju ma jeżistix għat-tassazzjoni ta' NTFP oħra. Għalhekk, dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet ma jkunux komparabbli. F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ifakkru li r-riforma tas-CFC li permezz tagħha ġiet introdotta l-miżura kkontestata, kienet, sa ċertu punt, immotivata mis-sejbiet tal-Qorti f'Cadbury Schweppes. Ir-Renju Unit jissottolinja, b'mod partikolari, id-diffikultajiet li wieħed jiffaċċja meta jipprova jikkonforma mad-deċiżjoni ta' Cadbury Schweppes fin-nuqqas ta' kwalunkwe każistika jew gwida ċara dwar kif jenħtieġ li l-kunċett ta' “arranġamenti kompletament artifiċjali” jiġi applikat u interpretat f'sitwazzjonijiet differenti (103). F'dan ix-xenarju, sabiex jitfassal sett ta' regoli amministrattivi li huwa kompatibbli wkoll mad-dritt tal-Unjoni, il-Kapitolu 9 fih testijiet mekkaniċi u perċentwali fissi stabbiliti fil-livelli li tqiesu sabiex jiġi żgurat li l-profitti miġjuba fil-kamp ta' applikazzjoni tal-imposta ġew identifikati b'mod li huwa konsistenti ma' dik il-ġurisprudenza. Skont ir-Renju Unit, ir-regoli l-ġodda huma mfassla biex inaqqsu r-riskju ta' inklużjoni żejda minħabba li dan jista' jwassal għal sfida tad-dritt tal-Unjoni għar-regoli dwar is-CFC (104).

(144)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma taċċettax it-tieni argument imressaq mir-Renju Unit peress li huwa bbażat fuq konklużjonijiet żbaljati u inkonsistenti meħuda mill-ġurisprudenza tal-Qorti.

(145)

Kif se jintwera fit-taqsima li jmiss (6.4.3) ta' din id-deċiżjoni, it-tneħħija tal-eżenzjoni stabbilita mill-Kapitolu 9 għal NTFP minn QLR, meta l-SPF tkun tinsab fir-Renju Unit, ma tinvolvi ebda riskju ta' ksur tal-libertajiet tat-Trattati. Iżda, fit-taqsima attwali tar-raġunament, il-Kummissjoni se tiffoka fuq l-argument skont liema, ir-riskju ta' ksur tal-libertajiet tat-Trattat se jkun differenti għat-tassazzjoni tat-tipi differenti ta' NTFP.

(146)

Il-Kummissjoni ma taqbilx li (riskju potenzjali għal) ksur tal-libertajiet fit-Trattat jiġi vvalutat b'mod differenti għal CFC li tikseb NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti milli għal CFC li tikseb NTFP oħra, li jfisser li t-tnejn li huma mhumiex f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fid-dawl tal-objettiv tar-regoli dwar is-CFC.

(147)

Is-sentenza ta' Cadbury Schweppes (105) tfakkar każistika preċedenti tal-Qorti fejn ġie ċċarat li l-objettiv segwit mil-libertà tal-istabbiliment huwa li jippermetti ċittadin ta' Stat Membru jistabbilixxi stabbiliment sekondarju fi Stat Membru ieħor sabiex iwettaq l-attivitajiet tiegħu hemmhekk u b'hekk jassisti l-interpenetrazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan il-Komunità. Sabiex il-leġiżlazzjoni tas-CFC tikkonforma mad-dritt Komunitarju, il-Qorti stqarret li l-applikazzjoni tagħha għandha tiġi eskluża fejn, minkejja l-eżistenza ta' motivazzjonijiet ta' natura fiskali, l-inkorporazzjoni ta' CFC tirrifletti realtà ekonomika (106). Dan ifisser li l-inkorporazzjoni tas-CFC għandha tikkorrispondi ma' stabbiliment attwali maħsub biex iwettaq attivitajiet ekonomiċi ġenwini fl-Istat Membru ospitanti (107).

(148)

Il-Kummissjoni ma taqra xejn fis-sentenza ta' Cadbury Schweppes li jappoġġja l-fehma li l-obbligi tal-libertajiet tat-Trattat se jkollhom impatt differenti fuq l-entitajiet taxxabbli b'CFCs li jiksbu NTFP skont il-kwalità u n-natura tad-debitur tas-CFC. Li jgħodd huwa jekk is-CFC innifisha tirriflettix ir-realtà ekonomika u li ma tistax tiġi preżunta bħala preżenti jew nieqsa biss abbażi tan-nazzjonalità tad-debitur jew tar-relazzjoni mad-debitur li jħallas l-imgħax passiv.

(149)

Sa fejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit jargumentaw, kif jidhru li jagħmlu ċerti partijiet interessati, li l-applikazzjoni tal-eżenzjoni kkontestata hija soġġetta għall-kundizzjoni li s-CFC tissodisfa test tal-post tan-negozju li jkun rilevanti għall-finijiet tal-libertajiet tat-Trattat, il-Kummissjoni tinnota li, fi kwalunkwe każ, tali kundizzjoni ma tistax taffettwa l-analiżi ta' komparabbiltà. Dik l-analiżi tirrikjedi evalwazzjoni ta' jekk NTFP minn self lil kumpaniji ta' gruppi barranin humiex fattwalment u legalment komparabbli għall-NTFP minn self ta' parti terza jew minn self lil kumpaniji ta' gruppi tar-Renju Unit fid-dawl tal-objettiv tar-regoli dwar is-CFC u taħt altrimenti kundizzjonijiet ugwali. Dan tal-aħħar huwa rekwiżit ovvju f'kull analiżi ta' komparabbiltà, peress li ż-żieda ta' aspetti f'waħda mis-sitwazzjonijiet u mhux fl-oħra se jaffettwa b'mod inevitabbli l-komparabbiltà taż-żewġ sitwazzjonijiet biex b'hekk l-evalwazzjoni ssir ineffettiva. Fi kliem ieħor, dik il-kundizzjoni tista' tiġi inkluża fl-analiżi ta' komparabbiltà iżda meta tiġi applikata għaż-żewġ partijiet biss, jiġifieri paragun bejn CFC li tissodisfa t-test tal-post tan-negozju li tikseb NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti u CFC oħra li tissodisfa t-test tal-post tan-negozju li tikseb NTFP oħra. F'dak il-każ din tal-ewwel xorta waħda se tiġi ttrattata b'mod aħjar taħt il-miżura kkontestata, minkejja li tinsab f'sitwazzjoni legali u fattwali komparabbli fid-dawl tal-objettiv tar-regoli dwar is-CFC.

(150)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet dwar l-imposti fir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC li jittrattaw speċifikament l-NTFP jiddistingwu bejn, minn naħa, l-entitajiet taxxabbli b'CFC li tikseb NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti, li huma eliġibbli li jagħmlu talba skont il-Kapitolu 9, u, min-naħa l-oħra, l-entitajiet taxxabbli b'CFC li tikseb NTFP minn self passiv ieħor. Fil-fatt, iż-żewġ sitwazzjonijiet huma legalment u fattwalment komparabbli meta wieħed iqis l-objettiv segwit mir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC, li huwa li jipproteġu l-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit billi jintaxxaw il-profitti mill-attivitajiet u mill-assi tar-Renju Unit li jkunu ġew iddevjati b'mod artifiċjali mir-Renju Unit lejn entitajiet assoċjati mhux residenti.

(151)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-miżura kkontestata tikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali skont ir-reġim tas-CFC tar-Renju Unit. Din teħles lil dawk l-entitajiet taxxabbli b'CFC li tikseb NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti li jkunu għamlu talba skont il-Kapitolu 9 milli jkunu soġġetti għall-imposta ta' CFC li normalment tiġġarrab mill-entitajiet taxxabbli b'CFC li tikseb NTFP. Dan ifisser li l-entitajiet taxxabbli kollha li jkunu għamlu talba skont il-Kapitolu 9 ikunu kisbu vantaġġ selettiv prima facie.

6.4.3.   Ġustifikazzjoni skont in-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa

(152)

Miżura li tidderoga mis-sistema ta' referenza xorta waħda tista' tkun iġġustifikata min-natura jew l-istruttura ġenerali ta' dik is-sistema. Dan huwa l-każ jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun jista' juri li l-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta' gwida tas-sistema ta' referenza jew fejn hija r-riżultat ta' mekkaniżmi inerenti meħtieġa għall-funzjonament u l-effettività tas-sistema (108).

(153)

Jenħtieġ li jiġi mfakkar li l-awtoritajiet tar-Renju Unit iġorru l-oneru tal-prova ta' tali ġustifikazzjoni. Għalhekk, minn hawn 'il quddiem il-Kummissjoni se tivverifika jekk l-awtoritajiet tar-Renju Unit urewx l-eżistenza ta' tali ġustifikazzjoni f'dan il-każ. Il-partijiet interessati ma ressqux ġustifikazzjonijiet oħra differenti minn dawk imressqa mir-Renju Unit.

(154)

F'dan ir-rigward, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ressqu essenzjalment żewġ raġunijiet biex jiġġustifikaw in-natura selettiva a priori tal-miżura kkontestata. L-ewwel nett, huma jargumentaw li l-miżura għandha l-għan li tiżgura li s-sistema tista' tiġi ġestita u amministrata kemm għall-HMRC kif ukoll għall-kontribwenti, u, it-tieni nett, huma jargumentaw li l-miżura tiżgura konformità mal-każistika tal-Qorti dwar il-libertajiet fundamentali tal-Unjoni.

6.4.3.1.   F'dak li għandu x'jaqsam mal-allegata ġustifikazzjoni mill-kumplessità tal-intraċċar storiku tal-oriġini tal-fondi

(155)

Fir-rigward tal-ewwel argument, l-awtoritajiet tar-Renju Unit jargumentaw li l-eżenzjoni awtomatika ta' 75 % għandha l-għan li tindirizza d-diffikultà u l-kumplessità inerenti tal-intraċċar storiku tal-oriġini tal-fondi użati biex jiġi ffinanzjat is-self mogħti minn CFC. Dan huwa partikolarment problematiku għall-gruppi multinazzjonali fejn l-arranġamenti finanzjarji ġeneralment jinvolvu xejriet ta' finanzjament kumplessi. L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw f'dan ir-rigward li l-kumpaniji ta' finanzjament tal-grupp spiss jiġu stabbiliti bħala parti minn riorganizzazzjoni jew akkwiżizzjoni kumplessa, li s-self tagħhom spiss kien u jibqa' jiġi ffinanzjat mill-ġdid, ikkonsolidat, skambjat u assenjat mill-ġdid u li huma spiss ikunu azzjonisti f'operazzjonijiet tal-grupp barrani, b'hekk jirċievu distribuzzjonijiet ta' profitt li minnu s-self jista' jiġi ffinanzjat jew iffinanzjat mill-ġdid. Din il-kumplessità fl-intraċċar tal-finanzjament ta' self skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit hija tipika għall-kumpaniji ta' finanzjament tal-grupp ta' kumpaniji multinazzjonali.

(156)

Dawn il-karatteristiċi kollha, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, jagħmlu t-test ta' kapital konness tar-Renju Unit skont il-Kapitolu 5 kumpless u ta' piż biex jiġi applikat għall-kontribwenti tar-Renju Unit skont ir-reġim ta' awtovalutazzjoni, iżda jagħmlu wkoll it-test diffiċli biex jiġi infurzat għall-HMRC.

(157)

L-awtoritajiet tar-Renju Unit spjegaw li, għal dik ir-raġuni, il-leġiżlatur tar-Renju Unit introduċa regola differenti biex jidentifika u jikkwantifika l-profitti ddevjati b'mod artifiċjali fil-każ ta' mgħax passiv li ġej minn relazzjoni ta' self kwalifikanti, li hija aktar faċli biex tiġi applikata u infurzata filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni suffiċjenti tal-bażi għat-taxxa korporattiva tar-Renju Unit f'konformità mal-objettiv tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC. Dik ir-regola differenti skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit tqis li, minflok ma l-imposta ta' CFC tingħaqad ma' finanzjament minn kapital konness tar-Renju Unit li fil-fatt jintraċċa s-sors oriġinali tal-finanzjament, l-imposta ta' CFC hija imposta fuq proporzjon fiss ta' NTFP ta' CFC minn relazzjoni ta' self kwalifikanti.

