7.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 207/37


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1331

tal-5 ta' Awwissu 2019

dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni ta' prodott bijoċidali li fih iż-żejt tal-peppermint u ċ-ċitronellal imressqa mir-Renju Unit skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2019) 5691)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fl-24 ta' Novembru 2017, il-kumpanija Bird Free Ltd (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-prodott bijoċidali “Bird Free” skont il-proċedura ta' awtorizzazzjoni simplifikata lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit. Il-prodott ġie awtorizzat fir-Renju Unit fil-5 ta' Ġunju 2018. “Bird Free” huwa repellent tal-għasafar tat-tip ta' prodott 19 u ż-żewġ sustanzi attivi li jinsabu fih, iż-żejt tal-peppermint u ċ-ċitronellal, huma inklużi fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 mingħajr restrizzjonijiet.

(2)

“Bird Free” huwa ġell li jista' jintuża biex jiskoraġġixxi l-ħamiem selvaġġ milli jistrieħ fuq il-bini u strutturi oħra. F'konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, id-detentur tal-awtorizzazzjoni nnotifika lill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom kien beħsiebu jqiegħed il-prodott fis-suq fit-12 ta' Ġunju 2018.

(3)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fit-12 ta' Lulju 2018, Franza u l-Ġermanja ressqu l-oġġezzjonijiet lill-grupp ta' koordinazzjoni, filwaqt li indikaw li l-prodott bijoċidali kkontestat ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 25 ta' dak ir-Regolament.

(4)

Fl-oġġezzjoni tagħha Franza tqis li “Bird Free” jidher li jbiegħed lill-għasafar permezz ta' averżjoni viżiva permezz ta' emissjoni ta' dawl, u tqis li dan l-effett kellu jiġi rrappurtat fl-applikazzjoni. Tqis ukoll li huwa meħtieġ kontroll negattiv addizzjonali, jiġifieri l-ittestjar ta' formulazzjoni tal-prodott mingħajr is-sustanzi attivi sabiex jiġi żgurat li l-effett bijoċidali jkun ikkawżat mis-sustanzi attivi. Franza għandha dubji dwar l-effikaċja tas-sustanzi attivi f'“Bird Free” minħabba l-kwantitajiet baxxi tagħhom preżenti fil-prodott u t-tnaqqis fil-konċentrazzjoni taċ-ċitronellal waqt il-ħażna tal-prodott. Għalhekk, Franza tqis li jenħtieġ li jsiru testijiet ġodda biex juru li l-effikaċja ta' “Bird Free” hija r-riżultat ta' [averżjoni olfattiva minħabba l-preżenza tas-sustanzi attivi.

(5)

Fl-oġġezzjoni tagħha, il-Ġermanja tqis li d-data dwar l-effikaċja pprovduta mill-applikant mhijiex aċċettabbli billi l-prodott bijoċidali mingħajr is-sustanzi attivi ma ntużax fil-gruppi ta' kontroll. Il-Ġermanja tqis li mingħajr kontroll bħal dan ma jistax jiġi kkonfermat li s-sustanzi attivi għandhom effett repellenti fuq il-ħamiem. Tqis ukoll li mhuwiex ċar liema mod ta' azzjoni qed jikkawża l-effett repellenti.

(6)

Is-segretarjat tal-grupp ta' koordinazzjoni stieden lill-Istati Membri u lill-applikant biex jibagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub dwar ir-riferiment. Ir-riferiment ġie diskuss fil-laqgħa tal-grupp ta' koordinazzjoni fil-25 ta' Settembru 2018 u waqt telekonferenza fit-12 ta' Ottubru 2018.

(7)

Billi ma ntlaħaq l-ebda qbil fil-grupp ta' koordinazzjoni, fil-31 ta' Ottubru 2018 ir-Renju Unit ressaq l-oġġezzjonijiet mhux riżolti lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 36(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Ir-Renju Unit b'dan ipprovda lill-Kummissjoni dikjarazzjoni dettaljata tal-kwistjonijiet li dwarhom l-Istati Membri jkunu naqsu li jilħqu ftehim u r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta' qbil. Intbagħtet kopja ta' dik id-dikjarazzjoni lill-Istati Membri kkonċernati u lill-applikant.

(8)

Fis-27 ta' Novembru 2018, il-Kummissjoni talbet opinjoni mingħand l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar għadd ta' mistoqsijiet li jikkonċernaw l-oġġezzjonijiet mhux riżolti.

(9)

L-Aġenzija adottat l-opinjoni tagħha (2) fl-1 ta' Marzu 2019 wara li tat l-opportunità lill-applikant biex jipprovdi l-kummenti bil-miktub skont l-Artikolu 38(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(10)

Skont l-Aġenzija, il-prodott bijoċidali “Bird Free” huwa effikaċi biżżejjed u għalhekk jissodisfa l-kundizzjoni għall-għoti ta' awtorizzazzjoni skont il-proċedura ta' awtorizzazzjoni simplifikata stabbilita fl-Artikolu 25(d) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(11)

Fid-dawl tal-opinjoni tal-Aġenzija, il-prodott bijoċidali kkontestat jitqies li huwa effikaċi biżżejjed kif meħtieġ skont l-Artikolu 25(d) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(12)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-prodott bijoċidali “Bird Free”, identifikat bin-numru tal-każ BC-RG035397-31 fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali, jissodisfa l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 25(d) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Awwissu 2019.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  L-opinjoni tal-ECHA tal-1 ta' Marzu 2019 dwar talba skont l-Artikoli 36(2) u 38 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 dwar “Mistoqsijiet dwar oġġezzjoni mhux riżolta waqt in-notifika skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali ta' prodott bijoċidali tat-tip ta' prodott 19 ‘Bird Free’ li fih iż-żejt tal-peppermint u ċ-ċitronellal użati biex jiskoraġġixxu l-ħamiem selvaġġ” (ECHA/BPC/224/2019).