6.8.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 206/27


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1326

tal-5 ta' Awwissu 2019

dwar l-istandards armonizzati għall-kompatibilità elettromanjetika abbozzati b'appoġġ għad-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), it-tagħmir elettroniku li jkun f'konformità mal-istandards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, hu preżunt konformi mar-rekwiżiti essenzjali koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Anness I ta' dik id-Direttiva.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016)7641 (3), il-Kummissjoni għamlet talba lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN), lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec) u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) għall-abbozzar, għar-reviżjoni u għat-tlestija ta' standards armonizzati għall-kompatibilità elettromanjetika b'appoġġ għad-Direttiva 2014/30/UE.

(3)

Fuq il-bażi tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2016)7641, is-CEN u s-Cenelec abbozzaw l-istandards armonizzati EN IEC 61058-1:2018 għas-swiċċijiet tal-apparat u EN 55035:2017 għat-tagħmir multimedjali. Fuq il-bażi ta' dik id-Deċiżjoni, is-CEN u s-Cenelec irrevedew l-istandards armonizzati EN 13309:2010 għall-magni bi provvista tal-elettriku interna u EN 50557:2011 għas-salvaviti, li r-riferenzi tagħhom huma ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4), sabiex jadattawhom għall-progress tekniku.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN u mas-Cenelec, ivvalutat jekk l-istandards EN IEC 61058-1:2018, EN 55035:2017, EN ISO 13766-1:2018 u EN 63024:2018 jikkonformawx mat-talba stipulata fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni C(2016) 7641.

(5)

L-istandards EN IEC 61058-1:2018, EN 55035:2017, EN ISO 13766-1:2018 u EN 63024:2018 jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru u li huma stipulati fid-Direttiva 2014/30/UE. Għalhekk huwa xieraq li jiġu ppubblikati r-referenzi għal dawk l-istandards f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Is-Cenelec abbozzat ir-rettifika EN 61000-6-5:2015/AC:2018-01 li tikkoreġi l-istandard armonizzat EN 61000-6-5:2015 li r-referenza tiegħu hija ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni (5). Minħabba l-fatt li r-rettifika tintroduċi korrezzjonijiet tekniċi sostanzjali u sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u konsistenti tal-EN 61000-6-5:2015, huwa xieraq li tiġi ppubblikata r-referenza tal-istandard armonizzat flimkien mar-referenza tar-rettifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(7)

L-istandards EN 13309:2010 u EN 50557:2011 ġew riveduti u l-istandard EN 61000-6-5:2015 ġie kkoreġut. Għalhekk, huwa meħtieġ li r-referenzi ta' dawk l-istandards jiġu rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex il-manifatturi jkollhom biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni tal-istandards riveduti u kkoreġuti, jeħtieġ li jiġi pospost l-irtirar tar-referenzi għal dawk l-istandards.

(8)

Il-konformità ma' standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta' tali standard f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-kompatibilità elettromanjetika abbozzati b'appoġġ għad-Direttiva 2014/30/UE u elenkati fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni huma b'dan ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-kompatibilità elettromanjetika abbozzati b'appoġġ għad-Direttiva 2014/30/UE u elenkati fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni huma b'dan irtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mid-dati stabbiliti f'dak l-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Awwissu 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(2)  Id-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibbiltà elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 7641 tat-30 ta' Novembru 2016 dwar talba ta' standardizzazzjoni lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika u lill-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni fir-rigward tal-istandards armonizzati b'appoġġ għad-Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-kompatibilità elettromanjetika.

(4)  ĠU C 246, 13.7.2018, p. 1.

(5)  ĠU C 246, 13.7.2018, p. 1.


ANNESS I

Nru ta'

Referenza tal-istandard

1.

EN ISO 13766-1:2018

Makkinarju għaċ-ċaqliq tat-terrapien u għall-kostruzzjoni tal-bini — Kompatibbiltà elettromanjetika (EMC) tal-magni bi provvista tal-elettriku interna - Parti 1: Rekwiżiti ġenerali tal-EMC f'kundizzjonijiet elettromanjetiċi u ambjentali tipiċi (ISO 13766-1:2018)

2.

EN 55035:2017

Kompatibilità elettromanjetika għat-tagħmir multimedjali — Rekwiżiti ta' immunità

3.

EN 61000-6-5:2015 Kompatibilità elettromanjetika (EMC) — Parti 6-5: Standards ġeneriċi — Immunità għal tagħmir li jintuża fl-ambjent ta' stazzjon u substazzjon tal-enerġija.

EN 61000-6-5:2015/AC:2018-01

4.

EN IEC 61058-1:2018

Swiċċijiet għall-apparati — Parti 1: Rekwiżiti ġenerali

5.

EN 63024:2018

Rekwiżiti għal apparati li jingħalqu awtomatikament (ARDs) għal salvaviti, RCBOs u RCCBs għal użijiet domestiċi u użijiet simili (IEC 63024:2017, immodifikat)


ANNESS II

Nru ta'

Referenza tal-istandard

Data tal-irtirar

1.

EN 13309:2010 Makkinarju tal-kostruzzjoni — Kompatibilità elettromanjetika ta' magni bi provvista tal-elettriku interna

30 ta' Ġunju 2021

2.

EN 50557:2011 Rekwiżiti għal apparati li jingħalqu awtomatikament (ARDs) għal salvaviti-RCBOs-RCCBs għal użijiet domestiċi u użijiet simili

17 ta' Jannar 2021

3.

EN 61000-6-5:2015 Kompatibilità elettromanjetika (EMC) — Parti 6-5: Standards ġeneriċi — Immunità għal tagħmir li jintuża fl-ambjent ta' stazzjon jew substazzjon tal-enerġija.

31 ta' Jannar 2020