(158)

Il-proporzjon magħżul f'dan ir-rigward huwa maħsub biex jirrifletti li fin-nuqqas ta' motivazzjonijiet ta' natura fiskali tali finanzjament tal-gruppi ta' CFC kien jiġi ffinanzjat minn taħlita ta' dejn u ekwità, fejn il-finanzjament tad-dejn tas-CFC kien jiġġenera introjtu mill-imgħax għall-kumpanija omm tar-Renju Unit. Fil-kummenti tiegħu, ir-Renju Unit spjega ulterjorment li l-approċċ b'imposta ta' 25 % (eżenzjoni ta' 75 %) ġie adottat wara konsultazzjoni u kunsiderazzjoni tal-firxa wiesgħa ta' proporzjonijiet ta' finanzjament osservati mid-data tas-suq li indikaw dejn preżunt: proporzjon ta' ekwità ta' 1:3 għas-CFCs iffinanzjati kompletament mill-ekwitajiet. F'konformità mal-approċċ magħżul u sabiex tiġi evitata inklużjoni żejda, il-miżura kkontestata tippermetti żieda fl-eżenzjoni ta' 75 % (filwaqt li titnaqqas l-inklużjoni ta' 25 %) f'ċirkostanzi xierqa, pereżempju sal-punt li s-CFC tkun tista' turi, abbażi ta' fatti u ċirkostanzi attwali, li aktar minn 75 % tas-self tagħha huwa sostnut minn fondi li mhumiex ta' oriġini tar-Renju Unit.

(159)

Il-Kummissjoni tinnota li fil-kummenti introduttorji għall-Kapitolu 9, il-Gwida tal-HMRC tikkonferma din l-ispjegazzjoni, li tiddikjara li:

L-eżenzjonijiet għall-NTFPs ipprovduti fi ħdan il-Kapitolu 9 ġew introdotti biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet diffiċli li jirriżultaw bħala riżultat tal-funġibilità tal-flus fi ħdan grupp multinazzjonali. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, ir-regoli jirrappreżentaw indikatur li jistabbilixxi s-sors eżatt u l-istorja (tal-intraċċar) tal-arranġamenti finanzjarji ta' grupp u l-punt sa fejn dawn jiġġarrbu mir-Renju Unit. ”  (109)

(160)

F'dan ir-rigward u fir-rigward tar-regoli kontra l-abbuż, b'mod ġenerali l-Kummissjoni tista' taċċetta li miżura selettiva a priori li tiġi applikata għal każijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat li r-regoli kontra l-evitar tat-taxxa f'dawk il-każijiet ikunu robusti biżżejjed u fl-istess ħin ikunu jistgħu jiġu ġestiti u amministrati, tista' tabilħaqq titqies bħala li ssegwi minn mekkaniżmu neċessarju inerenti għall-funzjonament u l-effettività tar-regoli dwar is-CFC, dment li din tkun tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità (110). Il-miżura selettiva a priori f'dak il-każ tkun iġġustifikata u għalhekk ma tissodisfax il-kundizzjoni li hija relatata mas-selettività tal-vantaġġ ikkonċernat, kif meħtieġ mill-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(161)

Kif iddikjarat fit-Taqsima 2.1.2, huwa konsistenti ma' dawn il-prinċipji li r-regoli dwar is-CFC japplikaw esklużjonijiet ibbażati fuq ir-riskju biex jillimitaw il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-imposti ta' CFC għal sitwazzjonijiet b'riskju għoli għat-teżor tar-Renju Unit għal telf ta' dħul mit-taxxa jew b'potenzjal għoli għall-artifiċjalità. B'mod ugwali, il-Kummissjoni tinnota li l-użu ta' perċentwali ġenerali u regoli mekkaniċi bbażati fuq proporzjonijiet standard minflok issir valutazzjoni ta' kull każ individwalment jista' jkun aċċettabbli taħt ċerti ċirkostanzi, dment li jiġi stabbilit li l-valutazzjoni ta' kull każ individwalment tkun tinvolvi formalitajiet kumplessi, għalja u ta' piż u dment li l-perċentwali u l-proporzjonijiet użati jkunu jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma kinitx kapaċi tirribatti b'mod konklużiv li l-proporzjon magħżul mir-Renju Unit biex jiġi approssimat il-porzjon tal-kapital tas-CFC li ġej mir-Renju Unit kien proporzjonat, u lanqas ma setgħet tidentifika b'suċċess proporzjon differenti aktar xieraq.

(162)

Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet u filwaqt li jitqiesu l-argumenti u l-ispjegazzjoni pprovduti mill-awtoritajiet tar-Renju Unit waqt l-investigazzjoni formali, il-Kummissjoni, sal-punt relatat mat-test ibbażat fuq il-“kapital konness tar-Renju Unit” u sa dak il-punt biss, taċċetta li l-miżura kkontestata tista' titqies bħala li tiżgura li, speċifikament għas-CFCs li jiksbu NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti, ir-regoli dwar is-CFC jistgħu jiġu applikati b'mod amministrattiv, mingħajr ma jitolbu lin-negozji u lill-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit iwettqu eżerċizzji ta' ntraċċar ta' piż sproporzjonat, filwaqt li jiżguraw imposta ta' CFC fuq il-profitti mill-assi tar-Renju Unit li raġonevolment jistgħu jitqiesu bħala ddevjati b'mod artifiċjali mir-Renju Unit. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tqis il-karattru selettiv a priori tal-miżura kkontestata ġġustifikata u għalhekk mhux selettiv, sal-punt li l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-imposta ta' CFC skont il-Kapitolu 5 ikunu bbażati esklussivament fuq it-test ta' kapital konness tar-Renju Unit skont it-Taqsima 371EC tal-Kapitolu 5 tat-TIOPA, li jirrikjedi eżerċizzju ta' ntraċċar ta' piż sproporzjonat.

(163)

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li t-test ibbażat fuq il-“kapital konness tar-Renju Unit” biex jistabbilixxi l-imposta ta' CFC għal NTFP huwa biss wieħed minn żewġ testijiet ġenerali inklużi fil-Kapitolu 5, ħdejn it-test ibbażat fuq l-approċċ ġeneralment applikat fir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC, b'mod partikolari t-test SPF. Il-Kummissjoni tfakkar li t-test addizzjonali ġie inkluż fil-Kapitolu 5 ħdejn it-test SPF ġenerali sabiex jiġi żgurat li imposta ta' CFC xierqa xorta waħda tibqa' dovuta f'sitwazzjonijiet fejn l-NTFP jirriżultaw b'SPF limitat jew fejn l-SPF rilevanti diffiċli jiġu stabbiliti.

(164)

F'sitwazzjonijiet fejn l-imposta ta' CFC hija bbażata fuq l-applikazzjoni tat-test SPF u l-SPF relatati mal-assi u mar-riskji li jwasslu għall-NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti jinsabu fir-Renju Unit, l-applikazzjoni tar-regola mekkanika selettiva a priori stabbilita fil-miżura kkontestata mhix iġġustifikata. F'dawk is-sitwazzjonijiet, ma hemm l-ebda mekkaniżmu inerenti li jagħmel l-applikazzjoni ta' regola mekkanika neċessarja għall-funzjonament u l-effettività tar-regoli dwar is-CFC.

(165)

Il-Gwida tal-HMRC għar-regoli dwar is-CFC tiddiskuti l-post tal-SPF fil-każ ta' NTFP u turi li tali regola mekkanika mhix meħtieġa:

“It-teħid ta' deċiżjonijiet attivi dwar ir-riportament ta' self intragrupp kbir jista' jiġi ppjanat u deċiż minn kumpanija tat-teżor ta' grupp barranija, iżda l-ippjanar u d-deċiżjoni oriġinali biex l-investiment jiġi strutturat permezz ta' self intragrupp se jibqgħu fattur importanti. Għal self strutturali sinifikanti fi grupp multinazzjonali mmexxi mir-Renju Unit relatat ma' akkwiżizzjoni pereżempju normalment aħna nistennew li l-SPF ewlieni jkun fir-Renju Unit anke meta l-funzjonijiet finanzjarji tal-grupp/teżor ikunu jinsabu f'post ieħor. Id-disponibbiltà u l-forma tal-finanzjament se jkunu parti importanti tal-proċess ta' evalwazzjoni tal-investiment li jirrikjedi l-involviment taċ-ċentru ta' operazzjonijiet, anke meta ċ-ċentri reġjonali u d-diviżjonijiet ikollhom awtonomija konsiderevoli devoluti lilhom.”  (111)

(166)

Is-suppożizzjoni ġenerali li l-SPF relatati mal-NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti, ġeneralment se tkun funzjoni finanzjarja tal-grupp, fejn din tirrigwarda self interkorporattiv medju u fit-tul akbar, issegwi wkoll minn parti oħra tal-Gwida tal-HMRC, li tiddiskuti jekk jenħtieġx li tali kontribwenti jagħmlux talba biex japplikaw il-miżura kkontestata:

“L-aspettattiva tagħna hija li għal self medju u fit-tul akbar iffinanzjat minn ekwità, l-SPF relatati mal-ħolqien tas-self u, f'ħafna każijiet, il-ġestjoni kontinwa tas-self se tkun funzjoni finanzjarja tal-grupp (jiġifieri l-funzjonament li jinvolvi l-kontabilità, it-taxxa, it-teżor, il-finanzi korporattivi u t-timijiet ta' fużjonijiet u ta' akkwiżizzjonijiet jew operazzjoni ċentrali simili) minflok it-tim tat-teżor tal-grupp waħdu. L-esperjenza wriet li dan it-tip ta' self huwa ppjanat u mmaniġġjat miċ-‘ċentru’. Is-sellief attwali jista' jitqies bħala li ħa d-deċiżjoni li jsellef, iżda f'ħafna każijiet ma jkunx beda jew wettaq l-ippjanar għal strutturi ta' finanzjament tal-intragrupp.

Għalhekk, affermazzjonijiet li l-SPF rilevanti jitwettqu mis-sellief jew korpi oħra barra l-funzjoni finanzjarja tal-grupp f'tali sitwazzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal skrutinju bir-reqqa. Għal self strutturali kbir l-aspettattiva tagħna hija li ħafna mill-SPF jekk mhux l-SPF kollha jkunu jinsabu fir-Renju Unit. ”  (112).

(167)

Għalhekk, l-operazzjonijiet ta' finanzjament interkorporattivi, il-finanzjament ta' proġetti barranin speċifiċi u tipi oħra ta' self strutturat normalment se jirrikjedu teħid ta' deċiżjonijiet u funzjonijiet ta' monitoraġġ operazzjonali. U barra minn hekk, huwa raġonevoli li jiġi preżunt li l-SPF rilevanti għal dawn it-tipi ta' relazzjonijiet ta' self kwalifikanti se jkunu marbutin mill-qrib mal-post tal-funzjoni finanzjarja fi ħdan grupp multinazzjonali.

(168)

Jenħtieġ li jiġi enfasizzat ukoll li la l-awtoritajiet tar-Renju Unit u lanqas il-partijiet interessati ma allegaw li se jkun diffiċli li tiġi ntraċċata l-funzjoni tal-persuni sinifikanti għal NTFP u li l-eżenzjonijiet stabbiliti mill-Kapitolu 9 se jkunu ġġustifikati mill-ħtieġa li jiġi evitat l-eżerċizzju ta' ntraċċar ta' piż dwar il-lokalizzazzjoni tal-SPF.

(169)

Fil-qosor, il-Kummissjoni taċċetta l-ġustifikazzjoni mressqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit li l-miżura kkontestata tevita eżerċizzji ta' ntraċċar ta' piż sproporzjonat li jistgħu jitqiesu bħala li jsegwu minn mekkaniżmu inerenti neċessarju għall-funzjonament u l-effettività tar-regoli dwar is-CFC. Madankollu, din il-ġustifikazzjoni tapplika biss jekk imposta ta' CFC skont il-Kapitolu 5 tkun ibbażata biss fuq it-test ta' “kapital konness tar-Renju Unit”. Il-Kummissjoni tirrifjuta din il-ġustifikazzjoni meta imposta ta' CFC skont il-Kapitolu 5 tkun tista' tiġi applikata u stabbilita mingħajr l-ebda piż sproporzjonat bl-applikazzjoni tar-regoli ta' attribuzzjoni normali skont it-test SPF.

6.4.3.2.   Fir-rigward tal-allegata ġustifikazzjoni mill-ħtieġa li ssir konformità mal-libertajiet tat-Trattat

(170)

Peress li l-Kummissjoni tqis il-miżura kkontestata bħala parzjalment iġġustifikata u għalhekk, għal dik il-parti, mhux selettiva, kif miġbur fil-qosor fil-premessa preċedenti, din għandha tivvaluta biss jekk it-tieni argument imressaq mill-awtoritajiet tar-Renju Unit – konformità mal-libertajiet tat-Trattat – jistax jipprovdi ġustifikazzjoni għan-natura selettiva a priori tal-miżura kkontestata li mhix iġġustifikata skont l-ewwel argument. Għalhekk, il-mistoqsija li għandha titwieġeb hija jekk, għall-entitajiet taxxabbli b'CFC li tikseb NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti, l-obbligu skont id-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit biex ma japplikax miżuri li jirrestrinġu l-libertà tal-istabbiliment tal-impriżi residenti tiegħu, jistax jiġġustifika l-applikazzjoni tal-miżura kkontestata biex tiġi stabbilita l-imposta ta' CFC, minflok jiġu applikati t-testijiet ġenerali skont il-Kapitolu 5, jekk din tkun tikkonċerna sitwazzjoni fejn l-SPF relatati għall-NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti jkunu jinsabu fir-Renju Unit. Il-Kummissjoni ma tqisx li dan huwa l-każ.

(171)

Il-ġbir ta' taxxa fuq il-profitti ta' sussidjarji barranin biss sa fejn ikun attribwibbli għall-assi u l-attivitajiet domestiċi ma jimponix restrizzjoni għal-libertà tal-istabbiliment peress li jsegwi l-istess prinċipji bħal dawk sottostanti għall-AOA dwar l-attribuzzjoni tal-profitti ta' entità barranija għal stabbiliment permanenti domestiku. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-prinċipju ta' distakkament. Dan huwa tabilħaqq il-mod kif taħdem l-analiżi tal-SPF fir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC. Dan jiżgura imposta ta' CFC fuq il-profitti ta' CFC iżda huwa limitat għal dawk il-profitti li ġew iddevjati b'mod artifiċjali lil hinn mir-Renju Unit, fejn l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni ta' tali profitti ddevjati b'mod artifiċjali huma bbażati fuq test li l-ewwel jidentifika liema SPF rilevanti għall-ġenerazzjoni tal-profitti ta' CFC jinsabu fir-Renju Unit, u sussegwentement jissoġġetta dik il-parti biss tal-profitti ta' CFC għal imposta ta' CFC li hija proporzjonata għall-SPF rilevanti li jkunu jinsabu fir-Renju Unit. Minħabba dan l-effett fuq test SPF, jenħtieġ li imposta ta' CFC ibbażata fuq tali test fil-prinċipju tkun konformi mad-dispożizzjonijiet fid-dritt tal-Unjoni dwar il-libertà tal-istabbiliment skont id-definizzjoni u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Qorti għall-kunċett ta' abbuż.

(172)

Fil-fatt, il-konklużjoni li ħarġet mill-premessa preċedenti hija konsistenti mat-tfassil tal-Artikolu 7 tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa, li jobbliga lill-Istati Membri jintroduċu regola dwar is-CFC fil-leġiżlazzjoni domestika tagħhom. Kif spjegat fil-premessa 43, dik id-Direttiva tagħti lill-Istati Membri żewġ għażliet għat-tfassil tar-regola dwar is-CFC tagħhom. L-ewwel għażla tikkonċerna regola li timmira tipi speċifiċi ta' profitt li – jekk ikun soġġett għal taxxa baxxa – jenħtieġ li jiġi ntaxxat skont ir-regola dwar is-CFC. Dik ir-regola hija kkombinata ma' “klawżola ta' ħruġ” fl-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa: “Dan il-punt ma għandux japplika fejn il-kumpannija barranija kkontrollata twettaq attività ekonomika sostantiva appoġġata minn persunal, tagħmir, assi u proprjetajiet, kif jixhdu l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti.” L-għan ta' dik il-klawżola huwa li tiżgura konformità mal-libertajiet tal-Unjoni skont id-definizzjoni u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Qorti għall-kunċett ta' abbuż. It-tieni għażla tikkonċerna regola li hija bbażata fuq it-test SPF, li tiddikjara li l-profitti ta' CFC li ġejjin minn SPF imwettqa fl-Istat Membru li jikkontrolla għandhom ikunu soġġetti għal imposta ta' CFC, l-istess bħar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC. Mhuwiex żball li l-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa (il-klawżola ta' ħruġ), ma japplikax għal din it-tieni għażla. Ir-raġuni hija li l-leġiżlatura tal-UE kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal tali klawżola ta' ħruġ sabiex tiġi żgurata konformità mal-libertajiet tal-Unjoni għal regola dwar is-CFC ibbażata fuq l-SPF għar-raġunijiet eżattament l-istess spjegati fil-premessa preċedenti (113).

(173)

Peress li l-ġbir ta' imposta ta' CFC ibbażata fuq it-test SPF ġenerali skont il-Kapitolu 5 ma jimponix restrizzjoni għal-libertà tal-istabbiliment tal-Unjoni, it-tieni argument tar-Renju Unit li l-miżura kkontestata se tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata konformità mal-libertajiet tat-Trattat huwa irrilevanti u ma jistax jiġġustifika trattament selettiv a priori f'dawk is-sitwazzjonijiet.

(174)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura kkontestata tipprovdi vantaġġ selettiv a priori lill-kontribwenti korporattivi tar-Renju Unit li jikkontrollaw CFC li tikseb NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti f'sitwazzjonijiet fejn SPF rilevanti għall-NTFP ikunu jinsabu fir-Renju Unit u li vantaġġ selettiv a priori ma jistax jiġi ġġustifikat mill-ħtieġa li jkun hemm regoli kontra l-abbuż li jkunu jistgħu jiġu amministrati u ġestiti, u lanqas mill-ħtieġa li jkun hemm konformità mal-libertajiet tat-Trattat. Peress li l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-partijiet interessati ma ressqu l-ebda raġuni oħra biex jiġġustifikaw il-vantaġġ selettiv a priori u, peress li waqt l-investigazzjoni formali tagħha, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni oħra għal ġustifikazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura kkontestata – sal-punt deskritt f'din il-premessa – ma tistax titqies bħala li ġejja direttament mill-prinċipji bażiċi jew ta' gwida intrinsiċi tar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC u lanqas bħala li hija r-riżultat ta' mekkaniżmi inerenti meħtieġa għall-funzjonament u l-effettività ta' dik is-sistema. Għalhekk, sa dak il-punt, il-miżura kkontestata ma tistax tiġi ġġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali tas-sistema ta' referenza.

6.4.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' vantaġġ selettiv

(175)

Għar-raġunijiet stabbiliti f'din it-Taqsima, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura kkontestata tagħti vantaġġ selettiv lill-kontribwenti korporattivi tar-Renju Unit li jiddevjaw b'mod artifiċjali NTFP miksuba minn relazzjoni ta' self kwalifikanti lil CFC sal-punt li l-SPF rilevanti għall-NTFP ikunu jistgħu jiġu identifikati u jkunu jinsabu fir-Renju Unit, billi teħlishom mill-imposta ta' CFC li altrimenti dawk il-kontribwenti kienu jkunu obbligati li jħallsu skont is-sistema ordinarja għall-ġbir ta' imposta ta' CFC skont ir-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC.

6.4.5.   Il-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni

(176)

Il-benefiċjarji tal-iskema inkwistjoni huma entitajiet tar-Renju Unit li jikkontrollaw CFC li tikseb NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti sakemm din tapplika għal profitti finanzjarji mhux kummerċjali minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti, liema profitti jaqgħu fit-Taqsima 371EB (attivitajiet tar-Renju Unit) tat-TIOPA. Il-Kummissjoni tinnota li dawk l-entitajiet kollha jifformaw parti minn grupp multinazzjonali peress li kemm is-CFC kif ukoll il-kumpanija jew il-kumpaniji ta' gruppi barranin li jiġu ffinanzjati mir-relazzjoni ta' self kwalifikanti għandhom ikunu taħt kontroll komuni tar-Renju Unit.

6.5.   Konklużjoni dwar l-eżistenza tal-għajnuna

(177)

Fid-dawl tal-analiżi fit-Taqsimiet 6.1 sa 6.4, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura kkontestata tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tal-iskema deskritta fil-premessa (176) kif ukoll lill-gruppi multinazzjonali li jappartjenu għaliha. Il-vantaġġ selettiv huwa imputabbli għar-Renju Unit u huwa ffinanzjat mir-riżorsi tal-Istat, iwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u jista' jaffettwa l-kummerċ fl-Unjoni. L-iskema inkwistjoni għalhekk tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

(178)

Minħabba li l-miżura kkontestata toħloq tnaqqis fl-ispejjeż li normalment jenħtieġ li jitħallsu mill-benefiċjarji matul l-operazzjonijiet kummerċjali annwali tagħhom, għandha titqies li tagħti għajnuna operatorja lill-benefiċjarji u lill-gruppi multinazzjonali li jappartjenu għalihom.

(179)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-bidliet li seħħew fl-iskema waqt il-proċedura ta' investigazzjoni formali, imsemmija fit-Taqsima 2.3, jiżguraw li, mill-1 ta' Jannar 2019, ma tistax issir talba għall-applikazzjoni tal-miżura kkontestata fir-rigward ta' NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti li ġejjin minn assi u riskji li fir-rigward tagħhom SPF rilevanti jitwettqu fir-Renju Unit. Peress li dawn l-emendi jagħmluha konformi mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda oġġezzjoni għar-reġim emendat li ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2019.

6.6.   L-illegalità tal-għajnuna

(180)

Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-Istati Membri huma obbligati jinformaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe pjan li jagħtu għajnuna (obbligu ta' notifika) u ma jistgħux idaħħlu fis-seħħ ebda miżura ta' għajnuna proposta sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni ta' pożizzjoni finali dwar l-għajnuna kkonċernata (obbligu ta' status quo).

(181)

Il-miżura kkontestata ddaħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013, ferm wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat fir-Renju Unit, u ma tissodisfa l-ebda waħda mir-raġunijiet l-oħra biex ġiet ikklassifikata bħala għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 1(b) tar-Regolament ta' Proċedura (UE) 2015/1589. Għalhekk hija tikkostitwixxi skema ta' għajnuna ġdida.

(182)

Il-Kummissjoni tinnota li r-Renju Unit ma nnotifikax l-intenzjoni tiegħu li jagħti għajnuna taħt il-miżura kkontestata u lanqas ma rrispetta l-obbligu ta' sospensjoni li kellu taħt l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Għalhekk, il-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna illegali skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament (UE) 2015/1589.

6.7.   Il-kompatibbiltà tal-għajnuna

(183)

L-għajnuna mill-Istat għandha titqies kompatibbli mas-suq intern jekk taqa' f'xi waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(2) tat-Trattat u tista' titqies kompatibbli mas-suq intern jekk il-Kummissjoni jirriżultalha li taqa' f'xi waħda mill-kategoriji elenkati fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat. Madankollu, huwa l-Istat Membru li jagħti l-għajnuna li jerfa' r-responsabbiltà li jagħti prova li l-għajnuna mill-Istat mogħtija minnu hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2) jew (3) jew l-Artikolu 106(2) tat-Trattat.

(184)

La r-Renju Unit u lanqas kwalunkwe parti interessata ma invokaw l-ebda waħda mir-raġunijiet għal sejba ta' kompatibbiltà tal-miżura kkontestata.

(185)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma ssib l-ebda raġuni għall-kompatibbiltà tal-miżura kkontestata. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-premessa (178), jenħtieġ li l-iskema inkwistjoni titqies li tagħti għajnuna operatorja. Bħala regola ġenerali, tali għajnuna normalment ma tistax titqies kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat minħabba li ma tiffaċilitax l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti oqsma ekonomiċi. Barra minn hekk, il-vantaġġi mogħtija skont il-miżura kkontestata mhumiex limitati fiż-żmien, digressivi jew proporzjonati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi rimedjat nuqqas tas-suq ekonomiku speċifiku jew sabiex jiġi ssodisfat kwalunkwe objettiv ta' interess ġenerali fl-oqsma kkonċernati.

(186)

Konsegwentement, l-iskema inkwistjoni, sal-punt li din tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, hija inkompatibbli mas-suq intern.

7.   IRKUPRU TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(187)

Skont it-Trattat u l-każistika stabbilita tal-Qorti, ladarba l-Kummissjoni tikkwalifika miżura bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli, din hija kompetenti biex titlob lill-Istat Membru jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti preċedentement fis-suq. Dan isir permezz ta' rkupru tal-għajnuna mill-Istat (114) u billi titneħħa l-miżura ta' għajnuna (115).

(188)

Għaldaqstant, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 jistabbilixxi obbligu fuq il-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli. Dik id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna llegali li tinstab li hija inkompatibbli mas-suq intern. L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589 jistabbilixxi li l-għajnuna għandha tiġi rkuprata, inkluż l-imgħax mid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru effettiv tagħha. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 jelabora l-metodi li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-imgħax ta' rkupru (116). Finalment, l-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2015/1589 isostni li l-“irkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f'konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssir b'mod immedjat u effettiv”.

(189)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li l-miżura kkontestata ma baqgħetx fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2019.

7.1.   L-ebda aspettattiva leġittima

(190)

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 jipprevedi wkoll li l-Kummissjoni m'għandhiex teħtieġ li jsir irkupru tal-għajnuna jekk dan imur kontra xi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

(191)

Għalkemm la l-awtoritajiet tar-Renju Unit u lanqas l-ebda parti interessata ma ressqu l-ebda argument espliċitu li jenħtieġ li l-irkupru jiġi evitat mill-prinċipju ta' aspettattivi leġittimi, il-Kummissjoni xorta waħda se tivvaluta l-applikazzjoni eventwali tiegħu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li fl-2009 u l-2010, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu f'kuntatt mas-servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tar-regoli dwar is-CFC (117). Dan kien jikkonċerna skambju ta' ittri formali relatati mal-kwistjoni ta' jekk l-emendi li saru mir-Renju unit għar-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC il-qodma (ta' qabel l-2013) kinux qed jindirizzaw kif xieraq l-obbligu tar-Renju Unit li jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti fil-kawża ta' Cadbury Schweppes, kif imsemmi minn waħda mill-partijiet interessati.

(192)

Il-prinċipju tal-protezzjoni ta' aspettattivi leġittimi jikkonċerna kwalunkwe persuna li jista' jkollha aspettattivi li huma ġġustifikati u b'bażi soda, li tkun irċeviet assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti mill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni. Dawk l-assigurazzjonijiet iridu jingħataw skont ir-regoli applikabbli (118).

(193)

Fil-każ inkwistjoni, l-iskambju ta' ittri bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit fil-kuntest imsemmi fil-premessa (191) ma jistax jitqies bħala li jipprovdi assigurazzjoni preċiża u ikundizzjonata dwar il-konformità tal-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. L-iskambju ma seħħx fil-kuntest tad-diskussjoni tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u ċertament mhux fil-kuntest ta' proċedura formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat. Id-diskussjonijiet dwar ic-CFC kienu relatati mal-kawża ta' Cadbury Schweppes li tikkonċerna ksur potenzjali tal-libertà tal-istabbiliment mis-CFC. Konsegwentement, ma setgħet tingħata l-ebda assigurazzjoni lir-Renju Unit jew lill-benefiċjarji tal-iskema fil-kuntest ta' dawn l-ittri dwar in-nuqqas ta' għajnuna mill-Istat fir-rigward tar-regoli dwar is-CFC introdotti fl-2013 jew - b'mod aktar speċifiku - il-miżura kkontestata.

7.2.   L-ebda ksur ta' prinċipji fundamentali oħra tad-dritt tal-Unjoni

(194)

Fir-rigward tat-tħassib imqajjem minn xi partijiet interessati li l-irkupru jista' jwassal għal ksur tal-libertajiet tat-Trattat, il-Kummissjoni tfakkar li l-obbligu tagħha li tinforza konformità ta' miżura ta' taxxa mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tat-Trattat qatt ma jista' jwassal għal riżultat li jmur kontra dispożizzjonijiet speċifiċi oħra tat-Trattat (119). L-obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat li hija konsistenti ma' dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat huwa ferm aktar meħtieġ fejn dawk id-dispożizzjonijiet l-oħra jkunu jirrigwardaw ukoll l-objettiv ta' kompetizzjoni mhux distorta fis-suq intern, kif jagħmel l-Artikolu 49 tat-Trattat billi jfittex li jippreserva l-libertà tal-istabbiliment u l-kompetizzjoni libera bejn l-operaturi ekonomiċi ta' Stat Membru stabbiliti fi Stat Membru ieħor u l-operaturi ekonomiċi ta' dan l-aħħar Stat Membru (120).

(195)

Madankollu, kif stabbilit fil-premessi 170 sa 174, l-għajnuna illegali mogħtija lill-benefiċjarji billi tiġi stabbilita eżenzjoni minn imposta ta' CFC mhix iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet abbażi tal-libertà tal-istabbiliment, minħabba li l-ġbir ta' tali imposta fih innifsu ma jiksirx dik il-libertà. Konsegwentement, peress li l-ġbir ta' dik l-imposta ma jiksirx il-libertà tas-suq intern imsemmija, it-talba tal-irkupru tal-imposta ta' CFC korretta mill-kumpaniji li jibbenefikaw mill-miżura kkontestata ma tistax titqies bħala ksur ta' dik il-libertà. L-irkupru tal-imposta ta' CFC predeterminata minn dawk il-kumpaniji li japplikaw l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi huwa meħtieġ biex jerġgħu jiġu assigurati l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Peress li l-kwalifikazzjoni tal-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi bħala għajnuna li għandha tiġi rkuprata hija konsistenti bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li qed ifittxu li jippreservaw il-libertajiet fundamentali, il-Kummissjoni ma tqisx li l-irkupru tal-għajnuna għandu jiġi evitat minn prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (121).

(196)

L-ebda prinċipju ġenerali ieħor ma ġie invokat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit jew mill-partijiet interessati u fil-każ inkwistjoni ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' tali ksur.

(197)

Bħala konklużjoni, ma hemm l-ebda raġuni jew argument li jistgħu jipprevjenu jew jillimitaw l-irkupru tal-għajnuna mogħtija permezz tal-applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni.

7.3.   Metodoloġija għall-istabbiliment tal-ammont ta' għajnuna għall-irkuprar

(198)

L-għan tal-irkupru huwa li jreġġa' lura s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq intern qabel ma l-għajnuna kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju (122). F'dan il-kuntest, il-Qorti ddikjarat li dak l-objettiv jintlaħaq ladarba l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija permezz ta' għajnuna illegali, biex b'hekk iċedi l-vantaġġ li kien gawda fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta' qabel il-pagament tal-għajnuna (123).

(199)

L-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tirrikjedi lill-Kummissjoni, meta tordna l-irkupru ta' għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, biex tikkwantifika l-ammont eżatt tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata. Minflok, huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi informazzjoni li tagħti s-setgħa lid-destinatarju tad-deċiżjoni biex jikkalkola dak l-ammont huwa stess mingħajr wisq diffikultà. (124)

(200)

Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat illegali fil-forma ta' miżuri tat-taxxa jew imposti oħra, jenħtieġ li l-ammont li għandu jiġi rkuprat jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' tqabbil bejn l-ammont ta' taxxa fil-fatt imħallas u l-ammont li kellu jitħallas li kieku ġiet applikata r-regola ġeneralment applikabbli. Sabiex jinkiseb ammont ta' taxxa li kien jitħallas li kieku l-benefiċjarji msemmija fil-premessa (176) ma applikawx il-miżura kkontestata, jenħtieġ li l-awtoritajiet tar-Renju Unit jivvalutaw mill-ġdid l-obbligazzjoni tat-taxxa tal-entitajiet li jibbenefikaw mill-miżura kkontestata għal kull sena tat-taxxa li matulha huma jkunu bbenefikaw minn dik il-miżura. L-entitajiet inkwistjoni huma entitajiet residenti tar-Renju Unit li jikkontrollaw CFC li tikseb NTFP minn relazzjoni ta' self kwalifikanti sal-punt li l-SPF rilevanti għall-assi u r-riskji li jwasslu għall-NTFP ikunu jinsabu fir-Renju Unit, dment li dawk l-entitajiet ikunu għamlu pretensjoni kif deskritt fit-Taqsima 371IJ tal-Kapitolu 9.

(201)

Jenħtieġ li l-ammonti tal-għajnuna li jridu jiġu rkuprati mingħand kull benefiċjarju jqisu:

l-ammont ta' taxxa ffrankat bħala konsegwenza tal-pretensjoni kif deskritt fit-Taqsima 371IJ tal-Kapitolu 9, u

l-imgħax kompost fuq dak l-ammont ikkalkulat mid-data li fiha l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji. Għal kull sena tat-taxxa, l-għajnuna titqies għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju mill-jum li fih it-taxxa mhux imħallsa kienet tkun dovuta fin-nuqqas tat-talba.

(202)

Jenħtieġ li l-ammont ta' taxxa ffrankat f'sena tat-taxxa speċifika jiġi kkalkulat bħala:

l-imposta ta' CFC fuq NTFP minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti, li kienet tkun inkluża fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-kumpanija li kieku ma saritx it-talba deskritta fit-Taqsima 371IJ tal-Kapitolu 9, nieqes

l-imposta ta' CFC li fil-fatt inġabret fuq dawk l-istess profitti.

(203)

Jenħtieġ li l-imposta ta' CFC li kienet tapplika għal benefiċjarju, li kieku l-benefiċjarju ma għamilx it-talba deskritta fit-Taqsima 371IJ tal-Kapitolu 9, tiġi kkalkulata fuq il-bażi tas-sistema ta' taxxa korporattiva ġenerali tar-Renju Unit li tinkludi r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC applikabbli fir-Renju Unit fiż-żmien li l-għajnuna titqies bħala mogħtija u fir-rigward tas-sitwazzjoni fattwali u legali attwali tal-benefiċjarju. Jenħtieġ li sitwazzjonijiet alternattivi ipotetiċi bbażati fuq ċirkostanzi operazzjonali u legali differenti li benefiċjarju seta' għażel li kieku l-benefiċjarju ma tħalliex jagħmel it-talba deskritta fit-Taqsima 371IJ tal-Kapitolu 9 ma jitqisux (125).

(204)

L-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna illegali u inkompatibbli jkopri s-snin kontabilistiċi 2013 sal-aħħar sena kontabilistika li fiha kull benefiċjarju jkun għamel użu mill-miżura ta' għajnuna. Il-Kummissjoni tqis li l-iskema kienet fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2018. Mid-data tan-notifika ta' din id-deċiżjoni, billi jivvalutaw id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tal-entitajiet taxxabbli, l-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom jirrifjutaw kwalunkwe talba magħmula skont it-Taqsima 371IJ tal-Kapitolu 9 għal eżenzjoni sħiħa jew parzjali sakemm l-SPF relatati mal-assi u mar-riskji li jwasslu għal NTFP ikunu jinsabu fir-Renju Unit.

8.   KONKLUŻJONI

(205)

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni ssib li r-Renju Unit implimenta l-miżura kkontestata b'mod illegali għall-benefiċċju ta' ċerti kumpaniji residenti tar-Renju Unit bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Il-Kummissjoni ssib ukoll li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, sakemm din tapplika għal profitti finanzjarji mhux kummerċjali minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti, liema profitti jaqgħu taħt it-Taqsima 371EB (attivitajiet tar-Renju Unit) tat-TIOPA. Bis-saħħa tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2015/1589 ir-Renju Unit huwa meħtieġ jirkupra l-għajnuna kollha mogħtija lill-benefiċjarji tal-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iskema ta' eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi, inkluża fl-Atti dwar it-Taxxi bħall-Kapitolu 9 tal-Parti 9 A tal-Att dwar it-Tassazzjoni (Internazzjonali u Dispożizzjonijiet Oħra) 2010, tikkostitwixxi għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, sakemm din tapplika għal profitti finanzjarji mhux kummerċjali minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti, liema profitti jaqgħu taħt it-Taqsima 371EB (attivitajiet tar-Renju Unit) tal-Parti 9 A tat-TIOPA. Din ma tikkostitwixxix għajnuna meta tiġi applikata għal profitti finanzjarji mhux kummerċjali minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti li jaqgħu taħt it-Taqsima 371EC (investimenti kapitali mir-Renju Unit) tal-Parti 9 A tat-TIOPA u li ma jaqgħux taħt it-Taqsima 371EB (attivitajiet tar-Renju Unit) tal-Parti 9 A tat-TIOPA. Sa fejn l-iskema ta' eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi tikkostitwixxi għajnuna, din tifforma “skema ta' għajnuna” skont it-tifsira tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament (UE) 2015/1589. L-għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta' għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern u ddaħlet fis-seħħ b'mod illegali mir-Renju Unit bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

Artikolu 2

1.   Ir-Renju Unit għandu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli kollha mogħtija taħt l-iskema ta' għajnuna mill-benefiċjarji ta' dik l-għajnuna.

2.   Is-somom li jridu jiġu rkuprati għandu jkollhom l-imgħax mid-data li fiha jkunu tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju inkwistjoni sal-irkupru effettiv tagħhom. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, l-għajnuna titqies li titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, fir-rigward ta' kull sena, fil-jum li fih it-taxxa predeterminata għal dik is-sena tat-taxxa bħala riżultat tal-iskema ta' għajnuna tkun dovuta fin-nuqqas tal-iskema ta' għajnuna.

3.   L-imgħax fuq l-ammonti li jridu jiġu rkuprati għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.

4.   Ir-Renju Unit għandu jikkanċella l-pagamenti pendenti kollha ta' għajnuna mogħtija taħt l-iskema ta' għajnuna, u ma għandux jibqa' jagħti l-benefiċċju tal-iskema ta' għajnuna b'effett mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

5.   L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal għajnuna li tingħata fuq il-bażi tal-miżura kkontestata jekk, fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna, din tkun issodisfat il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (126).

Artikolu 3

1.   L-irkupru tal-għajnuna skont l-Artikolu 2 għandu jkun immedjat u effettiv.

2.   Ir-Renju Unit għandu jiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata bis-sħiħ fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, ir-Renju Unit għandu jissottometti l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni:

(a)

lista tal-benefiċjarji li rċevew għajnuna skont l-iskema ta' għajnuna;

(b)

lista tal-kontribwenti li applikaw l-eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi għal profitti finanzjarji mhux kummerċjali minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti li jaqgħu taħt it-Taqsima 371EC (investimenti kapitali mir-Renju Unit) tal-Parti 9 A tat-TIOPA u li ma jaqgħux taħt it-Taqsima 371EB (attivitajiet tar-Renju Unit) tal-Parti 9 A tat-TIOPA;

(c)

għal kull benefiċjarju, l-imposta ta' CFC tabilħaqq mitluba biex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà tal-benefiċjarju skont id-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiva, għal kull sena tat-taxxa li huwa jkun applika l-eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi, kif ukoll il-forom rilevanti ta' dikjarazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu korporattiva (127);

(d)

għal kull benefiċjarju, l-imposta ta' CFC li kienet tintalab li kieku huwa ma applikax l-eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi, inklużi kalkoli sottostanti, għal kull sena tat-taxxa li l-benefiċjarju jkun applika l-eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi;

(e)

l-ammont totali ta' għajnuna u l-kalkolu ddettaljat tiegħu (l-ammont tal-għajnuna prinċipali u l-imgħax ta' rkupru) li għandu jiġi rkuprat minn kull benefiċjarju;

(f)

dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jroddu lura l-għajnuna.

2.   Għal kull benefiċjarju, ir-Renju Unit għandu jipprovdi lill-Kummissjoni evidenza ta' sostenn li turi kif ġie kkalkulat il-punt sa fejn il-profitti finanzjarji mhux kummerċjali minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti jaqgħu taħt it-Taqsima 371EB tal-Parti 9 A tat-TIOPA.

3.   Għal kull kontribwent, imsemmi fil-paragrafu (1)(b) ta' dan l-Artikolu, ir-Renju Unit għandu jipprovdi lill-Kummissjoni evidenza ta' sostenn li turi li l-profitti finanzjarji mhux kummerċjali minn relazzjonijiet ta' self kwalifikanti jaqgħu taħt it-Taqsima 371EC tal-Parti 9 A tat-TIOPA u ma jaqgħux taħt it-Taqsima 371EB tal-Parti 9 A tat-TIOPA.

4.   Ir-Renju Unit għandu jżomm lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm ikun tlesta l-irkupru tal-għajnuna skont l-Artikolu 2. Fuq talba mill-Kummissjoni, huwa għandu jissottometti immedjatament informazzjoni dwar il-miżuri nazzjonali diġà meħuda u dwar dawk li huma previsti li jittieħdu, sabiex jikkonforma ma' din id-Deċiżjoni, inkluża informazzjoni ddettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u l-imgħax ta' rkupru diġà rkuprati mill-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Margrethe VESTAGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 400, 24.11.2017, p. 10.

(2)  Intbagħtu talbiet addizzjonali għal informazzjoni permezz ta' ittra tal-11 ta' Marzu 2014, tal-4 ta' Ġunju 2015 u tad-19 ta' Diċembru 2016.

(3)  Regoli dwar l-eżenzjoni mid-distribuzzjoni ġew introdotti fl-Att Finanzjarju tal-2009 u l-eżenzjoni mill-profitti tal-fergħa barranija ġiet introdotta fl-Att Finanzjarju tal-2011.

(4)  Ara https://www.gov.uk/government/publications/the-corporation-tax-road-map

(5)  Skont ir-reġim tas-CFC tar-Renju Unit, kwalunkwe kumpanija residenti f'pajjiż ieħor li mhuwiex ir-Renju Unit u li tkun ikkontrollata minn persuna waħda jew aktar tar-Renju Unit hija CFC. Kontroll mir-residenti tar-Renju Unit normalment huwa eżerċitat mill-kumpaniji, iżda jistgħu jitqiesu wkoll l-interessi ta' individwi jew ta' fiduċjarji sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja barranija hix CFC. Il-kontroll jista' jkun legali, ekonomiku jew kontroll kontabilistiku. Dan jista' jkun dirett jew indirett: jekk kumpanija residenti tar-Renju Unit tikkontrolla kumpanija A mhux residenti tar-Renju Unit, li min-naħa tagħha tikkontrolla kumpanija B mhux residenti tar-Renju Unit, f'dak il-każ kemm A kif ukoll B huma CFCs. It-Taqsima 371RG tat-TIOPA wessgħet id-definizzjoni ta' kontroll sabiex jitqiesu l-interessi ta' kumpaniji assoċjati mhux residenti meta jiġi kkunsidrat jekk kumpanija barranija hijiex CFC.

(6)  HM Treasury, Consultation on Controlled Foreign Companies (CFC) reform (Konsultazzjoni dwar ir-riforma ta' Korporazzjonijiet Ikkontrollati Minn Barra l-Pajjiż (CFC)), Ġunju 2011, il-premessa 1.12.

(7)   Ibidem, il-premessa 2.4.

(8)  Diskussjonijiet għar-regoli dwar is-CFC attwali tqajmu fil-kuntest ta' ħafna intrapriżi multinazzjonali li qed imexxu l-kwartieri ġenerali tagħhom lil hinn mir-Renju Unit: il-Pjan Direzzjonali tat-Taxxa Korporattiva 2010 stqarr li “ Wasal iż-żmien li nreġġgħu lura din ix-xejra ” billi s-sistema ta' taxxa tar-Renju Unit terġa' tiġi stabbilita bħala assi. Il-Gvern tar-Renju Unit identifika r-riforma tas-CFC b'mod partikolari bħala “ prijorità tan-negozju multinazzjonali tagħna u pass ewlieni fil-pjanijiet tal-Gvern biex terġa' tinbena l-kompetittività ”.

(9)  Ir-Renju Unit diġà kellu regoli dwar is-CFC qabel l-2013 li kienu bbażati fuq kunċett kompletament differenti. Id-dispożizzjonijiet tas-CFC il-qodma ma kienx fihom eżenzjoni għall-finanzjament tal-gruppi internazzjonali.

(10)  HMRC Internal Manual, International Manual, INTM190000, https://www.gov.uk/hmrc-internal-manuals/international-manual/intm190000.

(11)  It-terminu “profitti totali taxxabbli preżunti” huwa terminu ddefinit li jirreferi essenzjalment għal dak li l-profitti taxxabbli totali tar-Renju Unit kienu taħt ir-regoli dwar it-taxxa korporattiva tar-Renju Unit, li kieku s-CFC kienet resident tar-Renju Unit.

(12)  Fil-każ ta' negozji fis-settur finanzjarju, l-identifikazzjoni ta' funzjonijiet ta' teħid ta' riskju intraprenditorjali ewlenin (“KERT”) hija ċentrali għal din l-analiżi.

(13)  It-Taqsima 371DA(3)(f) tat-TIOPA.

(14)  Ara HM Treasury, Consultation on Controlled Foreign Companies (CFC) reform (Konsultazzjoni dwar ir-riforma ta' Korporazzjonijiet Ikkontrollati Minn Barra l-Pajjiż (CFC)), Ġunju 2011.

(15)  Dibattitu tal-House of Commons, tal-Public Bill Committee, tal-Liġijiet tal-Finanzi, 19 ta' Ġunju 2012, PBC (Bill 001) 2012-2013, p. 466 (dikjarazzjoni tas-Segretarju tal-Finanzi (Exchequer Secretary) għat-Teżor).

(16)  Il-Kapitolu 9 tat-TIOPA jipprovdi regola alternattiva fakultattiva għal ċerti profitti li normalment ikunu koperti taħt ir-regoli tal-gateway ta' imposta ta' CFC tal-Kapitolu 5, iżda mhuwiex formalment parti mill-gateway ta' imposta ta' CFC.

(17)  L-għan tagħha huwa li teskludi s-CFCs li minkejja li ma jilħqu l-ebda waħda mill-eżenzjonijiet fil-livell ta' entità x'aktarx ma jiksbux profitti ddevjati b'mod artifiċjali (sinifikanti) b'mod relattivament sempliċi sabiex il-kost tal-amministrazzjoni tar-reġim tas-CFC jinżamm kemm jista' jkun baxx. Il-kundizzjonijiet huma relattivament sempliċi billi jsegwu approċċ ibbażat fuq ir-riskju li jiffaċilita l-awtovalutazzjoni mingħajr l-ebda rekwiżit speċjali għal dokumentazzjoni. Il-prinċipju sottostanti ta' devjazzjoni artifiċjali li jirriżulta meta jkun hemm separazzjoni tal-assi u tar-riskji mill-attività sottostanti li tappoġġja ż-żamma ta' dawk l-assi mill-grupp huwa evidenti hawnhekk. Pereżempju, fir-rigward tal-profitti kummerċjali, is-CFC m'għandhiex għalfejn tidentifika l-preżenza ta' profitti taxxabbli jekk ma jkollhiex assi u ma ġġorr l-ebda riskju li huwa ġestit jew ikkontrollat mill-attivitajiet tar-Renju Unit. Bl-istess mod, fir-rigward ta' profitti finanzjarji mhux kummerċjali, pereżempju, jekk 5 % jew inqas ta' profitti ta' CFC jappartjenu għal dik il-kategorija (sfera ta' sikurezza ta' 5 %), huma jitqiesu bħala inċidentali għall-profitti tan-negozju u jiġu esklużi mill-Kapitolu 5 skont il-Kapitolu 3 tal-Parti 9 A tat-TIOPA.

(18)  It-Taqsima 371CA (1) sa (11) tat-TIOPA. Il-profitti tan-negozju tal-proprjetà huma kompletament esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-gateway ta' imposta ta' CFC u mid-definizzjoni ta' profitti kontabilistiċi għall-finijiet tal-eżenzjonijiet fil-livell ta' entità fil-Kapitoli 10 sa 14, ara HMRC Internal Manual, International Manual, INTM248550.

(19)  Il-Kapitolu 7 tal-Parti 9 A tat-TIOPA jittratta l-profitti miksuba mis-CFCs li jwettqu negozju ta' assigurazzjoni captive. Il-Kapitolu 8 tal-Parti 9 A tat-TIOPA, fl-aħħar nett, jittratta l-profitti miksuba mis-CFCs akkumulati minn ċerti sussidjarji ta' kumpaniji finanzjarji regolati. Il-Kapitoli 15 sa 22 tal-Parti 9 A tat-TIOPA jinkludu diversi regoli operattivi u amministrattivi, bħal regoli biex tiġi evitata taxxa doppja, regoli dwar il-kontroll, definizzjonijiet u diversi regoli oħra rilevanti għall-applikazzjoni xierqa tar-regoli dwar is-CFC mill-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit.

(20)  HMRC, CFC reform: response to consultation (Riforma tas-CFC: tweġiba għall-konsultazzjoni), Diċembru 2011, Sommarju Eżekuttiv, punti ewlenin.

(21)  It-Taqsima 371DA tat-TIOPA, ara wkoll l-HMRC Internal Manual, International Manual, INTM200100 “ Il-Kapitolu 4 jipprovdi mekkaniżmu biex jiġi ddeterminat il-punt sa fejn kwalunkwe wieħed mill-profitti totali preżunti tas-CFC […] jgħaddi mill-gateway ta' imposta ta' CFC (‘Kapitolu 4 profitti’) u għalhekk huma potenzjalment soġġetti għall-ħlas CFC minħabba attivitajiet speċifiċi tar-Renju Unit li ppermettew lis-CFC tagħmel dawk il-profitti ”.

(22)  HMRC Internal Manual, International Manual, INTM200100 kif ukoll INTM197200: “ Il-Kapitolu 4 se japplika għall-profitti kummerċjali u jġibhom barra l-pajjiż fil-kamp ta' applikazzjoni tal-imposta ta' CFC […] fejn is-CFC qiegħda tiddevja l-profitti mir-Renju Unit permezz ta' separazzjoni tal-assi u tar-riskji mill-attività sottostanti li tappoġġja ż-żamma ta' dawk l-assi mill-grupp, jew li neċessarjament tkopri dak ir-riskju ”.

(23)  It-Taqsima 371DA(3)(f) tat-TIOPA. Ara wkoll HMRC Internal Manual, International Manual, INTM200300.

(24)  HMRC Internal Manual, International Manual, INTM203310, jiddikjara li “ Bħall-Kapitolu 4, il-Kapitolu 5 jidentifika NTFP minn assi li huma posseduti mis-CFC u profitti mir-riskji allokati għas-CFC f'sitwazzjonijiet fejn il-funzjonijiet tal-persuni sinifikanti (SPF) rilevanti jitwettqu fir-Renju Unit ” u fuq din il-bażi l-Kapitolu 5 jimporta ħafna mit-testijiet li jinvolvu passi mill-Kapitolu 4.

(25)  Pereżempju, l-applikazzjoni tat-test tal-Kapitolu 4 lil ċerti profitti finanzjarji kummerċjali ta' CFC tista' twassal għall-konklużjoni li l-ebda profitt ma jgħaddi mill-gateway ta' imposta ta' CFC fuq il-bażi tal-Kapitolu 4. Iżda din il-konklużjoni ma teskludix il-possibbiltà li xi profitti finanzjarji kummerċjali jew dawk il-profitti finanzjarji kummerċjali kollha jistgħu jgħaddu mill-gateway ta' imposta ta' CFC – u b'hekk isiru profitti taxxabbli – fuq il-bażi tal-Kapitolu 6.

(26)  Sussidjarja barranija involuta fi tranżazzjoni finanzjarja interkorporattiva inċidentali waħda jew aktar se jkollha tapplika t-testijiet tal-Kapitolu 5 biex tivvaluta jekk imposta ta' CFC tapplikax filwaqt li sussidjarja involuta fl-attivitajiet tat-teżor ta' grupp attiv għandha tapplika l-Kapitolu 4 ġenerali jew il-Kapitolu 6 li jittratta speċifikament il-profitti finanzjarji kummerjċali.

(27)  CFC li tikseb kemm NTFP kif ukoll tipi oħra ta' profitt jaf tkun teħtieġ ukoll tapplika kapitoli oħra dwar l-imposti, iżda CFC li tikseb biss NTFP hija ttrattata esklussivament fil-Kapitoli 5 u 9.

(28)  Dan it-test huwa tabilħaqq simili ħafna għat-test applikat taħt il-Kapitolu 4 biex tiġi vvalutata d-devjazzjoni artifiċjali ta' “profitti oħra” ta' CFC, essenzjalment profitti tan-negozju normali. B'mod partikolari, it-test dwar jekk NTFP minn assi posseduti mis-CFC u minn riskji allokati għas-CFC humiex relatati ma' SPF rilevanti li jitwettqu fir-Renju Unit, jirreferi għall-prinċipji mill-approċċ tal-OECD awtorizzat, kif stabbilit fir-Rapport tal-2010 dwar l-Attribuzzjoni tal-Qligħ lil Stabbilimenti Permanenti. Għalhekk, dan jinkludi wkoll it-terminu funzjonijiet KERT, li jintuża għal negozji fis-settur tal-intrapriża finanzjarja.

(29)  Konsegwentement, jekk CFC tikseb introjtu mill-imgħax mis-self, fejn it-teħid tad-deċiżjonijiet rilevanti u l-funzjonijiet superviżorji relatati mal-għoti u l-ġestjoni tas-self u l-pagamenti tal-imgħax jitwettqu mir-Renju Unit, l-introjtu mill-imgħax se jitniżżel fir-regoli dwar is-CFC u jiġi ntaxxat fir-Renju Unit.

(30)  Il-kapital konness tar-Renju Unit huwa ddefinit bħala kwalunkwe kontribuzzjoni diretta jew indiretta, formali jew informali ta' kapital minn kumpanija konnessa tar-Renju Unit fis-CFC kif ukoll kwalunkwe ammont ta' profitti ta' CFC li ġew identifikati bħala “profitti ddevjati b'mod artifiċjali” għal kwalunkwe perjodu kontabilistiku bikri u issa qed jintużaw biex jiffinanzjaw self sussegwenti tas-CFC.

(31)  Dawn iż-żewġ testijiet speċifiċi addizzjonali jħarsu lejn jekk l-NTFP jirriżultax minn arranġamenti minflok dividendi għall-kumpaniji residenti tar-Renju Unit jew arranġament dwar kirjiet finanzjarji tar-Renju Unit.

(32)  Skont it-test speċifiku tal-Kapitolu 6, il-profitti finanzjarji kummerċjali ta' CFC jgħaddu mill-gateway ta' imposta ta' CFC sa fejn dawn ikunu ffinanzjati b'ekwità eċċessiva minn kontribuzzjonijiet tal-kapital konness tar-Renju Unit. Filwaqt li l-gateway għall-NTFP tal-Kapitolu 5 tuża l-kriterju usa' ta' kwalunkwe finanzjament ta' kapital konness tar-Renju Unit għat-test alternattiv tiegħu, it-test speċifiku fil-Kapitolu 6 għal profitti finanzjarji kummerċjali huwa bbażat fuq “kapital mingħajr eċċess” tas-CFC, jiġifieri l-kapital fuq dak li tkun raġonevolment mistennija li jkollha kieku ma kinitx 51 % sussidjara ta' kumpanija oħra (Taqsima 371FA tat-TIOPA). Huwa biss f'ċirkostanzi ta' finanzjament ta' ekwità eċċessiva minn kapital konness tar-Renju Unit li l-profitti preżunti se jgħaddu minn din il-gateway u jsiru soġġetti għal imposta ta' CFC.

(33)  Tali kumpanija se tkun qiegħda topera b'mod effettiv b'mod simili għal bank għall-konsumatur: volum għoli ta' tranżazzjonijiet, introjtu u nfiq kbir, attività ta' ħħeġġjar. Attività ta' self strutturali se tkun iffinanzjata fil-biċċa l-kbira minn depożiti fi grupp u, b'mod ġenerali, se tagħmel profitt abbażi tal-marġnijiet bejn l-attivitajiet ta' self u t-teħid ta' depożiti.

(34)  Sabiex jiġi ddeterminat jekk CFC hijiex “kumpanija tat-teżor ta' grupp”, it-Taqsima 316(5) sa (11) tat-TIOPA.

(35)  It-Taqsima 371CE(2) tat-TIOPA.

(36)  Ara l-premessa (36).

(37)  Ir-riżorsi kwalifikanti huma dak is-self tas-CFC li mhuwiex marbut direttament jew indirettament ma' fondi ta' grupp usa' u jinkludu l-profitti tas-CFC li jirriżultaw mill-għoti b'self lil membri rilevanti tal-grupp CFC li jintuża biss għall-finijiet tan-negozju tal-grupp CFC fit-territorju rilevanti, jew fondi jew assi oħra rċevuti mis-CFC b'rabta mal-ishma miżmuma mis-CFC fi, jew maħruġa mis-CFC lil, membri tal-grupp CFC (ara t-Taqsima 371IB tat-TIOPA).

(38)  It-Taqsima 371IE tat-TIOPA. Skont ir-regola ta' mgħax imqabbel, kwalunkwe imposta ta' CFC li tibqa' wara l-applikazzjoni tal-eżenzjoni parzjali jew sħiħa, hija limitata fil-livell tal-ispejjeż tal-imgħax nett tar-Renju Unit fi ħdan il-grupp tar-Renju Unit. Il-limitu jipprevjeni imposta ta' CFC meta l-membri tar-Renju Unit tal-grupp, f'termini aggregati, ikollhom introjtu finanzjarju nett li huwa daqs jew akbar mit-tnaqqis finanzjarju nett tagħhom (HMRC Internal Manual, International Manual, INTM216100).

(39)  Id-dipartiment tal-Gvern tar-Renju Unit responsabbli għall-ġbir ta' taxxi huwa magħruf bħala Her Majesty's Revenue and Customs (“HMRC”).

(40)  HMRC Internal Manual, International Manual, INTM216100.

(41)  Ittra tar-Renju Unit bid-data tal-15 ta' Jannar 2018, il-paragrafu 58.

(42)  Il-punt 6 tal-Minuti tal-laqgħa tal-grupp ta' ħidma ta' Assi Monetarji tas-CFC tal-4 ta' Frar 2011.

(43)  It-Taqsima 371IG tat-TIOPA tiddeskrivi regoli ta' ntraċċar biex jiġi identifikat meta self ipprovdut minn CFC huwa relazzjoni ta' self kwalifikanti, filwaqt li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet fejn il-parti li fil-bidu tirċievi s-self tuża l-fondi biex tipprovdi self innifsu (ir-regola ta' “debitur finali”). Ara wkoll HMRC Internal Manual, International Manual, INTM217100.

(44)  Ara HMRC Internal Manual, International Manual, INTM216100. Barra minn hekk, ġie ddikjarat ukoll li l-inklużjoni ta' din l-eżenzjoni għandha l-għan li jkollha rata tat-taxxa baxxa fissa applikabbli fuq il-finanzjament intragrupp li f'ħafna sitwazzjonijiet “ iwassal għal rata tat-taxxa korporattiva effettiva tar-Renju Unit fuq il-profitti barranin tal-finanzjament intragrupp ta' 5,75 % sas-sena 2014 ”. Konsultazzjoni tal-HMRC dwar ir-riforma tas-CFC, Ġunju 2011 fl-1.10.

(45)  It-Taqsima 371DG tat-TIOPA. L-HMRC ippubblika gwida addizzjonali dwar it-tħaddim tat-test fil-kuntest speċifiku tal-Kapitolu 9 u l-NTFP (HMRC Internal Manual, International Manual, INTM216650).

(46)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta' Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (ĠU L 193, 19 ta' Lulju 2016, p. 1).

(47)  http://www.legislation.gov.uk/ukpga/2019/1/pdfs/ukpga_20190001_en.pdf

(48)  Dan jikkonċerna pereżempju d-definizzjoni ta' kontroll, taxxa baxxa u profitti ttrasferiti iżda wkoll dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-kalkolu tal-profitti ta' CFC u l-prevenzjoni ta' taxxa doppja.

(49)  OECD (2013), Action Plan on Base Erosion and Profit Shifting (Pjan ta' Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti), OECD Publishing. http://dx.doi.org/10.1787/9789264202719-en

(50)  OECD (2015), Designing Effective Controlled Foreign Company Rules, Action 3 - 2015 Final Report (It-tfassil ta' Regoli Effettivi dwar il-Korporazzjonijiet Ikkontrollati Minn Barra l-Pajjiż, Azzjoni 3 - Rapport Finali 2015), Proġett tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti, OECD Publishing, Pariġi. http://dx.doi.org/10.1787/9789264241152-en

(51)  OECD (2015), Designing Effective Controlled Foreign Company Rules, Action 3 - 2015 Final Report (It-tfassil ta' Regoli Effettivi dwar il-Korporazzjonijiet Ikkontrollati Minn Barra l-Pajjiż, Azzjoni 3 - Rapport Finali 2015), il-paragrafu 85, nota f'qiegħ il-paġna 12. Ir-rapport ma jagħmel l-ebda referenza għal eżenzjonijiet speċjali fir-regoli dwar is-CFC għal introjtu ta' finanzjament ta' grupp.

(52)  Id-Direttiva (UE) 2016/1164. Skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw u japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mill-1 ta' Jannar 2019.

(53)  L-Artikolu 8 tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa juri aktar il-mod li bih għandhom jiġu kkalkulati l-profitti ta' CFC.

(54)  B'effett mill-14 ta' Ottubru 2015, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta' Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, 24.9.2015, p. 9), irrevoka u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 659/1999 tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1). Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għar-Regolament (KE) Nru 659/1999 tinftiehem bħala referenza għar-Regolament (UE) 2015/1589 u tinqara f'konformità mat-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II għall-aħħar regolament.

(55)  Madankollu l-awtoritajiet tar-Renju Unit jinnotaw li anke fil-każ ta' sistema ta' referenza aktar ristretta, jiġifieri r-reġim tas-CFC tar-Renju Unit, l-eżitu tal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat se jkun l-istess jekk l-objettivi jiġu ddefiniti b'mod korrett.

(56)  Il-Kawża T-287/11 Heitkamp BauHolding GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2016:60 u l-Kawża T-620/11 GFKL Financial Services AG vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2016:59.

(57)  L-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddeskrivu l-approċċi alternattivi li tqiesu fiż-żmien tal-implimentazzjoni tar-riforma tar-regoli dwar is-CFC, għar-regoli dwar is-CFC attwali ppromulgati fl-2013. L-awtoritajiet tar-Renju Unit jispjegaw ukoll għaliex ma ntgħażlet l-ebda waħda minn dawn l-għażliet alternattivi (ittra tar-Renju Unit bid-data tat-22 ta' Marzu 2018, Taqsima 4).

(58)  Ittra tar-Renju Unit datata 15 ta' Jannar 2018 bi tweġiba għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-Kummissjoni Ewropea fil-premessa 106.

(59)  Fil-każ ta' self upstream, il-kumpanija ta' grupp residenti tar-Renju Unit tista' tnaqqas l-ispejjeż tal-imgħax fuq dan is-self mill-profitti tagħha filwaqt li l-introjtu mill-imgħax fuq l-investiment ma jiġix intaxxat (jew ikun soġġett għal taxxa baxxa) fil-livell tas-CFC. F'din is-sitwazzjoni, ir-Renju Unit iqis li l-kombinazzjoni tan-nontassazzjoni tal-NTFP fil-livell tas-CFC, u t-tnaqqis tal-imgħax fir-Renju Unit joħloq theddida għat-teżor tar-Renju Unit. Ir-Renju Unit iqis li ma hemm l-ebda raġuni kummerċjali valida li l-finanzi minn kumpanija residenti tar-Renju Unit jiġu strutturati permezz ta' CFC minflok ma l-flus jissellef direttament lill-kumpanija l-oħra tar-Renju Unit. Għalhekk, kemm l-għan kif ukoll l-effett tal-arranġament finanzjarju huwa li l-introjtu mill-imgħax mir-Renju Unit jiġi ddevjat b'mod artifiċjali u b'hekk jinkiseb benefiċċju fuq it-taxxa tar-Renju Unit. Bl-istess mod, skont l-awtoritajiet tar-Renju Unit, fil-każ tal-kaxex tal-flus, il-probabbiltà li l-profitti jkunu tassew iddevjati b'mod artifiċjali u l-impatt fuq il-bażi tat-taxxa tar-Renju Unit huma sostanzjali.

(60)  Ittra tar-Renju Unit datata 3 ta' Lulju 2018, Anness punt 3.

(61)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/809/KE tat-8 ta' Lulju 2009 dwar l-iskema Groepsrentebox li l-Olanda qiegħda tippjana li timplimenta (C 4/07 (ex N 465/06)) (ĠU L 288, 4.11.2009, p. 26).

(62)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/95/KE tat-28 ta' Ottubru 2009 dwar għajnuna mill-Istat C 10/07 (ex NN 13/07) implimentata mill-Ungerija għal tnaqqis ta' taxxa fuq l-imgħax li jgħaddi bejn kumpaniji tal-istess grupp (ĠU L 42, 17.2.2010, p. 3).

(63)  Ittra tar-Renju Unit datata tal-15 ta' Jannar 2018, il-premessa 119.

(64)  Il-Kawża C-196/04, Cadbury Schweppes plc u Cadbury Schweppes Overseas Ltd. vs Commissioners of Inland Revenue, ECLI:EU:C:2006:544.

(65)  Il-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, ECLI:EU:C:2011:732.

(66)  Ara l-Kawża C-399/08 P Il-Kummissjoni vs Deutsche Post ECLI:EU:C:2010:481, punt 38 u l-każistika msemmija fih.

(67)  Ara l-Kawża C-399/08 P Il-Kummissjoni vs Deutsche Post ECLI:EU:C:2010:481, punt 39 u l-każistika msemmija fih.

(68)  Ara l-Kawżi Magħquda C-106/09 P u C-107/09 P Il-Kummissjoni vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit ECLI:EU:C:2011:732, punt 72 u l-każistika msemmija fihom.

(69)  Ara l-Kawża 730/79 Phillip Morris ECLI:EU:C:1980:209, punt 11 u l-Kawżi Magħquda T-298/97, T-312/97 eċċ. Alzetta ECLI:EU:T:2000:151, punt 80.

(70)  L-ikklirjar jista' jinkiseb taħt proċedura ta' kklirjar mhux statutorju fejn l-HMRC jista' jipprovdi ċertezza lil kumpanija residenti tar-Renju Unit dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-CFC għas-sett ta' fatti partikolari tagħhom, is-sejbien ta' soluzzjoni għall-każijiet ta' dubju qabel it-tlestija tal-awtovalutazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-taxxa mill-kumpanija residenti tar-Renju Unit (ara wkoll il-premessa 46). It-talba ta' tali kklirjar hija volontarja. Din mhix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-miżura u ma tikkostitwixxix miżura ta' implimentazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament (UE) 2015/1589.

(71)  Ara l-Kawżi Magħquda C-182/03 u C-217/03, Il-Belġju u Forum 187 ASBL vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2006:416, punt 82; Il-Kawża C-248/84, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1987:437, punt 18; u l-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1999:311, punt 48.

(72)  Il-Kawża C-143/99 Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke ECLI:EU:C:2001:598, punt 41.

(73)  Il-Kawża 173/73, L-Italja vs Il-Kummissjoni ECLI:EU:C:1974:71, punt 13.

(74)  Ara l-Kawża C-66/02 L-Italja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:2005:768, punt 78; Il-Kawża C-222/04 Cassa di Risparmio di Firenze et ECLI:EU:C:2006:8, punt 132; Il-Kawża C-522/13 Ministerio de Defensa u Navantia, ECLI:EU:C:2014:2262, punti 21 sa 31.

(75)  HMRC Internal Manual, International Manual, INTM203410. It-Taqsima 371EB tat-TIOPA, li tirreferi għaliha l-Gwida, hija d-dispożizzjoni fil-Kapitolu 5 li fiha t-test SPF, li jippreskrivi imposta ta' CFC sal-punt li l-NTFP tas-CFC ikunu ġejjin minn SPF rilevanti li tkun tinsab fir-Renju Unit.

(76)  Il-Kawża C-374/17 Finanzamt B vs A-Brauerei ECLI:EU:C:2018:1024, punti 35 u 36.

(77)  Ara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-premessa 61. Il-Kummissjoni ressqet sistema ta' referenza aktar ristretta alternattiva magħmula mill-Kapitoli 3, 5 u 9 tat-TIOPA fin-nota 52 ta' qiegħ il-paġna tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Il-Kummissjoni mhix qiegħda ssegwi din is-sistema ta' referenza aktar ristretta.

(78)  Ittra tar-Renju Unit datata 22 ta' Marzu 2018.

(79)  Il-Kawża C-374/17, Finanzamt B vs A-Brauerei, ECLI:EU:C:2018:1024, punt 37.

(80)  Madankollu, ir-Renju Unit jeħtieġ li jirrispetta l-limiti stabbiliti mill-QĠUE fejn regola kontra l-abbuż tista' tippreżenta limitazzjoni għal-libertà tal-istabbiliment tal-UE.

(81)  It-test ta' komparabbiltà mhuwiex test proprju. Dan għandu dejjem isir fid-dawl tal-objettiv tas-sistema ta' referenza, li fil-fatt hija l-punt ta' riferiment, u għalhekk ta' importanza primarja, ara l-kawża C-203/16 P, Dirk Andres vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:C:2018:505, b'mod partikolari punti 86 u 89.

(82)  Il-Kawża C-374/17, Finanzamt B vs A-Brauerei, ECLI:EU:C:2018:1024, punt 33.

(83)  Ara d-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-premessa 61.

(84)  Ara t-Taqsima 371CC tat-TIOPA.

(85)  Jekk CFC tikseb esklussivament NTFP, din tkun esklussivament koperta mill-Kapitoli 5 u 9 li jinkludu wkoll test SPF, li madankollu huwa kemxejn differenti. Jekk CFC tikseb esklussivament profitti tan-negozju tal-proprjetà, din mhix koperta mir-regoli dwar is-CFC minħabba li tali profitti min-natura tagħhom ma jistgħux jiġu ddevjati mir-Renju Unit.

(86)  Ara t-Taqsima 371DB tat-TIOPA. Ir-regoli dwar is-CFC ibbażati fuq l-attribuzzjoni tal-profitt lil funzjonijiet tal-persuni speċjali huma rikonoxxuti sew kemm fir-regolamenti internazzjonali kif ukoll f'dawk tal-UE dwar id-dispożizzjonijiet tas-CFC. L-aħħar rapport tal-OECD dwar il-BEPS OECD (2015) Final Report on Action 3 (Rapport Finali tal-OECD dwar l-Azzjoni 3 (2015)) dwar it-tfassil effettiv tar-regoli dwar is-CFC pereżempju jenfasizza li ħafna ġurisdizzjonijiet Ewropej jiddependu, jew jiddependu parzjalment, fuq test ibbażat fuq is-sustanza li janalizza jekk is-CFC hix involuta f'attivitajiet sostanzjali billi juża varjetà ta' prokuri, b'mod partikolari jekk l-introjtu tas-CFC ġiex separat mis-sustanza sottostanti, inklużi l-assi u r-riskji tal-proprjetajiet tal-persuni. Ir-Rapport jenfasizza li irrispettivament mit-testijiet użati, il-mistoqsija fundamentali li tappartjeni għas-sustanza hija “ jekk is-CFC kinitx kapaċi tikseb l-introjtu nnifsu ” – f'konformità mal-objettiv tat-test SPF. Billi jiddiskuti l-aħjar prattika għat-tfassil ta' analiżi tas-sustanza, ir-Rapport jitlob li jsir test li jeżamina “ il-funzjonijiet sinifikanti [kollha] mwettqa mill-entitajiet fi ħdan il-grupp ” biex jiddetermina jekk is-CFC hijiex l-entità l-aktar probabbli li jkollha s-sjieda ta' assi partikolari, jew jieħu riskji partikolari jekk l-entitajiet ma jkunux relatati. Ir-Rapport ka r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC bħala eżempju ta' dan it-test SPF li jiddikjara li r-regoli tar-Renju Unit dwar is-CFC “ użaw il-kunċetti u l-gwida żviluppati mill-OECD għall-Artikolu 7 biex jiġu identifikati l-funzjonijiet tal-persuni sinifikanti tal-grupp assoċjati ma' kull assi, sabiex ikun jista' jiġi ddeterminat jekk is-CFC twettaqx dawk il-funzjonijiet ”. F'livell Ewropew, il-preambolu għad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 ifakkar li hija “ tweġiba proporzjonata għat-tħassib tal-BEPS ” li “ r-regoli dwar is-CFC tagħhom jiġu limitati għall-introjtu li jkun ġie ddevjat b'mod artifiċjali għas-sussidjarja preċiżament sitwazzjonijiet fil-mira fejn ħafna mill-funzjonijiet tat-teħid ta' deċiżjonijiet li ġġeneraw introjtu ddevjat fil-livell tas-sussidjarja kkontrollata jitwettqu fl-Istat Membru tal-kontribwenti ”.

(87)  HMRC Internal Manual, International Manual, INTM200200.

(88)  Ara pereżempju HMRC Internal Manual, International Manual, INTM210200.

(89)  Filwaqt li huwa minnu li l-Kapitolu 4 ma japplikax għal CFC li tikseb esklussivament NTFP, f'liema każ japplika biss il-Kapitolu 5, dan ma jaffettwax din il-konklużjoni, peress li, fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-Kapitolu 5 jirreplika t-test SPF tal-Kapitolu 4 kif spjegat fil-premessi 121 u 122.

(90)  L-applikazzjoni tat-test SPF skont il-Kapitolu 4 issir permezz ta' metodu ta' 8 passi (Taqsima 371DB(1) tat-TIOPA). II-Kapitolu 5 jirreferi lura għall-Kapitolu 4 u jirrikjedi li jittieħdu wħud mill-passi tal-Kapitolu 4; speċifikament il-passi 1 sa 5 u 7 biex jiġi ddeterminat sa fejn l-NTFP jaqgħu fil-Kapitolu 5. Il-passi 6 u 8 ma jittieħdux minħabba li l-leġiżlatur tar-Renju Unit qies li dawk il-passi ma kinux rilevanti għall-NTFP.

(91)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C-106/09 P u C107/09 P, ECLI:EU:2011:732, punt 75. Ara wkoll is-Sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tal-21 ta' Diċembru 2016, Il-Kummissjoni Ewropea vs World Duty Free Group SA et, C-20/15 P u C-21/15 P, ECLI:EU:C:2016:981, punt 54.

(92)  NTFP tfisser introjtu mill-imgħax li ma jkunx inkiseb minn kummerċ jew negozju finanzjarju. dan jinkludi introjtu mill-imgħax minn investimenti ta' portafoll passivi, imgħax miksub fuq depożitu bankarju jew imgħax miksub fuq self inċidentali għal partijiet relatati jew mhux relatati.

(93)  It-Taqsima 371IG(1) tat-TIOPA.

(94)  F'dan ir-rigward, NTFP oħrajn jistgħu jkunu ġejjin minn self lil gruppi ta' kumpaniji tar-Renju Unit, jew minn self lil partijiet terzi.

(95)  Ara l-premessa 66.

(96)  Ara l-premessa 71.

(97)  Ittra tar-Renju Unit datata 15 ta' Jannar 2018 bi tweġiba għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ fil-premessa 116.

(98)  Ittra tar-Renju Unit datata 15 ta' Jannar 2018 bi tweġiba għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ fil-premessa 117.

(99)  F'dan ir-rigward, ara HMRC, International Manual, INTM217190: “ Jekk CFC tagħmel self b'terminu twil lill-kumpanija tat-teżor residenti fir-Renju Unit, li min-naħa tagħha tuża l-fondi biex tagħmel serje ta' self b'terminu qasir lil membri oħra tal-grupp, f'dak il-każ l-NTFPs tas-CFC x'aktarx jaqgħu fil-Kapitolu 5 u, jekk issir talba skont il-Kapitolu 9, jeħtieġ li jitqiesu r-regoli tad-debitur finali.

(100)  L-erożjoni tal-bażi tista' tkun distinta minn devjazzjoni artifiċjali tal-profitti (jew trasferiment tal-profitti) fis-sens li din tal-ewwel tittratta l-erożjoni tal-bażi għat-taxxa tal-pagatur minn tnaqqis eċċessiv, filwaqt li din tal-aħħar tinnegozja mar-riċevitur tal-introjtu li jnaqqas il-bażi għat-taxxa tiegħu billi jiddevja b'mod artifiċjali dak l-introjtu barra mill-pajjiż. Din tal-ewwel ġeneralment tiġi ttrattata b'regoli dwar il-limitazzjoni tal-imgħax (ara pereżempju l-Artikolu 4 tad-Direttiva kontra l-Evitar tat-Taxxa), filwaqt li r-regoli dwar is-CFC jindirizzaw din tal-aħħar.

(101)  Id-dispożizzjonijiet li jiddefinixxu d-“debitur finali” (ara n-nota f'qiegħ il-paġna 43) ma jaffettwawx din il-konklużjoni, peress li ma fihom l-ebda kundizzjoni għall-użu (kummerċjali) tal-fondi mid-debitur skont l-arranġament ta' self, minbarra d-dispożizzjonijiet dwar self ta' fondi mislufa.

(102)  Ir-Rapport dwar il-BEPS tal-G20/OECD dwar l-Azzjoni 3 jistipula li fil-paragrafu 78: “ It-tħassib ġenerali sottostanti għat-trattament tal-imgħax u l-introjtu finanzjarju huwa li dan l-introjtu jkun faċli biex jiġi ttrasferit u għalhekk seta' jiġi ttrasferit mill-kumpanija omm fis-CFC, li possibbilment iwassal għal ingranaġġ żejjed tal-kumpanija omma u kapitalizzazzjoni żejda tas-CFC. Introjtu mill-imgħax u finanzjarju huwa aktar probabbli li jaqjjem dan it-tħassib meta jkun inkiseb minn partijiet relatati, meta s-CFC tkun kapitalizzata żżejjed, meta l-attivitajiet li jikkontribwixxu għall-imgħax kienu jinsabu barra mill-ġurisdizzjoni tas-CFC, jew meta l-introjtu ma jkunx inkiseb minn negozju finanzjarju attiv. ” Dawn is-sitwazzjonijiet li oġġettivament jikkawżaw l-aktar tħassib għat-trasferiment tal-introjtu skont l-OECD huma preċiżament iċ-ċirkostanzi li għalihom ir-Renju Unit japplika l-miżura kkontestata.

(103)  Ittra tar-Renju Unit bi tweġiba għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ datata 15 ta' Jannar 2018, punt 155.

(104)   Ibidem, il-punt 26.

(105)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Settembru 2006, Cadbury Schweppes plc u Cadbury Schweppes Overseas Ltd vs Commissioners of Inland Revenue, C-196/04, ECLI:EU:C:2006:544.

(106)   Ibidem, il-punt 65.

(107)   Ibidem, il-punt 66.

(108)  Il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Settembru 2011, Paint Graphos et, ECLI: EU:C:2011:550, punt 69.

(109)  HMRC Internal Manual, International Manual, INTM216100.

(110)  Ara, pereżempju, il-Kawżi Magħquda C-78/08 sa C-80/08 Paint Graphos ECLI:EU:C:2011:550, punt 69 u 73 sa 75 u l-Każ T-287/11 Heitkamp BauHolding GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea, ECLI:EU:T:2016:60, punt 160.

(111)  HMRC Internal Manual, International Manual, INTM203380.

(112)  HMRC Internal Manual, International Manual, INTM203410.

(113)  Id-Direttiva (UE) 2016/1164.

(114)  Il-Kawża C-278/92, Spanja vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:C:1994:325, punt 75.

(115)  Il-Kawża C-275/10, Residex Capital IV CV, ECLI:EU:C:2011:814, punti 45-47.

(116)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(117)   Ittra ta' intimazzjoni tat-22 ta' Marzu 2010, C(2010)1521; Opinjoni motivata tal-20 ta' Mejju 2011, C(2011)3275 final.

(118)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Marzu 2011, ISD Polska et al. vs Il-Kummissjoni, C-369/09 P, ECLI:EU:C:2011:175,, punt 123; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C-537/08 P, ECLI:EU:C:2010:769, punt 63; Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2008, Masdar (Ir-Renju Unit) vs Il-Kummissjoni, C-47/07 P, ECLI:EU:C:2008:726, punti 34 u 81.

(119)  Il-Kawża 73/79 tal-21 ta' Mejju 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja, ECR, ECLI:EU:C:1980:129, punt 11; il-Kawża C-156/98 tad-19 ta' Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, ECR, ECLI:EU:C:2000:467, punt 78; u l-Kawżi T-197/97 u T-198/9731 tal-31 ta' Jannar 2001, Weyl Beef Products et vs Il-Kummissjoni, ECR, ECLI:EU:T:2001:28, punt 75.

(120)  Il-Kawża T-511/09 tat-13 ta' Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2015:284, punt 215.

(121)  Il-Kawża T-308/00 renv, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, ECLI:EU:T:2013:30.

(122)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (“Magefesa II”), C-610/10, ECLI:EU:C:2012:530, punt 105.

(123)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta' April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja (“Alfa Romeo”), C-348/93, ECLI:EU:C:1995:95, punt 27.

(124)  Il-Kawża C-441/06 P Il-Kummissjoni vs Franza ECLI:EU:C:2007:616, punt 29 u l-każistika msemmija fiha.

(125)  Il-Kawża C-148/04 tal-15 ta' Diċembru 2005, Unicredito Italiano, ECLI:EU:C:2005:774.

(126)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat- 18 ta' Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1).

(127)  Inkluż materjal preparatorju u paġni supplimentari rilevanti għad-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-kumpanija (pereżempju formola CT600B).